This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52020BP1891
Resolution (EU) 2020/1891 of the European Parliament of 14 May 2020 with observations forming an integral part of the decision on discharge in respect of the implementation of the budget of the Translation Centre for the Bodies of the European Union (CdT) for the financial year 2018
Riżoluzzjoni (UE) 2020/1891 tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Mejju 2020 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea (CdT) għas-sena finanzjarja 2018
Riżoluzzjoni (UE) 2020/1891 tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Mejju 2020 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea (CdT) għas-sena finanzjarja 2018
ĠU L 417, 11.12.2020, p. 183–185
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
11.12.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 417/183 |
RIŻOLUZZJONI (UE) 2020/1891 TAL-PARLAMENT EWROPEW
tal-14 ta’ Mejju 2020
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea (CdT) għas-sena finanzjarja 2018
IL-PARLAMENT EWROPEW,
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018, |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0035/2020), |
A. |
billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq (1), il-baġit finali taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea (iċ-"Ċentru") għas-sena finanzjarja 2018 kien jammonta għal EUR 47 142 100, li meta mqabbel mal-2017 jirrappreżenta tnaqqis ta' 4,63 %; billi 91,48 % tal-baġit taċ-Ċentru jiġi minn kontribuzzjonijiet diretti minn istituzzjonijiet, aġenziji u korpi oħra (2); |
B. |
billi l-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali taċ-Ċentru għas-sena finanzjarja 2018 (ir-"rapport tal-Qorti"), stqarret li kisbet aċċertamenti raġonevoli li l-kontijiet annwali taċ-Ċentru huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari; |
Ġestjoni baġitarja u finanzjarja
1. |
Jinnota b'sodisfazzjon li l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2018 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 94,94 %, li tirrappreżenta żieda ta' 1,82 % meta mqabbla mas-sena preċedenti; jinnota li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 87,94 %, li tirrappreżenta żieda ta' 2,53 % meta mqabbla mas-sena preċedenti; |
Prestazzjoni
2. |
Jinnota li ċ-Ċentru juża indikaturi tal-input u tal-output bħala indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni biex jivvaluta r-riżultati tal-attivitajiet tiegħu u diversi indikaturi biex itejjeb il-ġestjoni baġitarja tiegħu; jinnota l-evalwazzjoni ex ante riveduta u r-reviżjoni ex post li għaddejja bħalissa tal-programmi u tal-attivitajiet taċ-Ċentru; jistieden liċ-Ċentru jkompli jiżviluppa l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni biex jivvaluta l-eżitu u l-impatt tal-attivitajiet tiegħu sabiex jikseb pariri kwalitattivi dwar kif jipprovdi aktar valur miżjud għall-output taċ-Ċentru u jtejjeb il-mudell kummerċjali taċ-Ċentru; |
3. |
Jinnota b'apprezzament li, fl-2018, iċ-Ċentru ħa passi kbar 'il quddiem fl-użu tat-teknoloġija tat-traduzzjoni u li, f'kooperazzjoni mill-qrib mad-direttorat ġenerali sieħeb fil-Kummissjoni, implimenta b'suċċess it-traduzzjoni awtomatika u l-Euramis fil-fluss tal-produzzjoni tiegħu; |
4. |
Jinnota, barra minn hekk, li fl-2018 il-verżjoni ġdida fjamanta tal-ikbar bażi tad-data tat-terminoloġija fid-dinja, l-Interactive Terminology for Europe (IATE), ġiet varata għall-pubbliku u li ċ-Ċentru jiżviluppaha u jimmaniġġjaha f'isem is-sħab istituzzjonali tiegħu; |
5. |
