This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32023D0457
Council Decision (CFSP) 2023/457 of 2 March 2023 amending Decision 2014/119/CFSP concerning restrictive measures directed against certain persons, entities and bodies in view of the situation in Ukraine
Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/457 tat-2 ta’ Marzu 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna
Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/457 tat-2 ta’ Marzu 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna
ST/6412/2023/INIT
ĠU L 67, 3.3.2023, p. 47–50
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
3.3.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 67/47 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2023/457
tat-2 ta’ Marzu 2023
li temenda d-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
(1) |
Fil-5 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/119/PESK (1). |
(2) |
Fuq il-bażi ta’ rieżami tad-Deċiżjoni 2014/119/PESK, il-miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi jenħtieġ li jiġu estiżi sas-6 ta’ Marzu 2024. Barra minn hekk, l-informazzjoni fl-Anness għad-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jenħtieġ li tiġi aġġornata. |
(3) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2014/119/PESK tiġi emendata skont dan, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-Deċiżjoni 2014/119/PESK hija emendata kif ġej:
(1) |
fl-Artikolu 5, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej: “Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sas-6 ta’ Marzu 2024.”; |
(2) |
l-Anness huwa emendat skont l-Anness għal din id-Deċiżjoni. |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Marzu 2023.
Għall-Kunsill
Il-President
E. BUSCH
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/119/PESK tal-5 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 66, 6.3.2014, p. 26).
ANNESS
Fl-Anness għad-Deċiżjoni 2014/119/PESK, it-Taqsima B (Drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva) hija sostitwita b’dan li ġej:
"B.
Id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva skont il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali tal-Ukrajna
L-Artikolu 42 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali tal-Ukrajna (‘Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali’) jipprevedi li kull persuna li tkun suspettata jew mixlija fi proċedimenti kriminali tgawdi d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Dawn jinkludu: d-dritt li wieħed ikun infurmat bir-reat kriminali li jkun ġie ssuspettat jew akkużat bih; id-dritt li jkun infurmat, espressament u fil-pront, bid-drittijiet tiegħu taħt il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali; id-dritt li jkollu, meta jkun talab għall-ewwel darba, aċċess għal avukat tad-difiża; id-dritt li jippreżenta petizzjonijiet għal azzjonijiet proċedurali; u d-dritt li jikkontesta d-deċiżjonijiet, l-azzjonijiet u l-omissjonijiet mill-investigatur, il-prosekutur pubbliku u l-imħallef inkwirenti.
L-Artikolu 303 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jiddistingwi bejn deċiżjonijiet u ommissjonijiet li jistgħu jiġu kkontestati matul il-proċedimenti ta’ qabel il-proċess (l-ewwel paragrafu) u d-deċiżjonijiet, l-atti u l-omissjonijiet li jistgħu jiġu kkunsidrati fil-qorti matul il-proċedimenti preparatorji (it-tieni paragrafu). L-Artikolu 306 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jipprevedi li l-ilmenti kontra deċiżjonijiet, atti jew omissjonijiet tal-investigatur jew il-prosekutur pubbliku jridu jiġu kkunsidrati minn imħallef inkwirenti ta’ Qorti lokali fil-preżenza tar-rikorrenti jew l-avukat tad-difiża jew ir-rappreżentant legali tiegħu. L-Artikolu 308 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jipprevedi li l-ilmenti li jirrigwardaw in-nuqqas mill-investigatur jew mill-prosekutur pubbliku li josservaw żmien raġonevoli matul l-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess jistgħu jiġu ppreżentati lil prosekutur pubbliku superjuri u jridu jiġu kkunsidrati fi żmien tlett ijiem minn meta jiġu ppreżentati. Barra minn hekk, l-Artikolu 309 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jispeċifika d-deċiżjonijiet tal-imħallfin inkwirenti li jistgħu jiġu kkontestati b’appell, u li deċiżjonijiet oħra jistgħu jkunu soġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju fil-kuntest ta’ proċeduri preparatorji fil-Qorti. Barra minn hekk, għadd ta’ azzjonijiet investigattivi proċedurali huma possibbli biss soġġett għal deċiżjoni mill-imħallef inkwirenti jew minn Qorti (pereżempju s-sekwestru ta’ proprjetà taħt l-Artikoli 167 sa 175, u miżuri ta’ detenzjoni taħt l-Artikoli 176 sa 178, tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali).
