This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32021R2236
Commission Implementing Regulation (EU) 2021/2236 of 15 December 2021 on the specific rules for implementing Regulation (EU) 2021/1529 of the European Parliament and of the Council establishing an Instrument for Pre-accession Assistance (IPA III)
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2236 tal-15 ta’ Diċembru 2021 dwar ir-regoli speċifiċi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/1529 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA III)
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2236 tal-15 ta’ Diċembru 2021 dwar ir-regoli speċifiċi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/1529 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA III)
C/2021/9169
ĠU L 450, 16.12.2021, pp. 10–20
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
16.12.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 450/10 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2236
tal-15 ta’ Diċembru 2021
dwar ir-regoli speċifiċi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/1529 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA III)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/1529 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Settembru 2021 li jistabbilixxi l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA III) (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 16 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jistabbilixxi regoli u proċeduri għall-implimentazzjoni ta’ assistenza, li huma applikabbli għall-assistenza IPA III. Il-premessa 52 u l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2021/1529 jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi regoli speċifiċi li jistabbilixxu kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli speċifiċi biex jiġu indirizzati s-sitwazzjonijiet speċifiċi b’mod partikolari għall-ġestjoni indiretta mal-benefiċjarji elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2021/1529 (il-“benefiċjarji tal-IPA III”), għall-kooperazzjoni transfruntiera kif definit fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament (UE) 2021/1529 u għall-assistenza għall-iżvilupp rurali. |
|
(2) |
Sabiex ikun żgurat li l-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni tiġi implimentata fir-rigward tal-benefiċjarji kollha tal-IPA III b’mod uniformi filwaqt li jiġi rrispettat il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-benefiċjarji tal-IPA III jikkonkludu arranġamenti fil-forma ta’ ftehimiet qafas ta’ sħubija finanzjarja u ftehimiet settorjali li jistabbilixxu l-prinċipji għall-kooperazzjoni bejniethom skont dan ir-Regolament. |
|
(3) |
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tappoġġa lill-benefiċjarji tal-IPA III fl-isforzi tagħhom f’li jiżviluppaw il-kapaċità tagħhom li jimmaniġġaw il-fondi tal-Unjoni skont il-prinċipji u r-regoli previsti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Għal dan il-għan u fejn ikun xieraq, il-Kummissjoni jenħtieġ li tafda l-kompiti ta’ implimentazzjoni baġitarja lill-benefiċjarji tal-IPA III. |
|
(4) |
Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli speċifiċi sabiex il-kompiti ta’ implimentazzjoni baġitarja jiġu fdati lill-benefiċjarji tal-IPA III f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). |
|
(5) |
Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dettaljati dwar il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni min-naħa tal-benefiċjarji tal-IPA III meta tiġi implimentata l-assistenza tal-IPA III taħt ġestjoni indiretta. |
|
(6) |
Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli speċifiċi għar-rapportar sabiex ir-rekwiżiti tar-rapportar li jridu jikkonformaw magħhom il-benefiċjarji tal-IPA III ikunu aktar dettaljati. |
|
(7) |
L-IPA III se jkompli jappoġġa l-istabbiliment u t-tisħiħ ta’ sistemi ta’ koordinazzjoni u monitoraġġ settorjali proporzjonati għar-responsabbiltajiet tal-benefiċjarju tal-IPA. L-istrutturi stabbiliti fil-kuntest tal-approċċ settorjali taħt l-IPA u l-IPA II jistgħu jkomplu jwettqu d-dmirijiet tagħhom u jenħtieġ li jiġu stabbiliti kumitati ta’ monitoraġġ settorjali ġodda meta r-responsabbiltajiet tal-benefiċjarji tal-IPA jiġġustifikaw dan. |
|
(8) |
Huwa meħtieġ li jiġu definiti regoli speċifiċi għall-istabbiliment tal-korrezzjoni finanzjarja u l-proċedura li għandha tiġi applikata lill-benefiċjarji tal-IPA III meta tiġi implimentata l-assistenza IPA III taħt ġestjoni indiretta. |
|
(9) |
Jenħtieġ li l-assistenza tal-IPA III tintuża sabiex tippromwovi l-kooperazzjoni transfruntiera bejn il-benefiċjarji tal-IPA III. Il-kooperazzjoni transfruntiera ġenwina bejn il-benefiċjarji tal-IPA III jenħtieġ li tinkludi l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-finanzjament konġunti tal-attivitajiet li jirriżultaw fl-intensifikazzjoni tar-relazzjonijiet mal-viċinat, is-sħubijiet sostenibbli għall-iżvilupp soċjoekonomiku jew it-tneħħija tal-ostakli għal dan l-iżvilupp. |
|
(10) |
Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġu ddefiniti regoli uniformi għall-ġestjoni tal-kooperazzjoni transfruntiera bejn il-benefiċjarji tal-IPA III, inklużi r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-istrutturi u tal-awtoritajiet involuti fil-ġestjoni tal-programmi ta’ kooperazzjoni transfruntiera. |
