Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R0887

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/887 tat-13 ta' Marzu 2019 dwar il-mudell tar-regolament finanzjarju għall-korpi ta' sħubija pubblika-privata msemmijin fl-Artikolu 71 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    C/2019/1875

    ĠU L 142, 29.5.2019, p. 16–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2019/887/oj

    29.5.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 142/16


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/887

    tat-13 ta' Marzu 2019

    dwar il-mudell tar-regolament finanzjarju għall-korpi ta' sħubija pubblika-privata msemmijin fl-Artikolu 71 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (1), u b'mod partikolari t-tielet paragrafu tal-Artikolu 71 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Permezz tar-Regolament Delegat (UE) Nru 110/2014 (2), il-Kummissjoni adottat il-Mudell tar-Regolament Finanzjarju għal korpi ta' sħubija pubblika-privata msemmija fl-Artikolu 209 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

    (2)

    Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 ġie mħassar u sostitwit bir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġi adottat mudell tar-regolament finanzjarju għall-korpi ta' sħubija pubblika-privata (public-private partnership, PPP) msemmija fl-Artikolu 71 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 (minn hawn 'il quddiem “il-korpi PPP”).

    (3)

    Sabiex jiġu adottati regoli li jiżguraw ġestjoni finanzjarja tajba tal-fondi tal-Unjoni u biex il-korpi tal-PPP jkunu jistgħu jadottaw ir-regoli finanzjarji tagħhom stess, huwa neċessarju li jiġi adottat mudell tar-regolament finanzjarju għal dawk il-korpi. Ir-regoli finanzjarji tal-korpi PPP ma jistgħux jiddevjaw minn dan ir-Regolament ħlief meta l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom ikunu jirrikjedu dan, u dan bil-kunsens bil-quddiem tal-Kummissjoni.

    (4)

    Jenħtieġ li l-mudell tar-regolament finanzjarju għall-korpi PPP ikun konsistenti mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 u jenħtieġ li dan jippermetti simplifikazzjoni u kjarifika addizzjonali sabiex tiġi kkunsidrata l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tagħhom.

    (5)

    Wara l-adozzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) 2015/1929 (4) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kummissjoni 2015/2461 (5) emenda r-Regolament ta' Delega (UE) Nru 110/2014 dwar il-Mudell tar-Regolament Finanzjarju għal korpi ta' sħubija pubblika-privata biex jiġu allinjati r-regoli dwar il-kwittanza, ir-rapportar u l-awditjar estern applikabbli għall-korpi msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046. Ir-regoli dwar il-governanza, l-awditjar intern u l-obbligu ta' rendikont applikabbli għall-korpi PPP jenħtieġ li jkunu konsistenti mad-dispożizzjonijiet korrispondenti tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 (6) applikabbli għall-korpi msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

    (6)

    Minħabba li r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 (7) tħassar, l-obbligu li l-korpi PPP jadottaw ir-regoli ta' implimentazzjoni tagħhom stess jenħtieġ li jitħassar ukoll.

    (7)

    Il-korpi PPP jenħtieġ li jistabilixxu u jimplimentaw il-baġit tagħhom f'konformità mal-prinċipji baġitarji tal-unità, l-preċiżjoni baġitarja, l-annwalità, l-ekwilibriju, l-unità tal-kontijiet, l-universalità, l-ispeċifikazzjoni u l-ġestjoni finanzjarja tajba, li titlob it-trasparenza u kontroll intern effettiv u effiċjenti.

    (8)

    Biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-operazzjoni u sabiex tkun tista' titwettaq nefqa amministrattiva ta' rutina fit-tmiem ta' sena finanzjarja, il-korpi PPP jenħtieġ li jkunu kapaċi, skont kondizzjonijiet speċifiċi, iwettqu tali nefqa bil-quddiem mal-approprjazzjonijiet ipprovduti għas-sena finanzjarja ta' wara.

    (9)

    B'kunsiderazzjoni għall-ispeċifiċitajiet tagħhom, il-korpi PPP jenħtieġ li ma jkunux jistgħu jużaw sponsorizzar korporattiv.

    (10)

    Jenħtieġ li l-kunċett tal-prestazzjoni fir-rigward tal-baġit tal-UE jiġi ċċarat. Jenħtieġ li l-prestazzjoni tkun marbuta mal-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja tajba. Jenħtieġ li jkun definit il-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja tajba. Jenħtieġ li tiġi stabbilita rabta bejn, minn naħa waħda, l-objettivi stabbiliti u l-indikaturi tal-prestazzjoni u, min-naħa l-oħra, ir-riżultati u l-ekonomija, l-effiċjenza u l-effettività fl-użu tal-approprjazzjonijiet.

    (11)

    Biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni ġenerali tal-kompiti u l-attivitajiet ta' korp PPP, jenħtieġ li dan il-korp ikun jista' jdaħħal l-approprjazzjonijiet mhux użati għal sena partikolari fl-istima tad-dħul u n-nefqa tat-tliet snin finanzjarji ta' wara.

    (12)

    Huwa neċessarju li jiġu speċifikati s-setgħat u r-responsabbiltajiet tal-uffiċjal tal-kontabbiltà u tal-uffiċjali tal-awtorizzazzjoni, b'kunsiderazzjoni għan-natura pubblika-privata tal-korpi PPP. Jenħtieġ li l-uffiċjali tal-awtorizzazzjoni jkunu kompletament responsabbli għall-operazzjonijiet kollha tad-dħul u n-nefqa eżegwiti permezz tal-awtorità tagħhom u jenħtieġ li jinżammu responsabbli għall-azzjonijiet tagħhom, inkluż, jekk meħtieġ, permezz ta' proċeduri dixxiplinari. Biex jiġu evitati żbalji u irregolaritajiet, jenħtieġ li l-uffiċjali tal-awtorizzazzjoni jistabbilixxu strateġija ta' kontroll pluriennali li jenħtieġ li tkun imsejsa fuq kunsiderazzjonijiet ibbażati fuq ir-riskji u fuq il-kosteffettività.

    (13)

    Biex ikun garantit li kull korp PPP huwa responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tiegħu u jkunu rrispettati l-objettivi assenjati lilu meta kien stabbilit, jenħtieġ li l-korpi PPP jkunu jistgħu, jekk meħtieġ, jimpjegaw korpi esterni tas-settur privat għat-twettiq tal-kompiti fdati lilhom, jekk meħtieġ, sakemm dawk il-kompiti ma jinvolvux xi missjoni ta' servizz pubbliku jew kwalunkwe użu tas-setgħat diskrezzjonali ta' ġudizzju.

    (14)

    Biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet tagħhom u f'konformità mal-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja tajba, jenħtieġ li l-korpi PPP ikollhom il-possibbiltà li jikkonkludu ftehimiet fil-livell ta' servizz f'konformità mal-Artikolu 59(3) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, b'mod partikolari mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni kif ukoll ma' korpi oħra tal-Unjoni. Jenħtieġ li jiġi żgurat rapportar xieraq dwar dawn il-ftehimiet fil-livell ta' servizz.

    (15)

    Sabiex tittejjeb il-kosteffiċjenza, jenħtieġ li l-korpi PPP jkollhom il-possibbiltà li jikkondividu s-servizzi jew li jittrasferixxu dawn is-servizzi lil korp ieħor jew lill-Kummissjoni, b'mod partikolari billi l-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni jkun jista' jiġi fdat bil-kompiti kollha tal-uffiċjal tal-kontabbiltà ta' korp PPP, jew parti minnhom.

    (16)

    Biex jidentifikaw u jiġġestixxu b'mod korrett ir-riskju ta' kunflitt ta' interess reali jew ipperċepit, jenħtieġ li l-korpi PPP ikunu obbligati jadottaw regoli dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni ta' kunflitt ta' interess. Jenħtieġ li tali regoli jqisu l-gwida pprovduta mill-Kummissjoni.

    (17)

    Jenħtieġ li jiġu stabbiliti l-prinċipji li għandhom jiġu segwiti f'dak li jirrigwarda l-operazzjonijiet tad-dħul u tan-nefqa ta' kull korp PPP.

    (18)

    F'konformità man-natura speċifika tal-korpi PPP, jenħtieġ li l-membri tagħhom iġarrbu l-ispejjeż tal-kontribuzzjoni tagħhom għall-ispejjeż amministrattivi tal-korp PPP. Il-benefiċjarji li mhumiex membri tal-finanzjament ipprovdut minn korp PPP jenħtieġ li ma jikkontribwixxux direttament jew indirettament, u bl-ebda forma, għal tali spejjeż, u jenħtieġ li ma jiġux mistiedna jew mitluba li jikkontribwixxu għall-ispejjeż amministrattivi tal-korp PPP meta jieħdu sehem fi proġetti kkofinanzjati minn dak il-korp.

