Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R2268

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2268 tat-18 ta’ Novembru 2022 li jtemm ir-rieżami ta’ “esportatur ġdid” tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1379 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami interim skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jtemm ir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet

    C/2022/8080

    ĠU L 300, 21.11.2022, p. 6–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/08/2024

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/2268/oj

    21.11.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 300/6


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2268

    tat-18 ta’ Novembru 2022

    li jtemm ir-rieżami ta’ “esportatur ġdid” tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1379 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami interim skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jtemm ir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (ir-“Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(4) tiegħu,

    Billi:

    1.   MIŻURI FIS-SEĦĦ

    (1)

    Permezz tar-Regolament (KEE) Nru 2474/93 (2) (“l-investigazzjoni oriġinali”), il-Kunsill impona dazju anti-dumping definittiv ta’ 30,6 % fuq l-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“iċ-Ċina”). Minn dak iż-żmien segwew diversi investigazzjonijiet, li estendew jew emendaw il-miżuri inizjali.

    (2)

    Permezz tar-Regolament (UE) Nru 502/2013 (3), il-Kunsill, wara rieżami interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (4), emenda l-miżuri. F’din l-investigazzjoni, il-kampjunar ma ġiex applikat għall-produtturi esportaturi fiċ-Ċina u nżamm id-dazju anti-dumping mal-pajjiż kollu ta’ 48,5 %, abbażi tal-marġni tad-dumping, li ġie stabbilit mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1095/2005 (5).

    (3)

    Il-miżuri attwalment fis-seħħ huma miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1379 (6), li permezz tagħhom l-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami prodott mill-applikant huma soġġetti għal dazju anti-dumping definittiv ta’ 48,5 %.

    2.   INVESTIGAZZJONI ATTWALI

    2.1.   Talba għal rieżami

    (4)

    Il-Kummissjoni rċeviet talba għal rieżami ta’ “esportatur ġdid” skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku. It-talba tressqet fl-10 ta’ Settembru 2019 u ġiet aġġornata fis-26 ta’ Novembru 2021 minn Zhejiang Feishen Vehicle Industry Co., Ltd. (“l-applikant”), produttur esportatur tar-roti fiċ-Ċina.

    (5)

    L-applikant sostna li ma kienx relatat mal-ebda wieħed mill-produtturi esportaturi tar-roti, soġġetti għall-miżuri fis-seħħ. Barra minn hekk, l-applikant sostna li kien esporta roti lejn l-Unjoni biss wara t-tmiem tal-perjodu ta’ investigazzjoni tal-investigazzjoni oriġinali.

    2.2.   Tnedija ta’ rieżami ta’ esportatur ġdid

    (6)

    Il-Kummissjoni eżaminat l-evidenza disponibbli u kkonkludiet li hemm evidenza biżżejjed biex tiġġustifika t-tnedija ta’ rieżamijiet ta’ “esportatur ġdid”, skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku. Wara li l-produtturi tal-Unjoni ngħataw opportunità biex jikkummentaw, il-Kummissjoni nediet rieżami tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1379 fir-rigward tal-applikant, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/358 (7).

    2.3.   Prodott ikkonċernat

    (7)

    Il-prodott taħt rieżami huwa biċikletti u roti oħrajn (inklużi triċikletti għat-tqassim, iżda esklużi l-uniċikli), mhux immotorizzati li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM 8712 00 30 u ex 8712 00 70 (il-kodiċijiet TARIC 8712007091, 8712007092 u 8712007099) u li joriġinaw miċ-Ċina.

    2.4.   Partijiet ikkonċernati

    (8)

    Il-Kummissjoni infurmat uffiċjalment lill-applikant, lill-industrija tal-Unjoni, kif ukoll lir-rappreżentanti tal-pajjiż esportatur, bit-tnedija ta’ dan ir-rieżami. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jippreżentaw l-opinjoni tagħhom bil-miktub u li jinstemgħu.

    (9)

    Fil-jum tat-tnedija, il-Kummissjoni talbet lill-applikant jimla l-kwestjonarju.

    2.5.   Perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami

    (10)

    L-investigazzjoni kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2021 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami”).

    2.6.   Divulgazzjoni

    (11)

    Fid-29 ta’ Lulju 2022, il-Kummissjoni ddivulgat lill-partijiet interessati l-intenzjoni tagħha li ttemm l-investigazzjoni tar-rieżami mingħajr ma tiddetermina marġni tad-dumping individwali għall-applikant. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jikkummentaw.

