Επιλέξτε τις πειραματικές λειτουργίες που θέλετε να δοκιμάσετε

Το έγγραφο αυτό έχει ληφθεί από τον ιστότοπο EUR-Lex

Έγγραφο 52020BP1872

    Riżoluzzjoni (UE) 2020/1872 tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Mejju 2020 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA) għas-sena finanzjarja 2018

    ĠU L 417, 11.12.2020, σ. 100 έως 102 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2020/1872/oj

    11.12.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 417/100


    RIŻOLUZZJONI (UE) 2020/1872 TAL-PARLAMENT EWROPEW

    tal-14 ta’ Mejju 2020

    li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA) għas-sena finanzjarja 2018

    IL-PARLAMENT EWROPEW,

    wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga għas-sena finanzjarja 2018,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0073/2020),

    A.

    billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tiegħu (1), il-baġit finali taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (iċ-“Ċentru”) għas-sena finanzjarja 2018 kien EUR 16 174 200,21, li jfisser żieda ta’ 2,18 % meta mqabbel mal-2017; billi l-baġit taċ-Ċentru huwa prinċipalment derivat mill-baġit tal-Unjoni (2);

    B.

    billi l-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali taċ-Ċentru għas-sena finanzjarja 2018 (ir-“rapport tal-Qorti”), iddikjarat li kisbet aċċertamenti raġonevoli li l-kontijiet annwali taċ-Ċentru huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari;

    Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

    1.

    Jilqa’ pożittivament il-fatt li l-isforzi ta’ monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2018 irriżultaw f’rata ta’ implimentazzjoni tal-baġit ta’ 100 %, jiġifieri l-istess rata bħal fl-2017; jinnota li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament kienet 98,02 %, li tfisser żieda ta’ 3,31 % meta mqabbla mas-sena preċedenti;

    Prestazzjoni

    2.

    Jinnota li ċ-Ċentru jkejjel ikunux intlaħqu s-66 objettiv annwali tiegħu billi juża 50 indikatur ewlieni tal-prestazzjoni, maqsumin fi tmien objettivi strateġiċi, biex jivvaluta l-valur miżjud iġġenerat mill-attivitajiet tiegħu u jtejjeb il-ġestjoni baġitarja tiegħu; jinnota li, mill-2019, iċ-Ċentru stabbilixxa mudell ta’ prestazzjoni ġdid ibbażat fuq għaxar indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni, li se jintużaw biex ikejlu kemm iċ-Ċentru hu effikaċi biex jilħaq l-objettivi tiegħu u kemm hu effiċjenti biex juża r-riżorsi allokati għal dan l-iskop;

    3.

    Jinnota li ċ-Ċentru laħaq 85 % tal-objettivi u tar-riżultati applikabbli ppjanati fil-programm ta’ ħidma tal-2018 u li implimenta b’suċċess l-ewwel sena tal-Istrateġija 2025 tiegħu;

    4.

    Iħeġġeġ liċ-Ċentru jaħdem favur id-diġitalizzazzjoni tas-servizzi tiegħu;

    5.

    Jinnota b’sodisfazzjon il-fatt li ċ-Ċentru għadu jikkondividi sinerġiji mal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima f’dawk li huma servizzi amministrattivi u ta’ appoġġ u l-ġestjoni tal-uffiċini komuni f’Lisbona, u li dawn is-sinerġiji jirrigwardaw anki l-ICT, it-telekomunikazzjoni u l-infrastrutturi u s-servizzi bbażati fuq l-Internet; jinnota li ġew stabbiliti sinerġiji operattivi ma’ aġenziji oħra tal-Unjoni fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni u fil-qasam tas-saħħa; ifaħħar lill-aġenziji għal din il-forma ta’ konvivenza, li jqisha eżempju li jistħoqqlu jiġi segwit;

    6.

    Jenfasizza r-rwol importanti li jiżvolġi ċ-Ċentru biex jipprovdi lil dawk responsabbli mill-politika u lill-operaturi fis-settur analiżi u informazzjoni dwar id-droga u d-dipendenza fuq id-droga kif ukoll dwar it-tendenzi emerġenti bil-ħsieb li jiġu miġġielda b’mod effikaċi l-użu illeċitu u t-traffikar tad-droga, u jfakkar li t-traffikar tad-droga ġie identifikat bħala wieħed mi-sorsi ewleenin ta’ profitt u kanal ta’ reklutaġġ għall-kriminalità organizzata u t-terroriżmu; ifakkar li l-mandat taċ-Ċentru ġie estiż fl-2018 biex jinkludi, fost affarijiet oħra, responsabbiltajiet ġodda u sħubijiet formali ma’ aġenziji oħra tal-Unjoni, bħall-Europol;

    7.