Jilqa' pożittivament il-fatt li ċ-Ċentru implimenta żewġ azzjonijiet biex jikkondividi r-riżorsi ma' aġenziji oħra dwar il-kompiti li jikkoinċidu permezz tan-Network tal-Aġenziji tal-UE: katalgu tas-servizzi kondiviż, li jelenka s-servizzi kollha li jistgħu jiġu kondiviżi mill-aġenziji tal-Unjoni, u portal tal-akkwist konġunt li fuqu l-aġenziji tal-Unjoni jikkondividu l-pjanijiet ta' akkwist; iħeġġeġ bil-qawwa liċ-Ċentru biex ifittex b'mod attiv kooperazzjoni ulterjuri u usa' mal-aġenziji kollha tal-Unjoni, speċjalment minħabba l-pożizzjoni strateġikament ideali tiegħu fil-Lussemburgu, fejn ħafna aġenziji oħra tal-Unjoni għandhom il-kwartieri ġenerali; |
6. |
Iħeġġeġ liċ-Ċentru jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti; |
7. |
Jilqa' l-progress li sar rigward l-evalwazzjoni esterna tal-mudell kummerċjali taċ-Ċentru, li twettqet fl-2017; jistieden liċ-Ċentru jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-eżitu tal-evalwazzjoni finali; |
8. |
Jinnota b'apprezzament l-impatt persistenti tal-istruttura tal-prezzijiet introdotta fl-2017 għat-traduzzjoni tad-dokumenti – li permezz tagħha l-klijenti taċ-Ċentru ffrankaw EUR 4,4 miljun fl-2018 – u jenfasizza l-effetti pożittivi tiegħu; |
9. |
Iħeġġeġ liċ-Ċentru jadotta mudell kummerċjali sostenibbli bi qbil mal-pjan ta' trasformazzjoni mfassal abbażi tal-istudju estern bit-titlu "Study on the Translation Centre as the Linguistic Shared Service Provider for the EU Agencies and Bodies" (Studju dwar iċ-Ċentru tat-Traduzzjoni bħala l-Fornitur ta' Servizzi Lingwistiċi Kondiviżi għall-Aġenziji u l-Korpi tal-UE); iħeġġeġ liċ-Ċentru jimplimenta bis-sħiħ dawk l-azzjonijiet li jgħinu biex il-mudell kummerċjali l-ġdid jiġi adattat għall-avvanzi teknoloġiċi, bħall-proġett dwar it-traduzzjoni tal-paġni web u l-għarfien tat-taħdit; |
10. |
Jinnota bi tħassib li ċ-Ċentru ma lestiex il-pjan għal kontra l-frodi li kellu jiġi implimentat sa tmiem l-2018 u li dik is-sena kellu rata ta' implimentazzjoni ta' 66 %; iħeġġeġ liċ-Ċentru jħaffef l-implimentazzjoni ta' dak il-pjan; |
11. |
Jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu dwar l-isforzi magħmula miċ-Ċentru fl-iżvilupp ta' kapaċitajiet tal-persunal ewlieni fl-oqsma tal-ġestjoni tal-kwalità u l-ġestjoni tal-proġetti, billi 86,8 % tal-persunal ewlieni rċieva t-taħriġ, li jaqbeż il-mira stabbilita għall-2018; |
12. |
Jirrikonoxxi l-fatt li ċ-Ċentru żamm mal-impenn tiegħu li verżjoni ġdida tal-IATE tkun disponibbli għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni sa tmiem l-2018, u li dan l-objettiv intlaħaq f'Novembru 2018; jinnota li ċ-Ċentru ppubblika l-verżjoni interistituzzjonali tal-IATE fi Frar 2019; |
Politika dwar il-persunal
13. |
Jinnota li, fil-31 ta' Diċembru 2018, it-tabella tal-persunal kienet eżegwita bil-perċentwal ta' 94,82 %, u li kienu nħatru 50 uffiċjal u 133 aġent temporanju minn 55 uffiċjal u 138 aġent temporanju awtorizzati mill-baġit tal-Unjoni (meta mqabbel ma' 195 post awtorizzat fl-2017); jinnota li, barra minn hekk, 23 aġent kuntrattwali ħadmu għaċ-Ċentru fl-2018; |
14. |
Jinnota b'sodisfazzjon li bilanċ tajjeb bejn il-ġeneri ntlaħaq fl-2018 fir-rigward ta' pożizzjonijiet maniġerjali superjuri (tlett irġiel u żewġ nisa) u fi ħdan il-membri tal-bord amministrattiv (32 raġel u 27 mara); |
15. |
Iħeġġeġ liċ-Ċentru jiżviluppa qafas ta' politika fit-tul dwar ir-riżorsi umani biex jindirizza l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tal-persunal tiegħu, l-iggwidar tul il-ħajja u l-iżvilupp tal-karriera, il-bilanċ bejn il-ġeneri, it-telexogħol, in-nondiskriminazzjoni, il-bilanċ ġeografiku kif ukoll ir-reklutaġġ u l-integrazzjoni ta' persuni b'diżabilità; |
