Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020BP1884

Riżoluzzjoni (UE) 2020/1884 tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Mejju 2020 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018, Taqsima VIII — L-Ombudsman Ewropew

ĠU L 417, 11.12.2020, p. 159–163 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2020/1884/oj

11.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 417/159


RIŻOLUZZJONI (UE) 2020/1884 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-14 ta’ Mejju 2020

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018, Taqsima VIII — L-Ombudsman Ewropew

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018, Taqsima VIII — L-Ombudsman Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0028/2020),

A.

billi, fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tixtieq tisħaq fuq l-importanza partikolari li tissaħħaħ aktar il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz ta' titjib fit-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, u permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani;

1.   

Jinnota b'sodisfazzjon li l-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Ombudsman Ewropew ("l-Ombudsman") għas-sena finanzjarja 2018, osservat li ma ġiet identifikata l-ebda dgħufija serja fir-rigward tat-temi awditjati relatati mar-riżorsi umani u mal-akkwist;

2.   

Jinnota l-konklużjoni tal-Qorti li l-pagamenti kollha kemm huma għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2018, fir-rigward tan-nefqa amministrattiva tal-Ombudsman, kienu ħielsa minn żbalji materjali u li s-sistemi ta' superviżjoni u kontroll eżaminati kienu effikaċi;

3.   

Jiddispjaċih, bħala osservazzjoni ġenerali, li l-Kapitolu 10, "Amministrazzjoni", tar-Rapport Annwali tal-Qorti għandu kamp ta' applikazzjoni u konklużjonijiet pjuttost limitati, minkejja l-fatt li l-Intestatura 5, ‘Amministrazzjoni’, tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali titqies li hija ta’ riskju baxx;

4.   

Jinnota li l-Qorti għażlet kampjun ta' 45 tranżazzjoni li jikkorrispondu għall-Intestatura 5 ‘Amministrazzjoni’ tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-Unjoni; jinnota li l-kampjun tfassal biex ikun rappreżentattiv tal-firxa ta' nfiq fl-ambitu tal-Intestatura 5, li tirrappreżenta 6,3 % tal-baġit tal-Unjoni; jinnota li l-ħidma tal-Qorti tindika li n-nefqa amministrattiva hija ta' riskju baxx; jikkunsidra, madankollu, li n-numru ta' tranżazzjonijiet magħżula b'rabta mal-"istituzzjonijiet l-oħra" mhuwiex suffiċjenti u jitlob lill-Qorti żżid l-għadd ta' tranżazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati b'tal-inqas b'10 %;

5.   

Jilqa' favorevolment il-fatt li l-Ombudsman tirrispetta l-aħjar prattika li tiġi stabbilita skadenza għall-preżentazzjoni tar-rapport annwali tal-attività fil-31 ta' Marzu tas-sena li tiġi wara s-sena kontabilistika; jilqa' pożittivament il-fatt li, għaldaqstant, il-fatt li l-Ombudsman adotta r-rapport annwali tal-attività tiegħu sat-28 ta' Marzu, bil-għan li jagħti lill-awtorita’ ta' kwittanza aktar żmien biex tifli r-rapport u biex il-proċedura ta' kwittanza tkun tista' ssir b'mod aqwa;

6.   

Jenfasizza li l-baġit tal-Ombudsman huwa wieħed purament amministrattiv u fl-2018 ammonta għal EUR 10 837 545 (meta mqabbel ma' EUR 10 905 441 fl-2017), li wassal għal tnaqqis ta' EUR 67 896 (0,62 %); jilqa' favorevolment il-ġestjoni finanzjarja kumplessivament prudenti u soda tal-Ombudsman fil-perjodu tal-baġit tal-2018; jinnota li 95,33 % tal-approprjazzjonijiet kollha ġie impenjat (meta mqabbel ma' 93,91 % fl-2017) u 91,33 % ġie mħallas (meta mqabbel ma' 86,20 % fl-2017);

7.   

Jinnota t-titjib relatat mal-approprjazzjonijiet riportati mill-2018 għall-2019 li jirrappreżenta EUR 433 865,17 (4 % tal-baġit tal-2018) meta mqabbel ma' EUR 841 340,68 (7,71 % tal-baġit tal-2017) mill-2017 sal-2018;

8.   