|
(11) |
Il-kooperazzjoni transfruntiera bejn Stat Membru wieħed jew aktar u benefiċjarju wieħed jew aktar tal-IPA III, kif definit fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament (UE) 2021/1529 jenħtieġ li ma tkunx koperta minn dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, sakemm il-ftehimiet ta’ finanzjament konklużi skont l-Artikolu 59 tar-Regolament (UE) 2021/1059 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) ma jirreferux għal dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, għal ftehim qafas ta’ sħubija finanzjarja partikolari jew għal dispożizzjoni speċifika tiegħu. |
|
(12) |
L-assistenza għall-iżvilupp rurali taħt l-IPA III jenħtieġ li żżid il-kompetittività tas-settur agroalimentari u tippromwovi allinjament gradwali mal-acquis dwar il-Politika Agrikola Komuni tal-Unjoni. Huma meħtieġa regoli speċifiċi sabiex tiġi ffinanzjata l-assistenza ta’ natura simili għal dawn taħt il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, permezz ta’ sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll li jirrispettaw il-prinċipji ta’ governanza tajba u li jixbhu lil strutturi b’funzjonijiet ta’ natura simili fl-Istati Membri. |
|
(13) |
Sabiex jippermetti għal programmar fil-ħin u l-implimentazzjoni tal-programmi tal-IPA III għall-2021, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(14) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-IPA III, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
TITOLU I
IS-SUĠĠETT U L-QAFAS ĠENERALI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-ASSISTENZA TAL-IPA
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
Dan ir-Regolament jistipula regoli speċifiċi li jistabbilixxu kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/1529 fir-rigward tal-istrutturi tal-implimentazzjoni tal-assistenza tal-IPA III, il-ġestjoni indiretta mal-benefiċjarji tal-IPA III u r-regoli speċifiċi għall-kooperazzjoni transfruntiera u l-agrikoltura u l-assistenza għall-iżvilupp rurali. Il-kooperazzjoni transfruntiera bejn Stat Membru wieħed jew aktar u benefiċjarju wieħed jew aktar tal-IPA III, kif definit fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament (UE) 2021/1529 mhijiex koperta minn dan ir-Regolament ta’ implimentazzjoni, sakemm il-ftehimiet ta’ finanzjament konklużi skont l-Artikolu 59 tar-Regolament (UE) 2021/1059 ma jirreferux għal dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, għal ftehim qafas ta’ sħubija finanzjarja partikolari jew għal dispożizzjoni speċifika tiegħu.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
“Benefiċjarju tal-IPA III” tfisser wieħed mill-benefiċjarji elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2021/1529; |
|
(b) |
“ftehim qafas ta’ sħubija finanzjarja” tfisser ftehim konkluż bejn il-Kummissjoni u benefiċjarju tal-IPA III li jistabbilixxi l-prinċipji tal-kooperazzjoni finanzjarja bejn il-benefiċjarju tal-IPA III u l-Kummissjoni skont dan ir-Regolament; |
|
(c) |
“ftehim settorjali” tfisser arranġament konkluż bejn il-Kummissjoni u benefiċjarju tal-IPA III għall-implimentazzjoni ta’ programm speċifiku tal-IPA III, li jistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri li jridu jiġu rispettati, iżda li ma humiex inklużi fil-ftehim qafas ta’ sħubija finanzjarja jew fil-ftehimiet ta’ finanzjament; |
|
(d) |
“ftehim ta’ finanzjament” tfisser ftehim annwali jew pluriennali konkluż bejn il-Kummissjoni u benefiċjarju tal-IPA III, għall-implimentazzjoni tal-assistenza tal-IPA III; |
|
(e) |
“awtorità” tfisser entità pubblika jew korp pubbliku ta’ benefiċjarju tal-IPA III jew ta’ Stat Membru f’livell ċentrali, reġjonali jew lokali; |
|
(f) |
“proġett kbir” tfisser proġett li jinkludi sensiela ta’ xogħlijiet, attivitajiet jew servizzi, li huma maħsuba, fihom infushom, li jwettqu kompitu definit u indiviżibbli ta’ natura ekonomika jew teknika preċiża, li għandu għanijiet identifikati b’mod ċar u li l-kost totali tiegħu jeċċedi dak li huwa speċifikat fil-Ftehim Qafas ta’ Sħubija Finanzjarja. |
|
(g) |
“benefiċjarju” tfisser korp pubbliku jew privat, responsabbli għat-tnedija u l-implimentazzjoni ta’ operazzjonijiet fi programm ta’ kooperazzjoni transfruntiera; |
|
(h) |
“operazzjoni” tfisser proġett, kuntratt, azzjoni jew grupp ta’ proġetti magħżula mill-awtorità kontraenti tal-programm ikkonċernat, jew li jinsabu taħt ir-responsabbiltà tagħha, li jikkontribwixxu għall-objettivi tal-prijorità jew tal-prijoritajiet li huma relatati magħhom; |
|
(i) |
“benefiċjarju prinċipali tal-IPA III” tfisser il-benefiċjarju tal-IPA III, li nħatar bħala kap u għalhekk jospita l-awtorità kontraenti għall-programm transfruntier. |
Artikolu 3
Prinċipji ta’ finanzjament mill-Unjoni
L-assistenza tal-IPA III għandha tappoġġa l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tar-riformi tal-benefiċjarji tal-IPA III, kif imsemmi fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2021/1529. Programmi speċifiċi u azzjonijiet individwali jistgħu jeħtieġu kontribuzzjonijiet finanzjarji kemm mill-benefiċjarju tal-IPA III kif ukoll mill-Unjoni.
