EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32000R2666

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2666/2000 tal-5 ta' diċembru 2000 dwar l-assistenza għall-Albanija, il-Bosnja u l-Ħerzegovina, il-Kroazja, ir-Repubblika Federali tal-Jugoslavja u dik li qabel kienet ir-Repubblika Yugoslava tal-Maċedonja, li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1628/96 u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 3906/89 u (KEE) Nru 1360/90 u d-Deċiżjonijiet 97/256/KE u 1999/311/KE

ĠU L 306, 7.12.2000, p. 1–6 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2006

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2000/2666/oj

32000R2666



Official Journal L 306 , 07/12/2000 P. 0001 - 0006


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2666/2000

tal-5 ta' diċembru 2000

dwar l-assistenza għall-Albanija, il-Bosnja u l-Ħerzegovina, il-Kroazja, ir-Repubblika Federali tal-Jugoslavja u dik li qabel kienet ir-Repubblika Yugoslava tal-Maċedonja, li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1628/96 u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 3906/89 u (KEE) Nru 1360/90 u d-Deċiżjonijiet 97/256/KE u 1999/311/KE

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkuinsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 308 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Billi:

(1) Il-Komunità tipprovdi assistenza għall-Albanija, il-Bosnja u l-Ħerzegovina, il-Kroazja, ir-Repubblika Federali tal-Jugoslavja u dik li qabel kienet ir-Repubblika Yugoslava tal-Maċedonja.

(2) Il-biċċa l-kbira ta' din l-assistenza Komunitarja bħalissa tingħata taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1628/96 tal-25 ta' Lulju 1996 li għandu x'jaqsam ma'l-għajnuna għall-Bosnja u l-Ħerzegovina, il-Kroazja, ir-Repubblika Federali tal-Jugoslavja u dik li qabel kienet ir-Repubblika Yugoslava tal-Maċedonja (OBNOVA) [2] u taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3906/89 tat-18 ta' Diċembru 1989 dwar l-għajnuna ekonomika lil xi pajjiżi ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant (Phare) [3]. Dan ifisser li l-assistenza Komunitarja hija soġġetta għal diversi gruppi ta' proċeduri, ħaġa din li tfixkel l-immaniġġar. Fl-interessi ta' l-effiċjenza huwa għalhekk mixtieq li jiġi stabbilit qafas legali wieħed għal din l-assistenza, kif mitlub mill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu ġewwa Helsinki fl-10 u l-11 ta' Diċembru 1999. Huwa għalhekk xieraq li jitħassar ir-Regolament (KE) Nru 1628/96 u li jiġi emendat ir-Regolament (KEE) Nru 3906/89. Madanakollu, sabiex tiġi assigurata l-kontinwità ta' l-attivitajiet ta' l-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1628/96 li għandhom x'jaqsmu ma' l-istabbilizzazzjoni u l-operazzjoni ta' l-Aġenzija għandhom jiġu inkorporati ġo Regolament ġdid, li għandu jiġi nfurzat fid-data ta' dik ir-revoka.

(3) Il-Kunsill Ewropew, li ltaqa' f'Lisbona fit-23 u l-24 ta' Marzu 2000, ikkonferma li l-għan globali tiegħu baqa' l-ikbar integrazzjoni possibbli tal-pajjiżi tar-reġjun fil-qafas politiku u ekonomiku tal-Ewropa u li l-proċess ta' l-istabbilizzazzjoni u l-proċess tal-adeżjoni baqgħu ċ-ċentru tal-politika tiegħu fil-Balkani.

(4) Il-Kunsill Ewropew li ltaqa' f'Feira fid-19 u l-20 ta' Ġunju 2000, għaraf lill-pajjiżi interessati fil-proċess tal-istabbilizzazzjoni u l-adeżjoni bħala kandidati potenzjali għas-sħubija fil-KE.

(5) L-assistenza Komunitarja eżistenti għandha tespandi u tiġi diretta mill-ġdid biex tiġi aġġustata għall-għanijiet politiċi ta' l-Unjoni Ewropea għar-reġjun u, b'mod partikulari, biex tikkontribwixxi għall-proċess tal-istabbilizzazzjoni u l-adeżjoni u żżid ir-responsabbilità tal-pajjiżi riċevituri u l-entitajiet li għandhom x'jaqsmu ma' dak il-proċess.

