Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D2201

    Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/2201 tal-10 ta’ Novembru 2022 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela

    ST/12462/2022/INIT

    ĠU L 292, 11.11.2022, p. 61–68 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/2201/oj

    11.11.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 292/61


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/2201

    tal-10 ta’ Novembru 2022

    li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fit-13 ta' Novembru 2017, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 (1), dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela.

    (2)

    Fil-11 ta' Novembru 2021, il-Kunsill, b'kont meħud tal-kriżi politika, ekonomika, soċjali u umanitarja li għaddejja bħalissa fil-Venezwela u l-azzjonijiet persistenti li jdgħajfu d-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2021/1965 (2) li ġeddiet il-miżuri restrittivi fis-seħħ sal-14 ta' Novembru 2022, inkluż id-deżinjazzjonijiet kollha.

    (3)

    Il-Kunsill irrieżamina l-miżuri restrittivi fis-seħħ f'konformità mal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074. Abbażi ta' dak ir-rieżami, il-miżuri restrittivi, inkluż id-deżinjazzjonijiet kollha, jenħtieġ li jiġġeddu sal-14 ta' Novembru 2023, u d-dikjarazzjoni tar-raġunijiet għal 17-il persuna jenħtieġ li tiġi aġġornata.

    (4)

    Dawn il-miżuri ma jaffettwawx il-popolazzjoni ġenerali u jistgħu jitreġġgħu lura fid-dawl tal-progress li jkun sar lejn ir-restawr tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fil-Venezwela.

    (5)

    Għalhekk id-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 hija emendata kif ġej:

    (1)

    l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-14 ta' Novembru 2023.”;

    (2)

    L-Anness I huwa emendat kif jinsab fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Novembru 2022.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. BEK


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2074 tat-13 ta' Novembru 2017 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela (ĠU L 295, 14.11.2017, p. 60).

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/1965 tal-11 ta' Novembru 2021 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela (ĠU L 400, 12.11.2021, p. 148).


    ANNESS

    Fl-Anness I tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074, l-entrati li jikkonċernaw il-persuni elenkati hawn taħt huma sostitwiti bl-entrati li ġejjin:

     

    Isem

    Informazzjoni ta' identifikazzjoni

    Raġunijiet

    Data tal-elenkar

    “3.

    Tibisay LUCENA RAMÍREZ

    Data tat-twelid: 26 ta' April 1959

    Sess: mara

    Ministru għall-Edukazzjoni Universitarja minn Ottubru 2021. President tal-Kunsill Elettorali Nazzjonali (Consejo Nacional Electoral jew CNE) minn April 2006 sa Ġunju 2020. L-azzjonijiet u l-politiki tagħha dgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela, inkluż billi naqsu milli jiżguraw li s-CNE jibqa' istituzzjoni imparzjali u indipendenti skont il-Kostituzzjoni Venezwelana u b'hekk iffaċilitat l-istabbiliment tal-Assemblea Kostitwenti u l-elezzjoni mill-ġdid ta' Nicolás Maduro f'Mejju 2018 permezz ta' elezzjonijiet presidenzjali li la kienu ħielsa u lanqas ġusti.

    22.1.2018

    5.

    Maikel José MORENO PÉREZ

    Data tat-twelid: 12 ta' Diċembru 1965

    Sess: raġel

    Imħallef tal-Awla tal-Appell Kriminali tal-Qorti Suprema tal-Venezwela (Tribunal Supremo de Justicia (TSJ)). Eks President u eks Viċi President tal-Qorti Suprema. F'dawk ir-rwoli, huwa appoġġa u ffaċilita l-azzjonijiet u l-politiki tal-Gvern li dgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela, u huwa responsabbli għal azzjonijiet u dikjarazzjonijiet li użurpaw l-awtorità tal-Assemblea Nazzjonali, inklużi l-ħatra tal-Kunsill Elettorali Nazzjonali (CNE) f'Ġunju 2020 u s-sospensjoni u s-sostituzzjoni tat-tmexxija ta' tliet partiti tal-oppożizzjoni f'Ġunju u Lulju 2020.

