EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D2185

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/2185 tal-18 ta’ Diċembru 2020 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta’ Sħubija Volontarja bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Honduras dwar l-infurzar tal-liġi u t-tmexxija fis-settur forestali u l-kummerċ ta’ prodotti tal-injam lejn l-Unjoni Ewropea

ĠU L 435, 23.12.2020, p. 63–64 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/2185/oj

23.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 435/63


ID-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/2185

tal-18 ta’ Diċembru 2020

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta’ Sħubija Volontarja bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Honduras dwar l-infurzar tal-liġi u t-tmexxija fis-settur forestali u l-kummerċ ta’ prodotti tal-injam lejn l-Unjoni Ewropea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

F’Mejju tal-2003 il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titlu “Infurzar tal-Liġi, Tmexxija u Kummerċ fis-Settur Forestali (FLEGT): Proposta għal Pjan ta’ Azzjoni tal-UE”. Il-Pjan ta’ Azzjoni stabbilit f’dik il-komunikazzjoni (“il-Pjan ta’ Azzjoni FLEGT”) talab li jkun hemm miżuri biex jiġi indirizzat il-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam billi jiġu żviluppati ftehimiet ta’ sħubija volontarji ma’ pajjiżi li jipproduċu l-injam. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar dak il-Pjan ta’ Azzjoni FLEGT ġew adottati f’Ottubru tal-2003 u ġiet adotta reżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-suġġett fil-11 ta’ Lulju 2005.

(2)

Fil-5 ta’ Diċembru 2005 il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati ma’ pajjiżi li jipproduċu l-injam dwar ftehimiet ta’ sħubija biex jiġi implimentat il-Pjan ta’ Azzjoni FLEGT.

(3)

Fl-20 ta’ Diċembru 2005 il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 2173/2005 (1), li stabbilixxa skema ta’ liċenzjar FLEGT għall-importazzjoni ta’ injam fl-Unjoni minn pajjiżi li magħhom l-Unjoni kkonkludiet ftehimiet ta’ sħubija volontarja.

(4)

In-negozjati mar-Repubblika tal-Honduras għal Ftehim ta’ Sħubija Volontarju bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Honduras dwar l-infurzar tal-liġi u t-tmexxija fis-settur forestali u l-kummerċ ta’ prodotti tal-injam lejn l-Unjoni Ewropea (“il-Ftehim”) intemmu b’suċċess bl-inizjalar tal-Ftehim fl-14 ta’ Ġunju 2018.

(5)

Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Ftehim ta’ Sħubija Volontarju bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Honduras dwar l-infurzar tal-liġi u t-tmexxija fis-settur forestali u l-kummerċ ta’ prodotti tal-injam lejn l-Unjoni Ewropea huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħu (2).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jinnomina l-persuna jew persuni li ser ikollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f’isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-18 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2173/2005 tal-20 ta’ Diċembru 2005 dwar l-istabbiliment ta’ skema ta’ liċenzjar FLEGT għall-importazzjoni ta’ injam fil-Komunità Ewropea (ĠU L 347, 30.12.2005, p. 1).

(2)  It-test tal-Ftehim ser jiġi ppubblikat flimkien mad-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tiegħu.


Top