Josserva, madankollu, li kien hemm approprjazzjonijiet li ma ntużawx fir-rigward ta' diversi linji baġitarji, bħal fil-każ tal-‘laqgħat esterni’ (linja baġitarja B3-030) b'EUR 13 514,61 mhux użati minn EUR 45 000, ‘il-pubblikazzjonijiet’ (linja baġitarja B3-210) b'EUR 47 530,48 mhux użati minn EUR 161 100, eċċ.; ifakkar fil-ħtieġa ta' miżuri ħalli jitnaqqsu s-soprastimi tal-baġit;

9.   

Jieħu nota tar-riżorsi limitati tal-Ombudsman biex jiġi trattat il-volum ta' xogħol dejjem jiżdied; jappoġġja t-talba tal-Ombudsman biex il-pjan ta' stabbiliment jiġi allinjat mal-ħtiġijiet reali u max-xogħol, billi jiġu identifikati dawk il-funzjonijiet ta' natura permanenti li għandhom jiġu mwettqa minn persunal permanenti; jieħu nota li t-tabella tal-persunal fl-2018 kienet tinkludi 82 post (meta mqabbel mas-77 post fl-2013); jitlob lill-Ombudsman tirrapporta lura f'termini potenzjali ta' titjib fl-effiċjenza, dovut biss għall-fatt li organizza ruħu mill-ġdid u qassam il-kompiti mill-ġdid;

10.   

Iħeġġeġ lill-Uffiċċju tal-Ombudsman jikkoopera ma' istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni bil-ħsieb li jiġu limitati l-ispejjeż; josserva li, f'dak li għandu x'jaqsam mat-traduzzjoni, l-Ombudsman ma għandux tradutturi interni u, għalhekk, jiddependi fuq il-Parlament u ċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea; jieħu nota, madankollu, tal-fatt li fl-2018 kien hemm żieda fl-ispiża għat-traduzzjoni, peress li l-Ombudsman nefaq EUR 343 771 għat-traduzzjoni (meta mqabbel ma' EUR 262 631 fl-2017);

11.   

Jilqa' favorevolment il-bilanċ bejn il-ġeneri eżemplari fil-postijiet maniġerjali, b'4 nisa u 4 rġiel; jinnota, madankollu, li globalment il-persunal huwa kompost minn 65 % nisa, u 35 % biss irġiel; iħeġġeġ lill-Uffiċċju tal-Ombudsman joħloq ambjent tax-xogħol b'ugwaljanza bejn il-ġeneri akbar;

12.   

Jinnota li rigward il-bilanċ ġeografiku, fil-postijiet maniġerjali tal-Ombudsman fl-2018 kien hemm sitt nazzjonalitajiet differenti (Ġermaniżi, Griegi, Irlandiżi, Taljani, Pollakki u Żvediżi), meta mqabbel mat-tmien nazzjonalitajiet rappreżentati fl-2013 (Awstrijaki, Ġermaniżi, Daniżi, Griegi, Irlandiżi, Portugiżi, u Britanniċi); jikkunsidra l-fatt li bejn l-2013 u l-2018 kien hemm tnaqqis fl-għadd totali ta' maniġers, minn ħdax għal tmienja; jistieden lill-Ombudsman tkompli bl-isforzi tagħha biex tilħaq bilanċ ġeografiku, madankollu fid-dawl tad-daqs żgħir tal-Uffiċċju tal-Ombudsman u tal-attivitajiet speċifiċi ewlenin tiegħu;

13.   

Jilqa' favorevolment l-isforzi tal-Ombudsman b'rabta mal-politika l-ġdida dwar il-ġeneri, iżda jiddispjaċih għad-disparità’ fil-medja ta' ġranet ta' taħriġ skont il-ġeneru: 6,80 għall-irġiel meta mqabbel ma' 5,90 għan-nisa;

14.   

Jirrikonoxxi li l-implimentazzjoni tal-qafas ta' politika dwar ir-riżorsi umani tal-2017 qed tkompli, bl-adozzjoni ta' regoli ġodda dwar ir-reklutaġġ ta' aġenti temporanji, permezz ta' deċiżjoni dwar ix-xogħol part-time u s-sigħat ta' kreditu, u b'politika kontra d-diskriminazzjoni u favur l-ugwaljanza; jieħu nota ta' aktar inizjattivi li jtejbu l-proċeduri u l-azzjonijiet ta' reklutaġġ, bħal żjarat ta' studju għall-persunal u programmi ta' skambju tal-persunal;

15.   

