Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D1639

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1639 tal-21 ta’ Settembru 2022 dwar ċerti miżuri interim ta’ emerġenza li għandhom x’jaqsmu mal-ġidri tan-nagħaġ u l-ġidri tal-mogħoż fi Spanja (notifikata bid-dokument C(2022) 6853) (It-test bl-Ispanjol biss huwa awtentiku) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2022/6853

    ĠU L 247, 23.9.2022, p. 69–71 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 06/10/2022; Imħassar b' 32022D1913 Id-data tat-tmiem tal-validità hija bbażata fuq id-data tal-pubblikazzjoni tal-att li jħassar li jidħol fis-seħħ fid-data tan-notifika tiegħu. L-att li jħassar kien innotifikat iżda d-data tan-notifika mhix disponibbli fil-EUR-Lex – minflok hija użata d-data tal-pubblikazzjoni.

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/1639/oj

    23.9.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 247/69


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1639

    tal-21 ta’ Settembru 2022

    dwar ċerti miżuri interim ta’ emerġenza li għandhom x’jaqsmu mal-ġidri tan-nagħaġ u l-ġidri tal-mogħoż fi Spanja

    (notifikata bid-dokument C(2022) 6853)

    (It-test bl-Ispanjol biss huwa awtentiku)

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 259(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Il-ġidri tan-nagħaġ u l-ġidri tal-mogħoż huwa marda virali infettiva li taffettwa lill-annimali kaprini u ovini u li jista’ jkollha impatt serju fuq il-popolazzjoni tal-annimali kkonċernati u fuq il-profittabbiltà tal-biedja, u tikkawża tfixkil fil-movimenti tal-kunsinni ta’ dawk l-annimali u tal-prodotti tagħhom fl-Unjoni u fl-esportazzjonijiet lejn il-pajjiżi terzi.

    (2)

    F’każ ta’ tifqigħa tal-ġidri tan-nagħaġ u l-ġidri tal-mogħoż f’annimali kaprini u ovini, hemm riskju serju li dik il-marda tinxtered fi stabbilimenti oħra ta’ annimali kaprini jew ovini.

    (3)

    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 (2) jissupplimenta r-regoli għall-kontroll tal-mard elenkat imsemmi fl-Artikolu 9(1), il-punti (a), (b) u (c) tar-Regolament (UE) 2016/429, u definit bħala mard tal-kategoriji A, B u C fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 (3). B’mod partikolari, l-Artikoli 21 u 22 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 jipprevedu l-istabbiliment ta’ żona ristretta f’każ ta’ tifqigħa ta’ marda tal-kategorija A, inkluż il-ġidri tan-nagħaġ u l-ġidri tal-mogħoż, kif ukoll ċerti miżuri li jridu jiġu applikati fiha. Barra minn hekk, l-Artikolu 21(1) ta’ dak ir-Regolament Delegat jipprevedi li ż-żona ristretta trid tinkludi żona ta’ protezzjoni, żona ta’ sorveljanza, u jekk ikun meħtieġ aktar żoni ristretti madwar iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza jew maġenbhom.

    (4)

    Spanja infurmat lill-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni attwali tal-ġidri tan-nagħaġ u l-ġidri tal-mogħoż fit-territorju tagħha, wara tifqigħa ta’ dik il-marda fl-annimali kaprini u ovini fir-reġjun tal-Andalusija kkonfermata fid-19 ta’ Settembru 2022, u, f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2020/687, stabbiliet żona ristretta, li tinkludi żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, li fiha jiġu applikati l-miżuri ġenerali għall-kontroll tal-mard stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2020/687, sabiex jiġi evitat aktar tixrid ta’ dik il-marda.

    (5)

    Sabiex jiġi evitat kull xkiel bla bżonn għall-kummerċ fl-Unjoni u sabiex jiġu evitati ostakli mhux ġustifikati għall-kummerċ minn pajjiżi terzi, jeħtieġ li fil-livell tal-Unjoni, tiġi identifikata malajr iż-żona ristretta għall-ġidri tan-nagħaġ u l-ġidri tal-mogħoż, li tinkludi żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, fi Spanja b’kollaborazzjoni ma’ dak l-Istat Membru.

    (6)

    Għaldaqstant, iż-żoni identifikati bħala żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza fi Spanja jenħtieġ li jiġu stipulati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni u jenħtieġ li tiġi stabbilita d-durata ta’ dik ir-reġjonalizzazzjoni.

    (7)

    Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni epidemjoloġika fl-Unjoni fir-rigward tat-tixrid tal-ġidri tan-nagħaġ u l-ġidri tal-mogħoż, huwa importanti li l-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni japplikaw malajr kemm jista’ jkun.

    (8)

    Konsegwentement, sakemm il-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf jagħti l-opinjoni tiegħu, iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza fi Spanja jenħtieġ li jiġu stabbiliti minnufih u jiġu elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni u tiġi ffissata d-durata ta’ dak iż-żonar.

    (9)

    Din id-Deċiżjoni trid tiġi rieżaminata fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Spanja għandha tiżgura li:

    (a)

    żona ristretta li tinkludi żona ta’ protezzjoni u żona ta’ sorveljanza tiġi stabbilita immedjatament mill-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru f’konformità mal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 u bil-kundizzjonijiet stipulati f’dak l-Artikolu;

    (b)

    iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza msemmija fil-paragrafu (a) jinkludu mill-inqas iż-żoni elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-23 ta’ Ottubru 2022.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta’ Spanja.

    Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Settembru 2022.

    Għall-Kummissjoni

    Stella KYRIAKIDES

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard elenkat (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 64).

    (3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 tat-3 ta’ Diċembru 2018 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard għal kategoriji ta’ mard elenkat u li jistabbilixxi lista ta’ speċijiet u gruppi ta’ speċijiet li jippreżentaw riskju konsiderevoli għat-tixrid ta’ dak il-mard elenkat (ĠU L 308, 4.12.2018, p. 21).


    ANNESS

    Numru ta’ referenza tal-ADIS tat-tifqigħa

    Żoni stabbiliti bħala ż-żona ristretta fi Spanja kif imsemmi fl-Artikolu 1

    Data sa meta applikabbli

    ES-CAPRIPOX-2022-00001

    Żona ta’ protezzjoni:

     

    Dawk il-partijiet li jinsabu fi ħdan ċirku ta’ raġġ ta’ 3 kilometri, iċċentrat fuq UTM 30, ETRS89 il-koordinati Lat. 37.6035642, Lonġ. -2.6936342

    14 ta’ Ottubru 2022

    Żona ta’ sorveljanza:

     

    Dawk il-partijiet lilhinn miż-żona deskritta fiż-żona ta’ protezzjoni u li jinsabu fi ħdan ċirku ta’ raġġ ta’ 10 kilometri, iċċentrat fuq UTM 30, ETRS89 il-koordinati Lat. 37.6035642, Lonġ. -2.6936342

    23 ta’ Ottubru 2022

    Żona ta’ sorveljanza:

     

    Dawk il-partijiet li jinsabu fi ħdan ċirku ta’ raġġ ta’ 3 kilometri, iċċentrat fuq UTM 30, ETRS89 il-koordinati Lat. 37.6035642, Lonġ. -2.6936342

    Mill-15 sat-23 ta’ Ottubru 2022


    Top