(6) Għal dak il-għan l-assistenza Komunitarja ser tkun iffukata prinċipalment fuq il-bini ta' qafas istituzzjonali, leġislattiv, ekonomiku u soċjali dirett lejn il-valuri u l-mudelli mħaddna mill-Unjoni Ewropea u fuq il-promozzjoni ta' ekonomija tas-suq, waqt li jitqiesu l-prijoritajiet miftiehma mas-soċji konċernati.

(7) Prekundizzjoni għall-għoti ta' l-assistenza hija li r-riċevituri jirrispettaw il-prinċipji demokratiċi, il-liġi, id-drittijiet umanitarji u minoritarji, il-libertajiet fundamentali u l-prinċipji tal-liġi internazzjonali.

(8) Id-dimensjoni reġjonali ta' l-assistenza Komunitarja għandha tingħata attenzjoni speċjali, bil-għan li tiżdied il-koperazzjoni reġjonali u jiġi appoġġat ir-rwol ta' l-Unjoni Ewropea bħala forza ta' tmexxija fi ħdan il-Patt tal-Istabbiltà.

(9) Minħabba fis-sitwazzjoni politika f'xi bnadi u x-xorta tad-diversi entitajiet li għandhom ir-responsabbilità għall-implimentazzjoni ta' l-assistenza hemmhekk, huwa mixtieq li jsir provvediment biex l-assistenza tkun tista' tiġi fornuta f'xi każijiet direttament lir-riċevituri li ma jkunux Stat.

(10) Sabiex l-assistenza Komunitarja ssir iktar effettiva u jkun assigurat li tiġi implimentata kif ikun xieraq, il-Kummissjoni għandha taddotta xi linji ta' gwida ġenerali, skond il-proċedura maniġerjali stabbilita minn dan ir-Regolament, waqt li jitqiesu l-għanijiet tar-riforma fl-għajnuna esterna.

(11) Sabiex tiġi mkattra l-koperazzjoni fi ħdan ir-reġjun, għandu jkun hemm provvediment biex il-pajjiżi kandidati u, fuq il-bażi ta' każ b'każ, il-pajjiżi koperti mill-programmi Tacis u MEDA jipparteċipaw fil-proċeduri tas-sejħiet għall-offerti u l-kuntratti.

(12) Għandha jkun hemmprovvediment għall-verifiki u għall-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji Komunitarji, inter alia billi l-Kummissjoni, inklużi l-Uffiċju Ewropew għall-Prevenzjoni tal-Frodi (OLAF), u l-Qorti ta' l-Awdituri jkunu jistgħu jeżerċitaw il-poteri rispettivi tagħhom skond ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 li jikkonċerna tfittxijiet fuq il-post u spezzjonijiet imwettqa' mill-Kummissjoni sabiex l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej jiġu protetti kontra l-frodi u irregolaritajiet oħrajn [4] u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej [5].

(13) L-assistenza Komunitarja għandha tiġi rregolata minn qafas strateġiku u bi programmar annwali u multiannwali, li jiġi mressaq għal opinjoni quddiem il-kumitat maniġerjali mwaqqaf minn dan ir-Regolament. Dan iqiegħed l-assistenza taħt analiżi ta' terminu medju u jagħmilha possibbli li jiġi assigurat li l-assistenza tikkumplimenta u tibqa' konsistenti ma' dik ta' l-Istati Membri.

(14) Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li jistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri implimentattivi mogħtija lill-Kummissjoni [6].

(15) Fil-każ tar-Repubblika Federali tal-Jugoslavja, għandha jkun hemm provvediment biex il-Kummissjoni tkun tista' tiddelega l-implimentazzjoni tal-programmi tal-assistenza lill-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni.

(16) Fid-dawl ta' l-iskop ta' dan ir-Regolament, jeħtieġ li jsiru tibdiliet fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3906/89 tat-18 ta' Diċembru 1989 dwar l-għajnuna ekonomika lil xi pajjiżi ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant (Phare) [7], fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/256/KE ta' l-14 t'April 1997 li tagħti garanzija Komunitarja lill-Bank Ewropew għall-Investiment kontra t-telf minħabba djun għal proġetti barra l-Komunità (il-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, il-pajjiżi Mediterranji, il-pajjiżi tal-Amerika Latina u ta' l-Asja, l-Afrika ta' Isfel, dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-Bosnja u l-Ħerzegovina) [8], fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/311/KE li jadotta t-tielet fażi ta' l-iskema ta' koperazzjoni trans-Ewropea għal edukazzjoni ogħla (Tempus III) (2000 sa 2006) [9] u fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1360/90 tas-7 ta' Mejju 1990 li jistabbilixxi l-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ [10].

