Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D1210

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1210 tat-22 ta’ Lulju 2021 dwar miżura ta’ assistenza li tieħu l-forma ta’ programm ġenerali ta’ appoġġ għall-Unjoni Afrikana taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi fl-2021

    ST/10255/2021/INIT

    ĠU L 263, 23.7.2021, p. 7–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/1210/oj

    23.7.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 263/7


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/1210

    tat-22 ta’ Lulju 2021

    dwar miżura ta’ assistenza li tieħu l-forma ta’ programm ġenerali ta’ appoġġ għall-Unjoni Afrikana taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi fl-2021

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28(1), u 41(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    F’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 (1), ġiet stabbilita Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) għall-finanzjament mill-Istati Membri tal-azzjonijiet tal-Unjoni fil-qafas tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni biex tinżamm il-paċi, jiġu pprevenuti l-konflitti u tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 21(2), punt (c), tat-Trattat. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 1(2), punt (b)(ii), tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, l-EPF tista’ tiffinanzja miżuri ta’ assistenza biex tappoġġa l-aspetti militari tal-operazzjonijiet ta’ appoġġ għall-paċi mmexxija minn organizzazzjoni reġjonali jew internazzjonali.

    (2)

    Il-miżuri ta’ assistenza taħt l-EPF jistgħu jieħdu l-forma ta’ miżura speċifika jew ta’ programm ġenerali għal appoġġ b’fokus ġeografiku jew tematiku partikolari.

    (3)

    Il-Kunsill jagħraf l-importanza strateġika kontinwa tas-Sħubija Afrika-UE għall-Paċi u s-Sigurtà, skont l-Istrateġija Konġunta Afrika-UE, b’mod partikolari l-qafas ta’ kooperazzjoni stabbilit skont il-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika (APF) u r-rwol ewlieni tal-Unjoni Afrikana (UA) fiż-żamma tal-paċi u s-sigurtà fil-kontinent Afrikan kif speċifikat fl-Artikolu 16 tal-Protokoll relatat mal-istabbiliment tal-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana. Il-Kunsill jibqa’ impenjat għall-bini tal-kapaċitajiet tal-Unjoni Afrikana f’dan il-qasam, billi jipprovdi assistenza għal operazzjonijiet ta’ appoġġ għall-paċi mmexxija mill-Afrika u jsaħħaħ l-Arkitettura Afrikana għall-Paċi u s-Sigurtà lejn l-operazzjonalizzazzjoni sħiħa tagħha, f’konformità mal-Memorandum ta’ Qbil bejn l-Unjoni Ewropea u l-Unjoni Afrikana dwar il-Paċi, is-Sigurtà u l-Governanza tat-23 ta’ Mejju 2018, kif ukoll lejn is-sostenn ta’ mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni stabbiliti, b’mod partikolari approċċ integrat imsejjes fuq is-sħubija, il-konsultazzjoni u l-koordinazzjoni strateġika msaħħa.

    (4)

    Jenħtieġ li tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel tal-appoġġ tal-Unjoni mill-APF għall-EPF permezz tal-adozzjoni ta’ miżura ta’ assistenza li tieħu l-forma ta’ programm ġenerali ta’ appoġġ għall-UA, li jkopri t-tieni nofs tal-2021 (il-‘Miżura ta’ Assistenza’). Huwa mistenni li l-Miżura ta’ Assistenza tiġi segwita minn appoġġ ulterjuri għall-Unjoni Afrikana għall-perijodu 2022-2024. Programm ġenerali jippermetti l-għoti kontinwu ta’ finanzjament affidabbli u prevedibbli għal operazzjonijiet ta’ appoġġ għall-paċi mmexxija mill-Afrika b’mandat jew awtorizzati mill-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-UA, filwaqt li jiżgura wkoll il-flessibbiltà neċessarja għal reazzjoni effettiva u effiċjenti għall-iżviluppi ta’ konflitti fil-kontinent Afrikan. Huwa mistenni li l-azzjonijiet taħt il-Miżura ta’ Assistenza jkunu jistgħu jiġu implimentati minn entitajiet li għandhom esperjenza fl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet taħt l-APF. Azzjonijiet taħt din il-miżura ta’assistenza ser jiġu implimentati b’kont meħud tal-prinċipji u r-rekwiżiti stabbiliti fid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 u f’konformità mar-Regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u l-infiq taħt l-EPF.

