Επιλέξτε τις πειραματικές λειτουργίες που θέλετε να δοκιμάσετε

Το έγγραφο αυτό έχει ληφθεί από τον ιστότοπο EUR-Lex

Έγγραφο 52020BP1980

    Riżoluzzjoni (UE) 2020/1980 tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Mejju 2020 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) għas-sena finanzjarja 2018

    ĠU L 417, 11.12.2020, σ. 457 έως 459 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2020/1980/oj

    11.12.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 417/457


    RIŻOLUZZJONI (UE) 2020/1980 TAL-PARLAMENT EWROPEW

    tal-14 ta’ Mejju 2020

    li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) għas-sena finanzjarja 2018

    IL-PARLAMENT EWROPEW,

    wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) għas-sena finanzjarja 2018,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0075/2020),

    A.

    billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u n-nefqa tagħha (1), il-baġit finali tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) (“l-Aġenzija”) għas-sena finanzjarja 2018 kien ta’ EUR 135 737 021, li jirrappreżenta żieda ta’ 13,84 % meta mqabbel mal-2017; billi ż-żieda kienet dovuta għal kompiti addizzjonali li jestendu l-mandat tagħha; billi l-baġit tal-Aġenzija huwa prinċipalment derivat mill-baġit tal-Unjoni (2).

    B.

    billi l-Qorti tal-Awdituri (“il-Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) għas-sena finanzjarja 2018 (“ir-rapport tal-Qorti”), tistqarr li kisbet aċċertament raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari;

    Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

    1.

    Jinnota li l-isforzi ta’ monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2018 irriżultaw f’rata ta’ implimentazzjoni baġitarja ta’ 96,10 %, li tirrappreżenta tnaqqis żgħir ta’ 3,62 % meta mqabbel mal-2017; jinnota li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament kienet ta’ 86,92 %, li tirrappreżenta tnaqqis ta’ 2,09 % meta mqabbel mal-2017;

    2.

    Jilqa’ pożittivament l-informazzjoni pprovduta mill-Aġenzija dwar il-kompiti u l-implikazzjonijiet baġitarji tal-Unità ta’ Indikazzjoni ta’ Kontenut fuq l-Internet (EU IRU) tagħha; jinnota li l-ippjanar ta’ ġestjoni bbażata fuq l-attivitajiet għall-EU IRU kien ta’ EUR 4 860 000 fl-2019, li kien magħmul minn: (a) EUR 3 710 000 għan-nefqa diretta relatata mal-persunal (li tkopri 38 membru tal-persunal: 26 aġent temporanju, erba’ aġenti kuntrattwali u tmien esperti nazzjonali sekondati), (b) EUR 1 150 000 ikopru n-nefqa operattiva, l-ispejjeż operattivi u għotja ta’ EUR 510 000 fl-2019 (li minnhom ġew iffinanzjati seba’ aġenti kuntrattwali addizzjonali, li jġibu l-għadd totali ta’ persunal tal-EU IRU għal 45); jinnota li dawk iċ-ċifri ma jinkludux l-ispejjeż separati għall-iżvilupp ta’ sistemi operattivi tal-ICT fil-livell organizzattiv;

    Prestazzjoni

    3.

    Jinnota b’sodisfazzjon li l-Aġenzija mmonitorjat il-prestazzjoni tagħha permezz ta’ 38 indikatur ewlieni ta’ prestazzjoni, 51-il indikatur ieħor ta’ prestazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ madwar 170 azzjoni speċifika ppjanati fil-programm ta’ ħidma tagħha, bil-qafas ta’ rappurtar tal-prestazzjoni mmirat, b’mod ġenerali, lejn il-valutazzjoni tal-valur miżjud tal-attivitajiet tal-Aġenzija u lejn it-tisħiħ tal-ġestjoni baġitarja tagħha;

    4.