(17) L-operazzjonijiet koperti minn dan ir-Regolament huma parti mill-politika Komunitarja għall-Balkani tal-Punent u huma meħtieġa biex jiġi implimentat wieħed mill-għanijiet Komunitarji.

(18) It-Trattat ma jipprovdix, għall-adozzjoni ta' dan ir-Regolament, poteri ta' xorta oħra minn dawk taħt l-Artikolu 308,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. Il-Komunità għandha tipprovdi assistenza, minn issa ‘l-quddiem imsejħa "L-assistenza Komunitarja", lill-Albanija, lill-Bosnja u l-Ħerzegovina, lill-Kroazja, lir-Repubblika Federali tal-Jugoslavja u lil dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja.

2. Dawn li ġejjin għandhom ikunu direttament eliġibbli għall-assistenza Komunitarja: l-Istat, l-entiatjiet taħt il-ġurisdizzjoni u l-amministrazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, l-entitajiet federali, reġjonali u lokali, l-entitajiet pubbliċi u semi-pubbliċi, is-sħab soċjali, l-organizzazzjonijiet li jipprovdu l-appoġġ għan-negozji, il-kooperattivi, is-soċjetajiet ta' l-għajnuna reċiproka, l-assoċjazzjonijiet, il-fondazzjonijiet u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi.

3. L-awtoritajiet stabbiliti mill-komunità internazzjonali biex jaġixxu bħala l-amministrazzjoni ċivili f'xi żoni, bħar-Rappreżentant Għoli fil-Bosnja u l-Ħerzegovina u l-Missjoni Amministrattiv Interim tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosovo (MAINUK), għandhom jiġu kkonsultati kif inhu xieraq dwar l-implimentazzjoni ta' l-assistenza Komunitarja fiż-żoni tagħhom. Il-programmi jew proġetti implimentattivi kollha għandhom ikunu eliġibbli għall-assistenza Komunitarja taħt dan ir-Regolament, ħlief fil-każ tal-ispejjeż kurrenti ta' dawk l-entitajiet; fejn ikun xieraq, spejjeż bħal dawn jistgħu jieħdu minn għotja pprovduta taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1080/2000 tat-22 ta' Mejju 2000 dwar l-appoġġ għall-Missjoni Interim tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosovo (MINUK) u l-Uffiċju tar-Rappreżentant Għoli fil-Bosnja u l-Ħerzegovina (URO) [11].

4. L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni ta' dan il-programm għall-perjodu mill-2000 sa l-2006 għandu jkun ta' 4650 miljun EUR.

L-approprijazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-awtorità tal-budget fil-limiti tal-perspettiva finanzjarja.

Artikolu 2

1. L-iskop ewlieni ta' l-assistenza Komunitarja huwa dak li tappoġġa l-parteċipazzjoni mill-pajjiżi riċevituri fl-proċess tal-istabbilizzazzjoni u l-adeżjoni.

2. L-assistenza Komunitarja għandha inter alia tkun għal:

(a) rikostruzzjoni, għajnuna għar-ritorn tar-refuġjati u l-persuni spostati, u għall-istabbilizzazzjoni tar-reġjun;

(b) il-bini ta' qafas istituzzjonali u leġislattiv biex jissaħħu d-demokrazija, il-liġi u d-drittijiet umanitarji u minoritarji, ir-rekonċiljazzjoni u l-konsolidazzjoni tas-soċjeta ċivili, l-indipendenza tal-medja u t-tisħiħ tal-legalità u tal-miżuri biex tiġi kumbattuta l-kriminalità organizzata;

(ċ) l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli u r-riforma ekonomika orjentata lejn l-ekonomija tas-suq;

(d) l-iżvilupp soċjali, b'referenza partikulari lejn it-tnaqqis tal-faqar, l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-edukazzjoni, it-tagħlim u t-taħriġ kif ukoll ir-rijabilitazzjoni ta' l-ambjent;