    (5)

    Permezz tal-ittra tagħha ta’ Ġunju 2021 indirizzata lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”), l-UA talbet lill-Unjoni biex tipprovdi appoġġ kontinwu mill-1 ta’ Lulju 2021 ’il quddiem għall-operazzjonijiet ta’ appoġġ għall-paċi mmexxija mill-Afrika b’mandat jew awtorizzati mill-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-UA.

    (6)

    Il-Kunsill jafferma mill-ġdid id-determinazzjoni tiegħu li jipproteġi, jippromwovi u jissodisfa d-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-prinċipji demokratiċi, biex isaħħaħ l-istat tad-dritt u l-governanza tajba f’konformità mal-Karta tan-Nazzjoniiet Uniti, id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u d-dritt internazzjonali, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Stabbiliment, objettivi u kamp ta’ applikazzjoni

    1.   Miżura ta’ assistenza li tieħu l-forma ta’ programm ġenerali ta’ appoġġ għall-Unjoni Afrikana hija b’dan stabbilita, li tiġi ffinanzjata mill-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) (il-‘Miżura ta’ Assistenza’). Il-Miżura ta’ Assistenza għandha tiffinanzja azzjonijiet approvati mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) qabel il-31 ta’ Diċembru 2021.

    2.   L-objettivi tal-Miżura ta’ Assistenza huma li titnaqqas l-inċidenza, id-durata u l-intensità ta’ konflitti vjolenti fl-Afrika u li jissaħħaħ ir-rwol tal-Unjoni Afrikana (UA) fir-rigward tal-paċi u s-sigurtà fil-kontinent Afrikan.

    3.   Biex jinkisbu l-objettivi stabbiliti fil-paragrafu 2, il-Miżura ta’ Assistenza għandha tiffinanzja l-aspetti militari tal-operazzjonijiet ta’ appoġġ għall-paċi mmexxija mill-Afrika b’mandat jew awtorizzati mill-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-UA.

    Artikolu 2

    Approvazzjoni ta’ appoġġ għall-azzjonijiet taħt il-Miżura ta’ Assistenza

    1.   F’konformità mal-Artikolu 59(7) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, l-appoġġ għal kwalunkwe azzjoni taħt il-Miżura ta’ Assistenza għandu jkun preċedut minn talba mill-Kummissjoni tal-UA bħala l-benefiċjarju tal-Miżura ta’ Assistenza (il-‘benefiċjarju’).

    2.   Wara talba kif imsemmi fil-paragrafu 1, ir-Rappreżentant Għoli, wara konsultazzjoni mal-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza maħtur skont id-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 (l-‘amministratur għall-miżuri ta’ assistenza’) fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni finanzjarja, għandu jippreżenta rakkomandazzjoni għall-eżami u l-approvazzjoni mill-KPS, li tiddeskrivi l-appoġġ propost, inkluż il-baġit għalih, l-entità jew l-entitajiet magħżula fost dawk elenkati fl-Artikolu 5(2) ta’ din id-Deċiżjoni li jimplimentaw l-appoġġ propost, u konsiderazzjonijiet relatati mas-sensittività għall-konflitti u l-analiżi tar-riskji, kif ukoll miżuri għall-monitoraġġ u l-kontroll kif imsemmi fl-Artikolu 6 ta’ din id-Deċiżjoni, kif meħtieġ.

    Artikolu 3

    Arranġamenti finanzjarji

    1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub sabiex ikopri n-nefqa relatata mal-Miżura ta’ Assistenza għandu jkun ta’ EUR 130 000 000. F’konformità mal-Artikolu 29(5) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, l-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza jista’ jagħmel sejħa għal kontribuzzjonijiet wara l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, sa EUR 104 000 000, safejn il-fondi disponibbli għall-miżuri ta’ assistenza jkunu suffiċjenti biex jiffinanzjaw il-pagamenti fl-2021. Il-fondi li għalihom għamel sejħa l-amministratur għandhom jintużaw biss biex titħallas in-nefqa fil-limiti approvati mill-Kumitat stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 fil-baġit emendatorju tal-2021 li tikkorrispondi għall-miżura ta’ assistenza.

    2.   In-nefqa kollha għandha tiġi ġestita f’konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjata taħt l-EPF.

    3.   In-nefqa relatata ma’ azzjonijiet approvati għall-implimentazzjoni taħt il-Miżura ta’ Assistenza għandha tkun eliġibbli għal finanzjament għal 60 xahar mill-1 ta’ Lulju 2021.

    Artikolu 4

    Arranġamenti mal-benefiċjarju

    1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jagħmel l-arranġamenti neċessarji mal-benefiċjarju biex jiżgura l-konformità tiegħu mar-rekwiżiti u l-kondizzjonijiet stabbiliti mill-Kunsill, inkluż il-konformità mad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali, bħala kondizzjoni għall-għoti ta’ appoġġ taħt il-Miżura ta’ Assistenza.