    22.1.2018

    15.

    Freddy Alirio BERNAL ROSALES

    Data tat-twelid: 16 ta' Ġunju 1962

    Post tat-twelid: San Cristóbal, Táchira State, Venezuela

    Sess: raġel

    Gvernatur tal-Istat ta' Táchira minn meta rebaħ l-elezzjonijiet f'Novembru 2021. Eks Kap taċ-Ċentru ta' Kontroll Nazzjonali tal-Kumitat għall-Provvista u l-Produzzjoni Lokali (CLAP) u eks Protettur tal-Istat ta' Táchira. Huwa ukoll Kummissarju Ġenerali tas-Servizz Nazzjonali tal-Intelligence Bolivarjan (SEBIN). Bħala Kap tal-CLAP u Protettur tal-Istat ta' Táchira seta' jamar lill-Forzi Speċjali (FAES) u jinfluwenza l-ħatra ta' mħallfin u prosekuturi. Responsabbli li dgħajjef id-demokrazija permezz tal-manipulazzjoni tad-distribuzzjonijiet tal-programm CLAP fost il-votanti. Barra minn hekk, bħala Kummissarju Ġenerali ta' SEBIN huwa responsabbli għall-attivitajiet ta' SEBIN li jinkludu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem bħad-detenzjoni arbitrarja.

    25.6.2018

    22.

    Alexis Enrique ESCALONA MARRERO

    Data tat-twelid: 12 ta' Ottubru 1962

    Sess: raġel

    Kap responsabbli għall-Uffiċċju Nazzjonali Kontra l-Kriminalità Organizzata u l-Finanzjament ta' Terroristi (ONDOFT) minn Jannar 2018 sa Mejju 2019. Maġġur Ġeneral Irtirat, eks Viċi Ministru għall-prevenzjoni u s-sigurtà pubblika fil-Ministeru għall-Intern (maħtur fl-2017 mill-President Maduro) u eks Kmandant Nazzjonali tal-Kmand Nazzjonali Kontra l-Estorsjoni u l-Ħtif (Comando Nacional Antiextorsión y Secuestro (CONAS)) (bejn l-2014 u l-2017). Responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż it-tortura, l-użu ta' forza eċċessiva u t-trattament ħażin ta' detenuti minn membri tal-CONAS taħt il-kmand tiegħu. Responsabbli wkoll għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili minn membri tal-CONAS taħt il-kmand tiegħu.

    27.9.2019

    27.

    Gladys DEL VALLE REQUENA

    Data tat-twelid: 9 ta' Novembru 1952

    Post tat-twelid: Puerto Santo, Sucre, Venezuela

    Numru tal-identità: V-4114842

    Sess: mara

    Spettur Ġenerali tal-Qrati mis-27 ta' April 2022. Eks membru tal-Assemblea Nazzjonali mhux eletta demokratikament u eks membru u t-Tieni Viċi President tal-Assemblea Kostitwenti Nazzjonali (ANC) mhux rikonoxxuta. Fir-rwol tagħha ta' mexxejja fl-ANC mhux rikonoxxuta, hija dgħajfet id-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela, inkluż billi ffirmat id-digriet li neħħa l-immunità parlamentari tal-president tal-Assemblea Nazzjonali tal-Venezwela, Juan Guaidó.

    29.6.2020

    30.

    Juan José MENDOZA JOVER

    Data tat-twelid: 11 ta' Marzu 1969

    Post tat-twelid: Trujillo, Venezuela

    Indirizz: Arnoldo Gabaldón, Candelaria, Edo. Trujillo

    Numru tal-identità: V-9499372

    Sess: raġel

    Eks Tieni Viċi President tal-Qorti Suprema tal-Venezwela (Tribunal Supremo de Justicia (TSJ)) u eks President tal-Awla Kostituzzjonali tal-Qorti Suprema (Frar 2017 – April 2022). L-azzjonijiet tiegħu dgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela, inkluż permezz ta' għadd ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji f'dawn l-aħħar sentejn li limitaw jew dgħajfu s-setgħat kostituzzjonali tal-korp leġiżlattiv elett demokratikament, l-Assemblea Nazzjonali.

