This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 31989L0665
Council Directive 89/665/EEC of 21 December 1989 on the coordination of the laws, regulations and administrative provisions relating to the application of review procedures to the award of public supply and public works contracts
Id-Direttiva Tal-Kunsill tal-21 ta' Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta' reviżjoni għall-għoti ta' kuntratti ta' provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi
Id-Direttiva Tal-Kunsill tal-21 ta' Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta' reviżjoni għall-għoti ta' kuntratti ta' provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi
ĠU L 395, 30.12.1989, p. 33–35
(ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 17/04/2014
Official Journal L 395 , 30/12/1989 P. 0033 - 0035
Finnish special edition: Chapter 6 Volume 3 P. 0048
Swedish special edition: Chapter 6 Volume 3 P. 0048
Id-Direttiva Tal-Kunsill tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi (89/665/KEE) IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100a tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1], F’kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew [2], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3], Billi d-Direttivi tal-Komunità dwar l-akkwist pubbliku, b’mod partikolari d-Direttiva tal-Kunsill 71/305/KEE tas-26 ta’ Lulju 1971 li tikkonċerna l-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti ta’ xogħlijiet pubbliċi [4], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 89/440/KEE [5], u d-Direttiva tal-Kunsill 77/62/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1976 li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika [6], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 88/295/KEE [7], ma fihomx dispożizzjonijiet speċifiċi li jiżguraw l-applikazzjoni effettiva tagħhom; Billi l-arranġamenti eżistenti f’livell kemm nazzjonali kemm tal-Komunità għall-assigurazzjoni ta’ l-applikazzjoni tagħhom mhumiex dejjem adegwati biex jiżguraw konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti Komunitarji partikolarment fi stadju meta l-ksur jista jiġi korrett; Billi l-ftuħ ta’ l-akkwist pubbliku għall-kompetizzjoni mill-Komunità jeħtieġ żieda sostanzjali fil-garanziji ta’ trasparenza u non-diskriminazzjoni; billi, biex ikun hemm effetti tanġibbli, rimedji effettivi u rapidi għandhom ikunu disponibbli fil-każ ta’ ksur tal-liġi tal-Komunità fil-kamp ta’ l-akkwist pubbliku jew regoli nazzjonali li jimplimentaw dik il-liġi; Billi f’ċerti Stati Membri l-assenza ta’ rimedji effettivi jew l-inadegwatezza ta’ rimedji eżistenti jżommu lil intrapriżi Komunitarji milli jissottomettu offerti fl-Istat Membru li fih l-awtorità kuntrattwali hija stabbilita; billi, għalhekk, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jirrimedjaw din is-sitwazzjoni; Billi, ladarba l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi huma ta’ tul daqshekk qasir, il-korpi kompetenti ta’ reviżjoni għandhom, fost ħwejjeġ oħra, jkunu awtorizzati jieħdu miżuri interim immirati lejn is-sospensjoni ta’ din il-proċedura jew l-implimentazzjoni ta’ kull deċiżjoni li tista’ tittieħed mill-awtorità kuntrattwali; billi ż-żmien qasir tal-proċeduri jfisser li l-ksur imsemmi qabel għandu jiġi ttrattat b’mod urġenti; Billi huwa neċessarju li jiġi assigurat li proċeduri adegwati jeżistu fl-Istati Membri kollha sabiex jippermettu t-twarrib ta’ deċiżjonijiet meħuda illegalment u l-kumpens ta’ persuni milquta minn ksur; Billi, meta intrapriżi ma jitolbux reviżjoni, ċertu ksur ma jistax jiġi korrett sakemm ma jkunux stabbilit mekkaniżmu speċifiku; Billi, għalhekk, il-Kummissjoni, meta tikkunsidra li jkun ġie kommess ksur ċar u evidenti tul proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt, għandha tkun tista’ tiġbed l-attenzjoni ta’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru u ta’ l-awtorità kuntrattwali kkonċernata sabiex jittieħdu passi xierqa għall-korrezzjoni rapida ta’ kull ksur allegat; Billi l-applikazzjoni fil-prattika tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandha tiġi ri-eżaminata fi żmien erba’snin mill-implimentazzjoni tagħha fuq il-bażi ta’ informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-Istati Membru li tikkonċerna l-funzjonament tal-proċeduri nazzjonali ta’ reviżjoni, ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA: L-Artikolu 