Ez a dokumentum az EUR-Lex webhelyről származik.
Dokumentum 52020BP1977
Resolution (EU) 2020/1977 of the European Parliament of 14 May 2020 with observations forming an integral part of the decision on discharge in respect of the implementation of the budget of the European Border and Coast Guard Agency (Frontex) for the financial year 2018
Riżoluzzjoni (UE) 2020/1977 tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Mejju 2020 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) għas-sena finanzjarja 2018
Riżoluzzjoni (UE) 2020/1977 tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Mejju 2020 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) għas-sena finanzjarja 2018
ĠU L 417, 11.12.2020., 448—452. o.
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
11.12.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 417/448 |
RIŻOLUZZJONI (UE) 2020/1977 TAL-PARLAMENT EWROPEW
tal-14 ta’ Mejju 2020
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) għas-sena finanzjarja 2018
IL-PARLAMENT EWROPEW,
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għas-sena finanzjarja 2018, |
— |
wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 24/2019 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri: “L-asil, ir-rilokazzjoni u r-ritorn ta’ migranti: Wasal iż-żmien li tingħata spinta biex jiġu indirizzati d-disparitajiet bejn l-objettivi u r-riżultati”, |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0072/2020), |
A. |
billi, skont ir-rapport tad-dħul u n-nefqa (1), il-baġit finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (l-“Aġenzija”) għas-sena finanzjarja 2018 kien ta’ EUR 288 663 520, li jirrappreżenta żieda ta’ 2,89 % meta mqabbel ma’ dak tal-2017; billi l-baġit tal-Aġenzija huwa prinċipalment derivat mill-baġit tal-Unjoni (2); |
B. |
billi l-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2018 (ir-“rapport tal-Qorti”), stqarret li kisbet aċċertamenti raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari; |
Ġestjoni baġitarja u finanzjarja
1. |
Jinnota li l-isforzi ta’ monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2018 irriżultaw f’rata ta’ implimentazzjoni baġitarja ta’ 98,37 %, li tirrappreżenta żieda żgħira ta’ 0,74 % meta mqabbla ma’ dik tal-2017; jinnota bi tħassib li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament kienet ta’ 69,69 %, li tirrappreżenta żieda ta’ 3,27 % meta mqabbla ma’ dik tal-2017; |
2. |
Jinnota, fid-dawl tal-kummenti u l-osservazzjonijiet mill-awtorità ta’ kwittanza relatati mar-riżerva operattiva finanzjarja statutorja għall-finanzjament għall-finanjament meħtieġ biex jitwettqu interventi rapidi fil-fruntiera u interventi ta’ ritorn, li filwaqt li t-twarrib ta’ kull sena ta’ baġit predefinit biex jiġu koperti interventi rapidi fil-fruntiera eventwali huwa rekwiżit leġiżlattiv impost fuq l-Aġenzija, l-effetti sekondarji negattivi tiegħu ġew indirizzati mill-koleġiżlaturi waqt ir-rieżami tar-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3); josserva li, bid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), ir-riżerva operattiva tista’ tiġi rilaxxata kull xahar u tintuża għal skopijiet operattivi, mhux biss għal interventi rapidi jew ta’ ritorn; |
3. |