Artikolu 4
Prinċipju ta’ sjieda
1. Is-sjieda tal-programmazzjoni u l-implimentazzjoni tal-assistenza tal-IPA III għandha primarjament tkun tal-benefiċjarju tal-IPA III.
2. Il-benefiċjarju tal-IPA III għandu jaħtar Koordinatur Nazzjonali tal-IPA (NIPAC).
3. In-NIPAC għandu jiżgura rabta mill-qrib bejn l-użu tal-assistenza tal-IPA III u l-proċess ġenerali tal-adeżjoni.
4. In-NIPAC għandu jkun il-kontroparti ewlenija tal-Kummissjoni għall-proċess ġenerali ta’ koordinazzjoni tal-programmazzjoni f’konformità mal-objettivi u l-prijoritajiet tematiċi tal-qafas ta’ programmazzjoni tal-IPA III msemmi fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2021/1529 (“il-qafas ta’ programmazzjoni IPA III”), il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni, l-evalwazzjoni u r-rapportar tal-assistenza tal-IPA III, inkluża l-koordinazzjoni fl-amministrazzjoni tal-benefiċjarju tal-IPA III u ma’ donaturi oħrajn. In-NIPAC għandu jimpenja ruħu wkoll li jaċċerta li l-amministrazzjoni tal-benefiċjarju tal-IPA III tieħu l-passi kollha meħtieġa sabiex tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-programmi relatati.
5. In-NIPAC għandu jikkoordina l-parteċipazzjoni tal-benefiċjarji tal-IPA III fil-programmi ta’ kooperazzjoni territorjali u transfruntieri rilevanti skont ir-Regolament (UE) 2021/1529 u r-Regolament (UE) 2021/1059. In-NIPAC jista’ jiddelega dan il-kompitu ta’ koordinazzjoni lil struttura stabbilita għall-ġestjoni tal-kooperazzjoni transfruntiera, kif ikun xieraq.
6. In-NIPAC għandu jkun rappreżentant b’kariga għolja fil-gvern jew fl-amministrazzjoni ċentrali tal-benefiċjarju tal-IPA III bl-awtorità xierqa.
Artikolu 5
Ftehim qafas ta’ sħubija finanzjarja, ftehimiet settorjali u ftehim ta’ finanzjament
1. Il-Kummissjoni u l-benefiċjarju tal-IPA III għandhom jikkonkludu ftehim qafas ta’ sħubija finanzjarja li jistabbilixxi arranġamenti speċifiċi għall-ġestjoni, il-kontroll, is-sorveljanza, il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni, ir-rapportar u l-awditjar tal-assistenza tal-IPA III u jikkommetti lill-benefiċjarju tal-IPA III li jittrasponi fl-ordinament ġuridiku tiegħu r-rekwiżiti regolatorji rilevanti tal-Unjoni. Il-ftehim qafas ta’ sħubija finanzjarja jista’ jiġi kkomplementat bi ftehimiet settorjali li jistabbilixxu dispożizzjonijiet speċifiċi għall-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-assistenza tal-IPA III f’oqsma jew programmi speċifiċi ta’ politika.
2. Bl-eċċezzjoni ta’ każijiet debitament ġustifikati, l-assistenza tal-IPA III għandha tingħata biss lill-benefiċjarju tal-IPA III wara li l-ftehim qafas ta’ sħubija finanzjarja, u fejn ikun rilevanti l-ftehim settorjali applikabbli, ikunu daħlu fis-seħħ.
3. Il-ftehimiet ta’ finanzjament għandhom jipprovdu t-termini li fuqhom għandha tingħata l-assistenza tal-IPA III, inklużi l-metodi ta’ implimentazzjoni applikabbli tal-assistenza tal-IPA III, l-iskadenzi ta’ implimentazzjoni, kif ukoll ir-regoli dwar l-eliġibbiltà tan-nefqa.
4. Meta l-programmi jiġu implimentati taħt ġestjoni indiretta minn benefiċjarju tal-IPA III, il-ftehim qafas ta’ sħubija finanzjarja, il-ftehim settorjali, fejn ikun applikabbli, u l-ftehim ta’ finanzjament meqjusa flimkien għandhom jikkonformaw mal-Artikolu 129, mal-Artikolu 155(6) u mal-Artikolu 158 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.
5. Il-Ftehim qafas ta’ sħubija finanzjarja għandu japplika għall-ftehimiet kollha ta’ finanzjament. Ftehimiet settorjali, fejn ikun rilevanti, għandhom japplikaw għall-ftehimiet ta’ finanzjament kollha konklużi fir-rigward tal-qasam jew programm ta’ politika koperti mill-ftehim settorjali.