Applikazzjoni tad-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ta’ kull waħda mill-persuni elenkati
2. Vitalii Yuriyovych Zakharchenko
Il-proċedimenti kriminali relatati mal-miżapproprijazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi għadhom għaddejjin.
L-informazzjoni fil-fajl tal-Kunsill turi li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-Sur Zakharchenko, inkluż id-dritt fundamentali li l-kawża tiegħu tinstema’ fi żmien raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, ġew rispettati fil-proċedimenti kriminali li bbaża ruħu fuqhom il-Kunsill. Dan jidher b’mod partikolari mid-deċiżjonijiet tal-imħallef inkwirenti tad-19 ta’ April 2021 li jordnaw id-detenzjoni taħt kustodja tas-Sur Zakharchenko kif ukoll id-deċiżjoni tal-Qorti Distrettwali ta’ Pecherskyi tal-Belt ta’ Kiev bid-data tal-10 ta’ Awwissu 2021 li tagħti permess biex titwettaq investigazzjoni speċjali ta’ qabel il-proċess fil-proċediment kriminali Nru 42016000000002929. Dawk id-deċiżjonijiet tal-imħallfin inkwirenti jikkonfermaw l-istatus ta’ suspettat tas-Sur Zakharchenko u jenfasizzaw li s-suspettat qed jinħeba mill-investigazzjoni sabiex jevita r-responsabbiltà kriminali.
Barra minn hekk, il-Kunsill għandu informazzjoni li l-awtoritajiet Ukreni ħadu miżuri biex ifittxu s-Sur Zakharchenko. Fit-12 ta’ Frar 2020, il-korp investigattiv iddeċieda li jqiegħed lis-Sur Zakharchenko fil-lista internazzjonali ta’ persuni mfittxijin u bagħat it-talba lid-Dipartiment tal-Kooperazzjoni Internazzjonali tal-Pulizija fi ħdan il-Pulizija Nazzjonali tal-Ukrajna biex jiddaħħal fil-bażi ta’ data tal-Interpol. Barra minn hekk, fil-11 ta’ Mejju 2021, l-Ukrajna bagħtet talba għal assistenza legali internazzjonali lill-Federazzjoni Russa biex tistabbilixxi fejn jinsab is-Sur Zakharchenko, li ġiet irrifjutata mir-Russja fil-31 ta’ Awwissu 2021.
Il-Kunsill għandu informazzjoni li fid-9 ta’ Frar 2022 tlestiet l-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess fil-proċediment kriminali Nru 42016000000002929 u fil-5 ta’ Awwissu 2022, wara li ġew issodisfati r-rekwiżiti tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali tal-Ukrajna, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali bagħat att tal-akkuża lill-Qorti Distrettwali ta’ Pecherskyi tal-Belt ta’ Kiev għall-konsiderazzjoni tal-merti tal-każ.
Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Ukreni, is-Sur Zakharchenko ma involviex avukat difensur fil-proċedimenti kriminali fl-Ukrajna iżda l-interessi tiegħu ġew irrappreżentati minn avukat difensur assenjat. Ma jista’ jiġi aċċertat ebda ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fiċ-ċirkostanzi fejn id-difiża ma tkunx qed teżerċita dawk id-drittijiet.
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kunsill iqis li l-perjodi li matulhom is-Sur Zakharchenko kien qed jaħrab mill-investigazzjoni jridu jiġu esklużi mill-kalkolu tal-perjodu rilevanti għall-valutazzjoni tar-rispett tad-dritt għal proċess fi żmien raġonevoli. Għaldaqstant, il-Kunsill iqis li ċ-ċirkostanzi deskritti hawn fuq attribwiti lis-Sur Zakharchenko kkontribwew b’mod sinifikanti għat-tul tal-investigazzjoni.
6. Viktor Ivanovych Ratushniak
Il-proċedimenti kriminali relatati mal-miżapproprijazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi għadhom għaddejjin.
