Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R1022

    Regolament (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 li jistabbilixxi pjan pluriennali għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Mediterran u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 508/2014

    PE/32/2019/REV/1

    ĠU L 172, 26.6.2019, p. 1–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 14/08/2019

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1022/oj

    26.6.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 172/1


    REGOLAMENT (UE) 2019/1022 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-20 ta' Ġunju 2019

    li jistabbilixxi pjan pluriennali għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Mediterran u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 508/2014

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

    Billi:

    (1)

    Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-10 ta' Diċembru 1982 dwar il-Liġi tal-Baħar, li tagħha l-Unjoni hija parti kontraenti, tipprevedi obbligi ta' konservazzjoni, inkluż iż-żamma jew l-irkupru tal-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet maqbuda f'livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli (MSY).

    (2)

    Fis-Summit tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li sar fi New York fl-2015, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha ntrabtu li, sal-2020, jirregolaw b'mod effettiv il-qbid, li jtemmu s-sajd eċċessiv, illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat u l-prattiki tas-sajd qerrieda u li jimplimentaw pjanijiet ta' ġestjoni bbażati fuq ix-xjenza, sabiex l-istokkijiet tal-ħut jiġu ripristinati fl-inqas żmien fattibbli, u jinġiebu tal-inqas f'livelli li jkunu jistgħu jipproduċu l-MSY, kif stabbilit mill-karatteristiċi bijoloġiċi tagħhom.

    (3)

    Id-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Malta MedFish4Ever tat-30 ta' Marzu 2017 (3) tistabbilixxi qafas ġdid għall-governanza tas-sajd fil-baħar Mediterran u tipprovdi programm ta' ħidma li jinkludi ħames azzjonijiet konkreti għall-10 snin li ġejjin. Wieħed mill-impenji li saru f'din id-Dikjarazzjoni huwa li jiġu stabbiliti pjanijiet pluriennali.

    (4)

    Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jistabbilixxi r-regoli tal-politika komuni tas-sajd (PKS) f'konformità mal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni. Il-PKS trid tikkontribwixxi għall-ħarsien tal-ambjent marin, għall-ġestjoni sostenibbli tal-ispeċijiet kollha sfruttati b'mod kummerċjali u, b'mod partikolari, għall-kisba ta' status ambjentali tajjeb sal-2020.

    (5)

    L-għanijiet tal-PKS huma, fost l-oħrajn, li jiġi żgurat li l-attivitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura jkunu sostenibbli fit-tul mil-lat ambjentali, soċjali u ekonomiku, li jiġi applikat l-approċċ ta' prekawzjoni għall-ġestjoni tas-sajd u li jiġi implimentat l-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd. Il-PKS tikkontribwixxi wkoll għal standard ta' għajxien ġust għas-settur tas-sajd, inkluż is-settur tas-sajd artiġjanali fuq skala żgħira jew dak kostali. Il-kisba ta' dawk l-objettivi tikkontribwixxi wkoll għad-disponibbiltà tal-provvisti tal-ikel u tipprovdi benefiċċji tal-impjieg.

    (6)

    Sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-PKS, jenħtieġ li jiġu adottati għadd ta' miżuri ta' konservazzjoni bħalma huma pjanijiet pluriennali, miżuri tekniċi, u l-iffissar tal-isforz massimu permissibbli tas-sajd u l-allokazzjoni tiegħu.

    (7)

    Skont l-Artikoli 9 u 10 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, il-pjanijiet pluriennali jridu jissejsu fuq pariri xjentifiċi, tekniċi u ekonomiċi. F'konformità ma' dawk id-dispożizzjonijiet, jenħtieġ li l-pjan pluriennali stabbilit b'dan ir-Regolament ('il-pjan') ikun fih għanijiet, miri kwantifikabbli bi skedi taż-żmien ċari, punti ta' referenza dwar il-konservazzjoni, salvagwardji u miżuri tekniċi maħsuba biex jiġu evitati u mnaqqsa l-qabdiet inċidentali.

    (8)

    “L-aqwa parir xjentifiku disponibbli” jenħtieġ li jinftiehem li jirreferi għal parir xjentifiku disponibbli għall-pubbliku li għandu l-appoġġ tal-iktar data u tal-iktar metodi xjentifiċi aġġornati u li jew ikun inħareġ minn korp xjentifiku indipendenti rrikonoxxut fil-livell tal-Unjoni jew fil-livell internazzjonali jew li ġie rrivedut minnu.

    (9)

    Jenħtieġ li l-Kummissjoni tikseb l-aqwa parir xjentifiku disponibbli għall-istokkijiet li jidħlu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-pjan. Sabiex tagħmel dan, jenħtieġ li hija tikkonsulta, b'mod partikolari, lill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (“STECF”). B'mod partikolari, jenħtieġ li l-Kummissjoni tikseb pariri xjentifiċi disponibbli għall-pubbliku, inkluż pariri dwar is-sajd, li jqisu l-pjan u li jindikaw il-meded tal-FMSY u l-punti ta' referenza dwar il-konservazzjoni (il-BPA u l-BLIM).

    (10)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 (5) jistabbilixxi qafas ta' ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd fil-baħar Mediterran u jeżiġi li jiġu adottati pjanijiet ta' ġestjoni għas-sajd bix-xbieki tat-tkarkir, bit-tartaruni, bit-tartaruni tal-kosta, bix-xbieki tat-tidwir u bil-gangmi fl-ibħra territorjali tal-Istati Membri.

    (11)

    Franza, l-Italja u Spanja adottaw pjanijiet ta' ġestjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006. Madankollu, dawk il-pjanijiet mhumiex konsistenti ma' xulxin u ma jqisux l-irkaptu kollu li jintuża għas-sajd għall-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ u l-firxa transżonali ta' ċerti stokkijiet u ta' ċerti flotot tas-sajd. Barra minn hekk, dawk il-pjanijiet urew li ma kinux effettivi biex jintlaħqu l-għanijiet tal-PKS. L-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati esprimew appoġġ għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' pjan pluriennali fil-livell tal-Unjoni għall-istokkijiet ikkonċernati.

    (12)

    STECF wera li l-isfruttament ta' ħafna mill-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Baħar Mediterran jaqbeż bil-kbir il-livelli meħtieġa biex jinkiseb l-MSY.

    (13)

    Għalhekk huwa xieraq li jiġi stabbilit pjan pluriennali għall-konservazzjoni u l-isfruttament sostenibbli tal-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Baħar Mediterran.

    (14)

    Jenħtieġ li l-pjan iqis in-natura mħallta tas-sajd u d-dinamika bejn l-istokkijiet mistada waqt dan it-tip ta' sajd, jiġifieri l-merluzz (Merluccius merluccius), it-trilja tal-ħama (Mullus barbatus), il-gamblu abjad (Parapenaeus longirostris), l-iskampu (Nephrops norvegicus), il-gamblu blu u aħmar (Aristeus antennatus) u l-gamblu aħmar il-kbir (Aristaeomorpha foliacea). Jenħtieġ li jqis ukoll l-ispeċijiet tal-qabdiet aċċessorji maqbuda f'sajd għall-ħut tal-qiegħ u l-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ li dwarhom ma hemmx biżżejjed data disponibbli. Jenħtieġ li dan japplika għas-sajd għall-ħut tal-qiegħ (b'mod partikolari dak bix-xbieki tat-tkarkir, bix-xbieki tal-qiegħ, bin-nases u bil-konzijiet), li jsir fl-ilmijiet tal-Unjoni jew minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni 'l barra mill-ilmijiet tal-Unjoni f'dik iż-żona tal-Punent tal-Baħar Mediterran.