Jinnota mir-rapport tal-Qorti li fl-2018, l-Aġenzija kellha ftehimiet ta’ finanzjament ma’ pajjiżi li jikkooperaw għal attivitajiet operattivi, li jirrappreżentaw 59 % tal-baġit tal-Aġenzija; jinnota t-tnedija ta’ skema ta’ finanzjament simplifikata ġdida bbażata fil-biċċa l-kbira fuq spejjeż unitarji għal infiq relatat mal-impjieg ta’ riżorsi umani, u, lejn tmiem l-2018, it-tnedija ta’ sistema ta’ kontroll ex post ġdida li tkopri t-tipi kollha ta’ nfiq kif ukoll il-modifika tas-sistema tagħha ta’ kontrolli ex ante inkorporati fiċ-ċirkwiti finanzjarji; jissottolinja l-enfasi li għamlet il-Qorti fuq il-fatt li r-rimborż tal-infiq relatat mat-tagħmir għadu bbażat fuq l-ispiża reali u li l-proġett biex issir il-bidla lejn rimborżi bbażati fuq l-ispiża unitarja għadu ma rnexxiex; barra minn hekk jinnota bi tħassib l-osservazzjoni tal-Qorti li mill-2014, il-prova tal-ispejjeż reali ddikjarati mill-pajjiżi li jikkooperaw għall-ispejjeż relatati mat-tagħmir għadha insuffiċjenti u li l-verifiki ex ante tal-Aġenzija ta’ dawn l-ispejjeż jisfaw ineffettivi jekk ma jkunux sostanzjati minn dokumenti ta’ sostenn; jinnota n-nuqqas ta’ verifiki ex post fuq rimborżi mill-Aġenzija, li jkompli jżid ir-riskju ta’ rimborżi tal-ispejjeż mhux ġustifikati; jinnota bi tħassib li l-Aġenzija ppermettiet diversi rimborżi għall-infiq iddikjarat mill-pajjiżi li jikkooperaw minkejja li dawn tal-aħħar ma pprovdewx l-evidenza indikata u meħtieġa mill-Aġenzija; jirrikonoxxi mir-risposta tal-Aġenzija li d-dokumenti ta’ sostenn li jindikaw spejjeż dettaljati ġew ippreżentati mill-pajjiżi li jikkooperaw inkwistjoni; jistieden lill-Aġenzija biex fil-futur tindika b’mod ċar it-tip ta’ dokumenti ta’ sostenn li taċċetta bħala evidenza meħtieġa; jistieden ukoll lill-Aġenzija tirrimborża biss infiq legalment iġġustifikat; jistenna li l-Aġenzija tintroduċi malajr verifiki ex post sodi dwar ir-rimborżi u tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar il-progress li jkun sar f’dan ir-rigward sa Ġunju 2020; |
4. |
Jinnota mir-rapport tal-Qorti li r-riporti tal-baġit tal-Aġenzija għall-2019 ammontaw għal EUR 83 000 000 (29 %), persentaġġ kemxejn inqas mis-sena ta’ qabel; jinnota li r-rata ta’ riporti kkanċellati għall-2018 kienet ta’ EUR 11 000 000 (12 %), xi ftit inqas f’termini relattivi mis-sena preċedenti; jinnota li r-raġunijiet prinċipali għar-riporti u l-kanċellazzjonijiet kienu l-isfidi li nħolqu mit-tabella tal-persunal rigward l-għadd u l-profil tal-persunal, id-dewmien biex jitnieda l-proġett tal-bini għas-sede l-ġdida tal-Aġenzija, in-natura pluriennali tal-proġetti tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, u s-sopravalutazzjoni tal-iskala u tal-ispiża tal-attivitajiet mill-pajjiżi li jikkooperaw; jinnota r-risposta tal-Aġenzija li fl-2018, l-infiq operattiv kien prinċipalment fil-forma ta’ għotjiet, li jkopru ċ-ċiklu operatorju minn Frar N sa Jannar N+1, kif ukoll infiq minn kuntratti bil-ħlas f’N+1; iħeġġeġ lill-Aġenzija biex flimkien mal-pajjiżi li jikkooperaw, tkompli tistinka biex tikseb stimi tal-ispejjeż u previżjonijiet tal-baġit aktar preċiżi. |
5. |
Jistieden lill-Aġenzija tinkludi stimi aktar realistiċi tal-ħtiġijiet tas-servizzi tagħha fid-dokumenti tal-akkwist u tapplika ġestjoni finanzjarja rigoruża għall-kuntratti; ifakkar lill-Aġenzija li, filwaqt li l-kuntratti qafas ma jikkostitwixxux obbligu li jsir xiri sal-valur massimu tal-kuntratt, id-differenza konsiderevoli bejn il-valur massimu tal-kuntratt fi proċedura ta’ akkwist fl-2018 (EUR 8 miljun) u l-offerta rebbieħa (EUR 5,8 miljun), tista’ toħloq riskju sinifikanti għall-ġestjoni finanzjarja tajba. |