6. Minbarra l-elementi previsti fl-Artikolu 130 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, il-ftehimiet qafas ta’ sħubija finanzjarja u, fejn rilevanti, il-ftehimiet settorjali għandhom jistabbilixxu, b’mod partikolari, dispożizzjonijiet dettaljati dwar:
|
(a) |
l-istrutturi u l-awtoritajiet meħtieġa għall-ġestjoni, il-kontroll, is-sorveljanza, il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni, ir-rapportar u l-awditjar tal-assistenza tal-IPA III, kif ukoll il-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom; |
|
(b) |
il-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti ta’ kontroll għall-istabbiliment tal-istrutturi u l-awtoritajiet meħtieġa mill-benefiċjarju tal-IPA III sabiex ikun possibbli l-inkarigu tal-kompiti ta’ implimentazzjoni baġitarja tal-assistenza tal-IPA III; |
|
(c) |
ir-regoli dwar taxxi, dazji u imposti f’konformità mal-Artikolu 27(9) u (10) tar-Regolament (UE) 2021/947; |
|
(d) |
ir-rekwiżiti għall-pagamenti, l-eżaminazzjoni u l-aċċettazzjoni tal-kontijiet u tal-proċeduri ta’ korrezzjonijiet finanzjarji, id-diżimpenn ta’ fondi mhux użati u l-għeluq tal-programmi. |
Artikolu 6
Rapportar
Sal-15 ta’ Frar tas-sena finanzjarja segwenti, in-NIPAC għandu jipprovdi lill-Kummissjoni b’rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-assistenza finanzjarja taħt l-IPA III. Rekwiżiti oħrajn ta’ rapportar huma stabbiliti fil-ftehim qafas ta’ sħubija finanzjarja.
Artikolu 7
Kumitat ta’ monitoraġġ tal-IPA
1. Il-Kummissjoni u l-benefiċjarju tal-IPA III għandhom iwaqqfu kumitat ta’ monitoraġġ tal-IPA mhux aktar tard minn sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ tal-ewwel ftehim ta’ finanzjament. Dan il-kumitat għandu jissodisfa wkoll ir-responsabbiltajiet tal-kumitat ta’ monitoraġġ tal-IPA skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 (5) u r-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).
2. Il-kumitat ta’ monitoraġġ tal-IPA għandu jirrieżamina l-effettività, l-effiċjenza, il-kwalità, il-koerenza, il-koordinazzjoni u l-konformità ġenerali tal-implimentazzjoni tal-azzjonijiet kollha lejn il-kisba tar-riżultati stabbiliti fil-ftehimiet ta’ finanzjament u fil-qafas ta’ programmazzjoni tal-IPA III. Għal dan l-għan, fejn rilevanti, huwa għandu jibbaża ruħu fuq l-informazzjoni pprovduta mill-kumitati ta’ monitoraġġ settorjali msemmija fl-Artikolu 10 u minn strutturi ta’ koordinazzjoni ċentrali eżistenti oħrajn tal-benefiċjarju tal-IPA III.
3. Il-kumitat ta’ monitoraġġ tal-IPA għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Kummissjoni, tan-NIPAC, u ta’ awtoritajiet u korpi rilevanti oħrajn tal-benefiċjarju tal-IPA III, u fejn ikun rilevanti, donaturi bilaterali, organizzazzjonijiet internazzjonali, istituzzjonijiet finanzjarji u partijiet ikkonċernati oħrajn internazzjonali, inklużi s-soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet tas-settur privat.
4. Rappreżentant tal-Kummissjoni u tan-NIPAC għandu jikkopresjedi l-laqgħat tal-kumitat ta’ monitoraġġ tal-IPA.
5. Il-kumitat ta’ monitoraġġ tal-IPA għandu jadotta r-regoli tiegħu ta’ proċedura.
6. Il-kumitat ta’ monitoraġġ tal-IPA għandu jiltaqa’ mill-anqas darba fis-sena. Fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni jew tal-benefiċjarju tal-IPA III jistgħu jissejħu laqgħat ad hoc, partikolarment fuq bażi tematika.
TITOLU II
ĠESTJONI INDIRETTA MILL-BENEFIĊJARJI TAL-IPA III
Artikolu 8
Strutturi u awtoritajiet
1. Fil-każ ta’ ġestjoni indiretta mill-benefiċjarju tal-IPA III, l-istrutturi u l-awtoritajiet li ġejjin għandhom jiġu stabbiliti mill-benefiċjarju tal-IPA III:
|
(a) |
il-Koordinatur Nazzjonali tal-IPA (NIPAC); |
|
(b) |
l-Uffiċjal Nazzjonali tal-Awtorizzazzjoni (NAO); |
|
(c) |
l-Istruttura ta’ Ġestjoni magħmula mill-Uffiċċju ta’ Appoġġ u mill-Korp tal-Kontabilità tal-NAO; |
|
(d) |
l-Awtoritajiet ta’ Ġestjoni u l-Korpi Intermedji; |
|
(e) |
l-Awtorità tal-Awditjar. |
2. Ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-istrutturi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu definiti fil-ftehim qafas ta’ sħubija finanzjarja.
3. Il-benefiċjarju tal-IPA III għandu jiżgura s-segregazzjoni adegwata tad-dmirijiet bejn l-istrutturi u l-awtoritajiet imsemmijin fil-paragrafi 1, kif ukoll fi ħdanhom.
Artikolu 9
Ġestjoni indiretta ma’ benefiċjarju tal-IPA III
1. Il-Kummissjoni tista’ timplimenta l-assistenza tal-IPA III f’ġestjoni indiretta ma’ benefiċjarju tal-IPA III billi tikkonkludi ftehim ta’ finanzjament f’konformità mal-Artikoli 154 u 158 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.