    (19)

    Il-korpi PPP għandhom jadottaw il-programm ta' ħidma annwali tiegħu għal sena partikolari sa tmiem is-sena preċedenti. Dan il-programm ta' ħidma annwali jenħtieġ li jkollu deskrizzjoni tal-attivitajiet li jridu jiġu ffinanzjati u indikazzjoni tal-ammonti allokati għal kull waħda minnhom, informazzjoni dwar l-istrateġija ġenerali għall-implimentazzjoni tal-programm fdata lill-korp PPP, kif ukoll l-istrateġija biex jinkisbu gwadanji u sinerġiji effiċjenti. Il-programm ta' ħidma annwali jenħtieġ li jinkludi wkoll strateġija għal sistemi ta' ġestjoni organizzattiva u ta' kontroll intern, inkluża strateġija kontra l-frodi u indikazzjoni tal-miżuri li jipprevjenu r-rikorrenza ta' każijiet ta' kunflitt ta' interess, irregolaritajiet u frodi, b'mod partikolari fejn id-dgħufijiet wasslu għal rakkomandazzjonijiet kritiċi.

    (20)

    Minbarra l-forom ta' kontribuzzjoni tal-Unjoni diġà stabbiliti sew (ir-rimborż tal-ispejjeż eliġibbli fil-fatt imġarrba, l-ispejjeż unitarji, is-somom f'daqqa u l-finanzjament b'rata fissa), huwa xieraq li l-korpi PPP jitħallew jagħtu appoġġ permezz tal-finanzjament li ma jkunx marbut mal-ispejjeż tal-operazzjonijiet rilevanti. Din il-forma addizzjonali ta' finanzjament jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-adempiment ta' ċerti kundizzjonijiet ex ante jew fuq il-kisba tar-riżultati mkejla b'referenza għal tragwardi stabbiliti preċedentement jew permezz ta' indikaturi tal-prestazzjoni.

    (21)

    Biex ikunu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, ir-regoli dwar sistema unika ta' identifikazzjoni bikrija u ta' esklużjoni mwaqqfa bir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 jenħtieġ li japplikaw għall-korpi PPP.

    (22)

    Biex tissaħħaħ il-governanza tal-korpi PPP, jenħtieġ li dawn il-korpi jirrapportaw mingħajr dewmien il-każijiet ta' frodi, l-irregolaritajiet finanzjarji u l-investigazzjonijiet lill-Kummissjoni.

    (23)

    Minħabba n-natura pubblika-privata tal-korpi PPP u b'mod partikolari l-kontribuzzjoni tas-settur privat għall-baġit ta' korp PPP, il-proċeduri flessibbli għall-għoti ta' kuntratti ta' akkwist jenħtieġ li jkunu previsti. Jenħtieġ li dawn il-proċeduri jirrispettaw il-prinċipji ta' trasparenza, ta' proporzjonalità, ta' trattament indaqs u ta' nondiskriminazzjoni u jistgħu parzjalment jitbiegħdu mid-dispożizzjonijiet rilevanti stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046. Il-kooperazzjoni msaħħa fost il-membri tal-korpi PPP hija mistennija li tikkontribwixxi għal provvista aħjar u orħos ta' oġġetti u servizzi, kif ukoll għall-evitar ta' spejjeż eċċessivi fil-ġestjoni ta' proċeduri ta' akkwist. Għall-provvista ta' prodotti, il-provvista ta' servizzi jew għat-twettiq ta' xogħol li dawk il-membri jipprovdu direttament u mingħajr rikors għal terzi persuni, il-korpi PPP għalhekk jenħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li jikkonkludu kuntratti mingħajr rikors għal proċedura ta' akkwist mal-membri tagħhom ħlief l-Unjoni.

    (24)

    Il-korpi PPP jenħtieġ li jkunu kapaċi jużaw esperti esterni għall-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet għal għotjiet, proġetti u offerti u biex jiġu pprovduti opinjonijiet u pariri f'każijiet speċifiċi. Dawn l-esperti jenħtieġ li jintgħażlu f'konformità mal-prinċipji ta' nondiskriminazzjoni, ta' trattament indaqs u ta' assenza ta' kunflitt ta' interess.

    (25)

    Fir-rigward tal-għoti ta' għotjiet u premjijiet, biex tkun żgurata implimentazzjoni koerenti mal-azzjonijiet li huma ġestiti direttament mill-Kummissjoni, jenħtieġ li japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, soġġetti għal dispożizzjonijiet speċifiċi tal-att kostitwenti tal-korp PPP jew tal-att bażiku tal-programm li l-implimentazzjoni tiegħu hija fdata lill-korp PPP.

    (26)

    F'konformità mal-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), il-korpi PPP għandhom jibagħtu mingħajr dewmien kull informazzjoni relatata ma' każijiet possibbli ta' frodi, ta' korruzzjoni jew ta' kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni lill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi. F'konformità mal-Artikolu 24(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 (9), il-korpi PPP għandhom, mingħajr dewmien żejjed, jirrapportaw lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew kull imġiba kriminali li fir-rigward tagħha jkun jista' jeżerċita l-kompetenza tiegħu f'konformità ma' dak ir-regolament. Biex tissaħħaħ il-governanza tal-korpi PPP, jenħtieġ li jiġu rrappurtati wkoll każijiet ta' frodi, irregolaritajiet finanzjarji, kif ukoll investigazzjonijiet, lill-Kummissjoni mingħajr dewmien. Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-korpi PPP jistabbilixxu proċeduri li jipproteġu kif dovut id-data personali u li jiżguraw ir-rispett tal-prinċipju ta' ħtieġa ta' tagħrif f'kull trażmissjoni ta' informazzjoni relatata ma' frodi preżunta u irregolaritajiet oħrajn u investigazzjonijiet li għaddejjin jew li tlestew.

    (27)

    Ir-Regolament ta' Delega (UE) Nru 110/2014 jenħtieġ li jitħassar. Jenħtieġ li r-referenza għar-regolament imħassar titqies bħala referenza għal dan ir-Regolament.

    (28)

    Biex tkun tista' ssir l-adozzjoni f'waqtha tar-regolamenti finanzjarji riveduti mill-korpi PPP mill-1 ta' Settembru 2019 u biex il-korpi PPP ikunu jistgħu jibbenefikaw mis-simplifikazzjoni u l-allinjament mar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b'mod urġenti,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    KAPITOLU 1

    KAMP TA' APPLIKAZZJONI

    Artikolu 1

    Suġġett

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-prinċipji essenzjali li fuq il-bażi tagħhom il-korpi ta' sħubija pubblika-privata msemmija fl-Artikolu 71 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 (“il-korpi PPP”) għandhom jadottaw ir-regoli finanzjarji tagħhom stess. Ir-regoli finanzjarji tal-korp PPP ma għandhomx jiddevjaw minn dan ir-Regolament ħlief meta l-ħtiġijiet speċifiċi tiegħu jirrikjedu dan u bil-kunsens bil-quddiem tal-Kummissjoni f'konformità mar-raba' subparagrafu tal-Artikolu 71 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046. Il-korp PPP għandu jippubblika r-regoli finanzjarji tiegħu fuq il-website tiegħu.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)

    “bord ta' tmexxija” tfisser il-korp intern ewlieni tal-korp PPP li għandu r-responsabbiltà li jieħu deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet finanzjarji u baġitarji, irrispettivament mill-isem li ngħatalu fl-att kostitwenti tal-korp PPP,

    (2)

    “direttur” tfisser il-persuna li għandha r-responsabbiltà li timplimenta d-deċiżjonijiet tal-bord ta' tmexxija u l-baġit tal-korp PPP bħala uffiċċjal tal-awtorizzazzjoni, irrispettivament mit-titolu mogħti lilu fl-att kostitwenti tal-korp PPP,

    (3)

    “membru” tfisser membru tal-korp PPP f'konformità mal-att kostitwenti tiegħu,

    (4)

    “att kostitwenti” tfisser l-att tad-dritt tal-Unjoni li jirregola l-aspetti ewlenin tat-twaqqif u t-tħaddim tal-korp PPP,

    L-Artikolu 2 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 għandu japplika mutatis mutandis.

    Artikolu 3

    Ambitu tal-baġit

    Għal kull sena finanzjarja, il-baġit tal-korp PPP għandu jipprevedi u jawtorizza d-dħul u n-nefqa kollha meqjusin neċessarji għall-korp PPP. Dan għandu jikkonsisti minn:

    (a)

    id-dħul tal-korp PPP, li jinkludi:

    (i)

    il-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-membri tiegħu għall-ispejjeż amministrattivi;

    (ii)

    il-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-membri tiegħu għall-ispejjeż operazzjonali;

    (iii)

    id-dħul assenjat għal elementi speċifiċi tan-nefqa;

    (iv)

    kull dħul iġġenerat mill-korp PPP;

    (b)

    in-nefqa tal-korp PPP, inkluża n-nefqa amministrattiva.

    KAPITOLU 2

    PRINĊIPJI BAĠITARJI

    Artikolu 4

    Rispett għall-prinċipji baġitarji

    Il-baġit tal-korp PPP għandu jkun stabbilit u implimentat f'konformità mal-prinċipji tal-unità, il-preċiżjoni baġitarja, l-annwalità, l-ekwilibriju, l-unità tal-kontijiet, l-universalità, l-ispeċifikazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja tajba u t-trasparenza kif stipulat f'dan ir-Regolament.