(e) l-iżvilupp ta' relazzjonijiet iktar mill-qrib fost il-pajjiżi riċevituri, bejniethom u ma'l-Unjoni Ewropea u bejniethom u l-pajjiżi li jkunu kandidati għall-adeżjoni fl-Unjoni Ewropea, b'kordinazzjoni ma' strumenti oħra għal koperazzjoni min-naħa għall-oħra tal-fruntieri, transnazzjonali u reġjonali ma' pajjiżi mhux membri;

(f) it-tħajjir ta' koperazzjoni reġjonali, transnazzjonali, minn naħa għal oħra tal-fruntieri u interreġjonali fost il-pajjiżi riċevituri, bejniethom u l-Unjoni Ewropea u bejn il-pajjiżi riċevituri u l-pajjiżi l-oħra tar-reġjun.

3. L-assistenza Komunitarja għandha tiġi implimentata permezz ta' programmi ta' investiment finanzjarju u programmi għall-bini ta' l-istituzzjoni b'konformità mal-prinċipji ta' l-ipprogrammar stabbiliti fil-linji gwida ġenerali adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 10(2).

Artikolu 3

1. Ħlief f'każijiet eċċezzjonali u sostanzjati kif suppost, l-assistenza Komunitarja għandha tingħata kif ġej:

(a) qafas strateġiku ("karta strateġika tal-pajjiż"), għall-perjodu mill-2000 sa l-2006, li għandu jservi biex jiġu stabbilti l-għanjiet fit-tul għall-assistenza u s-setturi tal-azzjoni prijoritarja fil-pajjiżi riċevituri. Għal dan il-għan għandhom jitqiesu kif suppost l-istimi kollha relevanti. Il-qafas strateġiku għandu jiġi rivedut jekk ġrajjiet mhux mistennija hekk jeħtieġu jew fid-dawl tar-riżultati ta' l-istima kif hemm provdut fl-Artikolu 12;

(b) fuq il-bażi tal-qafas strateġiku msemmi fil-punt (a), programmi multiannwali indikattivi għandhom jitfasslu, għal perjodi ta' tliet snin, għal kull pajjiż li jirċievi l-asistenza Komunitarja. Dawn għandhom jirriflettu l-prijoritajiet stabbiliti taħt il-proċess tal-i stabbilizzazzjoni u l-adeżjoni u l-prijoritajiet identifikati u miftiehma ma'l-imsieħba kkonċernati. Programmi bħal dawn għandhom jiddeskrivu r-riformi li għandhom jitwettqu mill-imsieħba fis-setturi prijoritarji u jinkludu stima tal-progress li jkun seħħ billi jkun sar dan. Dawn għandhom jagħtu l-ammonti indikattivi (globali u għal kull settur ta' prijorità) u jwaqqfu l-kriterji għall-iffinanzjar tal-programm ikkonċernat. Dawn għandhom jiġu aġġornati kull sena kif ikun neċessarju. Dawn jistgħu jiġu emendati fid-dawl ta' l-esperjenza u l-progress fl-implimentazzjoni tal-ftehim dwar l-istabbilizzazzjoni u l-adeżjoni, b'mod partikulari fejn għandha x'taqsam il-koperazzjoni reġjonali;

(ċ) il-programmi annwali ta' azzjoni, ibbażati fuq il-programmi multiannwali indikattivi msemmija fil-punt (b), għandhom jiġu mfassla għal kull pajjiż li jirċievi l-assistenza Komunitarja. Dawn għandhom jispjegaw, bl-iktar mod preċiż possibbli, għal sena operattiva partikolari, l-għanjiet li qed jiġu segwiti, is-setturi tal-azzjoni u l-budget approvat. Il-programmi annwali ta' azzjoni għandu jkollhom lista dettaljata tal-proġetti li sa jiġu ffinanzjati u għandhom jispeċifikaw l-ammonti relevanti.

2. Il-qafas strateġiku, il-programmi multiannwali indikattivi u l-programmi annwali ta' azzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 10(2).

Xi emendi li jkun hemm għandhom jiġu adottati skond l-istess proċedura.

