This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32021R2119
Commission Implementing Regulation (EU) 2021/2119 of 1 December 2021 laying down detailed rules on certain records and declarations required from operators and groups of operators and on the technical means for the issuance of certificates in accordance with Regulation (EU) 2018/848 of the European Parliament and of the Council and amending Commission Implementing Regulation (EU) 2021/1378 as regards the issuance of the certificate for operators, groups of operators and exporters in third countries
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2119 tal-1 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar ċerti rekords u dikjarazzjonijiet meħtieġa mill-operaturi u mill-gruppi ta’ operaturi u dwar il-mezzi tekniċi għall-ħruġ taċ-ċertifikati f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1378 fir-rigward tal-ħruġ taċ-ċertifikati għall-operaturi, għall-gruppi ta’ operaturi u għall-esportaturi fil-pajjiżi terzi
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2119 tal-1 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar ċerti rekords u dikjarazzjonijiet meħtieġa mill-operaturi u mill-gruppi ta’ operaturi u dwar il-mezzi tekniċi għall-ħruġ taċ-ċertifikati f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1378 fir-rigward tal-ħruġ taċ-ċertifikati għall-operaturi, għall-gruppi ta’ operaturi u għall-esportaturi fil-pajjiżi terzi
C/2021/8546
ĠU L 430, 2.12.2021, p. 24–27
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 18/11/2022
2.12.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 430/24 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2119
tal-1 ta’ Diċembru 2021
li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar ċerti rekords u dikjarazzjonijiet meħtieġa mill-operaturi u mill-gruppi ta’ operaturi u dwar il-mezzi tekniċi għall-ħruġ taċ-ċertifikati f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1378 fir-rigward tal-ħruġ taċ-ċertifikati għall-operaturi, għall-gruppi ta’ operaturi u għall-esportaturi fil-pajjiżi terzi
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 35(10), l-Artikolu 39(2)(a) u (b) u l-Artikolu 45(4) tiegħu,
Billi:
(1) |
F’konformità mal-Artikolu 35(1)(a) tar-Regolament (UE) 2018/848, iċ-ċertifikat ipprovdut mill-awtoritajiet kompetenti jew, fejn xieraq, mill-awtoritajiet ta’ kontroll jew mill-korpi ta’ kontroll lil operaturi jew gruppi ta’ operaturi, għandu jinħareġ f’forma elettronika kull fejn ikun possibbli. Bl-iżvilupp u l-varar sħiħ tas-Sistema elettronika tal-Kontroll tal-Kummerċ u tal-Esperti veterinarji (TRACES) imsemmija fl-Artikolu 2(36) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1715 (2), il-ħruġ taċ-ċertifikati f’forma elettronika se jsir possibbli mill-1 ta’ Jannar 2023 għall-awtoritajiet kompetenti, l-awtoritajiet ta’ kontroll u l-korpi ta’ kontroll kollha fl-Unjoni. Għal din ir-raġuni, huwa meħtieġ li jiġi previst li ċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2018/848 għandu jinħareġ f’forma elettronika, bl-użu ta’ TRACES mill-1 ta’ Jannar 2023. |
(2) |
Ir-Regolament (UE) 2018/848 jirrikjedi li l-operaturi u l-gruppi ta’ operaturi jżommu rekords biex juru l-konformità tagħhom ma’ dak ir-Regolament. Ċerti rekwiżiti minimi ta’ żamma ta’ rekords u dettalji huma stabbiliti fl-Artikolu 9(10)(c), u l-Artikolu 34(5) tar-Regolament (UE) 2018/848 u fl-Annessi II u III ta’ dak ir-Regolament. |
(3) |
F’konformità mar-regoli ġenerali tal-produzzjoni tar-Regolament (UE) 2018/848, għandhom jiġu stabbiliti miżuri preventivi u ta’ prekawzjoni, fejn xieraq, f’kull stadju tal-produzzjoni, tal-preparazzjoni u tad-distribuzzjoni. Għal dik ir-raġuni, il-kontrolli uffiċjali rilevanti jinkludu, b’mod partikolari, il-verifika tal-applikazzjoni ta’ tali miżuri mill-operaturi u mill-gruppi ta’ operaturi. Għalkemm l-applikazzjoni ta’ wħud minn dawk il-miżuri tista’ tiġi vverifikata permezz ta’ spezzjonijiet fiżiċi fuq il-post, għal miżuri oħra huma meħtieġa rekords biex tintwera l-applikazzjoni tagħhom. Għalhekk, l-operaturi u l-gruppi ta’ operaturi jenħtieġ li jżommu dawk ir-rekords biex ikunu jistgħu jipprovdu evidenza meta jkun meħtieġ. Pereżempju, evidenza ta’ miżuri meħuda biex tiġi evitata l-kontaminazzjoni ma’ prodotti u sustanzi mhux awtorizzati u t-taħlit ma’ prodotti mhux organiċi tista’ tiġi pprovduta billi tinżamm prova tat-tindif tal-faċilitajiet, it-tagħmir u l-vetturi tat-trasport, u prova tat-taħriġ. |