1 1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li, fir-rigward ta’ proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti li jaqgħu fl-iskop tad-Direttivi 71/305/KEE u 77/62/KEE, id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kuntrattwali jistgħu jiġu riveduti effettivament, u b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli li ġejjin, u, b’mod partikolari, l-Artikolu 2(7) fuq il-bażi li dawn id-deċiżjonijiet kisru l-liġi tal-Komunità fil-qasam ta’ l-akkwist pubbliku jew tar-regoli nazzjonali li jimplimentaw dik il-liġi. 2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jkun hemm ebda diskriminazzjoni bejn intrapriżi li jallegaw ħsara fil-kuntest tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt bħala riżultat tad-distinzjoni magħmula b’din id-Direttiva bejn regoli nazzjonali li jimplimentaw il-liġi tal-Komunità u regoli nazzjonali oħrajn. 3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni huma disponibbli, taħt regoli dettaljati li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, ta’ l-anqas għal kull persuna li jkollha jew kellha interess li takkwista kuntratt partikolari ta’ provvista pubblika jew xogħlijiet publiċi u li tkun sofriet ħsara jew qiegħda f’riskju li ssofri ħsara minn ksur allegat. B’mod partikolari, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li persuna li tfittex reviżjoni għandha tkun qabel innotifikat lill-awtorità kuntrattwali bil-ksur allegat u bl-intenzjoni tagħha li tfittex reviżjoni. L-Artikolu 2 1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri meħuda li jikkonċernaw il-proċeduri ta’ reviżjoni speċifikati fl-Artikolu 1 jinkludi dispożizzjoni għall-poteri biex: (a) jieħdu, ma’ l-ewwel opportunità u permezz ta’ proċeduri interlokutorji, miżuri interim bl-iskop li jikkoreġu l-ksur allegat jew jipprevienu aktar ħsara għall-interessi kkonċernati, inklużi miżuri biex jissospendu jew jiżguraw is-sospensjoni tal-proċedura ta’ l-għoti ta’ kuntratt pubbliku jew l-implimentazzjoni ta’ xi deċiżjoni meħuda mill-awtorità li tagħmel il-kuntratt; (b) jew iwarrbu jew jiżguraw it-twarrib ta’ deċiżjonijiet meħuda illegalment, inkluża t-tneħħija ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi, ekonomiċi jew finanzjarji diskriminatorji fl-invit għal offerta, fid-dokumenti tal-kuntratt jew f’kull dokument ieħor li jirrelata għall-proċedura ta’ l-għoti tal-kuntratt; (ċ) jagħtu kumpens lill-persuni milquta minn ksur. 2. Il-poteri speċifikati fil-paragrafu 1 jistgħu jingħataw lil korpi separati responsabbli għal aspetti differenti tal-proċedura tar-reviżjoni. 3. Mhux meħtieġ li l-proċeduri ta’ reviżjoni jkollhom fihom infushom l-effett tas-sospensjoni awtomatika fuq il-proċeduri ta’ l-għoti tal-kuntratt li jirrelataw għalihom. 4. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu illi meta qed jikkunsidraw jekk jordnawx miżuri interim il-korp responsabbli jista’ jieħu kont tal-konsegwenzi probabbli tal-miżuri għall-interessi kollha li x’aktarx jintlaqtu, kif ukoll l-interess pubbliku, u jistgħu jiddeċiedu li ma jagħtux dawn il-miżuri meta l-konsegwenzi negattivi tagħhom jistgħu jaqbżu l-benefiċċji tagħhom. Deċiżjoni li ma jingħatawx miżuri interim m’għandhiex tippreġudika kull pretensjoni oħra tal-persuna li tkun qiegħda tfittex dawn il-miżuri. 5. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu illi meta jintalbu danni fuq il-bażi li deċiżjoni kienet ittieħdet illegalment, id-deċiżjoni kontestata għandha l-ewwel tiġi mwarrba mill-korp li jkollu l-poteri meħtieġa. 6. L-effetti ta’ l-eżerċizzju tal-poteri msemmij fil-pargrafu 1 dwar kuntratt konkluż sussegwentement għall-għoti tiegħu għandhom jiġu stabbilit bil-liġi nazzjonali. Barraminnhekk, ħlief meta deċiżjoni għandha titwarrab qabel ma jingħataw id-danni, Stat Membru jista’ jipprovdi li, wara l-konklużjoni ta’ kuntratt wara l-għoti tiegħu, il-poteri tal-korp responsabbli għall-proċeduri ta’ reviżjoni għandhom jiġu limitati għall-għoti ta’ danni lil kull persuna li ssofri minn ksur. 7. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet meħuda minn korpi responsabbli għall-proċeduri ta’ reviżjoni għandhom jiġu effettivament applikati. 