2. Qabel ma tiffirma ftehim ta’ finanzjament, il-Kummissjoni għandha tikseb evidenza li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 154(4), l-ewwel subparagrafu, il-punti (a) sa (f), tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 jkunu ssodisfati. Il-Kummissjoni għandha tiżgura wkoll li l-istrutturi u l-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 8 ta’ dan ir-Regolament ikunu ġew stabbiliti.
3. L-NAO għandu jimmonitorja t-twettiq kontinwu min-naħa tal-istruttura u tal-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 8 tar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. F’każ li dawn ir-rekwiżiti jonqsu milli jiġu ssodisfati, l-NAO għandu jinforma lill-Kummissjoni minnufih, u għandu jieħu l-miżuri ta’ salvagwardja xierqa rigward il-pagamenti li jsiru jew il-kuntratti ffirmati.
4. Il-programmi pluriennali koperti minn ftehim ta’ finanzjament u li jagħmlu użu mid-dispożizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(3) tar-Regolament (UE) 2021/947 għandhom jiġu implimentati f’ġestjoni indiretta mal-benefiċjarji tal-IPA III. Id-deċiżjonijiet li jadottaw pjanijiet ta’ azzjoni pluriennali kif imsemmi fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2021/947 għandhom, fejn ikun xieraq, jinkludu lista indikattiva ta’ proġetti kbar. Il-Kummissjoni għandha tapplika t-tieni u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 30(3) tar-Regolament (UE) 2021/947, sakemm ma tkunx ġiet speċifikata skadenza aktar bikrija għad-diżimpenji awtomatiċi fi ftehim settorjali jew ta’ finanzjament.
5. L-ammont ikkonċernat mid-diżimpenn imsemmi fil-paragrafu 4 għandu jitnaqqas bl-ammonti ekwivalenti għal dik il-parti tal-impenn baġitarju li għaliha tapplika waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
l-azzjoni tkun ġiet sospiża minn proċediment ġudizzjarju jew appell amministrattiv li jkollhom effett ta’ sospensjoni; |
|
(b) |
ma jkunx possibbli li ssir talba għall-ħlas minħabba raġunijiet ta’ forza maġġuri li jaffettwaw b’mod serju l-implimentazzjoni tal-programm kollu kemm hu jew parti minnu. |
Il-benefiċjarju tal-IPA III li jiddikjara forza maġġuri għandu juri l-konsegwenzi diretti tal-forza maġġuri fuq l-implementazzjoni tal-programm kollu kemm hu jew parti minnu.
6. Il-benefiċjarju tal-IPA III għandu jibgħat lill-Kummissjoni informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu fir-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 6.
Artikolu 10
Kumitati ta’ monitoraġġ settorjali
1. Il-benefiċjarju tal-IPA III għandu jistabbilixxi kumitati ta’ monitoraġġ settorjali tal-IPA sabiex jimmonitorjaw programmi annwali u pluriennali implimentati f’ġestjoni indiretta mill-benefiċjarju tal-IPA III, li huma ffinanzjati skont ir-Regolament (KE) Nru 1085/2006, ir-Regolament (UE) Nru 231/2014 u r-Regolament (UE) 2021/1529 f’settur speċifiku. Dawn il-kumitati għandhom jiġu stabbiliti mhux aktar tard minn sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ tal-ewwel ftehim ta’ finanzjament f’dak is-settur.
2. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, fil-każ ta’ programmi annwali implimentati f’ġestjoni indiretta, l-obbligu li jiġi stabbilit kumitat ta’ monitoraġġ settorjali tal-IPA jista’ jitneħħa fil-ftehim ta’ finanzjament.
3. Fejn ikun ġie stabbilit kumitat ta’ monitoraġġ settorjali tal-IPA, dan il-kumitat jista’, minbarra l-programmi pluriennali implimentati fil-ġestjoni indiretta, jimmonitorja programmi annwali oħra ffinanzjati skont ir-Regolament (KE) Nru 1085/2006, ir-Regolament (UE) Nru 231/2014 u r-Regolament (UE) 2021/1529 implimentati b’ġestjoni diretta jew indiretta fl-istess settur speċifiku.
4. Għall-programmi ta’ kooperazzjoni transfruntiera, il-Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ imsemmi fl-Artikolu 18 għandu jissodisfa l-funzjonijiet tal-kumitat ta’ monitoraġġ settorjali tal-IPA.
5. Kull kumitat ta’ monitoraġġ settorjali tal-IPA għandu jimmonitorja l-progress tal-implimentazzjoni tal-programm. Huwa għandu jirrieżamina l-effettività, l-effiċjenza, il-kwalità, il-koerenza, il-koordinazzjoni u l-konformità tal-implimentazzjoni tal-azzjonijiet fil-programm u l-konsistenza tagħhom mal-istrateġiji rilevanti.
6. Kull kumitat ta’ monitoraġġ settorjali tal-IPA għandu jadotta r-regoli tiegħu ta’ proċedura.
7. Il-kumitat ta’ monitoraġġ settorjali tal-IPA għandu jkun magħmul minn rappreżentanti ta’ awtoritajiet u korpi benefiċjarji rilevanti tal-IPA III, partijiet ikkonċernati oħrajn bħal sħab ekonomiċi, soċjali u ambjentali u organizzazzjonijiet internazzjonali, istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u s-soċjetà ċivili. Il-Kummissjoni għandha tipparteċipa fil-ħidma tal-kumitat. Il-laqgħat tal-kumitat ta’ monitoraġġ settorjali tal-IPA għandhom ikunu ppreseduti minn rappreżentant għoli tal-benefiċjarju tal-IPA III. Il-Kummissjoni tista’ tikkopresjedi l-laqgħat tal-kumitat, skont il-qasam jew il-programm ta’ politika.