    29.6.2020

    37.

    Remigio CEBALLOS ICHASO

    Data tat-twelid: 1 ta' Mejju 1963

    Numru tal-karta tal-identità: V-6557495

    Sess: raġel

    Minn Awwissu 2021, Ministru għall-Intern u l-Ġustizzja tal-Venezwela u Viċi President tal-Gvern għas-Sigurtà taċ-Ċittadini. Eks Kmandant tal-Kmand Operazzjonali u Strateġiku tal-Forzi Armati Nazzjonali Bolivarjani tal-Venezwela (Comando Estratégico Operacional Fuerzas Armadas Nacionales Bolivarianas (CEOFANB)), l-ogħla organu fil-Forzi Armati Venezwelani (Ġunju 2017 - Lulju 2021). Is-CEOFANB jikkontrolla l-Forzi Armati Nazzjonali Bolivarjani (FANB) u l-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana. Is-CEOFANB huwa wkoll responsabbli għall-koordinazzjoni tal-interventi tal-FANB fid-dimostrazzjonijiet. Fil-pożizzjoni tiegħu bħala Kmandant tas-CEOFANB, huwa kien responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż l-użu ta' forza eċċessiva u t-trattament inuman u degradanti minn uffiċjali tal-FANB u minn forzi subordinati taħt il-kmand tiegħu, inkluż il-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana. Sorsi varji, inkluż il-Missjoni Internazzjonali Indipendenti għat-Tiftix tal-Fatti dwar ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, jattribwixxu ksur tad-drittijiet tal-bniedem lill-FANB u l-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana.

    22.2.2021

    38.

    Omar José PRIETO FERNÁNDEZ

    Data tat-twelid: 25 ta' Mejju 1969

    Numru tal-identità: V-9761075

    Sess: raġel

    Eks Gvernatur tal-Istat ta' Zulia (2017 - 2021). F'din il-pożizzjoni huwa dgħajjef id-demokrazija u l-istat tad-dritt fl-Istat ta' Zulia. Huwa ngħata l-ġurament mill-Assemblea Kostitwenti Nazzjonali (ANC) mhux rikonoxxuta, wara li r-rebbieħ leġittimu tal-elezzjoni rrifjuta li jieħu l-ġurament tal-ħatra quddiem l-ANC. Omar José Prieto Fernández ippromwova b'mod attiv l-elezzjonijiet mhux demokratiċi għall-Assemblea Nazzjonali li saru fis-6 ta' Diċembru 2020. Barra minn hekk, huwa hedded lil mexxejja tal-oppożizzjoni bi "żjarat id-dar" fl-Istat ta' Zulia u ddikjara li jekk gvern interim immexxi minn Juan Guaidó jieħu l-poter, huwa jiddikjara l-Istat ta' Zulia bħala indipendenti.

    22.2.2021

    42.

    Lourdes Benicia SUÁREZ ANDERSON

    Data tat-twelid: 7 ta' Marzu 1965

    Sess: mara

    Imħallef tal-Awla Kostituzzjonali tal-Qorti Suprema (Tribunal Supremo de Justicia (TSJ)) minn Diċembru 2005 u Viċi President tal-Awla Kostituzzjonali minn April 2022. Eks President tal-Awla Kostituzzjonali u eks l-ewwel Viċi President tal-Qorti Suprema. Bħala membru tal-Awla Kostituzzjonali tal-Qorti Suprema, hija responsabbli għal azzjonijiet, dikjarazzjonijiet u deċiżjonijiet li użurpaw il-poteri kostituzzjonali tal-Assemblea Nazzjonali u dgħajfu d-drittijiet elettorali tal-oppożizzjoni inkluż il-ħatra unilaterali mill-Qorti Suprema tal-Kunsill Elettorali Nazzjonali (Consejo Nacional Electoral (CNE)) f'Ġunju 2020 u s-sospensjoni u s-sostituzzjoni unilaterali tat-tmexxija ta' tlieta mill-partiti ewlenin tal-oppożizzjoni demokratika f'Ġunju u Lulju 2020, kif ukoll l-estensjoni tas-sentenza dwar Acción Democrática għal sena oħra f'Mejju 2021. L-azzjonijiet tagħha għalhekk dgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela, u hi appoġġat u ffaċilitat id-dgħajfien tad-demokrazija u l-istat tad-dritt mill-fergħa tal-eżekuttiv.