    Artikolu 5

    Prinċipji tal-unità u tal-preċiżjoni baġitarja

    1.   Id-dħul u n-nefqa kollha għandhom jiġu rreġistrati f'linja baġitarja fil-baġit tal-korp PPP.

    2.   L-ebda nefqa ma tista' tkun impenjata jew awtorizzata meta taqbeż l-approprjazzjonijiet awtorizzati mill-baġit tal-korp PPP.

    3.   Approprjazzjoni tista' tiddaħħal fil-baġit tal-korp PPP biss jekk din tkun għal element ta' nefqa meqjus bħala meħtieġ.

    4.   L-imgħaxijiet iġġenerati mill-pagamenti ta' prefinanzjament magħmulin mill-baġit tal-korp PPP ma għandhomx ikunu dovuti lill-korp PPP.

    Artikolu 6

    Prinċipju tal-annwalità

    1.   L-approprjazzjonijiet imdaħħla fil-baġit tal-korp PPP għandhom ikunu awtorizzati għal sena finanzjarja li għandha tkun mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru.

    2.   L-approprjazzjonijiet ta' impenn għandhom ikopru l-ispejjeż totali tal-impenji legali li jsiru matul is-sena finanzjarja.

    3.   L-approprjazzjonijiet ta' pagament għandhom ikopru l-pagamenti mwettqa biex jiġu rispettati l-impenji legali li jsiru matul is-sena finanzjarja jew fis-snin finanzjarji preċedenti.

    4.   Għall-approprjazzjonijiet amministrattivi, in-nefqa ma għandhiex teċċedi d-dħul mistenni għas-sena kif imsemmi fl-Artikolu 3(a)(i).

    5.   Minħabba l-ħtiġijiet tal-korp PPP, l-approprjazzjonijiet mhux użati jistgħu jiddaħħlu fl-istimi tad-dħul u n-nefqa sat-tliet snin finanzjarji ta' wara. Dawn l-approprjazzjonijiet iridu jintużaw l-ewwel.

    6.   Il-paragrafi minn 1 sa 5 ma għandhomx jimpedixxu lill-impenji baġitarji għal azzjonijiet li jestendu għal aktar minn sena finanzjarja milli dawn jitqassmu f'pagamenti annwali fuq diversi snin meta l-att kostitwenti jipprevedi dan jew meta jkunu għan-nefqa amministrattiva.

    Artikolu 7

    Impenjar tal-approprjazzjonijiet

    1.   L-approprjazzjonijiet imdaħħla fil-baġit jistgħu jiġu impenjati mill-1 ta' Jannar, ladarba l-baġit tal-korp PPP jiġi adottat b'mod definittiv.

    2.   Mill-15 ta' Ottubru tas-sena finanzjarja, in-nefqa amministrattiva ta' rutina tista' tiġi impenjata bil-quddiem mal-approprjazzjonijiet ipprovduti għas-sena finanzjarja ta' wara, dment li tali nefqa tkun ġiet approvata fl-aħħar baġit tal-korp PPP adottat kif xieraq, u sa massimu ta' kwart wieħed biss tal-approprjazzjonijiet korrispondenti totali deċiżi mill-bord ta' tmexxija għas-sena finanzjarja kurrenti.

    Artikolu 8

    Prinċipju tal-ekwilibriju

    1.   Id-dħul u l-approprjazzjonijiet ta' pagament għandhom jibbilanċjaw lil xulxin.

    2.   L-approprjazzjonijiet għall-impenji ma għandhomx jaqbżu l-kontribuzzjoni annwali rilevanti tal-Unjoni kif stabbilit fil-ftehim tat-trasferiment annwali tal-fondi mal-Kummissjoni, flimkien ma' kontribuzzjonijiet annwali minn Membri oħra għajr l-Unjoni, kull dħul ieħor imsemmi fl-Artikolu 3 u l-ammont ta' approprjazzjonijiet mhux użati msemmija fl-Artikolu 6(5).

    3.   Il-korp PPP ma għandux jidħol għal dejn fil-qafas tal-baġit tal-korp PPP.

    4.   Jekk ir-riżultat tal-baġit huwa wieħed pożittiv, dan għandu jiddaħħal fil-baġit tas-sena finanzjarja ta' wara bħala dħul.

    Jekk ir-riżultat tal-baġit huwa wieħed negattiv, dan għandu jiddaħħal fil-baġit tas-sena finanzjarja ta' wara bħala approprjazzjonijiet ta' pagament.

    Artikolu 9

    Prinċipju tal-unità tal-kontijiet

    Il-baġit tal-korp PPP għandu jitħejja u jiġi implementat f'euro u l-kontijiet għandhom ikunu ppreżentati f'euro. Madankollu, għall-finijiet ta' flussi tal-flus, l-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jkun awtorizzat iwettaq operazzjonijiet f'muniti oħrajn kif stabbilit fir-regoli finanzjarji tal-korp PPP.

    Artikolu 10

    Prinċipju tal-universalità

    1.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, id-dħul totali għandu jkopri l-approprjazzjonijiet ta' pagament totali. Id-dħul u n-nefqa kollha għandhom jiddaħħlu b'mod sħiħ u mingħajr l-ebda aġġustament kontra xulxin, soġġett għal kwalunkwe dispożizzjoni speċifika fir-regoli finanzjarji tal-korp PPP relatata ma' każijiet fejn ċertu tnaqqis jista' jsir minn talbiet għal pagament, li mbagħad jingħaddew għall-pagament tal-ammont nett.

    2.   Id-dħul allokat għal skop speċifiku, bħad-dħul minn fondazzjonijiet, minn sussidji, minn rigali u minn legati, għandu jintuża biex jiffinanzja elementi speċifiċi tan-nefqa.

    3.   Id-direttur jista' jilqa' kull donazzjoni li ssir lill-korp PPP, bħalma huwa d-dħul minn fondazzjonijiet, minn sussidji, minn rigali u minn legati.

    L-aċċettazzjoni ta' donazzjonijiet li jistgħu jinvolvu miżata finanzjarja sinifikanti għandha tkun soġġetta għall-awtorizzazzjoni minn qabel tal-bord ta' tmexxija, li jrid jieħu deċiżjoni fi żmien xahrejn mid-data li tingħatalu t-talba. Jekk il-bord ta' tmexxija ma jiħux deċiżjoni f'dak iż-żmien, id-donazzjoni għandha titqies milqugħa.

    L-ammont meta l-miżata finanzjarja kkonċernata ogħla minnu hija kkunsidrata bħala waħda sinifikanti għandu jiġi stabbilit permezz ta'deċiżjoni tal-bord ta' tmexxija.

    Artikolu 11

    Sponsorizzar korporattiv

    L-Artikolu 26 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 ma għandux japplika għall-korpi PPP.

    Artikolu 12

    Prinċipju tal-ispeċifikazzjoni

    1.   L-approprjazzjonijiet għandhom jiġu allokati għal skopijiet speċifiċi tal-anqas skont it-titolu u l-kapitolu.

    2.   Id-direttur jista' jittrasferixxi approprjazzjonijiet:

    (a)

    minn titolu għal ieħor sa massimu ta' 10 % tal-approprjazzjonijiet għas-sena murija fil-linja li minnha jsir it-trasferiment;

    (b)

    minn kapitolu għal ieħor u f'kull kapitolu mingħajr limitu.

    3.   Lil hinn mil-limiti msemmija fil-paragrafu 2, id-direttur jista' jipproponi trasferimenti ta' approprazzjonijiet minn titolu għal ieħor lill-bord ta' tmexxija. Il-bord ta' tmexxija għandu jkollu żmien ta' tliet ġimgħat biex jopponi t-trasferimenti proposti. Wara dan il-limitu ta' żmien, it-trasferimenti proposti għandhom jitqiesu bħala adottati.

    4.   Id-direttur għandu jinforma lill-bord ta' tmexxija kemm jista' jkun malajr dwar it-trasferimenti kollha mwettqa skont il-paragrafu 2.

    Artikolu 13

    Prinċipju ta' ġestjoni u prestazzjoni finanzjarja tajba

    1.   L-approprjazzjonijiet għandhom jintużaw f'konformità mal-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja tajba, u b'hekk għandhom jiġu implimentati bl-osservanza tal-prinċipji li ġejjin:

    (a)

    il-prinċipju tal-ekonomija, li jirrikjedi li r-riżorsi użati mill-korp PPP fit-twettiq tal-attivitajiet tiegħu għandhom ikunu disponibbli fi żmien debitu, fi kwantità u kwalità xierqa u bl-aħjar prezz;

    (b)

    il-prinċipju tal-effiċjenza li jikkonċerna l-aqwa relazzjoni bejn ir-riżorsi użati, l-attivitajiet imwettqa u l-kisba tal-objettivi;

    (c)

    il-prinċipju tal-effettività li jikkonċerna kemm intlaħqu l-objettivi fil-mira permezz tal-attivitajiet imwettqa.