L-informazzjoni fil-fajl tal-Kunsill turi li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-Sur Ratushniak, inkluż id-dritt fundamentali li l-kawża tiegħu tinstema’ fi żmien raġonevoli minn tribunal indipendenti u imparzjali, ġew rispettati fil-proċedimenti kriminali li bbaża ruħu fuqhom il-Kunsill. Dan jidher b’mod partikolari mid-deċiżjonijiet tal-imħallef inkwirenti tad-19 ta’ April 2021 li jordnaw detenzjoni taħt kustodja fuq is-Sur Ratushniak kif ukoll id-deċiżjoni tal-Qorti Distrettwali ta’ Pecherskyi tal-Belt ta’ Kiev tal-10 ta’ Awwissu 2021 li tagħti permess biex titwettaq investigazzjoni speċjali ta’ qabel il-proċess fil-proċediment kriminali Nru 42016000000002929. Dawk id-deċiżjonijiet tal-imħallfin inkwirenti jikkonfermaw l-istatus ta’ suspettat tas-Sur Ratushniak u jenfasizzaw li s-suspettat qed jinħeba mill-investigazzjoni sabiex jevita r-responsabbiltà kriminali.
Il-Kunsill għandu informazzjoni li l-awtoritajiet Ukreni ħadu miżuri biex ifittxu lis-Sur Ratushniak. Fit-12 ta’ Frar 2020, il-korp investigattiv iddeċieda li jqiegħed lis-Sur Ratushniak fil-lista internazzjonali ta’ persuni mfittxijin u bagħat it-talba lid-Dipartiment tal-Kooperazzjoni Internazzjonali tal-Pulizija fi ħdan il-Pulizija Nazzjonali tal-Ukrajna biex jiddaħħal fil-bażi ta’ data tal-Interpol. Barra minn hekk, fil-11 ta’ Mejju 2021 l-Ukrajna bagħtet talba għal assistenza legali internazzjonali lill-Federazzjoni Russa biex tistabbilixxi fejn jinsab is-Sur Ratushniak, li ġiet irrifjutata mir-Russja fil-31 ta’ Awwissu 2021.
Il-Kunsill għandu informazzjoni li fid-9 ta’ Frar 2022 tlestiet l-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess fil-proċediment kriminali Nru 42016000000002929 u, fil-5 ta’ Awwissu 2022, wara li ġew issodisfati r-rekwiżiti tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali tal-Ukrajna, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali bagħat att tal-akkuża lill-Qorti Distrettwali ta’ Pecherskyi tal-Belt ta’ Kiev għall-konsiderazzjoni tal-merti tal-każ.
Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Ukreni, is-Sur Ratushniak ma involvix avukat difensur fil-proċedimenti kriminali fl-Ukrajna iżda l-interessi tiegħu ġew irrappreżentati minn avukat difensur assenjat. Ma jista’ jiġi aċċertat ebda ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fiċ-ċirkostanzi fejn id-difiża ma tkunx qed teżerċita dawk id-drittijiet.
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kunsill iqis li l-perjodi li matulhom is-Sur Ratushniak kien qed jevita l-investigazzjoni jridu jiġu esklużi mill-kalkolu tal-perjodu rilevanti għall-valutazzjoni tar-rispett tad-dritt għal proċess fi żmien raġonevoli. Għaldaqstant, il-Kunsill iqis li ċ-ċirkostanzi deskritti hawn fuq attribwiti lis-Sur Ratushniak ikkontribwew b’mod sinifikanti għat-tul tal-investigazzjoni.
12. Serhiy Vitalyovych Kurchenko
Il-proċedimenti kriminali relatati mal-miżapproprijazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi għadhom għaddejjin.