    Jinnota li l-Aġenzija kisbet 78 % tal-miri stabbiliti għall-indikaturi ta’ prestazzjoni u li għamlet progress fl-implimentazzjoni ta’ 79 % tal-azzjonijiet li jinsabu fil-programm ta’ ħidma tal-2018 (meta mqabbel ma’ 80 % fl-2017);

    5.

    Jinnota li l-Aġenzija kompliet tiffoka fuq l-analiżi operattiva u fuq ir-rapidità ta’ reazzjoni tal-ewwel linja, inkluż l-ipproċessar tal-kontribuzzjonijiet, filwaqt li tkompli tipprovdi appoġġ proattiv għal investigazzjonijiet ta’ profil għoli dwar it-tliet oqsma li jirrappreżentaw theddida kontinwa għas-sigurtà interna tal-Unjoni, speċjalment iċ-ċiberkriminalità, il-kriminalità serja u organizzata, u t-terroriżmu;

    6.

    Iħeġġeġ lill-Aġenzija ssegwi d-diġitalizzazzjoni tas-servizzi tagħha;

    7.

    Jinnota b’apprezzament li fl-2018 l-Aġenzija kompliet twettaq attivitajiet konġunti jew servizzi kondiviżi ma’ aġenziji oħra tal-Unjoni, inklużi l-Eurojust, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil u ċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga u jinnota wkoll li l-Aġenzija pparteċipat f’10 proċeduri ta’ akkwist interistituzzjonali u fi proċedura ta’ akkwist interaġenzjali; iqis meħtieġ li l-Aġenzija tiżviluppa ulterjorment rabtiet b’saħħithom ma’ istituzzjonijiet rilevanti oħra tal-Unjoni; iħeġġeġ lill-Aġenzija tesplora modi kif tikkondividi r-riżorsi jew il-persunal, jew it-tnejn li huma, allokati għal kompiti li jikkoinċidu ma’ aġenziji oħra li jwettqu attivitajiet simili jew ma’ aġenziji bbażati fil-prossimità tal-Aġenzija;

    8.

    Jinnota li wara l-kooperazzjoni operattiva kontinwa tagħha ma’ aġenziji oħra tal-Ġustizzja u l-Intern (ĠAI), fl-2019 l-Aġenzija ħadet f’idejha l-presidenza tan-netwerk tal-aġenziji tal-ĠAI, li tindirizza l-ħidma konġunta dwar l-iżvilupp ulterjuri tal-kooperazzjoni tal-aġenziji tal-ĠAI, inkluż dwar l-aspetti tal-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ informazzjoni tal-Unjoni, l-innovazzjoni, l-arranġamenti ta’ governanza tajba (inkluż stħarriġ dwar l-aħjar prattiki dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta fl-aġenziji tal-ĠAI), id-diversità u l-inklużjoni, kif ukoll l-interazzjoni u l-kamp ta’ applikazzjoni għal aktar kooperazzjoni ma’ aġenziji mhux tal-ĠAI;

    9.

    Jistieden lill-Kummissjoni twettaq studju tal-fattibbiltà biex tivvaluta l-possibbiltà ta’ fużjoni totali jew almenu tal-ħolqien ta’ sinerġiji kondiviżi mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (‘CEPOL’), jekk mhux jiġu amalgamati b’mod sħiħ; jistieden lill-Kummissjoni tevalwa iż-żewġ xenarji li ġejjin: it-trasferiment tal-Aġenzija għas-sede tas-CEPOL f’Budapest u t-trasferiment tas-sede tas-CEPOL għas-sede tal-Aġenzija f’The Hague; jinnota li ħaġa bħal din tfisser il-kondiviżjoni tas-servizzi korporattivi u ta’ appoġġ u l-ġestjoni ta’ uffiċini komuni, kif ukoll il-kondiviżjoni tal-infrastrutturi bbażati fuq l-ICT, it-telekomunikazzjonijiet u l-Internet, u b’hekk jiġu ffrankati ammonti kbar ta’ flus li jkunu jistgħu jintużaw għal finanzjament ulterjuri taż-żewġ aġenziji;

    10.