    2.   B'konformità mal-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja tajba, l-użu tal-approprjazzjonijiet għandu jiffoka fuq il-prestazzjoni u għal dan il-għan:

    (a)

    l-objettivi għall-attivitajiet għandhom jiġu stabbiliti ex ante;

    (b)

    il-progress fil-kisba tal-objettivi għandu jiġi mmonitorjat bl-indikaturi tal-prestazzjoni;

    (c)

    il-progress fil-kisba ta' dawk l-objettivi u l-problemi dwarhom għandhom jiġu rrapportati lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill f'konformità mal-punt (d) tal-Artikolu 16(2) u mal-Artikolu 23(2).

    3.   L-objettivi speċifiċi, li jistgħu jitkejlu u jinkisbu, rilevanti u marbuta bil-ħin imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu stabbiliti għas-setturi kollha tal-attività koperta mill-baġit tal-korp PPP u, fejn rilevanti, għandhom jiġu definiti indikaturi rilevanti, aċċettati, kredibbli, faċli u robusti. Informazzjoni dwar l-indikaturi għandha tingħata kull sena mid-direttur lill-bord ta' tmexxija, mhux iżjed tard minn meta jkunu ppreżentati d-dokumenti li jakkumpanjaw l-abbozz tal-baġit tal-korp PPP.

    4.   Sakemm l-att kostitwenti ma jipprevedix evalwazzjonijiet li jridu jsiru mill-Kummissjoni, il-korp PPP, biex itejjeb il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, għandu jwettaq evalwazzjonijiet, inklużi evalwazzjonijiet retrospettivi, li għandhom ikunu proporzjonati għall-objettivi u n-nefqa. Ir-riżultati tal-evalwazzjoni għandhom jintbagħtu lill-bord ta' tmexxija.

    5.   L-evalwazzjonijiet retrospettivi għandhom jivvalutaw il-prestazzjoni tal-attività, inklużi aspetti bħall-effettività, l-effiċjenza, il-koerenza, ir-rilevanza u l-valur miżjud tal-UE. L-evalwazzjonijiet retrospettivi għandhom ikunu bbażati fuq l-informazzjoni ġġenerata mill-arranġamenti u l-indikaturi ta' monitoraġġ stabbiliti għall-azzjoni kkonċernata. Dawn għandhom isiru tal-anqas darba għal kull qafas finanzjarju pluriennali u fejn possibbli f'biżżejjed żmien sabiex is-sejbiet ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati fl-evalwazzjonijiet ex ante jew il-valutazzjonijiet tal-impatt li jappoġġjaw it-tħejjija tal-programmi u tal-attivitajiet relatati.

    Artikolu 14

    Kontroll intern tal-implimentazzjoni baġitarja

    1.   Skont il-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja tajba, il-baġit tal-korp PPP għandu jiġi implimentat f'konformità mal-kontroll intern effettiv u effiċjenti.

    2.   Għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-korp PPP, il-kontroll intern għandu jiġi applikat fil-livelli kollha tal-ġestjoni u għandu jitfassal biex jipprovdi assigurazzjoni raġonevoli għall-kisba tal-objettivi li ġejjin:

    (a)

    l-effettività, l-effiċjenza u l-ekonomija tal-operazzjonijiet;

    (b)

    il-kredibbiltà tar-rapportar;

    (c)

    is-salvagwardja tal-assi u tal-informazzjoni;

    (d)

    il-prevenzjoni, l-individwazzjoni, il-korrezzjoni u s-segwitu tal-frodi u tal-irregolaritajiet;

    (e)

    ġestjoni adegwata tar-riskji relatati mal-legalità u mar-regolarità tat-tranżazzjonijiet sottostanti, b'kunsiderazzjoni għan-natura pluriennali tal-programmi kif ukoll in-natura tal-pagamenti kkonċernati.

    3.   Il-kontroll intern effettiv u effiċjenti għandu jkun ibbażat fuq l-aħjar prattiki internazzjonali u fuq il-Qafas ta' Kontroll Intern stabbilit mill-Kummissjoni għad-dipartimenti tagħha stess, u għandu jinkludi, b'mod partikolari, l-elementi stabbiliti fl-Artikolu 36(3) u (4) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046.

    Artikolu 15

    Prinċipju tat-trasparenza

    1.   Il-baġit tal-korp PPP għandu jkun stabbilit u implimentat u l-kontijiet ippreżentati f'konformità mal-prinċipju tat-trasparenza.

    2.   Il-baġit tal-korp PPP, inkluż il-pjan ta' stabbiliment u kwalunkwe baġits emendatorji, kif adottati, inkluż kwalunkwe adattament kif previst fl-Artikolu 17(1), għandhom jiġu ppubblikati fuq is-sit tal-Internet tal-korp PPP fi żmien erba' ġimgħat mill-adozzjoni tagħhom u għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri.

    3.   Il-korp PPP, fuq il-website tiegħu u sa mhux iżjed tard mit-30 ta' Ġunju tas-sena ta' wara s-sena finanzjarja li fiha ġew impenjati legalment il-fondi, għandu jipprovdi l-informazzjoni dwar ir-riċevituri tal-fondi ffinanzjati mill-baġit tal-korp PPP, inklużi l-esperti kkuntrattati skont l-Artikolu 44 ta' dan ir-Regolament, f'konformità mal-Artikolu 38 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, u wara preżentazzjoni standard, soġġetta għal kwalunkwe proċedura speċifika stabbilita fl-att bażiku tal-programm li l-implimentazzjoni tiegħu hija fdata lill-korp PPP.

    L-informazzjoni ppubblikata għandha tkun aċċessibbli faċilment, trasparenti, u komprensiva. L-informazzjoni għandha ssir disponibbli filwaqt li jkunu debitament osservati r-rekwiżiti tal-kunfidenzjalità u tas-sigurtà, b'mod partikolari l-protezzjoni tad-data personali kif stipulat fir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

    KAPITOLU 3

    PJANIFIKAZZJONI FINANZJARJA

    Artikolu 16

    Stima ta' dħul u nefqa

    1.   Il-korp PPP għandu jibgħat stima tad-dħul u n-nefqa tiegħu u l-linji gwida ġenerali bħala bażi għal din l-istima, flimkien ma' abbozz tal-programm ta' ħidma annwali msemmi fl-Artikolu 33(4), lill-Kummissjoni u lill-membri l-oħra mhux aktar tard mill-31 ta' Jannar tas-sena ta' qabel dik li fiha għandu jiġi implimentat il-baġit tal-korp PPP. Din għandha tiġi adottata mill-Bord ta' Tmexxija f'konformità mal-proċedura prevista fl-att kostitwenti tal-korp PPP.

    2.   L-istima tad-dħul u n-nefqa tal-korp PPP għandha tinkludi:

    (a)

    stima tan-numru ta' karigi permanenti u temporanji, skont il-grupp tal-funzjoni u skont il-grad, kif ukoll tal-persunal bil-kuntratt u tal-esperti nazzjonali ssekondati espressi f'ekwivalenti full-time, fil-limiti tal-approprjazzjonijiet tal-baġit;

    (b)

    f'każ ta' varjazzjoni fl-għadd ta' persunal, dikjarazzjoni li tiġġustifika t-talba għal karigi ġodda;

    (c)

    stima ta' kull tliet xhur tal-pagamenti bi flus u riċevuti;

    (d)

    informazzjoni dwar il-progress fil-kisba tal-objettivi kollha li qed jiġu segwiti;

    (e)

    il-miri stabbiliti għas-sena finanzjarja li magħha hija marbuta l-istima, fejn jiġi indikat kull bżonn baġitarju speċifiku maħsub biex jinkisbu dawn il-miri;

    (f)

    l-ispejjeż amministrattivi u l-baġit implimentat tal-korp PPP fis-sena finanzjarja preċedenti;

    (g)

    l-ammont tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji li saru fis-sena N-1 mill-membri u l-valur tal-kontribuzzjonijiet in natura li saru mill-membri, minbarra l-Unjoni;

    (h)

    informazzjoni dwar l-approprjazzjonijiet mhux użati li jiddaħħlu fl-istima tad-dħul u n-nefqa għal kull sena f'konformità mal-Artikolu 6(5).

    Artikolu 17

    Stabbiliment tal-baġit

    1.   Il-baġit tal-korp PPP u l-pjan ta' stabbiliment tal-persunal, inkluż l-għadd ta' karigi permanenti u temporanji skont il-grupp tal-funzjoni u skont il-grad u kkomplementat bl-għadd ta' persunal bil-kuntratt u ta' esperti nazzjonali ssekondati espressi f'ekwivalenti full-time, għandhom jiġu adottati mill-bord ta' tmexxija f'konformità mal-att kostitwenti tal-korp PPP. Jistgħu jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet dettaljati fir-regoli finanzjarji tal-korp PPP. Kull emenda għall-baġit tal-korp PPP, inkluż il-pjan ta' stabbiliment, għandha tkun is-suġġett ta' baġit emendatorju tal-korp PPP adottat permezz tal-istess proċedura tal-baġit inizjali tal-korp PPP. Il-baġit tal-korp PPP u, fejn xieraq, il-baġits emendatorji tal-korp PPP għandhom jiġu adattati sabiex jitqies l-ammont tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni kif stabbilit fil-baġit tal-Unjoni. Il-baġit annwali għal sena partikolari għandu jkun adottat sa tmiem is-sena preċedenti.