    22.2.2021

    44.

    René Alberto DEGRAVES ALMARZA

    Sess: raġel

    Imħallef supplenti tal-Awla Kostituzzjonali tal-Qorti Suprema (Tribunal Supremo de Justicia (TSJ)) minn April 2022. Eks imħallef tal-Awla Kostituzzjonali tal-Qorti Suprema. Bħala membru tal-Awla Kostituzzjonali tal-Qorti Suprema, huwa kien responsabbli għal azzjonijiet, dikjarazzjonijiet u sentenzi li użurpaw il-poteri kostituzzjonali tal-Assemblea Nazzjonali u dgħajfu d-drittijiet elettorali tal-oppożizzjoni inkluż il-ħatra unilaterali mill-Qorti Suprema tal-Kunsill Elettorali Nazzjonali (Consejo Nacional Electoral (CNE)) f'Ġunju 2020 u s-sospensjoni u s-sostituzzjoni unilaterali tat-tmexxija ta' tlieta mill-partiti ewlenin tal-oppożizzjoni demokratika f'Ġunju u Lulju 2020, kif ukoll l-estensjoni tas-sentenza dwar Acción Democrática għal sena oħra f'Mejju 2021. L-azzjonijiet tiegħu għalhekk dgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela, u huwa appoġġa u ffaċilita d-dgħajfien tad-demokrazija u l-istat tad-dritt mill-fergħa tal-eżekuttiv.

    22.2.2021

    45.

    Arcadio DELGADO ROSALES

    Data tat-twelid: 23 ta' Settembru 1954

    Sess: raġel

    Eks imħallef u Viċi President tal-Awla Kostituzzjonali tal-Qorti Suprema (Tribunal Supremo de Justicia (TSJ)). Bħala membru tal-Awla Kostituzzjonali tal-Qorti Suprema, huwa kien responsabbli għal azzjonijiet, dikjarazzjonijiet u sentenzi li użurpaw il-poteri kostituzzjonali tal-Assemblea Nazzjonali u dgħajfu d-drittijiet elettorali tal-oppożizzjoni, inkluż il-ħatra unilaterali mill-Qorti Suprema tal-Kunsill Elettorali Nazzjonali (Consejo Nacional Electoral (CNE)) f'Ġunju 2020 u s-sospensjoni u s-sostituzzjoni unilaterali tat-tmexxija ta' tlieta mill-partiti ewlenin tal-oppożizzjoni demokratika f'Ġunju u Lulju 2020, kif ukoll l-estensjoni tas-sentenza dwar Acción Democrática għal sena oħra f'Mejju 2021. L-azzjonijiet tiegħu għalhekk dgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela, u huwa appoġġa u ffaċilita d-dgħajfien tad-demokrazija u l-istat tad-dritt mill-fergħa tal-eżekuttiv.

    22.2.2021

    46.

    Carmen Auxiliadora ZULETA DE MERCHÁN

    Data tat-twelid: 13 ta' Diċembru 1947

    Sess: mara

    Eks Imħallef tal-Awla Kostituzzjonali tal-Qorti Suprema (Tribunal Supremo de Justicia (TSJ)). Bħala membru tal-Awla Kostituzzjonali tal-Qorti Suprema, hija kienet responsabbli għal azzjonijiet, dikjarazzjonijiet u deċiżjonijiet li użurpaw il-poteri kostituzzjonali tal-Assemblea Nazzjonali u dgħajfu d-drittijiet elettorali tal-oppożizzjoni inkluż il-ħatra unilaterali mill-Qorti Suprema tal-Kunsill Elettorali Nazzjonali (Consejo Nacional Electoral (CNE)) f'Ġunju 2020 u s-sospensjoni u s-sostituzzjoni unilaterali tat-tmexxija ta' tlieta mill-partiti ewlenin tal-oppożizzjoni demokratika f'Ġunju u Lulju 2020, kif ukoll l-estensjoni tas-sentenza dwar Acción Democrática għal sena oħra f'Mejju 2021. L-azzjonijiet tagħha għalhekk dgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela, u hi appoġġat u ffaċilitat id-dgħajfien tad-demokrazija u l-istat tad-dritt mill-fergħa tal-eżekuttiv.