Iħeġġeġ lill-Ombudsman tkompli l-iżvilupp ta' qafas ta' politika fit-tul għar-riżorsi umani biex jiġu indirizzati l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, l-iggwidar tul il-ħajja u l-iżvilupp tal-karriera, il-bilanċ bejn il-ġeneri, in-nondiskriminazzjoni, it-telexogħol, il-bilanċ ġeografiku u r-reklutaġġ tal-persunal tagħha, u wkoll l-integrazzjoni ta' persuni b'diżabilità fil-persunal tagħha;

16.   

Jinnota b'interess li fir-rigward tal-attivitajiet interni tiegħu, l-Ombudsman stiednet lill-Forum Ewropew dwar id-Diżabilità biex juża l-kanali tiegħu ħalli jxerred is-sejħa għal traineeship mal-Ombudsman bil-għan li persuni b'diżabilità jiġu mħeġġa japplikaw; jieħu nota li l-formola ta' applikazzjoni ġiet riveduta bil-għan li tiddaħħal mistoqsija dwar akkomodazzjoni raġonevoli meħtieġa matul il-proċeduri tal-għażla;

17.   

Jilqa' pożittivament il-fatt li, fil-qafas tal-istandards ta' kontroll intern tal-Ombudsman, ittieħdu azzjonijiet biex tiġi implimentata d-deċiżjoni dwar il-prevenzjoni tal-fastidju, inkluż bil-ħatra ta' uffiċjali tal-etika (wieħed fi Brussell u ieħor fi Strasburgu) u ta' membri tal-kumitat ta' konċiljazzjoni; jieħu nota tal-fatt li f'Settembru 2018, il-persunal kollu pparteċipa f’kors ta’ taħriġ obbligatorju dwar l-imġiba etika (li kien jinkludi l-prevenzjoni tal-fastidju), u f'Novembru 2018 ġiet organizzata sessjoni speċifika għall-kapijiet ta' unità;

18.   

Jilqa' favorevolment l-implimentazzjoni tal-gwida dwar l-etika u l-mġiba tajba għall-persunal tal-Ombudsman, li ġiet adottata fl-2017, li tirrikjedi li membri ġodda tal-persunal jimlew formola ta' dikjarazzjoni ta' interess, u li tinforma lill-membri tal-persunal li jitilqu mill-uffiċju dwar l-obbligi tagħhom.

19.   

Jiddispjaċih għall-fatt li s-segwitu tal-Ombudsman għar-riżoluzzjoni dwar il-kwittanza tal-2017 sempliċiment jirrikonoxxi l-kummenti tal-Parlament b'rabta mal-parti l-kbira tal-punti msemmija, mingħajr ma jagħti aktar dettalji; jenfasizza l-importanza tar-rapport ta' segwitu għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament, u jistieden lill-Ombudsman sabiex fir-rapport ta' segwitu jiġu nklużi r-risposti u l-ispjegazzjonijiet meħtieġa dwar il-punti mqajma;

20.   

Jinnota li l-indikatur ewlieni tal-prestazzjoni għall-konformità globali tal-Ombudsman, li kellu mira ambizzjuża ta' 90 %, ma setax jintlaħaq fl-2018; jinnota li ntlaħqet ir-rata ta' 81 % (meta mqabbla ma' 85 % fl-2017), filwaqt li r-rata ta' konformità għal inkjesti ta' interess pubbliku laħqet il-85 % (meta mqabbla ma' 79 % fl-2017); jirrikonoxxi li r-rata tal-aħħar hija sinifikanti b'kunsiderazzjoni tal-fatt li l-effett ta' konformità x'aktarx li jibbenefika udjenza akbar;

21.   

Jappoġġja l-intenzjoni tal-Ombudsman li tikkoopera aktar mill-qrib mal-Parlament biex tiżgura li jiġi informat dwar in-nuqqasijiet, b'mod partikolari dwar każijiet ta' amministrazzjoni ħażina li joħorġu mill-injkesti jew mir-risposti negattivi tal-istituzzjonijiet għar-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Ombudsman; jemmen li sakemm din l-informazzjoni tingħata f'format imqassar u organizzat, hija jkollha valur kbir għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament; jinnota, madankollu, li l-Ombudsman tikkonferma x-xejra li ġeneralment, l-istituzzjonijiet jikkomunikaw mal-Ombudsman b'mod kostruttiv;

22.   