Artikolu 4

1. Fejn l-assistenza Komunitarja għar-Repubblika Federali tal-Jugoslavja tiġi implimentata mill-Aġenzija Ewropea għar-rikostruzzjoni, skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2667/2000 tal-5 ta' Diċembru 2000 dwar l-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni [12]:

(a) il-qafas strateġiku, il-programm multiannwali indikattiv u l-programm annwali tal-azzjoni msemmija fl-Artikolu 3 li jkopru l-assistenza Komunitarja implimentata mill-Aġenzija għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 10(2). L-akbar konsiderazzjoni għandha tingħata lir-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Bord tat-Tmexxija ta' l-Aġenzija, skond l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 2667/2000;

(b) l-abbozz tal-programmi annwali tal-azzjoni għandhom jitressqu quddiem il-Kumissjoni mid-Direttur ta' l-Aġenzija. Il-Bord tat-Tmexxija ta' l-Aġenzija għandu jiġi kkonsultat dwar l-implimentazzjoni tal-programm annwali tal-azzjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 2667/2000.

2. Il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 10(2) għandha wkoll tintuża biex tadotta programmi ta' assistenza għar-Repubblika Federali tal-Jugoslavia li ma għandhomx jiġu implimentati mill-Aġenzija u għalhekk ma humiex inklużi fil-programm annwali tal-azzjoni.

Artikolu 5

1. Ir-rispett għall-prinċipji tad-demokrazija u għal-liġi u għad-drittijiet umanitarji u minoritarji u għal-libertajiet fundamentali huwa element essenzjali għall-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u huwa pre-kundizzjoni tal-eliġibiltà għall-assistenza Komunitarja. Jekk dawn il-prinċipji ma jkunux irrispettati, il-Kunsill, waqt li jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata fuq proposta tal-Kummissjoni, jista' jieħu l-miżuri xierqa.

2. L-assistenza Komunitarja għandha wkoll tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet definiti mill-Kunsill fil-Konklużjonijiet tiegħu tad-29 ta' April 1997, b'mod partikulari fejn għandhom x'jaqsmu l-wegħdi li r-riċevituri jagħmlu li jwettqu r-riformi demokratiċi, ekonomiċi u istituzzjonali.

Artikolu 6

1. L-assistenza Komunitarja għandha tkun f'forma ta' għotjiet.

2. Il-finanzjament Komunitarju jista' jintuża biex ikopri l-ispejjeż tal-preparazzjoni, l-implimentazzjoni, is-sorvelja, il-verifika u l-valutazzjoni tal-proġetti u l-programmi u l-informazzjoni.

3. Il-finanzjament Komunitarju jista' jintuża għal ko-finanzjament, li għandu jkun imfittex kull fejn ikun possibbli. Il-ko-finanzjament tal-proġetti tal-investiment sottoskritt minn djun garantiti mill-Bank Ewropew tal-Investiment jista', f'każijiet eċċezzjonali, jieħu l-forma ta' sussidji fuq ir-rata tal-interessi.

4. Il-finanzjament Komunitarju jista' jkopri l-parti tal-għotja ta' deċiżjonijiet ad hoc dwar l-assistenza finanzjarja eċċezzjonali li jittieħdu mill-Kunsill fuq il-bażi ta' l-Artikolu 308 tat-Trattat.

5. Il-finanzjament Komunitarju ma jistax jintuża għall-ħlas tat-taxxi, tad-dazji jew tad-drittijiet jew għall-akkwist ta' propjetà immobbli.

Artikolu 7

1. Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-assistenza Komunitarja skond ir-Regolament Finanzjarju tal-Kunsill tal-21 ta' Diċembru 1977 applikabbli għall-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej [13].

2. Fit-teħid tad-deċiżjonijiet taħt dan ir-Regolament u fit-twettieq ta' l-istimi msemmija fl-Artikolu 12, il-Kummissjoni għandha tqis il-prinċipji tal-immaniġġar finanzjarju serju, b'mod partikulari l-ekonomija u l-effettività tal-ispejjes, kif stabbilit fir-Regolament Finanzjarju.

3. Il-parteċipazzjoni f'sejħiet għall-offerti u fil-kuntratti għandha tkun miftuħa fuq termini indaqs għall-persuni kollha legali u naturali tal-Istati Membri, l-Istati li jkunu riċevituri taħt dan ir-Regolament u l-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni fl-Unjoni Ewropea.

Il-parteċipazzjoni minn pajjiżi li jkunu riċevituri taħt il-programmi Tacis u MEDA għandha ukoll tiġi awtorizzata mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta' każ b'każ.