Prestazzjoni
6. |
Jinnota li, wara l-approvazzjoni tal-bord maniġerjali tar-riorganizzazzjoni tal-istrutturi tal-Aġenzija fl-2017 li affettwat l-allokazzjoni tar-riżorsi, ġiet adottata struttura aġġornata fl-2018 u din l-istruttura, li kienet ikkompletata b’regoli ta’ proċedura interni ġodda, ġiet adottata minn delegazzjonijiet u sottodelegazzjonijiet li ġew formalizzati b’deċiżjoni tad-direttur eżekuttiv; |
7. |
Jenfasizza r-rwol importanti tal-Aġenzija fil-promozzjoni, il-koordinazzjoni u l-iżvilupp tal-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri b’rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali; |
8. |
Jinnota li fil-kuntest tal-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri, l-akbar attivitajiet operattivi kienu t-12-il operazzjoni konġunta fil-fruntieri esterni tal-art, tal-ajru u tal-baħar, filwaqt li l-fokus operattiv ewlieni fl-2018 kien fuq iż-żoni tal-Mediterran Ċentrali, tal-Lvant u tal-Punent li qed jesperjenzaw l-aktar pressjoni migratorja sinifikanti; jilqa’, barra minn hekk, il-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-aġenziji fil-qasam tal-kooperazzjoni doganali u tal-infurzar tal-liġi, speċjalment fil-qasam tal-funzjoni tal-gwardja tal-kosta; iħeġġeġ l-Aġenzija tieħu azzjoni malajr u tiżgura l-kwalità tal-ħidma tagħha biex tistabbilixxi objettivi kwantitattivi xierqa u valuri fil-mira speċifiċi għall-operazzjonijiet konġunti li mistennija jiġu inklużi fid-dokument uniku ta’ programmazzjoni 2021-2023; |
9. |
Jinnota bi tħassib li l-Qorti sabet fir-Rapport Speċjali tagħha Nru 24/2019 li l-implimentazzjoni tal-proċeduri tal-asil, speċjalment fil-Greċja u fl-Italja, għadha qed tiġi affettwata minn żminijiet twal ta’ pproċessar, konġestjonijiet u nuqqas ta’ kapaċità ġudizzjarja; jitlob lill-Aġenzija tagħmel ħilitha biex tistabbilixxi kooperazzjoni mal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil, mal-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, u mal-Kummissjoni b’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti; |
10. |
Itenni l-appell tiegħu lill-Aġenzija biex tkun aktar trasparenti dwar l-attivitajiet tagħha; jilqa’ l-ħolqien ta’ taqsima ddedikata għall-aċċess pubbliku għad-dokumenti fuq is-sit web tagħha; iħeġġeġ lill-Aġenzija toħloq reġistru ta’ dokumenti, li huwa obbligu legali skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5); |
11. |
Iqis li l-Aġenzija għandha tipprovdi informazzjoni, b’mod proattiv, dwar l-attivitajiet operazzjonali tagħha; jistieden lill-Aġenzija tidher quddiem il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern biex tissodisfa d-dmirijiet speċifiċi ta’ rapportar tagħha fil-konfront tal-Membri tal-Parlament Ewropew billi tipprovdi aġġornamenti dettaljati regolari; jistieden lill-Aġenzija trendi disponibbli r-rapport dwar l-applikazzjoni prattika tar-Regolament (UE) Nru 656/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) għall-2018, hekk kif hija legalment obbligata li tagħmel, u biex fil-futur tipprovdi aktar informazzjoni tanġibbli biex tkun tista’ ssir valutazzjoni xierqa tal-attivitajiet tal-Aġenzija fuq il-baħar. |
Politika dwar il-persunal
12. |