    (15)

    Fejn il-mortalità kkawżata minn sajd rikreattiv ikollu impatt sinifikanti fuq l-istokkijiet ikkonċernati, jenħtieġ li l-Kunsill ikun jista' jistabbilixxi limiti nondiskriminatorji għas-sajjieda rikreattivi. Jenħtieġ li l-Kunsill jirreferi għal kriterji trasparenti u oġġettivi meta jistabbilixxi tali limiti. Fejn xieraq, l-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu l-miżuri neċessarji u proporzjonati għall-monitoraġġ u l-ġbir ta' data għall-istima affidabbli tal-livelli proprji tal-qabdiet rikreattivi. Barra minn hekk, jenħtieġ li jkun possibbli li jiġu adottati miżuri tekniċi ta' konservazzjoni fir-rigward tas-sajd rikreattiv.

    (16)

    Jenħtieġ li l-ambitu ġeografiku tal-pjan jissejjes fuq il-firxa ġeografika tal-istokkijiet indikata fl-aqwa parir xjentifiku disponibbli. Jista' jkun li, fil-ġejjieni, ikun hemm bżonn tinbidel il-firxa ġeografika tal-istokkijiet stabbilita fil-pjan minħabba titjib fl-informazzjoni xjentifika. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati li jaġġustaw il-firxa ġeografika tal-istokkijiet stabbilita fil-pjan jekk il-parir xjentifiku juri li kien hemm bidla fil-firxa ġeografika tal-istokkijiet rilevanti.

    (17)

    Jenħtieġ li l-pjan ikollu l-għan li jikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi tal-PKS u, b'mod partikolari, li jintlaħaq u jinżamm l-MSY għall-istokkijiet fil-mira, li jiġi implimentat l-obbligu tal-ħatt l-art għall-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ u qabdiet aċċessorji pelaġiċi maqbuda f'sajd għall-ħut tal-qiegħ li huma suġġetti għal daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni, u li jiġi promoss livell ġust ta' għajxien għal dawk li jiddependu mill-attivitajiet tas-sajd, filwaqt li jitqiesu s-sajd ta' mal-kosta u l-aspetti soċjoekonomiċi. Jenħtieġ li l-pjan jimplimenta wkoll l-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd sabiex jitnaqqsu kemm jista' jkun l-impatti negattivi tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistema tal-baħar. Jenħtieġ li l-pjan ikun koerenti mal-leġislazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent u, b'mod partikolari, mal-għan li jinkiseb status ambjentali tajjeb sal-2020, skont id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), u mal-għanijiet tad-Direttiva 2009/147/KE (7) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE (8).

    (18)

    Jixraq li l-mortalità mis-sajd fil-mira (F) li tikkorrispondi mal-għan li jintlaħaq u jinżamm l-MSY tiġi stabbilita bħala meded ta' valuri li huma konsistenti mal-kisba tal-MSY (FMSY). Dawk il-meded, ibbażati fuq l-aqwa parir xjentifiku disponibbli, huma meħtieġa sabiex ikun hemm il-flessibbiltà biex jitqiesu l-iżviluppi fil-pariri xjentifiċi, sabiex jingħata kontribut għall-implimentazzjoni tal-obbligu tal-ħatt l-art u sabiex jitqies is-sajd imħallat. Abbażi tal-pjan, dawk il-meded huma mfasslin biex jagħtu tnaqqis ta' mhux aktar minn 5 % fir-rendiment fit-tul mqabbel mal-MSY. Barra minn hekk, il-limitu massimu tal-medda tal-FMSY huwa limitat, biex il-probabbiltà li l-istokk jaqa' taħt il-punt ta' referenza ta' limitu tal-bijomassa (BLIM) ma tkunx ta' iktar minn 5 %.

    (19)

    Għall-fini tal-iffissar tal-isforz tas-sajd massimu permissibbli, jenħtieġ li jkun hemm meded tal-FMSY għall-“użu normali” u, f'każ li l-istokkijiet ikkonċernati jkunu fi stat tajjeb, il-possibbiltà li l-isforz tas-sajd massimu permissibbli ikun jista' jiġi stabbilit 'l fuq minn dawk il-meded tal- FMSY għall-aktar stokkijiet vulnerabbli jekk, abbażi ta' parir xjentifiku, dan ikun meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet ta' dan ir-Regolament b'rabta mas-sajd imħallat, biex jiġi evitat id-dannu lil xi stokk ikkawżat mid-dinamika tal-istokk tal-ispeċi jew mid-dinamika ta' bejn l-istokkijiet ta' speċijiet differenti, jew sabiex jiġu limitati l-varjazzjonijiet fl-isforz tas-sajd massimu permissibbli minn sena għall-oħra. Mortalità mis-sajd fil-mira skont dawk il-meded tal- FMSY jenħtieġ li tintlaħaq fuq bażi progressiva u inkrementali sal-2020 fejn possibbli, u sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2025.

    (20)

    Għall-istokkijiet li għalihom ikunu disponibbli l-miri marbutin mal-MSY, u għall-finijiet tal-applikazzjoni ta' salvagwardji, huwa neċessarju li jiġu stabbiliti punti ta' referenza dwar il-konservazzjoni mogħtija bħala punti ta' referenza ta' prekawzjoni (BPA) u punti ta' referenza ta' limitu (BLIM).

    (21)

    Jenħtieġ li l-miżuri ta' rimedju jinkludu miżuri ta' emerġenza skont l-Artikoli 12 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-isforz tas-sajd massimu permissibbli u miżuri speċifiċi ta' konservazzjoni oħrajn.

    (22)

    Sabiex ikun żgurat aċċess trasparenti għas-sajd u l-kisba tal-mortalitajiet mis-sajd fil-mira, jenħtieġ li jiġi adottat reġim tal-isforz tas-sajd fil-livell tal-Unjoni għax-xbieki tat-tkarkir, li huma l-irkaptu ewlieni li jintuża għas-sajd għall-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Baħar Mediterran. Għal dak il-għan, jixraq li jiġu stabbiliti l-gruppi tal-isforz tas-sajd sabiex, ta' kull sena, il-Kunsill ikun jista' jistabbilixxi l-isforz tas-sajd massimu permissibbli, mogħti bħala għadd ta' jiem tas-sajd. Jenħtieġ li r-reġim tal-isforz tas-sajd ikun jinkludi wkoll irkaptu ieħor tas-sajd jekk dan ikun meħtieġ.

    (23)

    Minħabba s-sitwazzjoni ta' tħassib ta' ħafna stokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Baħar Mediterran, u sabiex jitnaqqsu l-livelli attwali għoljin ta' mortalità mis-sajd, jenħtieġ li r-reġim tal-isforz tas-sajd ikun jinvolvi tnaqqis sinifikanti fl-isforz tas-sajd fl-ewwel ħames snin ta' implimentazzjoni tal-pjan.

    (24)

    Jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu miżuri speċifiċi sabiex jiżguraw li r-reġim tal-isforz tas-sajd ikun effettiv u jkun jista' jaħdem, billi jinkludu metodu biex jiġu allokati l-kwoti tal-isforz tas-sajd skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, billi joħolqu lista tal-bastimenti, billi joħorġu awtorizzazzjonijiet tas-sajd u billi jirreġistraw id-data rilevanti dwar l-isforz tas-sajd u jibagħtuha.

    (25)

    Sabiex jikkontribwixxu għall-kisba effettiva tal-għanijiet tal-pjan, u f'konformità mal-prinċipji ta' governanza tajba stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jippromwovu sistemi ta' ġestjoni parteċipattiva fil-livell lokali.