4. Fil-każ tal-ko-finanzjament il-Kummissjoni tista' tawtorizza l-parteċipazzjoni f'sejħiet għal offerti u f'kuntratti minn ċittadini ta' pajjiżi oħrajn fuq bażi ta' każ b'każ.

5. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni dwar is-sejħiet għall-offerti, l-akkwist, il-kuntratti u l-ftehim ta' finanzjament, kif stabbilit fl-Anness hawn mehmuż.

Artikolu 8

1. Id-deċiżjonijiet tal-finanzjament u kwalunkwe ftehim jew kuntratti li jirriżultaw minnhom għandhom espressament jagħmlu provvediment għall-monitoraġġ u l-kontroll finanzjarju mill-Kummissjoni, inkluż l-OLAF, u l-verifiki mill-Qorti ta' l-Awdituri, jekk ikunu meħtieġa fuq il-post.

2. B'żieda ma' dan, il-Kummissjoni tista' twettaq verifiki fuq il-post u spezzjonijiet b'konformità mar-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96. Il-miżuri li jittieħdu mill-Kummissjoni b'konformitaà mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 10(2) għandhom jipprovdu protezzjoni xierqa għall-interesssi finanzjarji tal-Komunità kif meħtieġa mir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95.

Artikolu 9

1. Id-deċiżjonijiet għall-finanzjament li ma jkunux koperti bil-programmi indikattivi multiannwali u l-programmi annwali tal-azzjoni għandhom jiġu adottati individwalment mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 10(2).

2. Id-deċiżjonijiet li jemendaw id-Deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10(2) għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni fejn dawn ma jkunux jinkludu tibdil sostanzjali fin-natura tal-programmi u l-azzjonijiet oriġinali u, fir-rigward ta' l-element finanzjarju, fejn ma jaqbżux l-20 % ta' l-ammont totali allokat għall-programm jew azzjoni msemmija, suġġett għal-limitu ta' 4 miljun EUR Il-Kumitat CARDS imsemmi fl-Artikolu 10 għandu jkun mgħarraf bid-deċiżjonijiet riveduti kollha.

Artikolu 10

1. Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn kumitat maniġerjali, minn issa ‘l quddiem imsejjaħ "il-Kumitat CARDS".

2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom jgħoddu.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' 45 ġurnata.

3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tiegħu ta' proċedura.

4. Il-Kumitat jista' jeżamina kwalunkwe' kwestjoni oħra rigward dan ir-Regolament li tiġi sottomessa lilu mill-President, kemm jekk din tkun fuq it-talba tar-rappreżentant ta' l-Istat Membru kif ukoll jekk le, u b'mod partikulari kwalunkwe kwestjoni li għandha x'taqsam ma' l-ipprogrammar jew l-implimentazzjoni ġenerali tal-miżuri jew tal-ko-finanzjament.

Artikolu 11

1. Fl-interessi tal-għaqda u ż-żieda fl-effiċjenza u l-kumplimentarjetà ta' l-assistenza Komunitarja, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiskambjaw kwalunkwe informazzjoni relevanti dwar l-operazzjonijiet li jkun fi ħsiebhom jimplimentaw.

2. Bi sħab ma' l-Istati Membri u fuq il-bażi ta' skambju reċiproku regolari ta' informazzjoni, inklużi, b'mod partikulari fejn għandhom x'jaqsmu karti ta' strateġija, programmi indikattivi multiannwali fuq il-post u programmi annwali tal-azzjoni u l-preparazzjoni tal-proġetti u l-monitoraġġ ta' l-implimentazzjoni tagħhom, il-Kummissjoni għandha tassigura l-koordinazzjoni effettiva ta' l-isforzi tal-assistenza li jsiru mill-Komunità, inkluż il-BEI, u minn kull Stat Membru, sabiex il-programmi tal-kooperazzjoni tagħhom ikunu aktar konsistenti u komplimentari. Barra minn hekk, din għandha tinkoraġġixxi l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni ma' l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, mal-programmi tal-kooperazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti u ma' donaturi oħrajn. Arranġamenti prattiċi għall-koordinazzjoni fuq il-post għandhom ikunu koperti minn linji gwida li għandhom jiġu approvati mill-Kumitat CARDS.