Jinnota li fil-31 ta’ Diċembru 2018, it-tabella tal-persunal kienet eżegwita biss fil-livell ta’ 72,49 %, u nħatru 303 aġent temporanju mill-418-il aġent temporanju awtorizzati skont il-baġit tal-Unjoni (imqabbel ma’352 post awtorizzati fl-2017); jinnota li, barra minn hekk, 187 aġent kuntrattwali u 153 espert nazzjonali sekondat addizzjonali ħadmu għall-Aġenzija fl-2018; |
13. |
Jinnota wkoll mir-rapport tal-Qorti li għalkemm l-Aġenzija kompliet bi sforzi ta’ reklutaġġ ulterjuri u żiedet l-għadd tal-membri tal-persunal minn 526 għal 630 fl-2018, hija xorta waħda ma laħqitx l-għadd ta’ 760 membru tal-persunal awtorizzat fit-tabella tal-persunal tagħha għall-2018; jinnota r-risposta tal-Aġenzija li total ta’ 187 post vakanti mtlew, iżda li minħabba dawran intern u estern għoli, iż-żieda netta tal-persunal fl-2018 meta mqabbla mal-2017 kienet ta’ 117 peress li ħafna postijiet saru vakanti matul is-sena; jinnota wkoll li l-Aġenzija tiffaċċja sfidi biex tattira għadd kbir ta’ kandidati esterni adattati u tikseb bilanċ ġeografiku tajjeb l-aktar minħabba l-koeffiċjent ta’ korrezzjoni baxx, li huwa l-inqas fost l-Aġenziji kollha tal-Unjoni; jenfasizza li l-aġenziji li jinsabu f’pajjiżi fejn jiġi applikat koeffiċjent ta’ korrezzjoni baxx għandhom jirċievu appoġġ ulterjuri mill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni ta’ miżuri komplementari sabiex isiru aktar attraenti għall-persunal attwali u prospettiv; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt u l-vijabbiltà tal-applikazzjoni tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni tas-salarju fil-futur; jinnota li l-Aġenzija għad għandha diffikultajiet biex iżżomm bilanċ ġeografiku tajjeb u mixtieq fil-persunal impjegat; |
14. |
Jinnota li l-2018 kienet it-tielet sena tal-pjan ta’ tkabbir ta’ ħames snin wara l-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2016/1624 li żied b’mod sinifikanti r-riżorsi fil-qasam tal-baġit u tal-persunal; jinnota li, wara l-estensjoni tal-mandat tagħha, il-persunal tal-Aġenzija għandu jilħaq 1 000 sal-2020; jinnota fid-dawl tal-kummenti u l-osservazzjonijiet tal-awtorità tal-kwittanza li enfasizzat li ż-żieda ppjanata fil-persunal tkun teħtieġ spazju addizzjonali għall-uffiċċji, li qed titħejja analiżi biex tiġi identifikata l-aħjar strateġija tal-proprjetà immobbli; |
15. |
Jinnota li minn April 2018, l-Aġenzija użat il-kodiċi ta’ kondotta vinkolanti rivedut għall-operazzjonijiet ta’ ritorn u l-interventi ta’ ritorn; jinnota li l-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali tal-Aġenzija jipprovdi kontinwament osservazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet rigward il-pjanijiet operattivi u r-rapporti ta’ evalwazzjoni kollha, għall-kunsiderazzjoni tal-unitajiet operattivi; |
16. |
Jiddeplora l-fatt li, minkejja l-appelli ripetuti tal-Parlament u ż-żieda ġenerali sinifikanti tal-persunal tal-Aġenzija, l-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali għad m’għandux riżorsi umani adegwati, u għaldaqstant huwa ostakolat b’mod ċar fl-isforzi tiegħu biex iwettaq sewwa l-kompiti fdati lilu; iħeġġeġ lill-Aġenzija tipprovdi lill-uffiċjal tagħha għad-drittijiet fundamentali bir-riżorsi u l-persunal adegwati, b’mod partikolari biex ikompli jiżviluppa u jimplimenta l-istrateġija tal-Aġenzija biex timmonitorja u tiżgura l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali; ifakkar l-Aġenzija fl-importanza li taderixxi mar-Regolamenti tal-Persunal; |
17. |