    Jinnota li n-numru ta’ operazzjonijiet li l-Europol appoġġjat żdied minn 1 496 fl-2017 għal 1 748 fl-2018 (li jirrappreżenta żieda ta’ 16,8 %) u li l-laqgħat operattivi ffinanzjati mill-Aġenzija żdiedu minn 403 fl-2017 għal 427 fl-2018 (li jirrappreżentaw żieda ta’ 5,9 %); jissottolinja l-importanza u l-valur miżjud tal-Aġenzija, b’mod partikolari tal-iskwadri ta’ investigazzjoni konġunta (SIK), fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata fl-Ewropa kollha; jinnota, f’dan ir-rigward, li l-SIK appoġġjati mill-Aġenzija żdiedu minn 64 fl-2017 għal 93 fl-2018 (li jirrappreżentaw żieda ta’ 45 %), b’27 minn dawn l-SIK li jeħtieġu koordinazzjoni f’aktar minn 20 pajjiż (3); jinnota li ż-żieda fil-baġit tal-Aġenzija tikkorrispondi għal intensifikazzjoni tal-operazzjonijiet kollha tagħha, inkluż l-appoġġ għall-kooperazzjoni fil-qasam taċ-ċiberkriminalità u l-ġlieda kontra t-terroriżmu online; jissottolinja l-importanza ta’ finanzjament u riżorsi adegwati għall-SIK f’konformità maż-żieda kbira fil-livelli ta’ attività tagħhom;

    11.

    Jitlob lill-Aġenzija tagħmel disponibbli, safejn ikun possibbli, riżorsi finanzjarji għat-traduzzjonijiet u jħeġġeġ lill-awtorità baġitarja tipprovdi biżżejjed riżorsi finanzjarji li jippermettu t-traduzzjoni tar-rapporti uffiċjali tal-Aġenzija fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni minħabba l-importanza tal-ħidma tagħha għaċ-ċittadini Ewropej, l-obbligu li tiġi żgurata trasparenza sħiħa fir-rigward tal-attivitajiet tagħha u l-fatt li l-Grupp ta’ Skrutinju Parlamentari Konġunt, magħmul minn membri parlamentari nazzjonali u Ewropej mill-Istati Membri kollha, għandu jkun jista’ jagħmel xogħlu sew; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija jistabbilixxu qafas ta’ kooperazzjoni maċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea sabiex jitnaqqas il-piż finanzjarju rigward it-traduzzjoni.

    Politika dwar il-persunal

    12.

    Jinnota li, fil-31 ta’ Diċembru 2018, 96,35 % tat-tabella tal-persunal ġiet eżegwita, b’555 aġent temporanju maħtura minn total ta’ 576 aġent temporanju awtorizzati mill-baġit tal-Unjoni (meta mqabbel ma’ 550 post tax-xogħol awtorizzati fl-2017); jinnota li, barra minn hekk, fl-2018 ħadmu għall-Aġenzija 201 aġent kuntrattwali u 153 espert nazzjonali sekondat;

    13.

    Jinnota li n-nuqqas ta’ bilanċ bejn il-ġeneri għall-2018 fost il-maniġers superjuri (145 irġiel u 27 nisa, bi 43 irġiel u b’10 nisa u fil-bord ta’ amministrazzjoni;

    Akkwist pubbliku

    14.

    Jinnota bi tħassib li, skont ir-rapport tal-Qorti, l-Aġenzija żiedet b’mod irregolari t-tul ta’ żmien ta’ kuntratt qafas għall-forniment ta’ servizzi tal-ivvjaġġar kummerċjali billi ffirmat l-emenda numru 2 wara li skada l-kuntratt u li, b’dik l-istess emenda, l-Aġenzija introduċiet ukoll aspetti ġodda dwar il-prezzijiet li mhumiex koperti mill-proċedura ta’ akkwist kompetittiv, u b’hekk l-emenda 2 u l-pagamenti tal-2018 relatati sfaw irregolari; jinnota t-tweġiba tal-Aġenzija li l-estenzjoni tal-kuntratt qafas kienet bdiet sew qabel l-iskadenza tagħha u li d-dewmien għall-estensjoni tal-kuntratt kien minħabba l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba; jistieden lill-Aġenzija ssaħħaħ b’mod xieraq il-ġestjoni tal-kuntratti u l-kontrolli ex ante;

    Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess u trasparenza

    15.