Artikolu 12

Kull sena l-Kummissjoni għandha tressaq quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rapport dwar il-progress ta' l-assistenza Komunitarja. Dak ir-rapport għandu jkun fih l-informazzjoni dwar l-azzjoni ffinanzjata matul is-sena u dwar dak li jirriżulta mill-ħidma tal-monitoraġġ u għandu jagħti stima dwar ir-riżultati miskuba fl-implimentazzjoni tal-qafas strateġiku, il-programmi indikattivi multiannwali u l-programmi ta' l-azzjoni annwali msemmija fl-Artikolu 3(1).

Artikolu 13

1. Il-Kunsill għandu jeżamina mill-ġdid dan ir-Regolament qabel il-31 ta' Diċembru 2004.

2. Għal dak l-iskop, mhux iktar tard mit-30 ta' Ġunju 2004, il-Kummissjoni għandha tressaq quddiem il-Kunsill rapport ta' valutazzjoni, flimkien ma' proposti għall-futur ta' dan ir-Regolament u għal xi emendi li jeħtieġ li jsirulu.

Artikolu 14

1. Ir-Regolament (KE) Nru 1628/96 qiegħed b'hekk jitħassar.

2. Fl-Anness mar-Regolament (KEE) Nru 3906/89, l-ismijiet "il-Bosnja u l-Ħerzegovina", "l-Albanija", "il-Kroazja", "dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja" u "l-Jugoslavja" għandhom jitħassru.

Artikolu 15

Ir-Regolamenti (KEE) Nru 3906/89 and (KE) Nru 1628/96 għandhom madanakollu jibqgħu jgħoddu għall-proġetti u l-programmi li għalihom il-proċeduri li jwasslu għad-deċiżjoni tal-finanzjament tal-Kummissjoni kienu nbdew imma ma kinux tkomplew fiż-żmien ta' l-infurzar ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 16

L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 1 tar-Regolament (KEE) Nru 1360/90 għandu jinbidel b'dan li ġej:

"Dan ir-Regolament qiegħed b'hekk jistabbilixxi l-Fondazzjoni Ewropea għat-taħriġ (minn issa ‘l quddiem imsejħa "l-fondazzjoni"), li l-għan tagħha għandu jkun li tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' sistemi ta'taħriġ professjonali ta':

- il-pajjiżi ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant li jiġu nnominati bħala eleġibbli għall-għajnuna ekonomika mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 39096/89 jew fi kwalunkwe att legali relevanti sussegwenti,

- l-Istati indipendenti ġodda ta' dik li qabel kienet l-Unjoni Sovjetika u l-Mongolja li huma l-benefiċjarji tal-programm biex biex jgħin fir-riforma u l-irkupru ekonomiku skond ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1279/96 jew kwalunkwe' att legali relevanti sussegwenti,

- il-pajjiżi u t-territorji tal-Mediterran li mhumiex membri u li jkunu l-benefiċjarji tal-miżuri finanzjarji u tekniċi biex jakkompanjaw ir-riforma ta' l-istrutturi ekonomiċi u soċjali tagħhom skond ir-Regolament (KE) Nru 1488/96 jew xi atti legali relevanti sussegwenti, u

- il-pajjiżi li jkunu benefiċjarji taħt ir-Regolament (KE) Nru 2666/2000 [14] jew xi atti legali relevanti sussegwenti.

Dawk il-pajjiżi għandhom minn issa ‘l quddiem ikunu magħrufa bħala "l-pajjiżi eliġibbli"."

Artikolu 17

It-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 1a(5) tad-Deċiżjoni 97/256/KE għandu jinbidel b'dan li ġej:

"Id-deċiżjonijiet finanzjarji li għandhom x'jaqsmu ma' din id-Deċiżjoni għandhom jiġu adottati skond il-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 2666/2000 [15]."

Artikolu 18

L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 99/311/KE għandu jinbidel b'dan li ġej:

"Tempus III jirrigwarda l-pajjiżi li jkunu l-benefiċjarji taħt ir-Regolament (KE) Nru 2666/2000 [16] u l-Istati independenti ġodda ta' dik li qabel kienet l-Unjoni Sovjetika u l-Mongolja kif imsemmija fir-Regolament (KE, Euratom) Nru 99/2000 [17] (li jieħu post il-programm qadim Tacis). Dawn il-pajjiżi minn issa ‘l quddiem huma msejħa "il-pajjiżi eliġibbli"."