    2.   Il-baġit tal-korp PPP għandu jikkonsisti minn dikjarazzjoni tad-dħul u dikjarazzjoni tan-nefqa.

    3.   Il-baġit tal-korp PPP għandu juri:

    (a)

    fid-dikjarazzjoni tad-dħul:

    (i)

    l-istima tad-dħul tal-korp PPP għas-sena finanzjarja kkonċernata (“is-sena N”);

    (ii)

    l-istima tad-dħul għas-sena N-1 u d-dħul għas-sena N-2;

    (iii)

    kummenti xierqa fuq kull linja tad-dħul;

    (b)

    fid-dikjarazzjoni tan-nefqa:

    (i)

    l-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament għas-sena N;

    (ii)

    l-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament għas-sena finanzjarja preċedenti u n-nefqa impenjata u n-nefqa mħallsa fis-sena N-2, fejn din tal-aħħar hija espressa wkoll bħala perċentwal tal-baġit tal-korp PPP għas-sena N;

    (iii)

    sommarju tal-iskeda tal-pagamenti dovuti fi snin finanzjarji ta' wara biex jiġu ssodisfati l-impenji baġitarji li jkunu ġew impenjati fi snin finanzjarji preċedenti;

    (iv)

    rimarki xierqa fuq kull suddiviżjoni.

    4.   Il-pjan ta' stabbiliment għandu juri, ħdejn l-għadd ta' karigi awtorizzati għas-sena finanzjarja, l-għadd ta' karigi awtorizzati għas-sena finanzjarja preċedenti u l-għadd ta' karigi li tassew imtlew. L-istess informazzjoni għandha tintwera għal karigi temporanji, kif ukoll għall-persunal bil-kuntratt u l-esperti nazzjonali ssekondati.

    KAPITOLU 4

    ATTURI FINANZJARJI

    Artikolu 18

    Segregazzjoni tad-dmirijiet

    1.   Id-dmirijiet tal-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni u tal-uffiċjal tal-kontabbiltà għandhom ikunu segregati u esklussivi b'mod reċiproku.

    2.   Kull korp PPP għandu jipprovdi lil kull attur finanzjarju bir-riżorsi meħtieġa biex ikun jista' jaqdi d-dmirijiet tiegħu u bi statut li jiddeskrivi fid-dettall il-kompiti, id-drittijiet u l-obbligi tiegħu.

    Artikolu 19

    Implimentazzjoni baġitarja f'konformità mal-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja tajba

    1.   Id-direttur għandu jaqdi d-dmirijiet ta' uffiċjal tal-awtorizzazzjoni. Id-direttur għandu jimplimenta d-dħul u n-nefqa tal-baġit tal-korp PPP f'konformità mar-regoli finanzjarji tal-korp PPP u l-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja tajba, inkluż billi jiżgura r-rapportar dwar il-prestazzjoni, taħt ir-responsabbiltà tiegħu stess u fil-limiti tal-approprjazzjonijiet awtorizzati. Id-direttur għandu jkun responsabbli li jiżgura l-konformità mar-rekwiżiti ta' legalità, regolarità u trattament ugwali tar-riċevituri tal-fondi tal-Unjoni.

    Mingħajr preġudizzju lejn ir-responsabbiltajiet tal-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni fir-rigward tal-prevenzjoni u l-individwazzjoni ta' frodi u irregolaritajiet, il-korp PPP għandu jipparteċipa f'attivitajiet ta' prevenzjoni tal-frodi tal-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF).

    2.   Id-direttur jista' jiddelega s-setgħat ta' implimentazzjoni baġitarja lill-persunal tal-korp PPP kopert mir-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kundizzjonijiet ta' Impjieg ta' Uffiċjali Oħra tal-Unjoni, stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (11) (“ir-Regolamenti tal-Persunal”), li japplikaw għall-persunal tal-korp PPP, f'konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fir-regoli finanzjarji tal-korp PPP. Dawk li jingħataw din is-setgħa jistgħu jaġixxu biss fil-limiti tas-setgħat li jkunu ngħataw lilhom espressament.

    Artikolu 20

    Setgħat u dmirijiet tal-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni

    1.   Il-baġit tal-korp PPP għandu jiġi implimentat mid-direttur fid-dipartimenti taħt l-awtorità tiegħu.

    2.   Biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet tagħhom, il-korpi PPP jistgħu jikkonkludu ftehimiet dwar il-livell ta' servizz kif imsemmi fl-Artikolu 59 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

    3.   Il-kompiti li jinvolvu għarfien espert tekniku u l-kompiti amministrattivi, preparatorji jew anċillari, li la jinvolvu l-eżerċizzju ta' awtorità pubblika u lanqas l-użu ta' setgħat ta' ġudizzju diskrezzjonali, jistgħu jingħataw b'kuntratt lil entitajiet esterni tas-settur privat, fejn dan ikun indispensabbli.

    4.   Id-direttur għandu jqiegħed fis-seħħ l-istruttura organizzattiva u s-sistemi ta' kontroll intern xierqa għat-twettiq tad-dmirijiet tad-direttur, f'konformità mal-istandards minimi jew il-prinċipji adottati mill-bord ta' tmexxija, fuq il-bażi tal-Qafas ta' Kontroll Intern stipulat mill-Kummissjoni għad-dipartimenti tagħha stess u billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-riskji assoċjati mal-ambjent tal-ġestjoni u n-natura tal-azzjonijiet iffinanzjati. L-istabbiliment ta' tali struttura u sistemi għandu jkun appoġġat minn analiżi tar-riskju li tqis il-kosteffettività tagħhom u l-kunsiderazzjonijiet ta' prestazzjoni.

    Fid-dipartiment tiegħu d-direttur jista' jistabbilixxi funzjoni ta' għarfien espert u pariri maħsuba biex tgħinu jikkontrolla r-riskji involuti fl-attivitajiet tiegħu.

    5.   Id-direttur għandu jistabbilixxi sistemi stampati jew elettroniċi għaż-żamma tad-dokumenti ta' sostenn oriġinali relatati mal-implimentazzjoni baġitarja. Tali dokumenti għandhom jinżammu għal tal-anqas ħames snin mid-data tad-deċiżjoni li biha l-Parlament Ewropew jagħti l-kwittanza għas-sena finanzjarja marbuta mad-dokumenti. Id-data personali inkluża fid-dokumenti ta' sostenn għandha, fejn possibbli, titħassar meta din id-data ma tkunx neċessarja għall-finijiet ta' kontroll u ta' awditjar. L-Artikolu 88 tar-Regolament (UE) 2018/1725 għandu japplika għaż-żamma tad-data.

    Artikolu 21

    Kontrolliex ante

    1.   Biex jiġu evitati żbalji u irregolaritajiet qabel l-awtorizzazzjoni ta' operazzjonijiet u biex jiġu mitigati r-riskji li ma jintlaħqux l-objettivi, kull operazzjoni għandha tkun soġġetta tal-anqas għal kontroll ex ante relatat mal-aspetti operazzjonali u finanzjarji tal-operazzjoni, fuq il-bażi ta' strateġija ta' kontroll pluriennali li tqis ir-riskju.

    Il-firxa f'termini tal-frekwenza u tal-intensità tal-kontrolli ex ante għandha tiġi ddeterminata mill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli filwaqt li jitqiesu r-riżultati tal-kontrolli preċedenti kif ukoll kunsiderazzjonijiet ibbażati fuq ir-riskji u l-kosteffettività, fuq il-bażi tal-analiżi tar-riskju tiegħu stess. F'każ ta' dubju, l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli mill-validazzjoni tal-operazzjonijiet rilevanti għandu, bħala parti mill-kontroll ex ante, jitlob informazzjoni komplimentari jew jagħmel kontroll fil-post sabiex jikseb assigurazzjoni raġonevoli.

    Għal operazzjoni speċifika, il-verifika għandha ssir minn persunal li mhux dak li ta bidu għall-operazzjoni. Il-persunal li jwettaq il-verifiki ma għandux ikun subordinat għall-membri tal-persunal li nedew l-operazzjoni.

    2.   Il-kontrolli ex ante għandhom jinkludu l-inizjazzjoni u l-verifika ta' operazzjoni.

    L-inizjazzjoni u l-verifika ta' operazzjoni għandhom ikunu funzjonijiet separati.

    3.   L-inizjazzjoni ta' operazzjoni għandha tinftiehem bħala l-operazzjonijiet kollha li huma preparatorji għall-adozzjoni tal-atti li jimplimentaw il-baġit tal-korp PPP mill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli.

    4.   Il-kontrolli ex ante għandhom jivverifikaw il-koerenza fost id-dokumenti ta' sostenn mitluba u kwalunkwe informazzjoni oħra disponibbli.