    (26)

    Sabiex jitħarsu ż-żoni ta' tkabbir tal-ħut u l-ħabitats sensittivi, u sabiex jiġi ssalvagwardjat is-sajd fuq skala żgħira, jenħtieġ li ż-żona ta' mal-kosta tkun irriżervata b'mod regolari għas-sajd iktar selettiv. Għalhekk, jenħtieġ li l-pjan jistabbilixxi għeluq għax-xbieki tat-tkarkir li joperaw fi ħdan sitt mili nawtiċi mill-kosta ħlief f'żoni aktar fondi minn 100 m isobath waqt tliet xhur kull sena. Jenħtieġ li jkun possibbli li jiġu stabbiliti żoni magħluqin oħrajn, fejn dan jista' jiżgura minn tal-anqas tnaqqis ta' 20 % tal-qabdiet ta' merluzz li għadu qed jikber.

    (27)

    Jenħtieġ li jittieħdu iktar miżuri ta' konservazzjoni b'rabta mal-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ. B'mod partikolari, abbażi ta' parir xjentifiku, jixraq li jkun stabbilit għeluq addizzjonali f'żoni bi ġlejjeb kbar ta' ħut riproduttiva, sabiex jitħares il-merluzz adult li diġà sarlu dannu kbir.

    (28)

    Jenħtieġ li l-approċċ ta' prekawzjoni japplika għall-istokkijiet tal-qabdiet aċċessorji u għall-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ li dwarhom ma hemmx biżżejjed data disponibbli. Jenħtieġ li jiġu adottati miżuri ta' konservazzjoni speċifiċi skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 meta l-parir xjentifiku juri li hemm bżonn ta' miżuri ta' rimedju.

    (29)

    Jenħtieġ li l-pjan jipprevedi l-adozzjoni ta' miżuri tekniċi addizzjonali ta' konservazzjoni permezz ta' atti delegati. Dak huwa meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet tal-pjan, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ u mat-titjib tas-selettività.

    (30)

    Biex jikkonforma mal-obbligu tal-ħatt l-art stabbilit fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jenħtieġ li l-pjan jipprevedi miżuri ta' ġestjoni addizzjonali li għandhom jiġu speċifikati aktar f'konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

    (31)

    Sabiex il-pjan jiġi adattat f'waqtu għall-progress tekniku u xjentifiku, jenħtieġ li s-setgħa li tadotta atti, skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea tiġi delegata lill-Kummissjoni biex tissupplimenta lil dan ir-Regolament b'miżuri ta' rimedju u b'miżuri tekniċi ta' konservazzjoni, sabiex timplimenta l-obbligu tal-ħatt l-art u sabiex temenda ċerti elementi tal-pjan. Huwa importanti ferm li l-Kummissjoni twettaq il-konsultazzjonijiet xierqa waqt il-ħidma tagħha ta' tħejjija, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet twettaqhom skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (9). B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ndaqs fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess b'mod sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jkunu qed jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati.

    (32)

    Jenħtieġ li tiġi stabbilita l-iskadenza għat-tressiq ta' rakkomandazzjonijiet konġunti min-naħa tal-Istati Membri li jkollhom interess dirett ta' ġestjoni, kif meħtieġ mir-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

    (33)

    Sabiex jiġi evalwat il-progress li jkun qed isir fil-kisba tal-MSY, jenħtieġ li l-pjan jippermetti l-monitoraġġ xjentifiku regolari tal-istokkijiet ikkonċernati u, meta jkun possibbli, tal-istokkijiet tal-qabdiet aċċessorji.

    (34)

    Skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta b'mod perjodiku l-adegwatezza u l-effettività ta' dan ir-Regolament. Jenħtieġ li dik il-valutazzjoni ssegwi u tissejjes fuq il-evalwazzjoni perjodika tal-pjan, li ssir mill-STECF abbażi tal-parir xjentifiku sas-17 ta' Lulju 2024 u kull tliet snin wara dak iż-żmien. Dak il-perijodu jippermetti li jiġi implimentat bis-sħiħ l-obbligu tal-ħatt l-art u li jiġu adottati u implimentati miżuri reġjonalizzati u li dawn jibda jkollhom impatt fuq l-istokkijiet u fuq is-sajd.

    (35)

    Sabiex tingħata ċertezza legali, jixraq li jiġi ċċarat li l-miżuri ta' waqfien temporanju li ġew adottati sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-pjan jistgħu jitqiesu bħala miżuri li huma eliġibbli għall-appoġġ skont ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

    (36)

    Sabiex jinkiseb bilanċ bejn il-kapaċità tas-sajd tal-flotta u l-isforz tas-sajd massimu permissibbli disponibbli, jenħtieġ li jkun disponibbli appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd għall-waqfien permanenti mill-attivitajiet tas-sajd fit-taqsimiet tal-flotta żbilanċjati koperti minn dan ir-Regolament. Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 508/2014 jiġi emendat skont dan.

    (37)

    Qabel ma ġie abbozzat il-pjan, ġie vvalutat kif xieraq l-impatt ekonomiku u soċjali probabbli tiegħu, skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

    (38)

    B'kont meħud li l-isforz tas-sajd massimu permissibbli huwa stabbilit għal kull sena kalendarja, id-dispożizzjonijiet dwar ir-reġim tal-isforz tas-sajd jenħtieġ li japplikaw mill-1 ta' Jannar 2020. B'kont meħud tas-sostenibbiltà ambjentali, soċjali u ekonomika, id-dispożizzjonijiet dwar il-meded tal-FMSY u dwar is-salvagwardji għall-istokkijiet taħt il-BPA jenħtieġ li japplikaw mill-1 ta' Jannar 2025,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    KAPITOLU I

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    Artikolu 1

    Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

    1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi pjan pluriennali (“il-pjan”) għall-konservazzjoni u l-isfruttament sostenibbli tal-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Baħar Mediterran.

    2.   Dan ir-Regolament japplika għall-istokkijiet li ġejjin:

    (a)

    il-gamblu blu u aħmar (Aristeus antennatus) fis-subżoni 1, 5, 6 u 7 tal-GFCM;

    (b)

    il-gamblu warda tal-ilma fond (Parapenaeus longirostris) fis-subżoni 1, 5, 6 u 9-10-11 tal-GFCM;

    (c)

    il-gamblu aħmar il-kbir (Aristaeomorpha foliacea) fis-subżoni 9-10-11 tal-GFCM;

    (d)

    il-merluzz (Merluccius merluccius) fis-subżoni 1-5-6-7 u 9-10-11 tal-GFCM;

    (e)

    l-iskampu (Nephrops norvegicus) fis-subżoni 5, 6, 9 u 11 tal-GFCM;

    (f)

    it-trilja tal-ħama (Mullus barbatus) fis-subżoni 1, 5, 6, 7, 9, 10 u 11 tal-GFCM;

    3.   Dan ir-Regolament japplika wkoll għall-istokkijiet tal-qabdiet aċċessorji li jinqabdu fil-Punent tal-Baħar Mediterran waqt is-sajd għall-istokkijiet elenkati fil-paragrafu 2. Huwa japplika wkoll għal kwalunkwe stokk tal-ħut tal-qiegħ ieħor li jinqabad fil-Punent tal-Baħar Mediterran u li dwaru ma hemmx biżżejjed data disponibbli.

    4.   Dan ir-Regolament japplika għas-sajd kummerċjali li jaqbad l-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ imsemmijin fil-paragrafu 2 u fil-paragrafu 3, meta dan isir fl-ilmijiet tal-Unjoni jew minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni 'l barra mill-ilmijiet tal-Unjoni tal-Punent tal-Baħar Mediterran.

    5.   Dan ir-Regolament jispeċifika wkoll id-dettalji għall-implimentazzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art fl-ilmijiet tal-Unjoni tal-Punent tal-Baħar Mediterran għall-istokkijiet ta' dawk l-ispeċijiet li japplika għalihom l-obbligu ta' ħatt l-art skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 li jinqabdu fis-sajd għall-ħut tal-qiegħ.