    Jinnota l-miżuri eżistenti tal-Aġenzija u l-isforzi li għaddejjin bħalissa biex jiġu żgurati t-trasparenza, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess, u l-protezzjoni tal-informaturi; jinnota l-każ ta’ kunflitt ta’ interess potenzjali identifikat rigward proċedura ta’ reklutaġġ fl-2018; jinnota li ma kienet meħtieġa l-ebda azzjoni ta’ segwitu peress li l-konsulent irrikuża ruħu; jilqa’ pożittivament id-dikjarazzjonijiet ta’ interess, ibbażati fuq il-mudell il-ġdid tal-Aġenzija, li minn dak iż-żmien ’l hawn ġew ippubblikati fuq is-sit web tal-Aġenzija, kemm fir-rigward tad-direttur eżekuttiv tagħha kif ukoll tad-deputati diretturi eżekuttivi u l-membri tal-bord ta’ amministrazzjoni tagħha;

    16.

    Jiddispjaċih li studju komparattiv reċenti li sar mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament (4) stabbilixxa li l-politiki ta’ kunflitt ta’ interess tal-Aġenzija huma “l-inqas dettaljati meta mqabbla ma’ dawk tal-aġenziji l-oħra”; jirrikonoxxi li dan huwa dovut, b’mod partikolari, għall-fatt li l-Aġenzija ma għandha l-ebda kumitat jew bord xjentifiku; jiddispjaċih, madankollu, li l-Aġenzija la tuża sistema biex tikklassifika l-livelli tal-imgħax u lanqas lista sewda;

    Kontrolli interni

    17.

    Jinnota li f’Mejju 2017 is-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni, appoġġjat mill-Kapaċità ta’ Awditjar Intern, wettaq valutazzjoni tar-riskju u li l-ebda wieħed mis-36 qasam tal-proċess ma ġie kklassifikat bħala “Titjib fil-mitigazzjoni tar-riskju”;

    18.

    Jinnota li s-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni ħareġ rapport ta’ awditjar bit-titlu “Il-Ġestjoni tar-Riżorsi Umani u l-Etika fil-EUROPOL” u ħejja pjan ta’ azzjoni biex jindirizza kwalunkwe qasam potenzjali għal titjib; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar l-iżviluppi f’dak ir-rigward;

    19.

    Jistieden lill-Aġenzija tiffoka fuq it-tixrid tar-riżultati tar-riċerka tagħha mal-pubbliku, u tikkomunika mal-pubbliku permezz tal-midja soċjali u mezzi oħra tal-midja;

    20.

    Jilqa’ l-fatt li l-Aġenzija ma għandha l-ebda rakkomandazzjoni pendenti x’tiġi implimentata mir-rapporti ta’ awditjar tal-Qorti fi snin finanzjarji preċedenti; l-Aġenzija indirizzat l-unika osservazzjoni tal-Qorti li tikkonċerna s-sena finanzjarja 2017 fir-rigward tal-pubblikazzjoni tal-avviżi ta’ postijiet tax-xogħol vakanti fuq is-sit web tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal;

    21.

    Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta’ natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Mejju 2020 (5) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

    (1)  ĠU C 416, 15.11.2018, p. 46.

    (2)  ĠU C 416, 15.11.2018, p. 48.

    (3)  https://www.europol.europa.eu/sites/default/files/documents/europolinbrief2019.pdf

    (4)  https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2020/621934/IPOL_STU(2020)621934_EN.pdf

    (5)  Testi adottati, P9_TA(2020)0121.


    Επάνω