    22.2.2021

    47.

    Indira Maira ALFONZO IZAGUIRRE

    Data tat-twelid: 29 ta' April 1968

    Post tat-twelid: La Guaira La Guaira State, Venezuela

    Numru tal-karta tal-identità: V-6978710

    Sess: mara

    Eks President tal-Awla Elettorali tal-Qorti Suprema (Tribunal Supremo de Justicia (TSJ)). Eks President tal-Kunsill Elettorali Nazzjonali (Consejo Nacional Electoral (CNE)), maħtura fit-13 ta' Ġunju 2020. Eks membru tal-Awla Elettorali u l-Awla Plenarja tal-Qorti Suprema, it-Tieni Viċi President tal-Qorti Suprema mill-2015 sal-24 ta' Frar 2017, Viċi President tal-Qorti Suprema mill-24 ta' Frar 2017 sat-12 ta' Ġunju 2020. Bħala membru tal-Awla Elettorali tal-Qorti Suprema, Indira Maira Alfonzo Izaguirre hija responsabbli għall-azzjonijiet meħuda kontra l-Assemblea Nazzjonali li kienet għadha kemm ġiet eletta f'Diċembru 2015, li għamlitha impossibbli għall-Assemblea Nazzjonali li teżerċita l-poter leġiżlattiv tagħha. Barra minn hekk, hija aċċettat il-ħatra tagħha bħala l-president tas-CNE f'Ġunju 2020 mill-Qorti Suprema għalkemm din il-prerogattiva tappartjeni għall-Assemblea Nazzjonali. F'dak ir-rwol hija ħejjiet u ssorveljat l-elezzjonijiet mhux demokratiċi tal-Assemblea Nazzjonali li saru fis-6 ta' Diċembru 2020 u pparteċipat fil-bidla tat-30 ta' Ġunju 2020 għan-normi elettorali għal dawk l-elezzjonijiet, mingħajr ma ħalliet formalment il-Qorti Suprema (permess temporanju biex jiġi integrat is-CNE). Wara t-tiġdid tas-CNE f'Mejju 2021, hija reġgħet lura fil-Qorti Suprema. L-azzjonijiet tagħha għalhekk dgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela.

    22.2.2021

    48.

    Leonardo Enrique MORALES POLEO

    Sess: raġel

    Eks Viċi President tal-Kunsill Elettorali Nazzjonali (Consejo Nacional Electoral (CNE)) u President tal-Kummissjoni għall-Parteċipazzjoni Politika u l-Finanzjament (Awwissu 2020 - Mejju 2021). Leonardo Enrique Morales Poleo nħatar Viċi President tas-CNE u President tal-Kummissjoni tal-Parteċipazzjoni Politika u l-Finanzjament fis-7 ta' Awwissu 2020 mill-Qorti Suprema (Tribunal Supremo de Justicia (TSJ)) għalkemm din il-prerogattiva tappartjeni għall-Assemblea Nazzjonali. Barra minn hekk, eżatt qabel il-ħatra tiegħu huwa serva fil-Partit Progressiv Avvanzat (Avanzada progresista). Bħala membru (rettur) u Viċi President tas-CNE, huwa ħa sehem bis-sħiħ fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tas-CNE. Huwa appoġġa u ffaċilita s-superviżjoni tal-proċess elettorali li wassal għall-elezzjonijiet mhux demokratiċi tal-Assemblea Nazzjonali fis-6 ta' Diċembru 2020. L-azzjonijiet tiegħu għalhekk komplew idgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela. Leonardo Enrique Morales Poleo aċċetta li jinħatar fis-CNE u baqa' fil-pożizzjoni tiegħu bħala Viċi President tas-CNE filwaqt li d-demokrazija ddgħajfet serjament fil-Venezwela.