Jenfasizza l-fatt li r-riżultati għat-tliet elementi kollha tal-indikatur ewlieni tal-prestazzjoni 7 (effiċjenza: l-indikatur kompost għat-trattament ta' lmenti u inkjesti) jindikaw li l-miri kollha ntlaħqu jew inqabżu; jinnota li l-proporzjonijiet ta' inkjesti magħluqa fi żmien sitt xhur u fi żmien tmintax-il xahar huma ta' 57 % u 88 % rispettivament (bil-miri jkunu ta' 50 % u 80 % rispettivament), u li t-tielet element, il-‘proporzjon ta' deċiżjonijiet ta' ammissibilità’ li ttieħdu fi żmien xahar, wera żieda sinifikanti minn 69 % fl-2016 għal 86 % fl-2017, u laħaq il-mira ta' 90 % fl-2018;

23.   

Jinnota li fl-2018, il-medja ta' żmien għat-trattament tal-kategoriji kollha ta' lmenti żdiedet għal 79 jum (meta mqabbla ma' 64 jum fl-2017), filwaqt li ż-żmien medju għat-trattament tal-inkjesti naqas għal 255 jum fl-2018 (meta mqabbel ma' 266 jum fl-2017 u ma' 369 jum fl-2013); jinnota, madankollu, li n-numru ta' inkjesti magħluqa abbażi ta' lmenti li ngħalqu żdied b'53 % (li jiġġustifika ż-żieda fil-medja taż-żmien għat-trattament tal-kategoriji kollha ta' lmenti);

24.   

Jinnota li fl-2018 l-għadd ta' lmenti fi ħdan il-mandat (880 meta mqabbel ma' 751 fl-2017) kompla jiżdied b'mod sinifikanti (+ 17 %) wara żieda ta' 5,5 % fl-2017; jinnota li l-għadd ta' inkjesti miftuħa minħabba lmenti kien ta' 482 meta mqabbel ma' 433 fl-2017 (+ 11 %), u l-għadd ta' inkjesti magħluqa abbażi ta' lmenti kien ta' 534 meta mqabbel ma' 348 fl-2017 (+ 53 %); jinnota li ż-żieda fl-inkjesti miftuħa u magħluqa hija parzjalment dovuta għall-fatt li, minħabba l-klassifikazzjoni mill-ġdid, għadd ta' każijiet li qabel kienu jiġu kklassifikati bħala ‘l-ebda bażi għal inkjesta’, issa huma magħluqa bħala ‘inkjesti li fihom ma nstabet l-ebda amministrazzjoni ħażina’;

25.   

Jieħu nota tar-riżultati tal-inkjesti magħluqa mill-Ombudsman fl-2018, li kienu (a) 253 każ bħala ‘l-ebda każ ta' amministrazzjoni ħażina’ (46,6 %), (b) 221 każ bħala ‘solvuti mill-istituzzjonijiet ikkonċernati — suġġerimenti aċċettati — soluzzjonijiet miksuba’ (40,6 %), (c) 56 każ bħala ‘mhux ġustifikati aktar inkjesti’ (10,3 %), (d) 29 każ bħala ‘evidenza ta' amministrazzjoni ħażina’ (5,3 %), u (e) 10 każijiet bħala ‘oħrajn’(1,8 %); jirrikonoxxi li l-missjoni fundamentali tal-Ombudsman hija li jiġi żgurat li l-amministrazzjoni tal-Unjoni taqdi l-interess pubbliku, u li jiġi megħjun kulmin jiffaċċja problemi mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni;

26.   

Jinnota li sa mill-2013, id-dettalji dwar il-missjonijiet tal-Ombudsman, inklużi l-ispejjeż, l-iskop u t-tul ta' żmien, ġew ippubblikati fuq is-sit web tal-Ombudsman; jinnota li fl-2018, l-ispejjeż ta' missjonijiet ammontaw għal EUR 27 206,79 (meta mqabbla ma' EUR 30 592 tal-2017); itenni li għal raġunijiet ta' trasparenza, fir-rapport tal-attività annwali, għandha tiġi inkluża lista li tittratta s-sitwazzjoni annwali tal-missjonijiet;

27.   