8. Il-kumitati ta’ monitoraġġ settorjali tal-IPA għandhom jiltaqgħu mill-anqas darbtejn kull 12-il xahar.
Artikolu 11
Evalwazzjonijiet mill-benefiċjarju tal-IPA III f’ġestjoni indiretta
1. Il-benefiċjarju tal-IPA III li jimplimenta l-assistenza tal-IPA III f’ġestjoni indiretta għandu jkun responsabbli għat-twettiq ta’ evalwazzjonijiet tal-programmi li jimmaniġġa, f’konformità mal-Artikolu 34 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, l-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2021/947 u l-linji gwida applikabbli tal-Kummissjoni.
2. Il-benefiċjarju tal-IPA III għandu, f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni, ifassal pjan ta’ evalwazzjoni li jippreżenta l-attivitajiet ta’ evalwazzjoni li għandhom jitwettqu.
Artikolu 12
Korrezzjonijiet finanzjarji mill-Kummissjoni
1. Sabiex jiġi żgurat li l-assistenza tal-IPA III tkun intużat f’konformità mar-regoli applikabbli, il-Kummissjoni għandha tapplika mekkaniżmi ta’ korrezzjoni finanzjarja.
2. Jista’ jinqala’ l-bżonn ta’ korrezzjoni finanzjarja minħabba xi waħda mir-raġunijiet li ġejjin:
|
(a) |
l-identifikazzjoni ta’ kwalunkwe żball, irregolarità, frodi, korruzzjoni; |
|
(b) |
l-identifikazzjoni ta’ dgħufija jew nuqqas fis-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll tal-benefiċjarju tal-IPA III; |
|
(c) |
in-nuqqas li tiġi żgurata l-kisba tar-riżultati jew tas-sostenibbiltà tal-azzjoni, jew it-tnejn li huma; |
|
(d) |
segwitu mill-Kummissjoni dwar ir-rapporti tal-attività tal-awditjar u l-opinjonijiet tal-awtorità tal-awditjar. |
3. Jekk il-Kummissjoni ssib li n-nefqa taħt il-programmi koperti mill-IPA III tkun iġġarrbet u tħallset b’mod li jkun kiser ir-regoli applikabbli, hija għandha tiddeċiedi liema ammonti għandhom jiġu esklużi mill-finanzjament mill-Unjoni.
4. Il-korrezzjonijiet finanzjarji għandhom isiru kif xieraq permezz ta’ kumpens, fis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2.
5. Il-Kummissjoni għandha tapplika l-korrezzjonijiet finanzjarji abbażi tal-identifikazzjoni tal-ammonti li jkunu ntefqu indebitament, u tal-implikazzjonijiet finanzjarji għall-baġit. Meta ammonti bħal dawn ma jkunux jistgħu jiġu identifikati preċiżament sabiex jiġu applikati korrezzjonijiet individwali, il-Kummissjoni tista’ tapplika korrezzjonijiet b’rata fissa jew korrezzjonijiet abbażi ta’ estrapolazzjoni tas-sejbiet. Meta tiddeċiedi l-ammont ta’ korrezzjoni, il-Kummissjoni għandha tqis in-natura u l-gravità u/jew il-firxa u l-implikazzjonijiet finanzjarji ta’ kwalunkwe sitwazzjoni msemmija fil-paragrafu 2.
Artikolu 13
Eżaminazzjoni u aċċettazzjoni tal-kontijiet
Il-Kummissjoni għandha tkun issodisfata li l-kontijiet ikunu kompluti, akkurati u veri billi tapplika proċedura ta’ eżaminazzjoni u ta’ aċċettazzjoni tal-kontijiet speċifikata fil-ftehim qafas ta’ sħubija finanzjarja, jew fil-ftehim settorjali, fejn ikun applikabbli.
TITOLU III
IL-KOOPERAZZJONI TRANSFRUNTIERA BEJN IL-BENEFIĊJARJI TAL-IPA III
Artikolu 14
Prijoritajiet tematiċi u kofinanzjament
1. Il-prijoritajiet tematiċi tal-assistenza tal-IPA III għall-kooperazzjoni transfruntiera għandhom ikunu dawk definiti fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2021/1529.
2. Ir-rata ta’ kofinanzjament tal-Unjoni fil-livell ta’ kull prijorità tematika ma għandhiex tkun ogħla minn 85 % tan-nefqa eliġibbli ta’ programm ta’ kooperazzjoni transfruntiera.
Artikolu 15
Assistenza teknika
1. Kull programm ta’ kooperazzjoni transfruntiera għandu jinkludi allokazzjoni baġitarja speċifika għall-appoġġ għall-assistenza teknika, li għandha tkun limitata għal 10 % tal-kontribuzzjoni tal-UE għall-programm ta’ kooperazzjoni transfruntiera.