L-informazzjoni fil-fajl tal-Kunsill turi li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-Sur Kurchenko, inkluż id-dritt fundamentali li l-kawża tiegħu tinstema’ fi żmien raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, ġew rispettati fil-proċedimenti kriminali li bbaża ruħu fuqhom il-Kunsill. Dan jidher b’mod partikolari permezz tal-fatt li d-difiża ġiet notifikata bit-tlestija tal-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess fil-proċediment kriminali Nru 42016000000003393 fit-28 ta’ Marzu 2019 u ngħatat aċċess għall-materjali għall-familjarizzazzjoni. Fil-11 ta’ Ottubru 2021, l-Uffiċċju Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna informa wkoll lill-avukati difensuri tas-Sur Kurchenko dwar it-tlestija tal-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess u l-għoti ta’ aċċess għall-materjal tal-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess għall-familjarizzazzjoni. Il-Kunsill irċieva informazzjoni li l-Uffiċċju Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna ppreżenta mozzjoni biex jiġi stabbilit skadenza għar-rieżami mill-parti tad-difiża sabiex jiġi indirizzat id-dewmien tal-parti tad-difiża fir-rieżami tal-materjali tal-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess. Il-Kunsill ġie infurmat li fid-deċiżjoni tagħha tas-27 ta’ Ġunju 2022, il-Qorti Għolja Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna stabbiliet limitu ta’ żmien sal-1 ta’ Diċembru 2022 għall-parti tad-difiża biex ilestu l-proċess ta’ familjarizzazzjoni, u wara dan jitqiesu li eżerċitaw id-dritt tagħhom li jaċċessaw il-materjali. Fis-7 ta’ Diċembru 2022, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjalizzat Kontra l-Korruzzjoni bagħat l-att tal-akkuża lill-Qorti Għolja Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna għall-eżami tal-merti tal-każ.
B’rabta mal-proċediment kriminali Nru. 12014160020000076, fid-deċiżjoni tagħha tat-18 ta’ Settembru 2020, il-Qorti ta’ Appell ta’ Odessa laqgħet l-appell mill-prosekutur u imponiet miżura preventiva ta’ detenzjoni taħt kustodja fuq is-Sur Kurchenko. Il-Qorti ddikjarat ukoll li s-Sur Kurchenko telaq mill-Ukrajna fl-2014 u li ma jistax jiġi stabbilit fejn jinsab. Il-Qorti kkonkludiet li s-Sur Kurchenko qed jinħeba mill-korpi ta’ investigazzjoni ta’ qabel il-proċess sabiex jevita r-responsabbiltà kriminali. Fl-20 ta’ Diċembru 2021, il-Qorti Distrettwali ta’ Kyivskyi tal-Belt ta’ Odessa tat permess biex titwettaq investigazzjoni speċjali ta’ qabel il-proċess in absentia. Barra minn hekk, fl-20 ta’ Ottubru 2021, il-Qorti Distrettwali ta’ Kyivskyi tal-Belt ta’ Odessa ċaħdet l-appell tal-avukati biex tikkanċella r-riżoluzzjoni tal-prosekutur dwar is-sospensjoni tal-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess bid-data tas-27 ta’ Lulju 2021.
Il-Kunsill għandu informazzjoni li l-awtoritajiet Ukreni ħadu miżuri biex ifittxu lis-Sur Kurchenko. Fit-13 ta’ Mejju 2021, id-Dipartiment Prinċipali tal-Pulizija Nazzjonali fir-Reġjun ta’ Odessa bagħat it-talba lill-Uffiċċju Ukren tal-Interpol u l-Europol biex jippubblikaw Avviż Aħmar dwar is-Sur Kurchenko, li qed jiġi kkunsidrat. Il-Kunsill ġie infurmat li fid-29 ta’ April 2020 l-awtoritajiet Ukreni bagħtu talba għal assistenza legali internazzjonali lill-Federazzjoni Russa, li ġiet irritornata fit-28 ta’ Lulju 2020 mingħajr eżekuzzjoni.
Il-Kunsill ġie informat li fis-6 ta’ Mejju 2022 tlestiet l-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess fil-proċediment kriminali Nru 12014160020000076 u fil-1 ta’ Awwissu 2022, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali tar-Reġjun ta’ Odessa bagħat att tal-akkuża lill-Qorti Distrettwali ta’ Prymorskyi tal-Belt ta’ Odessa għall-konsiderazzjoni tal-merti tal-każ.
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kunsill iqis li l-perjodi li matulhom is-Sur Kurchenko kien qed jevita l-investigazzjoni jridu jiġu esklużi mill-kalkolu tal-perjodu rilevanti għall-valutazzjoni tar-rispett tad-dritt għal proċess fi żmien raġonevoli. Għaldaqstant, il-Kunsill iqis li ċ-ċirkostanzi deskritti fid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell ta’ Odessa attribwiti lis-Sur Kurchenko kif ukoll in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tat-talba għal assistenza legali internazzjonali kkontribwew b’mod sinifikanti għat-tul tal-investigazzjoni.".