    6.   Dan ir-Regolament jipprevedi miżuri tekniċi, kif stipulat fl-Artikolu 14, applikabbli fil-Punent tal-Baħar Mediterran għal kwalunkwe stokk.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin minbarra d-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, fl-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (11) u fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006:

    (1)

    “il-Punent tal-Baħar Mediterran” tfisser l-ilmijiet tas-subżoni ġeografiċi (GSAs) tal-GFCM 1 (it-Tramuntana tal-Baħar Alboran), 2 (il-Gżira Alboran), 5 (il-Gżejjer Baleariċi), 6 (it-Tramuntana ta' Spanja), 7 (il-Golf tal-Iljuni), 8 (il-Gżira ta' Korsika), 9 (il-Baħar Ligurjan u t-Tramuntana tal-Baħar Tirrenu), 10 (in-Nofsinhar tal-Baħar Tirrenu) u 11 (il-Gżira ta' Sardenja), kif iddefiniti fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 1343/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12).

    (2)

    “l-istokkijiet ikkonċernati” tfisser l-istokkijiet elenkati fl-Artikolu 1(2);

    (3)

    “l-istokk l-aktar vulnerabbli” tfisser l-istokk li għalih, meta ġie stabbilit l-isforz tas-sajd massimu permissibbli, il-mortalità mis-sajd tas-sena preċedenti tkun l-aktar 'il bogħod mill-valur tal-FMSY determinat skont l-aqwa parir xjentifiku disponibbli.

    (4)

    “medda tal-FMSY” tfisser medda ta' valuri mogħtija skont l-aqwa parir xjentifiku disponibbli, b'mod partikolari mill- “STECF”, jew minn korp xjentifiku indipendenti simili rikonoxxut fil-livell tal-Unjoni jew dak internazzjonali, fejn il-livelli kollha ta' mortalità mis-sajd f'dik il-medda jwasslu għal rendiment massimu sostenibbli (MSY) fit-tul b'mudell determinat ta' sajd u skont il-kundizzjonijiet ambjentali medji attwali mingħajr ma jaffettwaw b'mod sinifikanti l-proċess ta' riproduzzjoni tal-istokkijiet inkwistjoni. Din hija mfassla biex tagħti tnaqqis ta' mhux aktar minn 5 % fir-rendiment fit-tul meta mqabbel mal-MSY. Hija limitata sabiex il-probabbiltà li l-istokk jaqa' taħt il-punt ta' referenza ta' limitu (il-BLIM) ma tkunx ta' iktar minn 5 %;

    (5)

    “valur tal-FMSY” tfisser il-valur tal-mortalità mis-sajd stmata li, b'mudell determinat ta' sajd u bil-kundizzjonijiet ambjentali attwali, iwassal għar-rendiment massimu fit-tul;

    (6)

    “MSY FLOWER” tfisser l-iktar valur baxx fil-medda tal-FMSY;

    (7)

    “MSY FUPPER” tfisser l-ogħla valur fil-medda tal-FMSY;

    (8)

    “il-medda l-baxxa tal-FMSY” tfisser medda li jkun fiha l-valuri mill-MSY FLOWER sal-valur tal-FMSY;

    (9)

    “il-medda l-għolja tal-FMSY” tfisser medda li jkun fiha l-valuri mill-valur tal-FMSY sal-MSY FUPPER;

    (10)

    “BLIM” tfisser il-punt ta' referenza ta' limitu, espress bħala bijomassa tal-istokk riproduttiv u mogħti skont l-aqwa parir xjentifiku disponibbli, b'mod partikolari mill-STECF, jew minn korp xjentifiku indipendenti simili rikonoxxut fil-livell tal-Unjoni jew dak internazzjonali, li taħtu l-kapaċità riproduttiva tista' tonqos;

    (11)

    “BPA” tfisser il-punt ta' referenza ta' prekawzjoni, espress bħala bijomassa tal-istokk riproduttiv u mogħti skont l-aqwa parir xjentifiku disponibbli, b'mod partikolari mill-STECF, jew minn korp xjentifiku indipendenti simili rikonoxxut fil-livell tal-Unjoni jew dak internazzjonali, li jiżgura li l-probabbiltà li l-bijomassa tal-istokk riproduttiv taqa' taħt il-BLIM tkun ta' inqas minn 5 %;

    (12)

    “grupp ta' sforz tas-sajd” tfisser unità ta' ġestjoni tal-flotta ta' Stat Membru li għaliha jiġi ffissat sforz tas-sajd massimu permissibbli;

    (13)

    “grupp ta' stokk” tfisser grupp ta' stokkijiet maqbuda flimkien kif stabbilit fl-Anness I;

    (14)

    “jum ta' sajd” tfisser kwalunkwe perijodu kontinwu ta' 24 siegħa, jew parti minnu li waqtu bastiment ikun preżenti fil-Punent tal-Baħar Mediterran u nieqes mill-port.

    Artikolu 3

    Għanijiet

    1.   Il-pjan għandu jkun ibbażat fuq reġim tal-isforz tas-sajd u għandu jkollu l-għan li jikkontribwixxi għall-kisba tal-għanijiet tal-PKS kif imniżżlin fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, b'mod partikolari billi japplika l-approċċ ta' prekawzjoni għall-ġestjoni tas-sajd, kif ukoll li jiżgura li l-isfruttament tar-riżorsi bijoloġiċi ħajjin tal-baħar jerġa' jżid il-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet mistada u jżommhom f'livelli 'l fuq minn dawk li jistgħu jipproduċu l-MSY.

    2.   Il-pjan għandu jikkontribwixxi għall-eliminazzjoni tal-qbid skartat billi jevita l-qabdiet inċidentali u jnaqqashom kemm jista' jkun u għall-implimentazzjoni tal-obbligu tal-ħatt l-art stabbilit fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għall-ispeċijiet li huma soġġetti għal daqsijiet minimi ta' referenza għall-konservazzjoni skont il-liġi tal-Unjoni u li għalihom japplika dan ir-Regolament.

    3.   Il-pjan għandu jimplimenta l-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd sabiex jiżgura li jitnaqqsu kemm jista' jkun l-impatti negattivi tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistema tal-baħar. Dan għandu jkun koerenti mal-leġislazzjoni ambjentali tal-Unjoni, b'mod partikolari mal-għan li jinkiseb status ambjentali tajjeb sal-2020 kif stipulat fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/56/KE.

    4.   B'mod partikolari, il-pjan għandu jimmira li:

    (a)

    jiżgura li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet deskritti fid-deskrittur 3 stabbilit fl-Anness I għad-Direttiva 2008/56/KE;

    (b)

    jikkontribwixxi sabiex jiġu ssodisfati d-deskritturi rilevanti l-oħrajn mogħtija fl-Anness I għad-Direttiva 2008/56/KE b'mod proporzjonat mar-rwol li s-sajd għandu fl-issodisfar tagħhom; u

    (c)

    jikkontribwixxi għall-kisba tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2009/147/KE u l-Artikoli 6 u 12 tad-Direttiva 92/43/KEE, b'mod partikolari biex jiġi mminimizzat l-impatt negattiv tal-attivitajiet tas-sajd fuq ħabitats vulnerabbli u speċijiet protetti.

    5.   Il-miżuri li jittieħdu fil-kuntest tal-pjan għandhom jittieħdu abbażi tal-aqwa parir xjentifiku disponibbli.

    KAPITOLU II

    MIRI, PUNTI TA' REFERENZA DWAR IL-KONSERVAZZJONI U SALVAGWARDJI

    Artikolu 4

    Miri

    1.   Il-mortalità mis-sajd fil-mira skont il-meded tal-FMSY iddefiniti fl-Artikolu 2 għandha tintlaħaq fuq bażi progressiva u inkrementali sal-2020 fejn possibbli, u sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2025, għall-istokkijiet ikkonċernati, u wara dak iż-żmien, għandha tinżamm fil-meded tal-FMSY.