Jinnota, fid-dawl tal-kummenti u l-osservazzjonijiet tal-awtorità ta’ kwittanza relatati mal-ħtieġa li jiġi żviluppat pjan komprensiv ta’ kontinwità operattiva, li l-uffiċjal għal kontinwità operattiva ġie nnominat fl-2018; |
18. |
Jinnota li l-Qorti identifikat tendenza orizzontali fl-aġenziji fir-rigward tal-użu ta’ persunal estern impjegat fi rwoli ta’ konsulenza tal-IT; jitlob li d-dipendenza fuq ir-reklutaġġ estern f’dan il-qasam importanti u sensittiv titnaqqas kemm jista’ jkun biex jiġi limitat kull riskju potenzjali; |
19. |
Jinnota n-nuqqas ta’ informazzjoni dwar il-bilanċ bejn is-sessi fil-persunal tal-Aġenzija; jerġa’ jissottolinja l-fatt li jeżisti żbilanċ sinifikanti persistenti bejn is-sessi fil-bord maniġerjali tal-Aġenzija (50 membri rġiel u 8 membri nisa); iħeġġeġ li dan l-iżbilanċ jiġi rimedjat mill-aktar fis possibbli; jistieden għalhekk lill-Aġenzija tfakkar b’mod proattiv lill-Istati Membri dwar l-importanza tal-bilanċ bejn is-sessi, u lill-Istati Membri biex jiżguraw il-bilanċ bejn is-sessi meta jinnominaw il-membri tagħhom għall-bord maniġerjali tal-Aġenzija; |
Akkwist
20. |
Jinnota, fid-dawl tal-osservazzjonijiet u tal-kummenti mill-awtorità tal-kwittanza relatati mal-ħtieġa li tiġi ssimplifikata l-iskema finanzjarja kollha tal-Aġenzija, li fl-2008 l-Aġenzija introduċiet skema riveduta għall-finanzjament tar-ritorni u l-operazzjonjiet konġunt, li hija bbażata fuq ftehimiet ta’ għotja ssimplifikati mal-Istati Membri li jużaw spejjeż unitarji standardizzati għar-riżorsi umani; |
21. |
Jinnota b’sodisfazzjon li l-Aġenzija tipparteċipa b’mod attiv f’sejħiet għal offerti interistituzzjonali mmexxija minn istituzzjonijiet oħra, u li, fil-proċeduri ta’ akkwist tad-dominju ta’ sorveljanza marittima, l-Aġenzija tfittex kooperazzjoni ma’ aġenziji tal-Unjoni b’attivitajiet simili u tħejji t-termini ta’ referenza kif xieraq; jinnota, barra minn hekk, li fl-2018, l-Aġenzija, flimkien mal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd, ittrattat l-ewwel proċedura interistituzzjonali ta’ sejħa għall-offerti mmexxija minn Aġenzija; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Aġenzija biex b’mod attiv tipprova tikseb kooperazzjoni ulterjuri u aktar mifruxa mal-aġenziji kollha tal-Unjoni; |
22. |
Jistieden lill-Aġenzija tagħti segwitu, mingħajr dewmien, għar-rakkomandazzjoni pendenti rigward l-akkwist elettroniku, jiġifieri l-introduzzjoni ta’ sottomissjoni elettronika; |
Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess u trasparenza
23. |
Japprezza l-miżuri eżistenti tal-Aġenzija u l-isforzi li għaddejjin bħalissa biex jiġu żgurati t-trasparenza, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess, u l-protezzjoni tal-informaturi; jinnota li l-politika dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta ġiet adottata fit-18 ta’ Lulju 2019; jilqa’ l-fatt li l-Aġenzija tipprovdi lill-persunal b’aċċess għal konsulenti kunfidenzjali u taħriġ dwar proċeduri ta’ żvelar ta’ informazzjoni; jinnota, barra minn hekk, li bl-għan li tkun aktar trasparenti, l-Aġenzija nediet verżjoni multilingwi tas-sit web tagħha fl-24 lingwa uffiċjali tal-Unjoni; jiddispjaċih, madankollu, li l-Aġenzija tippubblika dikjarazzjonijiet ta’ impenn li jiddikjaraw in-nuqqas ta’ kunflitt ta’ interess għall-membri tal-bord maniġerjali, id-direttur eżekuttiv, u l-viċi direttur eżekuttiv, u mhux dikjarazzjonijiet ta’ interess; itenni li mhuwiex f’idejn il-membri tal-bord maniġerjali, id-direttur eżekuttiv, u l-viċi direttur eżekuttiv li jiddikjaraw huma stess li m’għandhomx kunflitt ta’ interess; jistieden lill-Aġenzija, bl-għan li żżid it-trasparenza, tippubblika s-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta’ interess għall-membri kollha tal-bord maniġerjali tagħha, id-direttur eżekuttiv, u l-viċi direttur eżekuttiv, sa Ġunju 2020; |