    (12)

    Fil-kummenti tiegħu ppreżentati fit-12 ta’ Awwissu 2022, l-applikant ma qabilx mal-analiżi tal-Kummissjoni li tirrifjuta l-istatus ta’ esportatur ġdid abbażi tar-rappreżentattività tal-bejgħ tal-applikant u sostna n-nuqqas ta’ bażi legali għal tali deċiżjoni u li hija inkonsistenti mar-rapporti tal-Bord u tal-Korp tal-Appell fil-Messiku — Miżuri Anti-dumping Definittivi fuq iċ-Ċanga u r-Ross (8).

    (13)

    Il-Kummissjoni tindika li l-Bord u l-Korp tal-Appell eżaminaw il-kundizzjonijiet biex jaċċettaw jew jirrifjutaw talba biex jitwettaq rieżami mħaffef ta’ esportatur ġdid, kif stabbilit fid-dritt Messikan. F’dan il-każ, il-Kummissjoni aċċettat it-talba tal-applikant u nediet ir-rieżami tal-esportatur ġdid kif xieraq iżda biex twettaq kalkolu affidabbli tal-marġni tad-dumping, il-Kummissjoni teħtieġ prezz tal-esportazzjoni affidabbli li jitqies li jirrifletti l-imġiba normali tal-ipprezzar tal-produttur esportatur ikkonċernat. Kif spjegat fil-premessi (25) sa (28) it-tranżazzjoni magħmula mill-applikant ma tistax tintuża bħala bażi għall-kalkolu tal-marġni tad-dumping peress li ma tikkostitwixxix riflessjoni preċiża biżżejjed ta’ mġiba normali u sostenibbli fl-ipprezzar tal-esportazzjoni li tista’ tifforma l-bażi għad-determinazzjoni ta’ marġni tad-dumping individwali li jista’ japplika għal tranżazzjonijiet futuri. Din il-pretensjoni għalhekk ġiet miċħuda.

    (14)

    L-applikant irrefera għal diversi investigazzjonijiet tar-rieżami ta’ esportaturi ġodda, fejn l-esportaturi għamlu biss tranżazzjoni waħda ta’ bejgħ u madankollu ngħataw marġni tad-dumping favorevoli. L-applikant talab lill-Kummissjoni biex issegwi prattika konsistenti fir-rigward tat-talba fil-każ attwali.

    (15)

    Ir-rieżamijiet li l-applikant irrefera għalihom kienu jikkonċernaw investigazzjonijiet fejn ir-rata medja tal-kampjun kienet tabilħaqq disponibbli. Għalhekk, ma kienx meħtieġ li jiġu ddeterminati l-marġnijiet tad-dumping individwali. Għall-kuntrarju ta’ dak li sostna l-applikant, il-metodu tal-Kummissjoni biex tivvaluta s-sitwazzjoni tal-esportatur il-ġdid huwa konsistenti. Fir-rieżami li jikkonċerna l-aċidu triklorojsoċjanuriku li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (9), il-Kummissjoni ma setgħetx tuża l-prezz tal-esportazzjoni, u dan ikkawża t-tmiem tar-rieżami mingħajr ma setgħet tagħti rata individwali lill-applikant.

    (16)

    L-applikant sostna li l-Kummissjoni evalwat b’mod żbaljat l-evidenza fattwali fil-kuntest tad-determinazzjoni tar-rappreżentattività tal-bejgħ, it-tqabbil tal-prezz tal-esportazzjoni mad-data statistika u l-prezz tal-bejgħ mill-ġdid tal-klijent tagħhom.

    (17)

    Għat-tqabbil tal-prezz tal-esportazzjoni, l-applikant sostna li l-prodotti tiegħu kienu pożizzjonati bħala prodotti ta’ livell għoli u ngħataw premji tad-disinn f’kompetizzjonijiet internazzjonali, għalhekk it-tqabbil ma’ statistika ta’ aggregazzjoni mħallta li wriet prezz ogħla mhuwiex rilevanti. L-applikant ikkontestat ukoll ir-rilevanza tal-informazzjoni pprovduta mill-importatur Awstrijak, li ddefinixxa t-tranżazzjoni bħala prova, u sostna li mill-perspettiva tal-applikant, din kienet tranżazzjoni ordinarja u mhux prova.

    (18)

    Il-Kummissjoni tinnota li l-ebda wieħed mill-argumenti tal-applikant ma kien fih informazzjoni li tqiegħed f’dubju l-informazzjoni li l-Kummissjoni kkunsidrat fl-evalwazzjoni tagħha tal-fatti. Għalhekk, bħala tali, dawn huma miċħuda.

    (19)

    Bħala alternattiva, l-applikant ippropona l-monitoraġġ tal-miżuri jew id-determinazzjoni ta’ prezz minimu tal-importazzjoni.