    2.   Il-meded ta' FMSY abbażi ta' dan il-pjan, għandhom jintalbu, b'mod partikolari mill-STECF, jew minn korp xjentifiku indipendenti simili rikonoxxut fil-livell tal-Unjoni jew dak internazzjonali.

    3.   F'konformità mal-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, meta l-Kunsill jistabbilixxi l-isforz tas-sajd massimu permissibbli, huwa għandu jistabbilixxi dak l-isforz tas-sajd għal kull grupp ta' sforz tas-sajd, fil-medda tal-FMSY li tkun disponibbli dak iż-żmien għall-iktar stokk vulnerabbli.

    4.   Minkejja l-paragrafi 1 u 3, l-isforz tas-sajd massimu permissibbli jista' jiġi stabbilit f'livelli li jkunu aktar baxxi mill-meded ta' FMSY.

    5.   Minkejja l-paragrafi 1 u 3, l-isforz tas-sajd massimu permissibbli jista' jiġi stabbilit f'livelli li huma ogħla mill-medda tal-FMSY li tkun disponibbli dak iż-żmien għall-iktar stokk vulnerabbli, dment li l-livell tal-istokkijiet kollha kkonċernati jkun ogħla mill-BPA:

    (a)

    jekk, abbażi tal-aqwa parir xjentifiku jew tal-evidenza xjentifika disponibbli, dan ikun meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 fil-każ tas-sajd imħallat;

    (b)

    jekk, abbażi tal-aqwa parir xjentifiku jew tal-evidenza xjentifika disponibbli, dan ikun meħtieġ biex jiġi evitat dannu serju lil xi stokk ikkawżat mid-dinamika tal-istokk tal-ispeċi jew mid-dinamika ta' bejn l-istokkijiet ta' speċijiet differenti; jew

    (c)

    sabiex il-varjazzjonijiet fl-isforz tas-sajd massimu permissibbli bejn snin konsekuttivi jiġu limitati għal mhux aktar minn 20 %.

    6.   Fejn ma jistgħux jiġu determinati l-meded ta' FMSY għal stokk elenkat fl-Artikolu 1(2) minħabba nuqqas ta' informazzjoni xjentifika adegwata, dak l-istokk għandu jiġi ġestit f'konformità mal-Artikolu 12 sa meta jkunu disponibbli meded ta' FMSY skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

    Artikolu 5

    Punti ta' referenza dwar il-konservazzjoni

    Għall-finijiet tal-Artikolu 6, għandhom jintalbu l-punti ta' referenza dwar il-konservazzjoni li ġejjin, b'mod partikolari mill-STECF, jew minn korp xjentifiku indipendenti simili rikonoxxut fil-livell tal-Unjoni jew dak internazzjonali, abbażi tal-pjan:

    (a)

    il-punti ta' referenza ta' prekawzjoni, espressi bħala bijomassa tal-istokk riproduttiv (BPA); u

    (b)

    il-punti ta' referenza ta' limitu, espressi bħala bijomassa tal-istokk riproduttiv (BLIM).

    Artikolu 6

    Salvagwardji

    1.   Meta parir xjentifiku juri li l-bijomassa tal-istokk riproduttiv ta' kwalunkwe wieħed mill-istokkijiet ikkonċernati tkun taħt il-BPA, għandhom jiġu adottati miżuri ta' rimedju kollha xierqa biex ikun żgurat li l-istokk ikkonċernat jerġa' jitla' malajr għal livelli li jkunu 'l fuq minn dawk li jistgħu jipproduċu l-MSY. B'mod partikolari, minkejja l-Artikolu 4(3), l-isforz tas-sajd massimu permissibbli għandu jiġi stabbilit f'livelli li jkunu konsistenti ma' mortalità mis-sajd li tkun tnaqqset u tkun inġiebet fil-medda tal-FMSY għall-istokk l-iktar vulnerabbli, filwaqt li jitqies it-tnaqqis fil-bijomassa.

    2.   Meta l-parir xjentifiku juri li l-bijomassa tal-istokk riproduttiv ta' kwalunkwe wieħed mill-istokkijiet ikkonċernati tkun taħt il-BLIM, għandhom jittieħdu iktar miżuri ta' rimedju biex ikun żgurat li l-istokk ikkonċernat jerġa' jitla' malajr għal livelli li jkunu 'l fuq minn dawk li jistgħu jipproduċu l-MSY. B'mod partikolari, minkejja l-Artikolu 4(3), tali miżuri ta' rimedju jistgħu jinkludu s-sospensjoni tas-sajd li jkollu fil-mira l-istokk ikkonċernat u t-tnaqqis ix-xieraq tal-isforz tas-sajd massimu permissibbli.

    3.   Il-miżuri ta' rimedju msemmijin f'dan l-Artikolu jistgħu jinkludu:

    (a)

    miżuri skont l-Artikoli 7, 8 u 11 sa 14 ta' dan ir-Regolament; u

    (b)

    miżuri ta' emerġenza skont l-Artikoli 12 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

    4.   L-għażla tal-miżuri msemmijin f'dan l-Artikolu għandha ssir skont in-natura, is-serjetà, it-tul ta' żmien u r-repetizzjoni tas-sitwazzjoni fejn il-bijomassa tal-istokk riproduttiv tkun taħt il-livelli msemmijin fl-Artikolu 5.

    KAPITOLU III

    SFORZ TAS-SAJD

    Artikolu 7

    Reġim tal-isforz tas-sajd

    1.   Għandu japplika reġim tal-isforz tas-sajd għall-bastimenti kollha li jistadu bix-xbieki tat-tkarkir fiż-żoni, il-gruppi ta' stokkijiet u l-kategoriji tat-tul iddefiniti fl-Anness I.

    2.   Kull sena, abbażi taq' parir xjentifiku, u f'konformità mal-Artikolu 4, il-Kunsill għandu jistabbilixxi l-isforz tas-sajd massimu permissibbli għal kull grupp ta' sforz tas-sajd għal kull Stat Membru.

    3.   B'deroga mill-Artikolu 3(1) u minkejja l-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, waqt l-ewwel ħames snin ta' implimentazzjoni tal-pjan:

    (a)

    għall-ewwel sena ta' implimentazzjoni tal-pjan, ħlief għal GSAs fejn l-isforz tas-sajd diġà tnaqqas b'aktar minn 20 % waqt il-perijodu tal-valur ta' referenza, l-isforz tas-sajd massimu permissibbli għandu jitnaqqas b'10 % meta mqabbel mal-valur ta' referenza;

    (b)

    għat-tieni sal-ħames sena tal-implimentazzjoni tal-pjan, l-isforz tas-sajd massimu permissibbli għandu jitnaqqas b'massimu ta' 30 % waqtwaqt dak il-perijodu. It-tnaqqis fl-isforz tas-sajd jista' jiġi ssupplimentat bi kwalunkwe miżura teknika jew miżura oħra ta' konservazzjoni adottata f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, sabiex jinkiseb il-FMSY sal-1 ta' Jannar 2025.

    4.   Il-valur ta' referenza msemmi fil-paragrafu 3 għandu jiġi kkalkulat minn kull Stat Membru għal kull grupp ta' sforz tas-sajd jew subżona ġeografika bħala l-isforz tas-sajd medju, espress bħala l-għadd ta' jiem tas-sajd bejn l-1 ta' Jannar 2015 u l-31 ta' Diċembru 2017, u għandu jqis biss il-bastimenti li kienu qed jistadu b'mod attiv waqt dak il-perijodu.