(4) |
Il-kontijiet dokumentarji huma rilevanti wkoll għall-finijiet ta’ traċċabbiltà u l-bilanċ tal-massa, u konsegwentement għall-valutazzjoni tal-konformità mar-Regolament (UE) 2018/848. Il-kontrolli tat-traċċabbiltà u tal-bilanċ tal-massa skont ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/771 (3) ikopru informazzjoni speċifika li trid tiġi ġġustifikata minn dokumenti xierqa. L-operaturi u l-gruppi ta’ operaturi jeħtieġu jżommu dawk id-dokumenti sabiex jipprovdu evidenza tal-konformità tal-attivitajiet tagħhom. |
(5) |
F’konformità mal-Artikolu 38(2) tar-Regolament (UE) 2018/848, il-kontrolli uffiċjali għandhom jitwettqu b’mod partikolari abbażi tal-probabbiltà ta’ nuqqas ta’ konformità. Għal dak il-għan, l-awtoritajiet kompetenti jew, fejn xieraq, l-awtoritajiet ta’ kontroll jew il-korpi ta’ kontroll jeħtieġu informazzjoni rilevanti. Għalhekk, L-Artikolu 39(1)(b) tar-Regolament (UE) 2018/848 jirrikjedi li l-operaturi u l-gruppi ta’ operaturi jagħmlu d-dikjarazzjonijiet u l-komunikazzjonijiet l-oħra kollha li huma meħtieġa għall-kontrolli uffiċjali. Barra minn hekk, l-Artikolu 39(1)(d)(i) ta’ dak ir-Regolament, inter alia, jirrikjedi deskrizzjoni sħiħa tal-unitajiet ta’ produzzjoni organika jew fil-fażi ta’ konverżjoni tagħhom u tal-attivitajiet tagħhom. |
(6) |
Sabiex jiġi żgurat li l-kontrolli uffiċjali jistgħu jiġu ppjanati b’mod xieraq, huwa meħtieġ li tiġi speċifikata l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża f’dawk id-dikjarazzjonijiet u komunikazzjonijiet oħra, b’mod partikolari, informazzjoni relatata mal-attivitajiet li huma sottokuntrattati u ċerti dettalji tal-unitajiet ta’ produzzjoni u bini, faċilitajiet u unitajiet oħra użati għall-attivitajiet tal-operaturi u tal-gruppi ta’ operaturi, u l-previżjoni ppjanata tal-produzzjoni. |
(7) |
F’konformità mal-Artikolu 1, l-ewwel paragrafu u t-tieni paragrafu, il-punt (a), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1378 (4), li japplika mill-1 ta’ Jannar 2022, l-awtoritajiet ta’ kontroll u l-korpi ta’ kontroll rikonoxxuti f’konformità mal-Artikolu 46(1) tar-Regolament (UE) 2018/848 għandhom jipprovdu lill-operaturi, lill-gruppi ta’ operaturi u lill-esportaturi f’pajjiżi terzi li kienu soġġetti għall-kontrolli msemmija fl-Artikolu 45(1), il-punt (b) (i), ta’ dak ir-Regolament b’ċertifikat, li għandu jinħareġ f’forma elettronika u bl-użu ta’ TRACES. Billi l-użu ta’ TRACES mhux se jkun possibbli qabel l-1 ta’ Jannar 2023, jenħtieġ li jiġi differit l-obbligu li tintuża TRACES ukoll fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1378. |
(8) |
Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1378 jiġi emendat skont dan. |
(9) |
Fl-interess taċ-ċarezza u taċ-ċertezza legali, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/848. Madankollu, jenħtieġ li d-dispożizzjoni dwar l-użu ta’ TRACES tapplika mill-1 ta’ Jannar 2023. |
(10) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Produzzjoni Organika, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ħruġ taċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 35(1) tar-Regolament (UE) 2018/848 f’forma elettronika
Iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 35(1) tar-Regolament (UE) 2018/848 għandu jinħareġ kif ġej:
(a) |
f’konformità mal-mudell stabbilit fl-Anness VI tar-Regolament (UE) 2018/848; |
(b) |
f’forma elettronika, bl-użu tas-Sistema Elettronika tal-Kontroll tal-Kummerċ u tal-Esperti Veterinarji (TRACES) imsemmija fil-punt (36) tal-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1715. |
Artikolu 2
Reġistri li għandhom jinżammu mill-operaturi u mill-gruppi ta’ operaturi
1. L-operaturi u l-gruppi ta’ operaturi għandhom iżommu d-dokumenti kollha meħtieġa, inklużi rekords tal-istokk u dawk finanzjarji, li jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti jew, fejn xieraq, lill-awtoritajiet ta’ kontroll jew lill-korpi ta’ kontroll, iwettqu, b’mod partikolari, il-kontrolli li ġejjin:
(a) |
kontrolli fuq il-miżuri preventivi u prekawzjonarji meħuda f'konformità mal-Artikolu 9(6) u l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) 2018/848; |
(b) |
il-verifika tat-traċċabilità f’konformità mal-Artikolu 1(4) tar-Regolament Delegat (UE) 2021/771; |
(c) |
il-verifika tal-bilanċ tal-massa f’konformità mal-Artikolu 1(5) tar-Regolament Delegat (UE) 2021/771. |
2. Id-dokumenti li għandhom jinżammu għall-finijiet tal-verifiki msemmija fil-paragrafu 1, punt (a), għandhom jinkludu, b’mod partikolari, dokumenti li jikkonfermaw li l-operatur jew il-grupp ta’ operaturi ħa l-miżuri proporzjonati u xierqa sabiex:
(a) |
jiġu evitati l-pesti u l-mard; |
(b) |
tiġi evitata l-kontaminazzjoni ma’ prodotti u sustanzi li mhumiex awtorizzati għall-użu fil-produzzjoni organika f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/848 u t-taħlit ma’ prodotti mhux organiċi. |
Artikolu 3
Dikjarazzjonijiet u komunikazzjonijiet oħra meħtieġa għall-kontrolli uffiċjali
L-operaturi u l-gruppi ta’ operaturi għandhom jinkludu l-informazzjoni li ġejja fid-dikjarazzjonijiet jew fil-komunikazzjonijiet tagħhom skont l-Artikolu 39(1)(b) tar-Regolament (UE) 2018/848 lill-awtorità kompetenti, lill-awtorità ta’ kontroll jew lill-korp ta’ kontroll li jwettaq il-kontrolli uffiċjali:
(a) |
liema attivitajiet koperti miċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 35(1) tar-Regolament (UE) 2018/848 huma sottokuntrattati; |
(b) |
l-indirizz jew il-ġeolokalizzazzjoni tal-unitajiet ta’ produzzjoni organika, fil-fażi ta’ konverżjoni u mhux organika, iż-żona tal-ġbir ta’ pjanti selvaġġi jew tal-alga u ta’ bini u unitajiet oħra użati għall-attivitajiet tagħhom; |
(c) |
fil-każ ta’ azjendi maqsuma f’unitajiet ta’ produzzjoni differenti f’konformità mal-Artikolu 9(7) tar-Regolament (UE) 2018/848, id-deskrizzjoni u l-indirizz jew il-ġeolokalizzazzjoni tal-unitajiet tal-produzzjoni mhux organika; |
(d) |
il-previżjoni ppjanata tal-produzzjoni tagħhom. |
Dawk id-dikjarazzjonijiet u l-komunikazzjonijiet għandhom jiġu aġġornati fejn xieraq.
Artikolu 4
Emenda tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1378
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1378 huwa emendat kif ġej:
(1) |
fl-Artikolu 1, il-punt (a) tat-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
(*1) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1715 tat-30 ta’ Settembru 2019 li jistabbilixxi r-regoli għat-tħaddim tas-sistema ta’ ġestjoni tal-informazzjoni għall-kontrolli uffiċjali u l-komponenti tas-sistema tagħha (“ir-Regolament IMSOC”) (ĠU L 261, 14.10.2019, p. 37).”;" |
(2) |
fl-Artikolu 3, wara t-tieni paragrafu jiżdied il-paragrafu li ġej: “Il-punt (a)(ii) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2023.”. |
Artikolu 5
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2022.
Il-punt (b) tal-Artikolu 1 għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2023.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Diċembru 2021.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 150, 14.6.2018, p. 1.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1715 tat-30 ta’ Settembru 2019 li jistabbilixxi r-regoli għat-tħaddim tas-sistema ta’ ġestjoni tal-informazzjoni għall-kontrolli uffiċjali u l-komponenti tas-sistema tagħha (“ir-Regolament IMSOC”) (ĠU L 261, 14.10.2019, p. 37)
(3) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/771 tal-21 ta’ Jannar 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi kriterji u kundizzjonijiet speċifiċi għall-verifiki tal-kontijiet dokumentarji fil-qafas tal-kontrolli uffiċjali fil-produzzjoni organika u l-kontrolli uffiċjali ta’ gruppi ta’ operaturi (ĠU L 165, 11.5.2021, p. 25).
(4) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1378 tad-19 ta’ Awwissu 2021 li jistabbilixxi ċerti regoli fir-rigward taċ-ċertifikat maħruġ lill-operaturi, lill-gruppi ta’ operaturi u lill-esportaturi f’pajjiżi terzi involuti fl-importazzjonijiet ta’ prodotti organiċi u dawk fil-fażi ta’ konverżjoni fl-Unjoni u jistabbilixxi l-lista ta’ awtoritajiet ta’ kontroll u ta’ korpi ta’ kontroll rikonoxxuti f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 297, 20.8.2021, p. 24).