8. Meta l-korpi responsabbli għall-proċeduri tar-reviżjoni ma jkunux ta’ karattru ġudizzjarju, raġunijiet bil-miktub għad-deċiżjonijiet tagħhom għandhom dejjem jingħataw. Barraminnhekk, f’dak il-każ, għandha ssir dispożizzjoni biex tiggarantixxi proċeduri li bihom kull miżura allegatament illegali meħuda mill-korp ta’ reviżjoni jew kull difett allegat fl-eżerċizzju tal-poteri mogħtija jistgħu jkunu suġġett ta’ reviżjoni ġudizzjarja jew reviżjoni minn korp ieħor li jkun il-qorti jew it-tribunal fis-sens ta’ l-Artikolu 177 tat-Trattat tal-KEE u indipendentement minn kemm l-awtorità li tikkuntratta kif ukoll il-korp ta’ reviżjoni. Il-membri ta’ dan il-korp indipendenti għandhom jinħatru u jħallu l-kariga taħt l-istess kondizzjonijiet bħal membri tal-ġudikatura fir-rigward ta’ l-awtorità responsabbli għall-ħatra tagħhom, il-perjodu tal-kariga tagħhom u t-tneħħija tagħhom. Ta’ l-anqas il-President ta’ dan il-korp indipendenti għandu jkollu l-istess kwalifiki legali u professjonali bħall-membri tal-ġudikatura. Il-korp indipendenti għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu billi jsegwi proċedura li fiha jinstemgħu iż-żewġ naħat, u dawn id-deċiżjonijiet għandhom, b’mezzi stabbiliti minn kull Stat Membru jkunu jorbtu legalment. L-Artikolu 3 1. Il-Kummissjoni għandha tinvoka l-proċedura li jipprovdi għaliha dan l-Artikolu meta, qabel ma jiġi konkluż kuntratt, tikkonsidra li jkun ġie kommess ksur ċar u evidenti tad-dispożizzjonijiet Komunitarji fil-kamp ta’ l-akkwist pubbliku tul l-għoti ta’ kuntratt li jaqa’ fil-qasam ta’ l-applikazzjoni tad-Direttivi 71/305/KEE u 77/62/KEE. 2. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istat Membru u lill-awtorità kontrattwali kkonċernta bir-raġunijiet li wassluha biex tikkonkludi li jkun ġie kommess ksur ċar u evidenti u titlob il-korrezzjoni tiegħu. 3. Fi żmien 21 jum mill-irċevuta tan-notifika msemmija fil-paragrafu 2, l-Istat Membru kkonċernat għandu jikkomunika lill-Kummisjsoni: (a) il-konferma tiegħu li l-ksur ikun ġie korrett; jew (b) sottomissjonijiet raġunati dwar għalfejn ma tkun saret l-ebda korrezzjoni; jew (ċ) notifika li l-proċedura ta’ l-għoti tal-kuntratt tkun ġiet sospiża jew mill-awtorità kontrattwali jew fuq l-inizjattiva proprja tagħha jew fuq il-bażi tal-poteri speċifikati fl-Artikolu 2(1)(a). 4. Sottomissjoni raġunata skond il-paragrafu 3(b) tista’ tistrieħ fost ħwejjeġ oħrajn fuq il-fatt li l-ksur allegat ikun diġà s-suġġett ta’ proċeduri ġudizzjarji jew proċeduri oħrajn ta’ reviżjoni jew ta’ reviżjoni kif imsemmija fl-Artikolu 2(8). F’dan il-każ, l-Istat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni bir-riżultat ta’ dawk il-proċeduri malli jsiru jafuh. 5. Meta tkun ingħatat notifika li proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt tkun ġiet sospiża skond il-paragrafu 3(ċ), l-Istat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni meta titneħħa s-sospensjoni jew tinbeda proċedura oħra ta’ kuntratt li tirrigwarda kompletament jew parzjalment għall-istess kwistjoni. Dik in-notifika għandha tikkonferma li l-ksur allegat ikun ġie korrett jew tinkludi sottomissjoni raġunata dwar għalfejn ma tkun saret l-ebda korrezzjoni. L-Artikolu 4 1. Sa mhux aktar tard minn erba’ snin wara l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni, b’konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv għall-Kuntratti Pubbliċi, għandha tirrevedi l-mod li bih id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva ikunu ġew implimentati u, jekk neċessarju, jagħmel proposti għal emendi. 2. Sa l-1 ta’ Marzu ta’ kull sena l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni informazzjoni dwar l-operazzjoni tal-proċeduri nazzjonali tagħhom ta’ reviżjoni tul is-sena kalendarja preċedenti. In-natura ta’ l-informazzjoni għandha tiġi determinata mill-Kummissjoni b’konsultazzjoni mal-Kumitati Konsultattiv għall-Kuntratti Pubbliċi. L-Artikolu 5 L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ, qabel l-1 ta’ Diċembru 1991, il-miżuri neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali ewlenija li huma jadottaw fil-qasam regolat minn din id-Direttiva. L-Artikolu 6 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri kollha. Magħmula fi Brussel, fil-21 ta’ Diċembru 1989. Għall-Kunsill Il-President É. Cresson [1] ĠU C 230, tat-28.8.1987, p. 6 u ĠU C 15,tad-19.1.1989, p. 8. [2] ĠU C 167,tas-27.6.1988, p. 77 u ĠU C 323,tas-27.12. 1989. [3] ĠU C 347, tat-22.12.1987, p. 23. [4] ĠU L 185, tas-16.8.1971, p. 5. [5] ĠU L 210, tal-21.7.1989, p. 1. [6] ĠU L 13, tal-15.1.1977, p. 1. [7] ĠU L 127, ta’ l-20.5.1988, p. 1. --------------------------------------------------