    5.   Meta l-aqwa parir xjentifiku disponibbli juri li qed isiru qabdiet sinifikanti ta' stokk partikolari bl-użu ta' rkaptu ieħor minbarra x-xbieki tat-tkarkir, jista' jiġi stabbilit sforz tas-sajd massimu permissibbli għat-tali rkaptu speċifiku abbażi ta' dak il-parir xjentifiku.

    Artikolu 8

    Sajd rikreattiv

    1.   Fejn il-parir xjentifiku jindika li s-sajd rikreattiv qed ikollu impatt sinifikanti fuq il-mortalità tas-sajd ta' stokk elenkat fl-Artikolu 1(2), il-Kunsill jista' jistabbilixxi limiti nondiskriminatorji għas-sajjieda rikreattivi.

    2.   Meta jistabbilixxi l-limiti msemmija fil-paragrafu 1, il-Kunsill għandu jirreferi għal kriterji trasparenti u oġġettivi, inkluż dawk ta' natura ambjentali, soċjali u ekonomika. Il-kriterji użati jistgħu jinkludu, b'mod partikolari, l-impatt tas-sajd rikreattiv fuq l-ambjent, l-importanza soċjetali ta' dik l-attività u l-kontribut ta' dik l-attività u l-kontribut tagħha għall-ekonomija fiż-żoni kostali.

    3.   Fejn xieraq, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji u proporzjonati għall-monitoraġġ u l-ġbir ta' data għal stima affidabbli tal-livelli proprji tal-qabdiet rikreattivi.

    Artikolu 9

    Obbligi tal-Istati Membri

    1.   L-Istati Membri għandhom jimmaniġġjaw l-isforz tas-sajd massimu permissibbli skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 26 sa 34 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009.

    2.   Kull Stat Membru għandu jiddeċiedi dwar metodu biex l-isforz tas-sajd massimu permissibbli jiġi allokat lil bastimenti individwali jew lil gruppi ta' bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

    3.   Stat Membru jista' jemenda l-allokazzjonijiet tal-isforz tas-sajd tiegħu billi jittrasferixxi l-jiem tas-sajd minn grupp ta' sforz tas-sajd għal ieħor fl-istess żona ġeografika, dment li japplika fattur ta' konverżjoni li jkun appoġġat mill-aqwa parir xjentifiku disponibbli. Il-jiem tas-sajd skambjati u l-fattur ta' konverżjoni għandhom jitqiegħdu immedjatament, u mhux aktar tard minn 10 ijiem tax-xogħol, għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni u ta' Stati Membri.

    4.   Meta Stat Membru jippermetti lil bastiment li jtajjar il-bandiera tiegħu jistad bix-xbieki tat-tkarkir, huwa għandu jiżgura li t-tali sajd ikun limitat għal mhux aktar minn 15-il siegħa għal kull jum tas-sajd, għal ħamest ijiem tas-sajd fil-ġimgħa jew għall-ekwivalenti ta' dan.

    L-Istati Membri jistgħu jagħtu deroga sa 18-il siegħa għal kull jum ta' sajd biex jitqies il-ħin ta' transitu bejn il-port u l-post tas-sajd. Tali derogi għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kkonċernati l-oħra mingħajr dewmien.

    5.   Minkejja l-paragrafu 3, meta bastiment jistad għal żewġ gruppi ta' stokkijiet differenti waqt jum tas-sajd wieħed, għandu jitnaqqas nofs jum tas-sajd mill-isforz tas-sajd massimu permisibbli allokat lil dak il-bastiment għal kull grupp ta' stokk.

    6.   Għall-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu u għas-sajd għall-istokkijiet ikkonċernati, kull Stat Membru għandu joħroġ awtorizzazzjonijiet tas-sajd għaż-żoni msemmijin fl-Anness I u skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009.

    7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kapaċità totali, espressa f'GT u kW,li tikkorrispondi għall-awtorizzazzjonijiet tas-sajd maħruġin skont il-paragrafu 6, ma tiżdiedx waqt il-perijodu ta' applikazzjoni tal-pjan.

    8.   Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi lista tal-bastimenti b'awtorizzazzjonijiet tas-sajd maħruġa f'konformità mal-paragrafu 4 u jżommha aġġornata, u għandu jqegħidha għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri l-oħrajn. L-Istati Membri għandhom jibagħtu l-listi tagħhom għall-ewwel darba fi żmien tliet xhur minn meta jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament u sa mhux aktar tard mit-30 ta' Novembru ta' kull sena wara dik id-data.

    9.   L-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw ir-reġim tal-isforz tas-sajd tagħhom u jiżguraw li l-isforz tas-sajd massimu permissibbli msemmi fl-Artikolu 7 ma jaqbiżx il-limiti stabbiliti.

    10.   F'konformità mal-prinċipji ta' governanza tajba stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-Istati Membri jistgħu jippromwovu sistemi ta' ġestjoni parteċipattiva fil-livell lokali sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-pjan.

    Artikolu 10

    Komunikazzjoni tad-data rilevanti

    1.   L-Istati Membri għandhom jirreġistraw id-data dwar l-isforz tas-sajd u jibagħtuha lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 33 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u skont l-Artikoli 146c, 146d u 146e tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 (13).

    2.   Id-data dwar l-isforz tas-sajd għandha tiġi aggregata għal kull xahar u jkun fiha l-informazzjoni stabbilita fl-Anness II. Id-data aggregata għandha tkun fil-format tad-Definizzjoni tal-Iskema XML abbażi tal-istandard P1000-12 tas-CEFACT tan-NU.

    3.   L-Istati Membri għandhom jibagħtu d-data dwar l-isforz tas-sajd imsemmija fil-paragrafu 1 lill-Kummissjoni qabel il-15-il jum ta' kull xahar.

    KAPITOLU IV

    MIŻURI TEKNIĊI TA' KONSERVAZZJONI

    Artikolu 11

    Żoni magħluqin għas-sajd

    1.   Minbarra dak li hu previst fl-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006, għandu jkun ipprojbit l-użu tax-xbieki tat-tkarkir fil-Punent tal-Baħar Mediterran sitt mili nawtiċi mill-kosta ħlief f'żoni aktar fondi minn 100 m isobath waqt tliet xhur kull sena u fejn xieraq konsekuttivament, abbażi tal-aqwa parir xjentifiku disponibbli. Dawk it-tliet xhur ta' għeluq annwali għandhom jiġu determinati minn kull Stat Membru u għandhom japplikaw waqt l-aktar perijodu rilevanti determinat abbażi tal-aqwa parir xjentifiku disponibbli. Dak il-perijodu għandu jiġi kkomunikat lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kkonċernati l-oħra mingħajr dewmien.

    2.   B'deroga mill-paragrafu 1 u dment li jkun ġustifikat minn restrizzjonijiet ġeografiċi partikolari, bħad-daqs limitat tal-blata kontinentali jew id-distanzi t-twal għal postijiet tas-sajd, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, abbażi tal-aqwa parir xjentifiku disponibbli, żoni oħra magħluqin għas-sajd, dment li jinkiseb tnaqqis ta' mill-inqas 20 % ta' merluzz li għadu qed jikber f'kull subżona ġeografika. Tali deroga għandha tiġi kkomunikata lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kkonċernati l-oħra mingħajr dewmien.

    3.   Sas-17 ta' Lulju 2021 u abbażi tal-aqwa parir xjentifiku disponibbli, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jistabbilixxu żoni magħluqin għas-sajd oħrajn meta jkun hemm evidenza li fihom hemm konċentrazzjoni għolja ta' ħut li għadu qed jikber, taħt id-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni, u ta' żoni ta' riproduzzjoni għall-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ, b'mod partikolari għall-istokkijiet ikkonċernati.