    L-għan tal-kontrolli ex ante għandu jkun li jaċċertaw li:

    (a)

    in-nefqa saret kif suppost u tikkonforma mad-dispożizzjonijiet applikabbli;

    (b)

    il-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja tajba stabbilit fl-Artikolu 13 ikun ġie applikat.

    Għall-iskop tal-kontrolli, jistgħu jiġu kkunsidrati serje ta' tranżazzjonijiet individwali simili relatati man-nefqa ta' rutina fuq is-salarji, il-pensjonijiet, ir-rimborż tal-ispejjeż tal-missjonijiet u tal-ispejjeż mediċi mill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli biex imexxi operazzjoni waħda.

    Artikolu 22

    Kontrolliex post

    1.   L-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni jista' jimplimenta kontrolli ex post biex jiġu identifikati u kkoreġuti żbalji u irregolaritajiet ta' operazzjonijiet wara li jkunu ġew awtorizzati. Dawn il-kontrolli jistgħu jkunu organizzati fuq bażi ta' kampjun skont ir-riskju u għandhom iqisu r-riżultati tal-kontrolli preċedenti kif ukoll kunsiderazzjonijiet dwar il-kosteffettività u l-prestazzjoni.

    Il-kontrolli ex post jistgħu jitwettqu fuq il-bażi ta' dokumenti u, fejn ikun xieraq, fil-post.

    2.   Il-kontrolli ex post għandhom jitwettqu mill-persunal għajr dak responsabbli għall-kontrolli ex ante. Il-persunal responsabbli għall-kontrolli ex post ma għandux ikun subordinat għall-membri tal-persunal responsabbli mill-kontrolli ex ante.

    L-uffiċjali tal-awtorizzazzjoni responsabbli u l-persunal responsabbli għall-implimentazzjoni baġitarja għandu jkollhom il-ħiliet professjonali meħtieġa.

    Artikolu 23

    Rapport tal-Attività Annwali Kkonsolidat

    1.   L-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni għandu jagħti rendikont kull sena lill-bord ta' tmexxija dwar it-twettiq tad-dmirijiet tiegħu għas-sena N-1 fil-forma ta' rapport tal-attività annwali kkonsolidat li jkun fih:

    (a)

    informazzjoni dwar:

    (i)

    il-kisba tal-objettivi u r-riżultati stipulati fil-programm ta' ħidma annwali msemmi fl-Artikolu 33 permezz tar-rapportar dwar l-indikaturi tal-prestazzjoni;

    (ii)

    l-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma annwali, il-baġit u r-riżorsi tal-persunal tal-korp PPP;

    (iii)

    il-ġestjoni organizzattiva u l-effiċjenza u l-effettività tas-sistemi ta' kontroll intern, inkluża l-implimentazzjoni tal-istrateġija għal kontra l-frodi tal-korp, is-sommarju tal-għadd u t-tip ta' awditi interni mwettqin mill-awditur intern, il-kapaċitajiet tal-awditjar intern, ir-rakkomandazzjonijiet magħmula u l-azzjoni li ttieħdet fir-rigward ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet u fir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet ta' snin preċedenti, kif imsemmi fl-Artikoli 28 u 30;

    (iv)

    kwalunkwe kumment tal-Qorti tal-Awdituri u l-azzjonijiet meħuda fir-rigward ta' dawn il-kummenti;

    (v)

    il-ftehimiet dwar il-livell ta' servizz konklużi f'konformità mal-Artikolu 20(2).

    (b)

    dikjarazzjoni tal-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni li tiddikjara jekk huwa għandux assigurazzjoni raġonevoli li, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fi kwalunkwe riżerva marbuta ma' oqsma definiti ta' dħul u nefqa:

    (i)

    l-informazzjoni li hemm fir-rapport tippreżenta stampa vera u ġusta;

    (ii)

    ir-riżorsi assenjati għall-attivitajiet deskritti fir-rapport intużaw għall-finijiet intenzjonati tagħhom u f'konformità mal-prinċipju ta' ġestjoni finanzarja tajba;

    (iii)

    il-proċeduri ta' kontroll implimentati jagħtu l-garanziji meħtieġa dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet sottostanti.

    2.   Ir-rapport ta' attività annwali kkonsolidat għandu jindika r-riżultati tal-operazzjonijiet b'referenza għall-objettivi stabbiliti u l-kunsiderazzjonijiet ta' prestazzjoni, ir-riskji assoċjati mal-operazzjonijiet, l-użu li sar mir-riżorsi pprovduti u l-effiċjenza u l-effettività tas-sistemi ta' kontroll intern, inkluża valutazzjoni ġenerali tal-ispejjeż u tal-benefiċċji tal-kontrolli.

    Ir-rapport annwali kkonsolidat għandu jiġi ppreżentat lill-bord ta' tmexxija għal valutazzjoni.

    3.   Sa mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju ta' kull sena, il-bord ta' tmexxija għandu jibgħat ir-rapport tal-attività annwali kkonsolidat flimkien mal-valutazzjoni tiegħu dwaru lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    4.   Rekwiżiti ta' rapportar addizzjonali jistgħu jiġu stabbiliti fl-att kostitwenti f'każijiet ġustifikati kif xieraq, b'mod partikolari meta dan ikun meħtieġ min-natura tal-qasam li fih jopera l-korp PPP.

    5.   Ladarba jkun ivvalutat mill-bord ta' tmexxija, ir-rapport tal-attività annwali għandu jiġi ppubblikat fuq il-website tal-korp PPP.

    Artikolu 24

    Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

    1.   Jekk membru tal-persunal involut fil-ġestjoni finanzjarja u fil-kontroll tat-tranżazzjonijiet iqis li deċiżjoni li s-superjur tiegħu jirrikjedi minnu li japplika jew li jaqbel magħha tkun irregolari jew tmur kontra l-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja tajba jew kontra r-regoli professjonali li dak il-membru tal-persunal huwa obbligat josserva, għandu jinforma lid-direttur, li jekk l-informazzjoni tkun ingħatatlu bil-mitkub, id-direttur għandu jirrispondi bil-miktub. Jekk id-direttur jonqos milli jieħu azzjoni f'perjodu ta' żmien raġonevoli fid-dawl taċ-ċirkostanzi tal-każ, u fi kwalunkwe każ fi żmien xahar, jew jikkonferma d-deċiżjoni jew l-istruzzjoni inizjali tiegħu u l-membru tal-persunal iqis li tali konferma ma tikkostitwixxix tweġiba raġonevoli għat-tħassib tiegħu, il-membru tal-persunal għandu jinforma lill-bord rilevanti msemmi fl-Artikolu 143 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 u lill-bord ta' tmexxija bil-miktub.

    2.   F'każ ta' xi attività illegali, frodi jew korruzzjoni li tista' tkun ta' ħsara għall-interessi tal-Unjoni, tal-korp PPP jew tal-membri tiegħu, il-membru tal-persunal jew uffiċjal ieħor, inklużi l-esperti nazzjonali ssekondati mill-korp PPP, għandu jinforma lis-superjur immedjat tiegħu, lid-direttur jew lill-bord ta' tmexxija tal-korp PPP jew, sa fejn huma involuti l-interessi tal-Unjoni jew tal-korp PPP, lill-OLAF jew lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (European Public Prosecutor's Office, EPPO) direttament. Il-kuntratti mal-awdituri esterni li jwettqu awditjar tal-ġestjoni finanzjarja tal-korp PPP għandhom jipprevedu obbligu tal-awditur estern biex jinforma lid-direttur jew, jekk jagħti l-każ li dan ikun involut, lill-bord ta' tmexxija dwar kwalunkwe suspett ta' attività illegali, frodi jew korruzzjoni li tista' tkun ta' ħsara għall-interessi tal-Unjoni, tal-korp PPP jew tal-membri tiegħu.

    Artikolu 25

    Uffiċjal tal-kontabbiltà

    1.   Il-bord ta' tmexxija għandu jaħtar uffiċjal tal-kontabbiltà kopert mir-Regolamenti tal-Persunal, fejn dawn japplikaw għall-persunal tal-korp PPP, li għandu jkun kompletament indipendenti fit-twettiq ta' dmirijietu. Ir-responsabbiltajiet tal-uffiċjal tal-kontabbiltà fil-korp PPP huma:

    (a)

    l-implimentazzjoni adegwata tal-pagamenti, il-ġbir tad-dħul u l-irkupru tal-ammonti stabbiliti bħala riċevibbli;

    (b)

    iż-żamma, il-preparazzjoni u l-preżentazzjoni tal-kontijiet f'konformità mal-Kapitolu 8 ta' dan ir-Regolament;

    (c)

    l-implimentazzjoni, f'konformità mal-Kapitolu 8 ta' dan ir-Regolament, tar-regoli tal-kontabbiltà u tat-tabella tal-kontijiet;

    (d)

    l-istabbiliment u l-validazzjoni tas-sistemi tal-kontijiet u, fejn xieraq, is-sistemi tal-validazzjoni stabbiliti mill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni biex iforni jew jiġġustifika l-informazzjoni tal-kontijiet;

    (e)

    l-immaniġġar ta' flus.