    2.   L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-benefiċjarju jiżgura:

    (a)

    l-użu xieraq u effiċjenti tal-assi kollha pprovduti taħt il-Miżura ta’ Assistenza għall-finijiet li għalihom ikunu ġew ipprovduti;

    (b)

    il-manutenzjoni suffiċjenti tal-assi kollha pprovduti taħt il-Miżura ta’ Assistenza biex tiġi żgurata l-użabilità tagħhom u d-disponibbiltà operazzjonali tagħhom matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom;

    (c)

    li l-assi kollha pprovduti taħt il-Miżura ta’ Assistenza mhux ser jintilfu, jew jiġu ttrasferiti mingħajr il-kunsens tal-Kumitat tal-Faċilità stabbilit skont id-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 lil persuni jew entitajiet oħra għajr dawk identifikati f’dawk l-arranġamenti, fi tmiem iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom jew mal-iskadenza jew it-terminazzjoni tal-Miżura ta’ Assistenza.

    3.   L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar is-sospensjoni u t-terminazzjoni tal-appoġġ taħt il-Miżura ta’ Assistenza f’każ li l-benefiċjarju jinstab li jkun kiser l-obbligi stabbiliti fil-paragrafu 2.

    4.   L-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza għandu jikkonkludi ftehim ta’ finanzjament mal-benefiċjarju li jkopri l-Miżura ta’ Assistenza. L-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza għandhom jinformaw lill-Kumitat stabbilit bid- Deċiżjoni (PESK) 2021/509 bil-ftehim li jrid jiġi konkluż.

    Artikolu 5

    Implimentazzjoni

    1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun responsabbli li jiżgura l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, u mar-Regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa taħt l-EPF u b’mod konsistenti mal-Qafas Metodoloġiku Integrat għall-valutazzjoni u l-indentifikazzjoni tal-miżuri u l-kontrolli meħtieġa għall-miżuri ta’ assistenza taħt l-EPF.

    2.   L-azzjonijiet taħt il-Miżura ta’ Assistenza kif imsemmija fl-Artikolu 2 jistgħu jiġu implimentati kompletament jew parzjalment minn kwalunkwe waħda mill-entitajiet li ġejjin, inkluż permezz ta’ għotjiet li jistgħu jingħataw mingħajr sejħa għal proposti:

    (a)

    il-Kummissjoni tal-UA;

    (b)

    l-Unjoni tal-Magreb Għarbi;

    (c)

    il-Komunità tal-Istati tas-Saħel-Saħarjani;

    (d)

    is-Suq Komuni għall-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinhar;

    (e)

    il-Komunità tal-Afrika tal-Lvant;

    (f)

    il-Forza ta’ Intervent fil-Pront tal-Afrika tal-Lvant;

    (g)

    il-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika Ċentrali;

    (h)

    il-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent;

    (i)

    l-Awtorità Intergovernattiva dwar l-Iżvilupp;

    (j)

    il-Kapaċità Reġjonali tal-Afrika ta’ Fuq;

    (k)

    il-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika;

    (l)

    il-G5 tas-Saħel;

    (m)

    il-Kummissjoni tal-Baċir tal-Lag Chad;

    (n)

    l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem;

    (o)

    is-Segretarjat tan-NU;

    (p)

    l-Uffiċċju tas-Servizzi tal-Proġetti tan-NU;

    (q)

    l-Uffiċċju ta’ Appoġġ tan-NU fis-Somalja

    (r)

    tali ministeri, dipartimenti tal-Gvern tal-Istati Membri, jew korpi u aġenziji tal-liġi pubblika oħra, jew korpi rregolati mil-liġi privata b’missjoni ta’ servizz pubbliku, kif stabbilit fl-Anness, sa fejn dawn tal-aħħar jingħataw garanziji finanzjarji adegwati.

    3.   L-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza għandu jikkonferma l-kapaċità ta’ entità speċifika li timplimenta azzjoni jew parti minnha qabel l-approvazzjoni ta’ appoġġ għall-azzjoni mill-KPS.

    Artikolu 6

    Monitoraġġ, evalwazzjoni u kontroll

    1.   Miżuri għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u l-kontroll ta’ azzjonijiet taħt il-Miżura ta’ Assistenza għandhom jiġu stabbiliti b’mod konsistenti mal-Qafas Metodoloġiku Integrat għall-valutazzjoni u l-identifikazzjoni tal-miżuri u l-kontrolli meħtieġa għall-miżuri ta’ assistenza skont l-EPF.