L-assistenza teknika tista’ tappoġġa l-ġestjoni preparatorja, il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni, l-informazzjoni, il-komunikazzjoni, in-networking, ir-riżoluzzjoni ta’ ilment, l-attivitajiet ta’ kontroll u ta’ awditjar relatati mal-implimentazzjoni tal-programm kif ukoll l-attivitajiet sabiex tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva għall-implimentazzjoni tal-programm. L-assistenza teknika b’mod partikolari tista’ tappoġġa l-finanzjament tas-Segretarjat Tekniku Konġunt, l-attivitajiet għat-tnaqqis tal-piż amministrattiv għall-benefiċjarji, inklużi s-sistemi tal-iskambju tad-data elettronika, u azzjonijiet li jirrinfurzaw il-kapaċità u l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-awtoritajiet fil-pajjiżi parteċipanti u tal-benefiċjarji biex jimmaniġġjaw l-assistenza tal-IPA III.
2. L-appoġġ għall-assistenza teknika jista’ jikkonċerna wkoll il-perjodi ta’ programmazzjoni preċedenti u sussegwenti.
Artikolu 16
Programmazzjoni u għażla tal-operazzjonijiet
1. Il-programmi ta’ kooperazzjoni transfruntiera għandhom jitfasslu f’konformità mal-programm mudell li tipprovdi l-Kummissjoni u għandhom jitħejjew flimkien mal-benefiċjarji parteċipanti tal-IPA III u ppreżentati lill-Kummissjoni b’mezzi elettroniċi. Il-benefiċjarji parteċipanti tal-IPA III u l-Kummissjoni għandhom jaqblu dwar il-lista ta’ reġjuni eliġibbli, li għandha tiġi inkluża fil-programm ta’ kooperazzjoni transfruntiera rilevanti.
2. L-operazzjonijiet magħżula taħt programm ta’ kooperazzjoni transfruntiera għandhom iwasslu impatti u benefiċċji transfruntieri ċari.
3. L-operazzjonijiet taħt il-programmi ta’ kooperazzjoni transfruntiera għandhom jintgħażlu mill-awtorità kontraenti permezz ta’ sejħiet għal proposti li jkopru l-qasam eliġibbli kollu.
4. Il-benefiċjarji parteċipanti tal-IPA III jistgħu wkoll jidentifikaw operazzjonijiet barra minn sejħa għal proposti. F’dak il-każ, l-operazzjonijiet għandhom jissemmew b’mod speċifiku fil-programm ta’ kooperazzjoni transfruntiera msemmi fil-paragrafu 1.
5. Operazzjonijiet magħżula għal kooperazzjoni transfruntiera għandhom jinvolvu benefiċjarji minn mill-anqas żewġ benefiċjarji parteċipanti tal-IPA III. Il-benefiċjarji għandhom jikkooperaw fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet. Barra minn hekk, huma għandhom jikkooperaw jew fl-għażla tal-persunal jew fil-finanzjament tal-operazzjonijiet, jew fit-tnejn li huma.
6. Operazzjoni tista’ tiġi implimentata f’benefiċjarju wieħed tal-IPA III parteċipanti, dment li jiġu identifikati impatti u benefiċċji transfruntieri.
Artikolu 17
Benefiċjarji
1. Il-benefiċjarji għandhom jiġu stabbiliti f’benefiċjarju tal-IPA III li jkun qiegħed jipparteċipa fil-programm.
2. Il-benefiċjarji għandhom jaħtru wieħed minn fosthom bħala benefiċjarju prinċipali. Il-benefiċjarju prinċipali għandu jiżgura l-implimentazzjoni tal-operazzjoni kollha, jimmonitorja li dik l-operazzjoni tkun qiegħda tiġi implimentata f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-kuntratt, u jistabbilixxi l-arranġamenti mal-benefiċjarji l-oħrajn sabiex tkun garantita ġestjoni finanzjarja tajba tal-fondi allokati għall-operazzjoni, inklużi l-arranġamenti għall-irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament.
Artikolu 18
Strutturi u awtoritajiet
1. L-istrutturi li ġejjin għandhom ikunu involuti fil-ġestjoni tal-programmi ta’ kooperazzjoni transfruntiera fil-benefiċjarji tal-IPA III:
|
(a) |
in-NIPACs tal-benefiċjarji tal-IPA III li jipparteċipaw fil-programm ta’ kooperazzjoni transfruntiera, li huma responsabbli b’mod konġunt biex jiżguraw li l-objettivi stabbiliti fil-programmi ta’ kooperazzjoni transfruntiera proposti jkunu konsistenti mal-objettivi fil-qafas ta’ programmazzjoni tal-IPA III; |
|
(b) |
l-NAO u l-Istruttura ta’ Ġestjoni, imsemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 8(1), tal-benefiċjarju prinċipali tal-IPA III meta l-programm transfruntier jiġi implimentat f’ġestjoni indiretta; |
|
(c) |
l-istrutturi ta’ kooperazzjoni transfruntiera fil-benefiċjarji tal-IPA parteċipanti kollha li għandhom jikkooperaw mill-qrib fil-programmazzjoni u l-implimentazzjoni tal-programm rilevanti ta’ kooperazzjoni transfruntiera. Fil-każ ta’ ġestjoni indiretta, l-istruttura ta’ kooperazzjoni transfruntiera tal-benefiċjarju prinċipali tal-IPA III għandha twettaq il-kompiti tal-Awtorità Maniġerjali msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 8(1). L-Awtorità Maniġerjali għandha taħtar korpi intermedji; |
|
(d) |
l-Awtorità tal-Awditjar imsemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 8(1), meta l-programm transfruntier jiġi implimentat f’ġestjoni indiretta mal-benefiċjarju tal-IPA III. Meta l-Awtorità tal-Awditjar ma jkollhiex l-awtorizzazzjoni li twettaq il-funzjonijiet tagħha fit-territorju kollu kopert bi programm ta’ kooperazzjoni transfruntiera, din għandha tiġi megħjuna minn grupp ta’ awdituri li jkun jinkludi rappreżentanti minn kull pajjiż parteċipanti fil-programm ta’ kooperazzjoni transfruntiera. |
2. Ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-istrutturi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu definiti aktar fil-ftehim qafas ta’ sħubija finanzjarja.