    4.   Iż-żoni magħluqin għas-sajd l-oħra stabbiliti skont il-paragrafu 3 għandhom jiġu vvalutata, b'mod partikolari, minn STECF, jew korp xjentifiku indipendenti simili rikonoxxut fil-livell tal-Unjoni jew dak internazzjonali. Jekk dik il-valutazzjoni tindika li dawk iż-żoni magħluqin għas-sajd mhumiex konformi mal-għanijiet tagħhom, l-Istati Membri għandhom jerġgħu jeżaminaw dawk iż-żoni magħluqin għas-sajd fid-dawl ta' dawk ir-rakkomandazzjonijiet.

    5.   Meta l-bastimenti ta' diversi Stati Membri jkunu ser jintlaqtu miż-żoni magħluqin għas-sajd imsemmijin fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u skont l-Artikolu 18 ta' dan ir-Regolament, u abbażi tal-aqwa parir xjentifiku disponibbli, li jistabbilixxu ż-żoni magħluqin għas-sajd ikkonċernati.

    Artikolu 12

    Ġestjoni tal-istokkijiet tal-qabdiet aċċessorji u tal-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ li dwarhom ma hemmx biżżejjed data disponibbli

    1.   Il-ġestjoni tal-istokkijiet imsemmijin fl-Artikolu 1(3) ta' dan ir-Regolament għandha ssir abbażi tal-approċċ ta' prekawzjoni għall-ġestjoni tas-sajd kif iddefinit fil-punt 8 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

    2.   Għandhom jiġu stabbiliti miżuri ta' ġestjoni għall-istokkijiet imsemmijin fl-Artikolu 1(3), u b'mod partikolari miżuri tekniċi ta' konservazzjoni bħal dawk imniżżlin fl-Artikolu 13, billi jitqies l-aqwa parir xjentifiku disponibbli.

    Artikolu 13

    Miżuri ta' konservazzjoni speċifiċi

    1.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 18 ta' dan ir-Regolament u l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi l-miżuri tekniċi ta' konservazzjoni li ġejjin:

    (a)

    speċifikazzjonijiet tal-karatteristiċi tal-irkaptu tas-sajd u r-regoli li jirregolaw l-użu ta' dan l-irkaptu, biex tkun żgurata jew imtejba s-selettività, jitnaqqsu l-qabdiet inċidentali jew jiġi minimizzat l-impatt negattiv fuq l-ekosistema;

    (b)

    speċifikazzjonijiet tal-modifiki għall-irkaptu tas-sajd jew tagħmir addizzjonali għall-irkaptu, biex tkun żgurata jew imtejba s-selettività, jitnaqqsu l-qabdiet inċidentali jew jiġi minimizzat l-impatt negattiv fuq l-ekosistema;

    (c)

    limitazzjonijiet jew projbizzjonijiet fuq l-użu ta' ċertu rkaptu tas-sajd u fuq attivitajiet tas-sajd, f'ċerti żoni jew perijodi biex ikun protett ħut f'fażi riproduttiva, ħut li jkun iżgħar mid-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni jew ħut ta' speċijiet li ma jkunux fil-mira, jew biex jiġi minimizzat l-impatt negattiv fuq l-ekosistema;

    (d)

    l-istabbiliment ta' daqsijiet minimi ta' referenza għall-konservazzjoni għal kwalunkwe wieħed mill-istokkijiet li għalihom japplika dan ir-Regolament, sabiex tkun żgurata l-protezzjoni tal-organiżmi tal-baħar li għadhom qed jikbru; u

    (e)

    miżuri dwar is-sajd rikreattiv.

    2.   Il-miżuri msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jikkontribwixxu għall-kisba tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3.

    KAPITOLU V

    OBBLIGU TA' ĦATT L-ART

    Artikolu 14

    Dispożizzjonijiet dwar l-obbligu ta' ħatt l-art

    Għall-istokkijiet kollha tal-ispeċijiet tal-Punent tal-Baħar Mediterran li għalihom japplika l-obbligu tal-ħatt l-art skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, u għall-qabdiet inċidentali ta' speċijiet pelaġiċi fis-sajd li jisfrutta l-istokkijiet elenkati fl-Artikolu 1(2) ta' dan ir-Regolament li għalihom japplika l-obbligu ta' ħatt l-art, il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Istati Membri, għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 18 ta' dan ir-Regolament u l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 biex tissupplimenta lil dan ir-Regolament billi tadotta miżuri ddettaljati dwar dak l-obbligu kif previst fil punti (a) sa (e) tal-Artikolu 15(5) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

    KAPITOLU VI

    REĠJONALIZZAZZJONI

    Artikolu 15

    Kooperazzjoni reġjonali

    1.   L-Artikolu 18(1) sa (6) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandu japplika għall-miżuri msemmijin fl-Artikoli 11 sa 14 ta' dan ir-Regolament.

    2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-Istati Membri li jkollhom interess ta' ġestjoni dirett jistgħu jippreżentaw rakkomandazzjonijiet konġunti skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013:

    (a)

    għall-ewwel darba mhux iktar tard minn tnax-il xahar wara s-16 ta' Lulju 2019 u, imbagħad, mhux iktar tard minn tnax-il xahar wara kull sottomissjoni tal-evalwazzjoni tal-pjan skont l-Artikolu 17(2) ta' dan ir-Regolament;

    (b)

    sal-1 ta' Lulju tas-sena ta' qabel dik li waqtha jibdew japplikaw il-miżuri; u/jew

    (c)

    kull meta jqisu li jkun hemm bżonnhom, b'mod partikolari f'każ li jkun hemm tibdil f'daqqa tas-sitwazzjoni ta' kwalunkwe wieħed mill-istokkijiet li għalihom japplika dan ir-Regolament.

    3.   Is-setgħat mogħtija skont l-Artikoli 11 sa 14 ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għas-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni skont dispożizzjonijiet oħrajn tal-liġi tal-Unjoni, inkluż skont ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

    KAPITOLU VII

    EMENDI U SEGWITU

    Artikolu 16

    Emendi tal-pjan

    1.   Meta parir xjentifiku juri li kien hemm bidla fil-firxa ġeografika tal-istokkijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 18 biex temenda dan ir-Regolament billi taġġusta ż-żoni speċifikati fl-Artikolu 1(2) u fl-Anness I sabiex titqies dik il-bidla.

    2.   Meta, abbażi ta' parir xjentifiku l-Kummissjoni tqis li hemm bżonn tiġi emendata l-lista tal-istokkijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni tista' tressaq proposta biex tiġi emendata dik il-lista.

    Artikolu 17

    Monitoraġġ u evalwazzjoni tal-pjan

    1.   Għall-finijiet tar-rapport annwali previst fl-Artikolu 50 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-indikaturi kwantifikabbli għandhom jinkludu l-istimi annwali tal-mortalità attwali mis-sajd kontra l-FMSY (F/FMSY), tal-bijomassa tal-istokk riproduttiv (SSB) u indikaturi soċjoekonomiċi għall-istokkijiet ikkonċernati u, meta jkun possibbli, għall-istokkijiet tal-qabdiet aċċessorji. Ma' dawn jistgħu jiżdiedu indikaturi oħrajn abbażi tal-parir xjentifiku.

    2.   Sas-17 ta' Lulju 2024 u kull tliet snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-riżultati tal-pjan u l-impatt tiegħu fuq l-istokkijiet ikkonċernati u fuq is-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-kisba tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3.

    KAPITOLU VIII

    DISPOŻIZZJONIJIET PROĊEDURALI

    Artikolu 18

    Eżerċizzju tad-delega

    1.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

    2.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikoli 11 sa 14 u 16 hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta' ħames snin mis-16 ta' Lulju 2019. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta' ħames snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma joġġezzjona għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perijodu.