    22.2.2021

    49.

    Tania D'AMELIO CARDIET

    Data tat-twelid: 5 ta' Diċembru 1971

    Post tat-twelid: Italy

    Nazzjonalità: Venezwelana

    Numru tal-karta tal-identità: V-11691429

    Sess: mara

    Imħallef tal-Awla Kostituzzjonali tal-Qorti Suprema (Tribunal Supremo de Justicia (TSJ)) minn April 2022. Eks membru (rettur) tal-Kunsill Elettorali Nazzjonali (Consejo Nacional Electoral (CNE)), għall-perjodu 2016-2023. Eks-Membru (rettur) tas-CNE għall-perjodu 2010-2016. Tania d'Amelio Cardiet, bħala rettur tas-CNE mill-2010, ikkontribwiet direttament permezz tal-attività tagħha fil-funzjonijiet tagħha għad-dgħajfien tad-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela, inkluż billi ħejjiet l-elezzjonijiet mhux demokratiċi tal-Assemblea Nazzjonali tal-2020, ipparteċipat fil-bidla tat-30 ta' Ġunju 2020 għan-normi elettorali għal dawk l-elezzjonijiet, u pparteċipat fl-organizzazzjoni u l-eżekuzzjoni tal-elezzjonijiet presidenzjali tal-2018. Barra minn hekk, Tania d'Amelio Cardiet aċċettat il-ħatra tagħha tal-2016 fis-CNE mill-Qorti Suprema, għalkemm din il-prerogattiva tappartjeni għall-Assemblea Nazzjonali.

    22.2.2021

    52.

    Jesús Emilio VÁSQUEZ QUINTERO

    Numru tal-karta tal-identità: V-7422049

    Sess: raġel

    President tal-Qorti Marzjali u ċ-Ċirkwit Ġudizzjarju Kriminali Militari mis-17 ta' Settembru 2021. Ġeneral tad-Diviżjoni mill-5 ta' Lulju 2019 u eks Avukat Ġenerali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Militari (Diċembru 2017-17 ta' Settembru 2021). Bħala Avukat Ġenerali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Militari kien responsabbli għad-dgħajfien tad-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela. L-Uffiċċju tal-Prosekutur Militari kien marbut ma' prosekuzzjoni ġudizzjarja interna fil-Forzi Armati, u nuqqasijiet li jinvestiga inċidenti, inkluż il-każ tal-mewt tal-Kaptan Acosta fl-2019. Barra minn hekk, il-ġustizzja militari qed tiġi applikata għal persuni ċivili.

    22.2.2021

    54.

    Manuel Eduardo PÉREZ Urdaneta

    Data tat-twelid: 29 ta' Diċembru 1960 jew 26 ta' Mejju 1962

    Post tat-twelid: Cagua, State of Aragua

    Numru tal-karta tal-identità: V-6357038

    Numru tal-Passaport: 001234503 (skada fl-2012)

    Sess: raġel

    Eks Viċi Ministru għall-Intern u l-Ġustizzja. Fi ħdan il-Ministeru għall-Intern u l-Ġustizzja tal-Venezwela, il-Brigadier Ġeneral Manuel Eduardo Pérez Urdaneta kien jikklassifika bħala wieħed mill-ħames Viċi Ministri. Il-portafoll tiegħu kien jinkludi s-Sigurtà Preventiva u s-Sikurezza Pubblika (Viceministro de prevención y Seguridad Ciudadana). Qabel dan, il-Brigadier Ġeneral Pérez qeda r-rwol ta' Direttur tal-Pulizija Nazzjonali Bolivarjana. F'dak ir-rwol huwa kien responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż l-użu ta' forza fiżika severa kontra dimostranti paċifiċi, imwettaq minn uffiċjali tal-Pulizija Nazzjonali Bolivarjana taħt l-awtorità tiegħu.

    22.2.2021”.


    Top