3. Il-benefiċjarji parteċipanti tal-IPA III, għal kull programm ta’ kooperazzjoni transfruntiera, għandhom jistabbilixxu Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ (Joint Monitoring Committee, “JMC”) li għandu jissodisfa wkoll ir-rwol tal-kumitat ta’ monitoraġġ settorjali msemmi fl-Artikolu 10.
4. Għandu jiġi stabbilit Segretarjat Tekniku Konġunt (Joint Technical Secretariat, “JTS”), biex jassisti lill-Kummissjoni kif ukoll lil strutturi u lil awtoritajiet oħrajn inkluż il-JMC. L-istess JTS jista’ jassisti fit-tħejjija u fl-implimentazzjoni ta’ aktar minn programm wieħed ta’ kooperazzjoni transfruntiera.
5. Fil-ġestjoni indiretta mill-benefiċjarju tal-IPA III, il-benefiċjarji parteċipanti tal-IPA III għandhom jikkonkludu arranġament bilaterali jew multilaterali li jistabbilixxi r-responsabilitajiet rispettivi tagħhom għall-implimentazzjoni tal-programm ta’ kooperazzjoni transfruntiera rilevanti. Ir-rekwiżiti minimi għal arranġament bħal dan għandhom jiġu definiti fil-ftehim qafas ta’ sħubija finanzjarja.
Artikolu 19
Dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ finanzjament
Il-programmi ta’ kooperazzjoni transfruntiera taħt l-IPA III għandhom jiġu implimentati f’ġestjoni diretta jew indiretta, permezz ta’ programmi pluriennali.
TITOLU IV
AGRIKOLTURA U ŻVILUPP RURALI
Artikolu 20
Dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ assistenza għall-iżvilupp rurali
1. L-assistenza għall-iżvilupp rurali għandha tkun soġġetta għal programm pluriennali, li huwa pjan ta’ azzjoni pluriennali f’konformità mal-Artikolu 23 u 24 tar-Regolament (UE) 2021/947, li għandu jitfassal fil-livell ċentrali, jitħejja mill-awtoritajiet rilevanti maħtura mill-benefiċjarju tal-IPA III, u jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati xierqa.
2. Il-programmi ta’ żvilupp rurali għandhom jiġu implimentati mill-benefiċjarji tal-IPA III b’ġestjoni indiretta f’konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 62(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, u għandhom jippermettu l-finanzjament ta’ tipi magħżula ta’ azzjonijiet kif iffinanzjati skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali.
3. Għall-programmi ta’ żvilupp rurali, l-istrutturi msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 8(1) għandhom jikkonsistu mill-Aġenzija tal-Iżvilupp Rurali tal-IPA (IPARD) u mill-Awtorità Maniġerjali tal-IPARD, li għandhom joperaw f’kooperazzjoni mill-qrib.
4. Sabiex jiġi ddeterminat is-sehem tan-nefqa pubblika bħala perċentwal tal-kost eliġibbli totali ta’ investiment, ma għandhiex tiġi kkunsidrata l-għajnuna nazzjonali sabiex tiffaċilita l-aċċess għal selfiet maħruġa mingħajr l-ebda kontribuzzjoni tal-Unjoni prevista fir-Regolament (UE) 2021/1529.
5. Il-proġetti ta’ investiment taħt programmi ta’ żvilupp rurali għandhom jibqgħu eliġibbli għall-finanzjament mill-Unjoni dment li ma jkunux soġġetti għal modifika sostanzjali fi żmien ħames snin mill-pagament finali.
6. Għal programmi ta’ żvilupp rurali, il-kumitat ta’ monitoraġġ settorjali msemmi fl-Artikolu 10 għandu jkun il-kumitat ta’ monitoraġġ settorjali tal-IPARD.
TITOLU V
DISPOŻIZZJONI FINALI
Artikolu 21
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Diċembru 2021.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 330, 20.9.2021, p. 1.
(2) Ir-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali, li jemenda u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE u jħassar ir-Regolament (UE) 2017/1601 u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 (ĠU L 209, 14.6.2021, p. 1).
(3) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).
(4) Ir-Regolament (UE) 2021/1059 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-mira tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea (Interreg) appoġġata mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u mill-istrumenti ta’ finanzjament estern (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 94).
(5) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 tas-17 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA) (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 82).
(6) Ir-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA II) (ĠU L 77, 15.3.2014, p. 11).