    3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 11 sa 14 u 16 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. M'għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

    4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti innominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

    5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    6.   Att delegat adottat skont l-Artikoli 11 sa 14 u 16 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

    KAPITOLU IX

    FOND EWROPEW GĦALL-AFFARIJIET MARITTIMI U S-SAJD

    Artikolu 19

    Appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd

    Il-miżuri ta' waqfien temporanju adottati sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-pjan għandhom jitqiesu bħala waqfien temporanju tal-attivitajiet tas-sajd għall-finijiet tal-punti (a) u (c) tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014.

    Artikolu 20

    Emendi għar-Regolament (UE) Nru 508/2014 dwar ċerti regoli relatati mal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd

    L-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    il-paragrafu 4 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    “4.   L-appoġġ skont dan l-Artikolu jista' jingħata sal-31 ta' Diċembru 2017, ħlief jekk il-miżuri ta' waqfien permanenti jiġu adottati sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-pjan pluriennali għall-konservazzjoni u l-isfruttament sostenibbli tal-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Baħar Mediterran, stabbiliti bir-Regolament (UE) 2019/1022. tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1)

    (*1)  Ir-Regolament (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 li jistabbilixxi pjan pluriennali għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Mediterran u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 508/2014 (ĠU L 172, 26.6.2019, p. 1).”;"

    (2)

    jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “4a.   L-infiq relatat mal-miżuri ta' waqfien permanenti adottati sabiex jinkisbu l-għanijiet tar-Regolament (UE) 2019/1022 għandu jkun eliġibbli għall-appoġġ mill-FEMS hekk kif jidħol fis-seħħ dak ir-Regolament.”.

    KAPITOLU X

    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 21

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    B'kont meħud tas-sostenibbiltà ambjentali, soċjali u ekonomika, l-Artikolu 4 u l-Artikolu 6(1) għandhom japplikaw mill-1 ta' Jannar 2025.

    L-Artikolu 7 għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2020.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Ġunju 2019.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    A. TAJANI

    Għall-Kunsill

    Il-President

    G. CIAMBA


    (1)  ĠU C 367, 10.10.2018, p. 103.

    (2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' April 2019 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta' Ġunju 2019.

    (3)  Id-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Malta MedFish4Ever. Konferenza Ministerjali dwar is-sostenibbiltà tas-sajd fil-Mediterran (Malta, it-30 ta' Marzu 2017).

    (4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).

    (5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 tal-21 ta' Diċembru 2006 dwar miżuri ta' ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1626/94 (ĠU L 409, 30.12.2006, p. 11).

    (6)  Id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19).

    (7)  Id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7).

    (8)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7).

    (9)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

    (10)  Ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 149, 20.5.2014, p. 1).

    (11)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).

    (12)  Ir-Regolament (UE) Nru 1343/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar ċerti dispożizzjonijiet għas-sajd fiż-żona tal-Ftehim tal-GFCM (Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Baħar Mediterran) u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 dwar miżuri ta' ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran (ĠU L 347, 30.12.2011, p. 44).

    (13)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 tat-8 ta' April 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (ĠU L 112, 30.4.2011, p. 1).


    ANNESS I

    Reġim tal-isforz tas-sajd

    (kif imsemmi għall-Artikolu 7)

    Il-gruppi tal-isforz tas-sajd huma ddefiniti kif ġej:

    A)

    Il-bastimenti tat-tkarkir li jistadu għat-trilja tal-ħama, għall-merluzz, għall-gamblu abjad u għall-iskampu fil-blata kontinentali u fix-xaqliba ta' fuq

    Tip ta' rkaptu

    Żona ġeografika

    Gruppi ta' stokkijiet

    Tul sħiħ tal-bastimenti

    Kodiċi tal-grupp tal-isforz

    Xbieki tat-tkarkir

    (TBB, OTB, PTB, TBN, TBS, TB, OTM, PTM, TMS, TM, OTT, OT, PT, TX, OTP, TSP)

    Is-subżoni 1-2-5-6-7 tal-GFCM

    It-trilja tal-ħama fis-subżoni ġeografiċi 1, 5, 6 u 7; il-merluzz fis-subżoni ġeografiċi 1-5-6-7; il-gamblu abjad fis-subżoni ġeografiċi 1, 5 u 6; u l-iskampu fis-subżoni ġeografiċi 5 u 6.

    < 12 m

    EFF1/MED1_TR1

    ≥ 12 m u < 18 m

    EFF1/MED1_TR2

    ≥ 18 m u < 24 m

    EFF1/MED1_TR3

    ≥ 24 m

    EFF1/MED1_TR4

    Is-subżoni 8-9-10-11 tal-GFCM

    It-trilja tal-ħama fis-subżoni ġeografiċi 9 10 u 11; il-merluzz fis-subżoni ġeografiċi 9-10-11; il-gamblu abjad fis-subżoni ġeografiċi 9-10-11; u l-iskampu fis-subżoni ġeografiċi 9 u 10.

    < 12 m

    EFF1/MED2_TR1

    ≥ 12 m u < 18 m

    EFF1/MED2_TR2

    ≥ 18 m u < 24 m

    EFF1/MED2_TR3

    ≥ 24 m

    EFF1/MED1_TR4

    B)

    Il-bastimenti tat-tkarkir li jistadu għall-gamblu blu u aħmar fl-ilma fond.

    Tip ta' rkaptu

    Żona ġeografika

    Gruppi ta' stokkijiet

    Tul sħiħ tal-bastimenti

    Kodiċi tal-grupp tal-isforz tas-sajd

    Xbieki tat-tkarkir

    (TBB, OTB, PTB, TBN, TBS, TB, OTM, PTM, TMS, TM, OTT, OT, PT, TX, OTP, TSP)

    Is-subżoni 1-2-5-6-7 tal-GFCM

    Il-gamblu blu u aħmar fis-subżoni ġeografiċi 1, 5, 6 u 7.

    < 12 m

    EFF2/MED1_TR1

    ≥ 12 m u < 18 m

    EFF2/MED1_TR2

    ≥ 18 m u < 24 m

    EFF2/MED1_TR3

    ≥ 24 m

    EFF2/MED1_TR4

    Is-subżoni 8-9-10-11 tal-GFCM

    Il-gamblu aħmar il-kbir fis-subżoni ġeografiċi 9, 10 u 11

    < 12 m

    EFF2/MED2_TR1

    ≥ 12 m u < 18 m

    EFF2/MED2_TR2

    ≥ 18 m u < 24 m

    EFF2/MED2_TR3

    ≥ 24 m

    EFF2/MED1_TR4


    ANNESS II

    Lista ta' informazzjoni għad-data dwar l-isforz tas-sajd

    (kif imsemmi fl-Artikolu 10)

    Informazzjoni

    Definizzjoni u kummenti

    (1)

    Stat Membru

    Il-kodiċi alfa-3 tal-ISO tal-Istat Membru tal-bandiera li jirrapporta

    (2)

    Grupp tal-isforz tas-sajd

    Il-kodiċi tal-grupp tal-isforz tas-sajd kif stabbilit fl-Anness I

    (3)

    Perjodu tal-isforz tas-sajd

    Id-data tal-ftuħ u d-data tal-għeluq tax-xahar irrappurtat

    (4)

    Dikjarazzjoni tal-isforz tas-sajd

    L-għadd totali ta' jiem tas-sajd


    Dikjarazzjoni konġunta mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill

    Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom l-intenzjoni li jirrevokaw l-għoti tas-setgħat għall-adozzjoni ta' miżuri tekniċi permezz ta' atti delegati skont l-Artikolu 13 ta' dan ir-Regolament meta jadottaw regolament ġdid dwar miżuri tekniċi li jinkludi għoti ta' setgħa li jkopri l-istess miżuri.


    Top