Akkwist
16. |
Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, sa tmiem l-2018 iċ-Ċentru kien introduċa l-fatturazzjoni elettronika iżda ma kienx għadu introduċa għodod bħas-sejħa għall-offerti elettronika u s-sottomissjoni elettronika ta' offerti varati mill-Kummissjoni biex tiġi introdotta soluzzjoni waħda għall-iskambju elettroniku ta' informazzjoni ma' partijiet terzi li jipparteċipaw fi proċeduri ta' akkwist pubbliku (akkwist elettroniku); jistieden liċ-Ċentru jintroduċi l-għodod neċessarji kollha biex jamministra l-proċeduri ta' akkwist u jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni tagħhom; |
Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u trasparenza
17. |
Jinnota li ċ-Ċentru għażel li jippubblika d-dikjarazzjonijiet ta' interess biss, mingħajr is-CVs, minħabba l-problemi ta' ġestjoni assoċjati mad-daqs tal-bord amministrattiv tiegħu (madwar 130 membru u membru supplenti); jinnota li s-CV u d-dikjarazzjoni tal-interessi tad-direttur huma ppubblikati fuq is-sit web taċ-Ċentru; jinnota li ċ-Ċentru jqis li r-riskji assoċjati mal-kunflitti ta' interess huma baxxi ħafna minħabba n-natura tal-attivitajiet tiegħu; |
18. |
Jinnota bi tħassib li, għalkemm iċ-Ċentru mhuwiex iffinanzjat mit-tariffi, jiddependi fuq id-dħul li jirċievi mill-klijenti tiegħu, li huma rrappreżentati fil-bord amministrattiv taċ-Ċentru, u li għalhekk hemm riskju għoli ta' kunflitt ta' interess fir-rigward tal-ipprezzar tal-prodotti taċ-Ċentru, li jista' jiġi rrimedjat jekk il-Kummissjoni tiġbor tariffi f'isem il-klijenti taċ-Ċentru, li jwassal biex iċ-Ċentru jkun iffinanzjat kompletament mill-baġit tal-Unjoni; jirrikonoxxi l-kumment taċ-Ċentru li l-possibbiltà li jkun iffinanzjat mill-baġit tal-Unjoni tkun tirrikjedi ftehim bejn il-Kummissjoni u l-awtorità tal-baġit; jistieden liċ-Ċentru jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-miżuri meħuda biex jimmitiga tali riskju; |
Kummenti oħra
19. |
Jilqa' pożittivament il-varar, fl-2018, tal-verżjoni l-ġdida tal-IATE maħsuba biex iżżid il-viżibbiltà pubblika u l-preżenza online taċ-Ċentru; jistieden liċ-Ċentru jikkonċentra ulterjorment fuq it-tixrid tar-riżultati tal-kompiti tiegħu mal-pubbliku, u jikkomunika mal-pubbliku permezz tal-midja soċjali u mezzi oħra tal-midja; |
20. |
Iħeġġeġ liċ-Ċentru jaħdem favur id-diġitalizzazzjoni tas-servizzi tiegħu; |
21. |
Jiddispjaċih mill-fatt li l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) iddeċieda, fis-26 ta' April 2018, li jtemm l-arranġament tat-traduzzjoni li kkonkluda maċ-Ċentru, minkejja l-obbligu legali tiegħu li juża s-servizzi taċ-Ċentru, kif previst fl-Artikolu 148 tar-Regolament (UE) 2017/1001 (3), li stabbilixxa l-EUIPO; jinnota l-azzjoni legali mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali miċ-Ċentru fis-6 ta' Lulju 2018 u l-għeluq tal-fażi orali tas-seduta ta' smigħ fl-4 ta' Ġunju 2019; jinnota li fis-7 ta' Diċembru 2018 ġie ffirmat arranġament ġdid għal sentejn biss bejn iċ-Ċentru u l-EUIPO; jistieden liċ-Ċentru jżomm lill-awtorità ta' kwittanza aġġornata bl-iżvilupp tal-proċedimenti ġudizzjarji; |
22. |
Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta' natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Mejju 2020 (4) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji. |
(1) ĠU C 416, 15.11.2018, p. 16.
(2) ĠU C 416, 15.11.2018, p. 18.
(3) Ir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 154, 16.6.2017, p. 1).
(4) Testi adottati, P9_TA(2020)0121.