    Iqis li l-adozzjoni tad-Dokument ta’ Programmazzjoni 2019-2021 taċ-Ċentru, li huwa kompletament ibbażat fuq l-Istrateġija tal-EMCDDA 2025 (3), tirrappreżenta pass importanti fil-qafas ta’ ppjanar strateġiku u operattiv taċ-Ċentru;

    Politika dwar il-persunal

    8.

    Jinnota li, fil-31 ta’ Diċembru 2018, 96,05 % tat-tabella tal-persunal kienet ġiet eseguita, u li kienu nħatru 9 uffiċjali u 64 aġent temporanju minn 10 uffiċjali u 66 aġent temporanju awtorizzat mill-baġit tal-Unjoni (meta mqabbel ma’ 77 post awtorizzat fl-2017); jinnota wkoll li, fl-2018, iċ-Ċentru ħaddem 29 aġent kuntrattwali u espert nazzjonali sekondat wieħed;

    9.

    Jinnota li ċ-Ċentru rreġistra bilanċ bejn il-ġeneri tajjeb fl-ambitu tal-Bord ta’ Ġestjoni għall-2018, jiġifieri 15-il membru ta’ sess maskili u 14-il membru ta’ sess femminili;

    10.

    Jinnota b’sodisfazzjon li ċ-Ċentru għandu dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-ħolqien u ż-żamma ta’ kultura tax-xogħol ibbażata fuq id-dinjità u r-rispett, biex jiġi evitat u miġġieled il-fastidju; josserva li jqiegħed għad-dispożizzjoni servizz ta’ assistenza psikoloġika kunfidenzjali;

    Akkwist

    11.

    Jilqa’ favorevolment il-fatt li ċ-Ċentru stabbilixxa pjan ta’ akkwist konformi mal-pjan ta’ ġestjoni taċ-Ċentru, li ġie attwat b’suċċess bis-saħħa ta’ kollaborazzjoni mill-qrib mal-unitajiet kollha;

    12.

    Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, iċ-Ċentru ma attirax numru raġonevoli ta’ offerenti fi proċeduri ta’ akkwist ta’ valur baxx, u li f’ħamsa minn dawn il-proċeduri kien hemm biss kandidat wieħed li tefa’ offerta u li fi proċedura waħda ntefgħu żewġ offerti; jinnota li, skont ir-risposta taċ-Ċentru, kien stieden kif jixraq in-numru ta’ offerenti meħtieġ mir-regoli finanzjarji applikabbli biex jiżgura l-livell neċessarju ta’ kompetizzjoni; jistieden liċ-Ċentru jkompli bl-isforzi bla heda tiegħu ħalli jiżgura li l-proċeduri ta’ akkwist pubbliku jkunu konformi mal-prinċipju tal-kompetizzjoni ġusta u jiffaċilita l-parteċipazzjoni fil-proċeduri ta’ akkwist tiegħu għall-kuntratti ta’ valur baxx;

    Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess u trasparenza

    13.

    Jirrikonoxxi l-miżuri eżistenti taċ-Ċentru u l-isforzi kontinwi biex jiżgura t-trasparenza, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess, u l-protezzjoni tal-informaturi; jinnota b’sodisfazzjon li l-curricula vitae u d-dikjarazzjonijiet ta’ interessi tad-direttur u tal-membri tal-kumitat xjentifiku huma ppubblikati fis-sit web taċ-Ċentru;

    14.

    Jissottolinja li minn studju reċenti kkummissjonat mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament (4) ħareġ li, fid-dawl tal-fatt li ċ-Ċentru juża esperti u, b’mod partikolari, li l-kumitat xjentifiku jieħu deċiżjonijiet waħdu, jeżisti riskju potenzjali ta’ kunflitti ta’ interess;

    Kontrolli interni

    15.

    Jinnota li, b’segwitu għar-rapport tas-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni dwar l-analiżi tal-bżonnijiet tal-proċessi ta’ ġbir, validazzjoni u aċċertament tal-kwalità tad-data u tar-rieżami tal-qafas tal-ġestjoni tal-kwalità tad-data u tal-allinjament tiegħu mal-Istrateġija taċ-Ċentru 2025, ir-rakkomandazzjonijiet neċessarji kollha li jinsabu fil-pjan ta’ azzjoni adottat ġew implimentati fl-2018;

    16.

    Jinnota bi tħassib li, skont iċ-Ċentru, diversi rakkomandazzjonijiet inklużi fl-awditu 2015 tal-IAS dwar il-ġestjoni tal-proġetti informatiċi ġew biss implimentati parzjalment u li, fi tmiem l-2018, kienu għadhom pendenti żewġ rakkomandazzjonijiet; jinnota, madankollu, li kien mistenni li dawn iż-żewġ rakkomandazzjonijiet jiġu implimentati sa nofs l-2019; jistieden liċ-Ċentru jinforma lill-awtorità ta’ kwittanza bil-progress li jsir sa Ġunju 2020;

    17.

    Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, bi qbil mad-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) kif ukoll mal-liġi tax-xogħol tal-Portugall, il-ħaddiema interim għandhom jaħdmu fl-istess kundizzjonijiet tax-xogħol bħall-ħaddiema li jiġu impjegati direttament mill-impriża li tħaddimhom; jinnota, madankollu, li l-kuntratti rilevanti ma kinux jimponu b’mod espliċitu lill-aġenziji tax-xogħol temporanju li jirrispettaw dawn il-kundizzjonijiet u li xejn ma jindika li ċ-Ċentru għamel min-naħa tiegħu xi tqabbil bejn il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persunal proprju tiegħu u dawk tal-ħaddiema interim, u dan jostakola kundizzjonijiet tax-xogħol sikuri u prevedibbli għall-persunal u jikkawża riskju ta’ kontenzjuż u riskji għar-reputazzjoni taċ-Ċentru; jinnota li, skont ir-risposta taċ-Ċentru, il-kuntratt stipulat bejn iċ-Ċentru u l-aġenzija tax-xogħol temporanju jagħmel referenza għall-obbligu min-naħa taċ-Ċentru li josserva l-aspetti kollha tal-leġiżlazzjoni applikabbli u li, skont it-termini ta’ dan il-kuntratt, hija l-aġenzija tax-xogħol temporanju li hija esposta għar-riskju ta’ kontenzjuż; jevidenzja, madankollu, li sitwazzjoni bħal din tesponi liċ-Ċentru għal riskju għoli għar-reputazzjoni; jilqa’ pożittivament il-fatt li ċ-Ċentru qiegħed jikkunsidra mill-ġdid il-politiki tiegħu tal-użu tal-ħaddiema temporanji biex ikunu bbażati aħjar fuq il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fiha għandu s-sede tiegħu, bi qbil mal-bżonnijiet operattivi tiegħu u mal-qafas ġuridiku; jistieden liċ-Ċentru janalizza l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persunal interim tiegħu u jiżgura li dawn il-kundizzjonijiet ikunu jikkonformaw mal-liġijiet tax-xogħol tal-Unjoni u nazzjonali; jistieden liċ-Ċentru jinforma lill-awtorità ta’ kwittanza bil-progress li jsir sa Ġunju 2020;

    18.

    Jinnota li fl-2006 l-Unjoni ffirmat ftehim man-Norveġja li jiddefinixxi l-formula għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni finanzjarja tan-Norveġja liċ-Ċentru, kif ukoll is-soll minimu ta’ kontribuzzjoni, li għandu jkun suġġett għal aġġustament annwali abbażi tal-andament tal-prezzijiet u tal-introjtu nazzjonali gross fl-Unjoni; jinnota bi tħassib li, filwaqt li s-sussidju mill-baġit tal-Unjoni żdied b’24 % bejn l-2007 u l-2018, il-kontribuzzjoni min-Norveġja baqgħet kważi l-istess; jinnota li, skont ir-risposta taċ-Ċentru, ma hemm l-ebda korrelazzjoni lineari bejn iż-żieda fis-sussidju tal-Unjoni u l-kontribuzzjoni min-Norveġja u li ċ-Ċentru ma għandux il-kapaċità ġuridika meħtieġa biex jitlob formula/metodu differenti għall-aġġustament tal-kontribuzzjoni minima mingħand in-Norveġja; jistieden liċ-Ċentru u lill-partijiet ikkonċernati jaġġustaw il-kontribuzzjoni minima min-Norveġja skont it-termini maqbula;

    19.

    Jistieden liċ-Ċentru jikkonċentra fuq it-tixrid tar-riżultati tar-riċerka tiegħu mal-pubbliku, u jikkomunika mal-pubbliku permezz tal-midja soċjali u mezzi oħra tal-midja;

    20.

    Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta’ natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Mejju 2020 (6) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

    (1)  ĠU C 29, 23.1.2019, p. 1.

    (2)  ĠU C 29, 23.1.2019, p. 2.

    (3)  Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga, “Strateġija tal-EMCDDA 2025”, Lisbona, Marzu 2017; http://www.emcdda.europa.eu/publications/work-programmes-and-strategies/strategy-2025_en.

    (4)  https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2020/621934/IPOL_STU(2020)621934_EN.pdf

    (5)  Id-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija (ĠU L 327, 5.12.2008, p. 9).

    (6)  Testi adottati, P9_TA(2020)0121.


    Επάνω