    Fir-rigward tal-kompiti msemmija fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu, l-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jingħata s-setgħa biex jivverifika fi kwalunkwe ħin il-konformità mal-kriterji ta' validazzjoni.

    2.   Żewġ korpi PPP jew aktar jistgħu jaħtru l-istess uffiċjal tal-kontabbiltà.

    Il-korpi PPP jistgħu wkoll jaqblu mal-Kummissjoni li l-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni għandu jaġixxi wkoll bħala l-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-korp PPP.

    Huma jistgħu wkoll jinkarigaw lill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni b'parti mill-kompiti tal-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-korp PPP filwaqt li wieħed iqis il-kunsiderazzjonijiet tal-ispejjeż u l-benefiċċi.

    Fil-każijiet imsemmija f'dan il-paragrafu, dawn għandhom jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa biex jiġi evitat kwalunkwe kunflitt ta' interess.

    3.   L-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jikseb l-informazzjoni kollha meħtieġa mingħand l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni għall-produzzjoni ta' kontijiet li jagħtu stampa vera u ġusta tas-sitwazzjoni finanzjarja u tal-implimentazzjoni baġitarja tal-korp PPP. L-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni għandu jiggarantixxi l-kredibbiltà ta'tali informazzjoni.

    4.   Qabel l-adozzjoni tal-kontijiet mid-direttur, l-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jiffirmahom u b'hekk jiċċertifika li għandu assigurazzjoni raġonevoli li l-kontijiet jippreżentaw stampa vera u ġusta tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-korp PPP.

    Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, l-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jivverifika li l-kontijiet tħejjew f'konformità mar-regoli tal-kontabbiltà msemmija fl-Artikolu 47 u li d-dħul u n-nefqa kollha jkunu ddaħħlu fil-kontijiet.

    L-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jingħata s-setgħa li jivverifika l-informazzjoni li jirċievi kif ukoll li jwettaq kwalunkwe kontroll ieħor li jqis neċessarju biex jiffirma l-kontijiet.

    L-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jagħmel riżervi, jekk ikunu meħtieġa, li jispjegaw eżattament in-natura u l-ambitu ta' tali riżervi.

    Soġġett għall-paragrafu 5, l-uffiċjal tal-kontabbiltà biss għandu jkollu s-setgħa li jamministra l-flus kontanti u l-ekwivalenti għall-flus kontanti. L-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jkun responsabbli għall-kustodja tagħhom.

    5.   L-uffiċjal tal-kontabbiltà jista', fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu, jiddelega ċerti kompiti lil membri tal-persunal f'konformità mar-Regolamenti tal-Persunal, fejn dawn japplikaw għall-persunal tal-korp PPP, fejn dan ikun indispensabbli għat-twettiq ta' dmirijietu f'konformità mar-regoli finanzjarji tal-korp PPP.

    6.   Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe azzjoni dixxiplinari, il-bord ta' tmexxija jista', f'kull mument, jissospendi lill-uffiċjal tal-kontabbiltà milli jaqdi dmirijietu temporanjament jew b'mod definittiv. F'każ bħal dan, il-bord ta' tmexxija għandu jaħtar uffiċjal temporanju tal-kontabbiltà.

    Artikolu 26

    Ir-responsabbiltà tal-atturi finanzjarji

    1.   L-Artikoli minn 18 sa 27 huma bla ħsara għal kwalunkwe responsabbiltà skont il-liġi kriminali, li l-atturi finanzjarji jistgħu jeħlu kif previst fil-liġi nazzjonali applikabbli u fid-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Unjoni jew uffiċjali tal-Istati Membri.

    2.   Kull uffiċjal tal-awtorizzazzjoni u uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jkun soġġett għal azzjoni dixxiplinari u pagament ta' kumpens kif stabbilit fir-Regolamenti tal-Persunal. Fil-każ ta' attività illegali, ta' frodi jew ta' korruzzjoni li jistgħu jkunu ta' ħsara għall-interessi tal-korp PPP jew tal-membri tiegħu, il-kwistjoni għandha tkun ippreżentata quddiem l-awtoritajiet u l-korpi nnominati bil-leġiżlazzjoni applikabbli, b'mod partikolari quddiem l-OLAF.

    3.   Kwalunkwe membru tal-persunal jista' jintalab jagħmel tajjeb għad-dannu kollu, jew parti minnu, li jkun sofra l-korp PPP minħabba mġiba serjament ħażina min-naħa tiegħu waqt il-qadi ta' dmirijietu jew b'rabta magħhom. L-awtorità tal-ħatra għandha tieħu deċiżjoni motivata wara li twettaq il-formalitajiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni applikabbli rigward kwistjonijiet dixxiplinari.

    Artikolu 27

    Kunflitt ta' interess

    1.   L-atturi finanzjarji fis-sens ta' dan il-Kapitolu u persuni oħra, inklużi l-membri tal-bord ta' tmexxija, involuti fl-implimentazzjoni u l-ġestjoni tal-baġit, inklużi l-atti preparatorji tiegħu, l-awditu jew il-kontroll, ma għandhom jieħdu l-ebda azzjoni li tista' ġġib l-interessi tagħhom f'kunflitt ma' dawk tal-korp PPP. Għandhom jieħdu wkoll miżuri xierqa biex jevitaw li jqum kunflitt ta' interess fil-funzjonijiet taħt ir-responsabbiltà tagħhom u biex jindirizzaw sitwazzjonijiet li jistgħu jiġu pperċepiti b'mod oġġettiv bħala kunflitt ta' interess, filwaqt li titqies in-natura speċifika tal-korp PPP kif stabbilita fl-att kostitwenti.

    Jekk ikun hemm riskju ta' kunflitt ta' interess, il-persuna inkwistjoni għandha tirreferi l-kwistjoni lill-awtorità kompetenti. L-awtorità kompetenti għandha tikkonferma bil-miktub jekk instabx li hemm kunflitt ta' interess. F'dak il-każ, l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li l-persuna kkonċernata twaqqaf l-attivitajiet kollha fil-kwistjoni. L-awtorità kompetenti għandha tieħu kwalunkwe azzjoni ulterjuri xierqa.

    2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, kunflitt ta' interess jkun jeżisti fejn l-eżerċizzju imparzjali u oġġettiv tal-funzjonijiet ta' attur finanzjarju jew ta' persuna oħra, kif imsemmi fil-paragrafu 1, ikun kompromess għal raġunijiet li jinvolvu l-familja, il-ħajja emozzjonali, l-affinità politika jew nazzjonali, l-interess ekonomiku jew kwalunkwe interess personali dirett jew indirett ieħor.

    3.   L-awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun id-direttur. Jekk il-membru tal-persunal ikun id-direttur, l-awtorità kompetenti għandha tkun il-bord ta' tmexxija. F'każ ta' kunflitt ta' interess li jinvolvi membru tal-bord ta' tmexxija, l-awtorità kompetenti għandha tkun il-bord ta' tmexxija, bl-esklużjoni tal-membru kkonċernat.

    4.   Il-korp PPP għandu jadotta regoli dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interessi, u kull sena għandu jippubblika fil-website tiegħu d-dikjarazzjoni tal-interessi tal-membri tal-bord ta' tmexxija.

    KAPITOLU 5

    AWDITJAR INTERN

    Artikolu 28

    Ħatra, setgħat u dmirijiet tal-awditur intern

    1.   Il-korp PPP għandu jkollu funzjoni ta' awditjar intern li għandha titħaddem f'konformità mal-istandards internazzjonali rilevanti.

    2.   Il-funzjoni ta' awditjar intern għandha titħaddem mill-awditur intern tal-Kummissjoni. L-awditur intern la jista' jkun uffiċjal tal-awtorizzazzjoni u lanqas uffiċjal tal-kontabbiltà.

    3.   L-awditur intern għandu jagħti pariri lill-korp PPP dwar it-trattar tar-riskji, billi jippreżenta opinjonijiet indipendenti rigward il-kwalità tas-sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll u billi jippreżenta rakkomandazzjonijiet għat-titjib fil-kondizzjonijiet tal-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet u l-promozzjoni tal-ġestjoni finanzjarja tajba.

    Ir-responsabbiltajiet tal-awditur intern għandhom ikunu b'mod partikolari:

    (a)

    il-valutazzjoni tal-adattabbiltà u l-effettività tas-sistemi interni tal-ġestjoni u tal-prestazzjoni tad-dipartimenti fl-implimentazzjoni tal-programmi u tal-azzjonijiet b'referenza għar-riskji assoċjati magħhom;

    (b)

    il-valutazzjoni tal-effiċjenza u l-effettività tas-sistemi interni ta' kontroll u ta' awditjar applikabbli għal kull operazzjoni ta' implimentazzjoni baġitarja.

    4.   L-awditur intern għandu jwettaq id-dmirijiet tiegħu fir-rigward tal-attivitajiet u d-dipartimenti kollha tal-korp PPP. L-awditur intern għandu jgawdi aċċess sħiħ u mingħajr limitu għall-informazzjoni kollha meħtieġa biex iwettaq id-dmirijiet tiegħu, jekk meħtieġ aċċess fil-post, inkluż fl-Istati Membri u f'pajjiżi terzi.