Kontroll intern
24. |
Jinnota, fid-dawl tal-osservazzjonijiet u tal-kummenti mill-awtorità tal-kwittanza relatati maż-żieda konsiderevoli fl-infiq tal-għotja tal-Aġenzija, li ttieħdu miżuri biex jittaffew ir-riskji identifikati, u li speċifikament, fl-2018, saru verifiki tal-kostijiet unitarji għal Spanja, il-Greċja u l-Italja, li l-politika ta’ kontroll ex post ġiet adottata fl-2018, li l-pjan ta’ kontroll ex post annwali bbażat fuq ir-riskju ġie stabbilit u se jiġi rivedut, u li l-kontrolli ex post għall-Portugall u l-Estonja ġew iffinalizzati; |
25. |
Jinnota bi tħassib mir-rapport tal-Qorti li l-Aġenzija ma għandhiex politika dwar “karigi sensittivi” li tidentifika funzjonijiet sensittivi, iżżommhom aġġornati u tiddefinixxi miżuri xierqa biex tnaqqas ir-riskju ta’ interessi akkwiżiti; jistieden lill-Aġenzija tadotta u timplimenta politika bħal din biex tkun konformi mal-istandards ta’ kontroll intern tal-Aġenzija; jirrikonoxxi mir-risposta tal-Aġenzija li, fi tmiem l-2019, l-Aġenzija kienet qed tiffinalizza l-proċess ta’ adozzjoni ta’ politika dwar “karigi sensittivi”; |
26. |
Jinnota li, wara r-reviżjoni reċenti tal-qafas ta’ kontroll intern tagħha, l-Aġenzija żgurat li d-deċiżjonijiet kollha biex jitneħħew il-kontrolli jew devjazzjonijiet mill-proċessi u l-proċeduri stabbiliti, jiġu ddokumentati, approvati kif xieraq, u lloggjati b’mod ċentrali; |
Kummenti oħra
27. |
Jilqa’ l-fatt li, fid-dawl tal-kummenti u l-osservazzjonijiet mill-awtorità ta’ kwittanza relatati mal-kostruzzjoni tal-bini tal-kwartieri ġenerali l-ġodda u t-twaqqif ta’ skola Ewropea f’Varsavja, ġiet attribwita art adegwata lill-Aġenzija mill-awtoritajiet Pollakki fl-2019, u għaddej l-ippjanar biex jinbena bini mfassal apposta tal-kwartieri ġenerali tal-Aġenzija sa tmiem l-2024, u li l-bord tal-Gvernaturi tal-Iskejjel Ewropej għandu jiġi propost mill-awtoritajiet Pollakki fil-Ħarifa tal-2019 biex jikkunsidraw l-akkreditazzjoni ta’ skola Ewropea assoċjata ta’ Varsavja tat-tip II, li tkun operattiva parzjalment mis-sena akkademika 2020-2021; |
28. |
Jistieden lill-Aġenzija tiffoka fuq it-tixrid tar-riżultati tar-riċerka tagħha mal-pubbliku, u tikkomunika mal-pubbliku permezz tal-midja soċjali u mezzi oħra tal-midja; |
29. |
Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta’ natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Mejju 2020 (7) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji. |
(1) ĠU C 120, 29.3.2019, p. 103.
(2) ĠU C 120, 29.3.2019, p. 105.
(3) Ir-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE (ĠU L 251, 16.9.2016, p. 1).
(4) Ir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624 (ĠU L 295, 14.11.2019, p. 1).
(5) Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).
(6) Ir-Regolament (UE) Nru 656/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li jistabbilixxi regoli dwar is-sorveljanza tal-fruntieri esterni tal-baħar fil-kuntest tal-kooperazzjoni operazzjonali kkoordinata mill-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 189, 27.6.2014, p. 93).
(7) Testi adottati, P9_TA(2020)0121.