    (20)

    Il-Kummissjoni ma tista’ taċċetta l-ebda waħda minn dawn iż-żewġ talbiet imressqa mill-applikant. La l-monitoraġġ u lanqas il-prezz minimu tal-importazzjoni ma huma xierqa għas-sitwazzjoni ta’ produttur esportatur ġdid. Fl-eżempju tal-monitoraġġ fil-każ ta’ pins u stejpils (10) imressaq mill-applikant, dan intuża biex tiġi mmonitorjata s-sitwazzjoni tal-importazzjonijiet f’każ ta’ nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping. Il-mekkaniżmu tal-prezz minimu tal-importazzjoni huwa għodda biex jiġi ddeterminat il-livell tad-dazju fuq l-esportazzjonijiet totali tal-pajjiż ikkonċernat fi proċedimenti fejn il-Kummissjoni tqis li din il-forma ta’ miżura hija xierqa fid-dawl taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ. F’dan il-każ, il-miżuri jieħdu l-forma ta’ dazji ad valorem u l-għan tar-rieżami tal-esportatur ġdid mhuwiex li tiġi rieżaminata l-forma tal-miżuri.

    3.   RIŻULTATI TAL-INVESTIGAZZJONI

    3.1.   Kriterji ta’ “produttur esportatur ġdid”

    (21)

    Skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku, il-kriterji li għandhom jiġu ssodisfati għal produttur esportatur ġdid huma dawn li ġejjin:

    (a)

    ma jkunx esporta lejn l-Unjoni l-prodott ikkonċernat matul il-perjodu ta’ investigazzjoni li fuqu huma bbażati l-miżuri;

    (b)

    ma jkunx relatat mal-ebda wieħed mill-esportaturi jew produtturi fiċ-Ċina li huma soġġetti għall-miżuri anti-dumping fis-seħħ; kif ukoll

    (c)

    ikun effettivament esporta lejn l-Unjoni l-prodott ikkonċernat wara l-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali, jew li jkun daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli biex jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni.

    (22)

    L-investigazzjoni kkonfermat li l-applikant ma kienx esporta l-prodott ikkonċernat matul il-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali.

    (23)

    L-applikant wera li ma kienx relatat mal-ebda wieħed mill-produtturi esportaturi Ċiniżi soġġetti għall-miżuri anti-dumping fis-seħħ fir-rigward tal-prodott ikkonċernat.

    (24)

    Fir-rigward tal-kriterju li l-applikant kien beda jesporta l-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni wara l-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali, il-Kummissjoni vvalutat dan li ġej. L-applikant għamel tranżazzjoni waħda ta’ esportazzjoni ta’ volum limitat matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami (“PIR”), għalhekk il-Kummissjoni eżaminat jekk dik it-tranżazzjoni ta’ esportazzjoni setgħetx titqies suffiċjenti biex tipprovdi riflessjoni preċiża tal-imġiba tal-esportazzjoni attwali u futura tal-applikant. B’mod speċifiku, il-Kummissjoni analizzat aktar is-sehem tal-kwantità esportata fir-rigward tat-total tal-produzzjoni u l-prezzijiet tal-bejgħ lejn l-UE fir-rigward tal-prezzijiet medji ta’ produtturi esportaturi Ċiniżi oħra li esportaw volumi sinifikanti lejn l-UE matul il-PIR.

    (25)

    L-applikant għamel bejgħ wieħed ta’ 30 rota tat-tfal, li jirrappreżenta 1 % tal-produzzjoni totali tiegħu, lil importatur Awstrijak. Il-prezz tat-tranżazzjoni tal-applikant fil-livell CIF kien 73 % (11) ogħla mill-prezz medju ta’ produtturi esportaturi Ċiniżi oħra fis-suq Awstrijak. Dan indika li din it-tranżazzjoni ma saritx taħt termini kummerċjali normali.

    (26)

    Il-Kummissjoni kkuntattjat lill-importatur biex tikseb aktar informazzjoni dwar in-natura tat-tranżazzjoni u l-valur tal-bejgħ mill-ġdid.

    (27)

    L-importatur Awstrijak ikkonferma wkoll li din kienet biss tranżazzjoni ta’ prova (mhux tranżazzjoni kummerċjali ordinarja), li l-prezz tax-xiri kien għoli wisq u li konsegwentement reġa’ biegħ ir-roti lill-klijenti finali bi prezz aktar baxx mill-prezz tax-xiri.

    3.2.   Konklużjoni

    (28)

    Fid-dawl ta’ dawn ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkunsidrat li t-tranżazzjoni ppreżentata mill-applikant ma kinitx tikkostitwixxi bażi rappreżentattiva biżżejjed u ma pprovditx riflessjoni preċiża biżżejjed tal-imġiba fl-ipprezzar tal-esportazzjoni attwali u futura tiegħu li tista’ tifforma l-bażi għad-determinazzjoni ta’ marġni tad-dumping individwali. Abbażi ta’ dan, jenħtieġ li l-investigazzjoni tar-rieżami tintemm.