Jirrikonoxxi l-inizjattiva ‘Premju għal Amministrazzjoni Tajba’, li hija pożittiva għaliex tirrikonoxxi ix-xogħol tajjeb b'mod formali, tippromwovi l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fost l-istituzzjonijiet, u sservi ta' ispirazzjoni għal proġetti futuri; jilqa' favorevolment il-kooperazzjoni man-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen, ma' korpi oħra tal-Istati Membri u ma' netwerks u organizzazzjonijiet internazzjonali biex jiġu identifikati u promossi l-ogħla standards;

28.   

Jilqa' pożittivament l-azzjonijiet meħuda mill-Ombudsman biex jiġu mtejba ċ-ċibersigurtà u l-protezzjoni tad-data, pereżempju permezz ta' korsijiet ta’ taħriġ dwar is-sigurtà tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, l-iżvilupp ta' proċeduri dwar it-trattament tal-ksur tad-data, iż-żamma ta' konsultazzjoni f'waqtha mal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data biex tiġi garantita l-privatezza waqt it-tfassil tal-proġetti; jitlob lill-Ombudsman tirrapporta aktar dwar l-implimentazzjoni tal-punti ta' azzjoni li għadhom għaddejjin, inkluż dwar l-istabbiliment ta' mudell għall-valutazzjonijiet tal-impatt tal-privatezza tad-data u wkoll ta' reġistru ċentrali ta' rekords ta' operazzjonijiet ta' pproċessar;

29.   

Jirrikonoxxi l-valur miżjud għall-Ombudsman li jiġi minn software liberu u b'sors miftuħ; jenfasizza b'mod partikolari r-rwol li dawn għandhom biex tiżdied it-trasparenza u jiġu evitati l-effetti ta' intrappolament tal-bejjiegħa; jirrikonoxxi wkoll il-potenzjal li għandhom biex itejbu s-sigurtà, li hu dovut għall-fatt li jippermettu li jiġu identifikati u rranġati n-nuqqasijiet; jirrakkomanda bil-qawwa li kwalunkwe software żviluppat għall-istituzzjoni jkun disponibbli għall-pubbliku taħt liċenzja ta' software liberu u b'sors miftuħ:

30.   

Jissottolinja l-importanza li ċ-ċittadini tal-Unjoni jifhmu li għandhom il-possibbiltà li jirrikorru għand l-Ombudsman fil-każ ta' amministrazzjoni ħażina; jieħu nota tal-isforzi kontinwi magħmula biex tiżdied il-viżibbiltà tal-Uffiċċju tal-Ombudsman bl-użu ta' għodod bħas-sit web il-ġdid, varat fl-2018, li jinkludi interfaċċja riveduta għal ilmenti potenzjali u wkoll funzjoni ta' tiftix faċli għall-utent; jinnota l-filmat il-ġdid li jenfasizza suġġetti bħall-aċċess għall-informazzjoni, il-problemi bil-finanzjament tal-Unjoni u t-trasparenza tal-lobbjar; jinnota ż-żidiet fl-utenti li jużaw il-pjattaformi tal-Ombudsman, +17 % fuq Twitter, +13 % fuq LinkedIn, u żieda sostanzjali ta' +61 % ta' utenti fuq Instagram; barra minn hekk, iħeġġeġ l-użu ta' pjattaformi ta' netwerks soċjali self-hosted b'sors miftuħ li jagħtu attenzjoni speċjali lill-protezzjoni tad-data tal-utenti;

31.   

Jinkoraġġixxi li l-Ombudsman twettaq progress fuq politika koerenti għad-diġitalizzazzjoni tas-servizzi tiegħu;

32.   

Jilqa' favorevolment l-iżvilupp ta' linji gwida dwar il-midja soċjali, f'kooperazzjoni ma' istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni, u l-iskambju tal-aħjar prattiki bil-għan li jiġu indirizzati l-isfidi ffaċċjati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni f'termini ta' użu dejjem akbar tal-midja soċjali u l-esponiment għalihom;

33.   