Artikolu 19

Dan ir-Regolment għandu jidħol fis-seħħ fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan għandu japplika sal-31 ta' Diċembru 2006.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fil-5 ta' Diċembru 2000.

Għall-Kunsill

Il-President

C. Pierret

[1] L-Opinjoni mogħtija fil-15 ta' Novembru 2000 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[2] ĠU L 204, ta' l-14.8.1996, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KE) Nru 2454/1999 (ĠU L 299, ta' l-20.11.1999, p. 1).

[3] ĠU L 375, tat-23.12.1989, p. 11. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KE) Nru 1266/1999 (ĠU L 161, tas-26.6.1999, p. 68).

[4] ĠU L 292, tal-15.11.1996, p. 2.

[5] ĠU L 312, tat-23.12.1995, p. 1.

[6] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

[7] ĠU L 375, tat-23.12.1989, p. 11. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KE) Nru 1266/1999 (ĠU L 161, tas-26.6.1999, p. 68).

[8] ĠU L 102, tad-19.4.1997, p. 33. Id-Deċiżjoni kif l-aħħar emendata mid-Deċiżjoni 98/729/KE (ĠU L 346, tat-22.12.1998, p. 54).

[9] ĠU L 120, tat-8.5.1999, p. 30. Id-Deċiżjoni kif l-aħħar emendata mid-Deċiżjoni 2000/460/KE (ĠU L 183, tat-22.7.2000, p. 1).

[10] ĠU L 131, tat-23.5.1990, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KE) Nru 1572/98 (ĠU L 206, tat-23.7.1998, p. 1).

[11] ĠU L 122, ta' l-24.5.2000, p. 27.

[12] Ara l-paġna 7 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

[13] ĠU L 356, tal-31.12.1977, p. 1.

[14] ĠU L 306, tas-7.12.2000, p. 1.

[15] ĠU L 306, tas-7.12.2000, p. 1.

[16] ĠU L 306, tas-7.12.2000, p. 1.

[17] ĠU L 12, tat-18.1.2000, p. 1.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

L-informazzjoni dwar is-sejħiet għall-offerti, l-akkwist, il-kuntratti u l-ftehim finanzjarju msemmija fl-Artikolu 7(5)

1. Il-Kummissjoni, waqt li taġixxi flimkien ma' l-Istati Membri għandha tipprovdi lin-negozji kollha interessati, l-organizzazzjonijiet u l-istituzzjonijiet fil-Komunità, fuq it-talba tagħhom, id-dokumentazzjoni neċessarja dwar l-aspetti ġenerali tal-programmi msemmija f'dan ir-Regolament u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni f'dawk il-programmi, bl-użu xieraq ta' l-Internet.

2. Il-Kummissjoni għandha tavża l-Kumitat CARDS u, fejn ikun xieraq, il-Bord tat-Tmexxija ta' l-Aġenzija Ewropea għar-rikostruzzjoni, dwar id-deċiżjonijiet finanzjarji adottati, li għandu jkun fihom dettalji speċifiċi dwar il-kuntratti antiċipati, inkluż il-valur probabbli tagħhom, il-proċedura għall-għoti tagħhom u d-dati meta jkun hemm il-ħsieb li joħorġu s-sejħiet għall-offerti. Dawk id-dettalji speċifiċi għandhom jinħarġu fuq l-Internet.

3. Ir-riżultati tas-sejħiet għall-offerti, inkluża l-informazzjoni dwar l-għadd tal-offerti riċevuti fid-data tal-għoti tal-kuntratt u l-ismijiet u l-indirizzi ta' min ħa l-offerti, għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u jinħarġu fuq l-Internet. Il-Kummissjoni għandha tforni lill-Kumitat CARDS u, fejn ikun xieraq, lill-Bord tat-Tmexxija ta' l-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni, kull tliet xhur, l-informazzjoni speċifika dettaljata dwar kuntratti konklużi biex jiġu implimentati l-programmi u l-proġetti msemmija f'dan ir-Regolament.

4. Il-Kummissjoni għandha tgħaddi l-ftehim finanzjarju jew dokumenti simili lill-Kumitat CARDS għall-informazzjoni.

--------------------------------------------------

Top