    4.   IMPOSTA TA’ DAZJU ANTI-DUMPING

    (29)

    Fid-dawl tas-sejbiet deskritti hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li jenħtieġ li r-rieżami li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ roti manifatturati mill-applikant u li joriġinaw miċ-Ċina jintemm. Id-dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha” skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1379 jenħtieġ li japplika għall-prodotti mmanifatturati mill-applikant. Konsegwentement, jenħtieġ li r-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet tal-applikant tintemm u d-dazju għall-pajjiż kollu applikabbli għall-kumpaniji l-oħra kollha (48,5 %), impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1379, jiġi impost fuq dawn l-importazzjonijiet mid-data tat-tnedija ta’ dan ir-rieżami. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltajiet li l-importaturi jitolbu rifużjoni f’konformità mal-Artikolu 11(8) tar-Regolament bażiku.

    (30)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036.

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1.   Ir-rieżami ta’ “esportatur ġdid” imniedi mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/358 huwa b’dan mitmum.

    2.   L-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/358 huwa b’dan imħassar.

    3.   Id-dazju anti-dumping applikabbli skont l-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1379 għall-“kumpaniji l-oħra kollha” fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (kodiċi addizzjonali TARIC B999) b’dan japplika għall-importazzjonijiet tal-prodotti manifatturati minn Zhejiang Feishen Vehicle Industry Co., Ltd.

    Artikolu 2

    1.   L-awtoritajiet doganali huma b’dan mitluba jwaqqfu r-reġistrazzjoni ta’ importazzjonijiet imwettqa skont l-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/358.

    2.   Id-dazju anti-dumping imsemmi fl-Artikolu 1(3) huwa b’dan impost b’effett mit-3 ta’ Marzu 2022 fuq il-prodotti li ġew irreġistrati skont l-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/358.

    3.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Novembru 2022.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2474/93 tat-8 ta’ Settembru 1993 li jimponi dazju definittiv anti-dumping lejn il-Komunità ta’ biċikletti li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u jiġbor definittivament id-dazju proviżorju anti-dumping (ĠU L 228, 9.9.1993, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 502/2013 tad-29 ta’ Mejju 2013 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 990/2011 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara rieżami interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 153, 5.6.2013, p. 17).

    (4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (OJ L 343, 22.12.2009, p. 51).

    (5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1095/2005 tat-12 ta’ Lulju 2005 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw fil-Vjetnam, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1524/2000 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 183, 14.7.2005, p. 1).

    (6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1379 tat-28 ta’ Awwissu 2019 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina kif estiż għall-importazzjonijiet ta’ roti kkunsinjati mill-Indoneżja, mill-Malażja, mis-Sri Lanka, mit-Tuneżija, mill-Kambodja, mill-Pakistan u mill-Filippini, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw minn dawn il-pajjiżi kif ukoll jekk le, wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 (ĠU L 225, 29.8.2019, p. 1).

    (7)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/358 tat-2 ta’ Marzu 2022 li jniedi rieżami ta’ “esportatur ġdid” tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1379 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal produttur esportatur Ċiniż wieħed, li jħassar id-dazju fir-rigward tal-importazzjonijiet minn dak il-produttur esportatur u li jagħmel dawn l-importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni (ĠU L 68, 3.3.2022, p. 9).

    (8)  Ir-Rapport tal-Korp tal-Appell, il-Messiku — Miżuri Anti-dumping fuq ir-Ross, il-paragrafu 323

    (9)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/619 tat-12 ta’ April 2022 li jtemm rieżamijiet ta’ “esportatur ġdid” tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2230 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ aċidu triklorojsoċjanuriku li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, għal tliet produtturi esportaturi Ċiniżi, li jimponi d-dazju fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ dawn il-produtturi u li jtemm ir-reġistrazzjoni ta’ dawn l-importazzjonijiet (ĠU L 115, 13.4.2022, p. 66).

    (10)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1202 tal-14 ta’ Awwissu 2020 li tittermina l-proċediment anti-dumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ pins u stejpils li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li tagħmel l-importazzjonijiet ta’ pins u stejpils li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina soġġetti għal sorveljanza (ĠU L 269, 17.8.2020, p. 40).

    (11)  It-tqabbil tal-prezz li bih il-kumpanija biegħet fl-UE mal-prezz medju tal-importazzjoni miċ-Ċina fis-suq speċifiku tal-UE fl-istess perjodu. Dan it-tqabbil sar fil-livell CIF, jiġifieri l-prezz li bih ir-roti waslu fil-fruntiera tal-UE. Meta wieħed iqis id-dazju anti-dumping ta’ 48,5 %, il-prezz kien 99 % ogħla.


    Top