Iħeġġeġ lill-Uffiċċju tal-Ombudsman ikompli bl-isforzi tiegħu biex inaqqas l-impronta ambjentali tiegħu, bħall-promozzjoni tad-diġitalizzazzjoni biex jitnaqqas l-użu tal-karti, il-limitazzjoni tal-missjonijiet tal-persunal billi jiġi promoss l-użu ta' faċilitajiet ta' vidjokonferenza, u bil-promozzjoni tal-użu ta' trasport kollettiv; jitlob li jingħata aktar informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta' tali attivitajiet fil-kwittanza 2019;

34.   

Jissottolinja t-talba ripetuta tal-Parlament, fid-dawl tar-realtajiet u l-isfidi l-ġodda, biex jiġi rivedut l-istatut tal-Ombudsman; jinnota li l-aħħar reviżjoni twettqet fl-2008 u finalment, fi Frar 2019, saret votazzjoni dwar riżoluzzjoni dwar abbozz ta' regolament tal-Parlament li jistabbilixxi r-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-prestazzjoni tal-obbligi tal-Ombudsman (l-Istatut tal-Ombudsman Ewropew); jinnota li d-deċiżjoni dwar l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni għal dan ir-Regolament tinsab f'idejn l-Ombudsman; jitlob lill-Uffiċċju tal-Ombudsman biex jirrapporta dwar dawn il-kwistjonijiet fir-rapport tal-attività annwali li jmiss tiegħu;

35.   

Jilqa' pożittivament il-fatt li l-Ombudsman wettqet inkjesta dwar l-immaniġġjar ta' "sitwazzjonijiet ta' bibien iduru" u eżaminat kif 15-il istituzzjoni u korp tal-Unjoni (inkluż il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, u l-Qorti) jippubblikaw informazzjoni meta l-membri anzjani tal-persunal tagħhom jitolbu approvazzjoni biex jaċċettaw impjieg estern (inkluż eżami dwar kemm-il darba din l-informazzjoni tiġi ppubblikata kif ukoll l-ambitu u l-kontenut tal-informazzjoni); jinnota li l-Ombudsman sabet livell ta' sensibilizzazzjoni għoli dwar l-importanza ta' regoli ta' implimentazzjoni sodi f'dan il-qasam, madankollu, ġew ippreżentati xi suġġerimenti għal titjib; jilqa' favorevolment l-intenzjoni tal-Ombudsman li twettaq inkjesta ta' segwitu fl-2020;

36.   

Jifraħ lill-Ombudsman għall-proċedura interna FAST-Track ġdida biex jiġu trattati lmenti relatati ma' aċċess għal dokumenti; jieħu nota li skont is-sistema l-ġdida, id-deċiżjonijiet dwar l-ilmenti qed jittieħdu tliet darbiet aktar malajr milli skont il-proċedura standard; jitlob lill-Ombudsman tikkondividi l-eżitu tal-evalwazzjoni tagħha dwar l-effikaċja ta' din il-proċedura l-ġdida ma' istituzzjonijiet u korpi oħra tal-Unjoni;

37.   

Jilqa' pożittivament il-kooperazzjoni tal-Ombudsman mal-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi fir-rigward ta' każijiet ippreżentati liż-żewġ organizzazzjonijiet; jinnota l-kanal ta' kuntatt dirett bil-għan jiġi evitat it-trikkib ta' investigazzjonijiet, li ta l-ewwel frott tiegħu fl-2018;

38.   

Jenfasizza l-ħidma kollha li saret fis-snin li għaddew f'oqsma bħall-ibbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni, il-qafas etiku bir-regoli u l-proċeduri kollha relatati tiegħu, it-tisħiħ tal-attivitajiet ta' komunikazzjoni u n-numru ta' miżuri dejjem akbar għat-titjib tat-trasparenza; jilqa' favorevolment l-għadd sinifikanti ta' ftehimiet interistituzzjonali dwar is-servizzi u l-kooperazzjoni; jissottolinja l-importanza tal-kollaborazzjoni u l-kondiviżjoni tal-esperjenza fost l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni; jissuġġerixxi li tiġi analizzata l-possibilità ta' attivitajiet ta' netwerking formali f'oqsma differenti, bil-għan li jiġu kondiviżi l-aħjar prattiki u jiġu żviluppati soluzzjonijiet komuni.


Top