    2.   Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, għandhom iservu b’mod partikolari biex jiżguraw il-konformità tal-benefiċjarju u ta’ kwalunkwe entità oħra li tibbenefika direttament mill-appoġġ taħt il-Miżura ta’ Assistenza mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u mad-dritt umanitarju internazzjonali, kif ukoll il-konformità tal-benefiċjarju ma’ kwalunkwe impenn u obbligu ieħor stabbilit taħt l-arranġamenti msemmija fl-Artikolu 4.

    3.   Skont l-appoġġ approvat għal azzjoni taħt il-Miżura ta’ Assistenza, il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jinkludu l-monitoraġġ tal-progress fir-rigward tal-kondizzjonijiet u l-punti ta’ riferiment miftiehma mal-benefiċjarju, l-istabbiliment u l-monitoraġġ ta’ oqfsa ta’ konformità tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali u r-rekwiżiti tad-diliġenza dovuta, il-kontroll tal-assi wara l-konsenja biex jiġi żgurat l-użu xieraq u tiġi evitata d-devjazzjoni, u l-identifikazzjoni ta’ strateġiji ta’ diżimpenn u ta’ ħruġ.

    Artikolu 7

    Sospensjoni u terminazzjoni

    1.   F’konformità mal-Artikolu 64 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, il-KPS jista’ jiddeċiedi li jissospendi jew itemm l-appoġġ għal azzjonijiet taħt il-Miżura ta’ Assistenza, jew li jissospendi l-miżura ta’ assistenza kollha, fuq it-talba ta’ Stat Membru jew tar-Rappreżentant Għoli, fil-każijiet li ġejjin:

    (a)

    jekk il-benefiċjarju jkun qed jikser l-obbligi tiegħu skont id-dritt internazzjonali, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali, jew jekk ma jissodisfax l-impenji meħuda taħt l-arranġamenti msemmija fl-Artikolu 4;

    (b)

    jekk il-kuntratt ma’ attur responsabbli mill-implimentazzjoni jkun ġie sospiż jew mitmum wara ksur tal-obbligi tiegħu skont il-kuntratt;

    (c)

    jekk is-sitwazzjoni fiż-żona ġeografika ta’ tħassib ma tibqax tippermetti li l-miżura tiġi implimentata filwaqt li jiġu żgurati garanziji suffiċjenti;

    (d)

    jekk l-insegwiment tal-miżura ma jibqax jaqdi l-objettivi tiegħu jew ma jibqax fl-interess tal-Unjoni.

    F’każijiet urġenti u eċċezzjonali, ir-Rappreżentant Għoli jista’ b’mod proviżorju jissospendi kompletament jew parzjalment l-implimentazzjoni tal-Miżura ta’ Assistenza sakemm tittieħed deċiżjoni mill-KPS.

    2.   Il-KPS jista’ jirrakkomanda lill-Kunsill it-terminazzjoni tal-Miżura ta’ Assistenza.

    Artikolu 8

    Konsistenza tal-azzjoni tal-Unjoni

    F’konformità mal-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, għandha tiġi żgurata l-konsistenza bejn l-azzjonijiet taħt il-Miżura ta’ Assistenza u azzjonijiet oħra fil-qasam tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni u miżuri taħt strumenti f’oqsma oħra tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, kif ukoll politiki oħra tal-Unjoni, inkluż l-Approċċ Integrat għall-konflitti esterni u l-kriżijiet.

    Artikolu 9

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Għandha tapplika mill-1 ta’ Lulju 2021.

    Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Lulju 2021.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    G.DOVŽAN


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta’ Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14).


    ANNESS

    Lista tal-ministeri, id-dipartimenti tal-gvern, u l-korpi u l-aġenziji tal-liġi pubblika l-oħra tal-Istati Membri, u korpi rregolati mil-liġi privata b’missjoni ta’ servizz pubbliku li jkunu ngħataw garanziji finanzjarji adegwati, li jistgħu jimplimentaw kompletament jew parzjalment azzjonijiet taħt il-Miżura ta’ Assistenza: (1)

    Deutsche Gesellschaft für Internationale Zusammenarbeit

    Expertise France


    (1)  Din il-lista tirrelata biss mal-miżuri ta’ assistenza stabbiliti bid-Deċiżjoni, u ma tipprekludix il-possibbiltà li jiġu ddeżinjati entitajiet oħra għal miżuri ta’ assistenza futuri, inkluż dawk li jieħdu l-forma ta’ programm ġenerali.


    Top