    5.   L-awditur intern għandu jieħu nota tar-rapport tal-attività annwali kkonsolidat tal-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni msemmi fl-Artikolu 23 u ta' kwalunkwe informazzjoni oħra identifikata.

    6.   L-awditur intern għandu jirraporta lill-bord ta' tmexxija u lid-direttur dwar is-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu. Il-korp PPP għandu jiżgura li tittieħed azzjoni fir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet li jirriżultaw mill-awditi.

    7.   L-awditur intern għandu jirrapporta wkoll fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:

    (a)

    meta ma jkunux ġew indirizzati r-riskji u r-rakkomandazzjonijiet kritiċi,

    (b)

    meta jkun hemm dewmien sinifikanti fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet magħmula fis-snin preċedenti.

    Il-bord ta' tmexxija u d-direttur għandhom jiżguraw il-monitoraġġ regolari tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-awditjar. Il-bord ta' tmexxija għandu jeżamina l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 23 u jekk ir-rakkomandazzjonijiet ġewx implimentati kollha kemm huma u fil-ħin.

    Kull korp PPP għandu jikkunsidra jekk ir-rakkomandazzjonijiet ippreżentati fir-rapporti tal-awditur intern tiegħu humiex adegwati għal skambju tal-aħjar prattiki ma' korpi PPP oħra.

    8.   Il-korp PPP għandu jipprovdi d-dettalji ta' kuntatt tal-awditur intern għal kull persuna fiżika jew ġuridika involuta f'operazzjonijiet ta' nefqa, għall-finijiet ta' kuntatt kunfidenzjali mal-awditur intern.

    9.   Ir-rapporti u s-sejbiet tal-awditur intern għandhom ikunu aċċessibbli għall-pubbliku biss wara li l-awditur intern jivvalida l-azzjoni meħuda għall-implimentazzjoni tagħhom.

    Artikolu 29

    Indipendenza tal-awditur intern

    1.   L-awditur intern għandu jgawdi minn indipendenza totali fit-twettiq tal-awditi tiegħu. Ir-regoli speċjali applikabbli għall-awditur intern għandhom ikunu stabbiliti mill-Kummissjoni u għandhom ikunu tali li jiggarantixxu li l-awditur intern ikun kompletament indipendenti fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu, u jistabbilixxu r-responsabbiltà tal-awditur intern.

    2.   L-awditur intern ma jistax jingħata struzzjonijiet u ma jistax ikun ristrett b'xi mod fir-rigward tal-qadi tal-funzjonijiet li, minħabba l-ħatra tiegħu, huma mogħtija lilu skont dan ir-Regolament Finanzjarju.

    Artikolu 30

    Stabbiliment ta' kapaċità ta' awditjar intern

    1.   Il-bord ta' tmexxija jista' jistabbilixxi, b'kunsiderazzjoni xierqa għall-kosteffettività u għall-valur miżjud, kapaċità ta' awditjar intern, li twettaq id-dmirijiet tagħha f'konformità mal-istandards internazzjonali rilevanti.

    L-għan, l-awtorità u r-responsabbiltà tal-kapaċità ta' awditjar intern għandhom ikunu previsti fl-istatut tal-awditjar intern u għandhom ikunu soġġetti għall-approvazzjoni tal-bord ta' tmexxija.

    Il-pjan annwali tal-awditjar ta' kapaċità ta' awditjar intern għandu jiġi mfassal mill-Kap tal-kapaċità tal-awditjar intern filwaqt li jqis, fost oħrajn, il-valutazzjoni tar-riskju tad-direttur fil-korp PPP.

    Il-pjan annwali tal-awditjar għandu jiġi rrivedut u approvat mill-bord ta' tmexxija.

    Il-kapaċità ta' awditjar intern għandha tirraporta lill-bord ta' tmexxija u lid-direttur dwar is-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħha.

    Jekk il-kapaċità ta' awditjar intern ta' korp PPP wieħed ma tkunx kosteffettiva jew ma tkunx tista' tissodisfa l-istandards internazzjonali, il-korp PPP jista' jiddeċiedi li jikkondividi kapaċità ta' awditjar intern ma' korpi PPP oħra li jaħdmu fl-istess qasam ta' politika.

    F'dawn il-każijiet il-bord ta' tmexxija tal-korpi PPP kkonċernati għandhom jaqblu dwar il-modalitajiet prattiċi tal-kapaċitajiet kondiviżi ta' awditjar intern.

    L-atturi ta' awditjar intern għandhom jikkooperaw b'mod effiċjenti billi jiskambjaw l-informazzjoni u r-rapporti tal-awditjar u, fejn xieraq, jistabbilixxu valutazzjonijiet tar-riskju konġunti, u jwettqu awditi konġunti.

    2.   Il-bord ta' tmexxija u d-direttur għandhom jiżguraw il-monitoraġġ regolari tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal kapaċità ta' awditjar intern.

    KAPITOLU 6

    OPERAZZJONIJIET TA' DĦUL U NEFQA

    Artikolu 31

    Implimentazzjoni tad-dħul

    1.   L-implimentazzjoni tad-dħul għandha tinkludi t-tfassil tal-istimi tal-ammonti riċevibbli, l-istabbiliment tal-intitolamenti li għandhom jiġu rkuprati u l-irkupru ta' ammonti mhux dovuti. Għandha tinkludi wkoll il-possibbiltà li jiġu rrinunzjati intitolament stabbiliti, fejn xieraq.

    2.   L-ammonti mħallsa indebitament għandhom jiġu rkuprati.

    Jekk l-irkupru effettiv ma jseħħx sal-iskadenza prevista fin-nota tad-debitu, l-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jgħarraf lill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli u jniedi minnufih il-proċedura tal-irkupru bi kwalunkwe mezz previst mil-liġi, inkluż, fejn xieraq, permezz ta' tpaċija, u jekk dan ma jkunx possibbli, permezz ta' rkupru nfurzat.

    Jekk l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli jkun qiegħed jippjana li jirrinunzja bis-sħiħ jew parzjalment għall-irkupru ta' ammont riċevibbli stabbilit, għandu jiżgura li r-rinunzja ssir sewwa u f'konformità mal-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja tajba u ta' proporzjonalità. Id-deċiżjoni ta' rinunzja għandha tiġi sostanzjata. Id-deċiżjoni ta' rinunzja għandha tiddikjara li ttieħdet azzjoni biex isir l-irkupru u l-elementi ta' dritt u ta' fatt li fuqhom tkun ibbażata.

    L-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jżomm lista tal-ammonti li għandhom jiġu rkuprati. L-intitolamenti tal-korp PPP għandhom jinġabru flimkien fil-lista f'konformità mad-data tal-ħruġ tal-ordni ta' rkupru. L-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jindika wkoll id-deċiżjonijiet li jirrinunzja għall-irkupru bis-sħiħ jew parzjalment tal-ammonti stabbiliti. Il-lista għandha tinhemeż mar-rapport tal-korp PPP dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja msemmi fl-Artikolu 53.

    3.   Kull debitu mhux imħallas lura sad-data stipulata fin-nota ta' debitu għandu jwassal għal imgħax f'konformità mal-Artikolu 99 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

    4.   L-intitolamenti tal-korp PPP fir-rigward ta' terzi persuni u l-intitolamenti ta' terzi persuni fir-rigward tal-korp PPP għandhom ikunu soġġetti għal perjodu ta' limitazzjoni ta' ħames snin.

    Artikolu 32

    Kontribuzzjoni tal-membri

    1.   Il-korp PPP għandu jippreżenta lill-membri tiegħu talbiet għall-pagament tal-kontribuzzjoni kollha tagħhom jew parti minnha skont it-termini u fl-intervalli stabbiliti fl-att kostitwenti jew miftiehma magħhom.

    2.   Il-fondi mħallsa lill-korp PPP mill-Membri tiegħu permezz ta' kontribuzzjoni għandhom iwasslu għal imgħax għall-benefiċċju tal-baġit tal-korp PPP.

    3.   Il-membri għandhom iġarrbu l-ispejjeż tal-kontribuzzjoni tagħhom għall-ispejjeż amministrattivi tal-korp PPP. Il-benefiċjarji tal-finanzjament ipprovdut mill-korp PPP, li mhumiex membru jew entità kostitwenti tal-membri tal-korp PPP, ma għandhomx jikkontribwixxu għal tali spejjeż direttament jew indirettament u fl-ebda forma. B'mod partikolari, tali benefiċjarji ma għandhomx ikunu mistiedna jew mitluba jikkontribwixxu għall-ispejjeż amministrattivi tal-korp PPP meta jipparteċipaw fi proġetti kkofinanzjati mill-korp PPP.

    Artikolu 33

    Implimentazzjoni tan-nefqa

    1.   Biex tiġi implimentata n-nefqa, l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni għandu jieħu impenji baġitarji u impenji legali, għandu jivvalida n-nefqa u jawtorizza l-pagamenti u jieħu f'idejh il-passi preliminari għall-implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet.

    2.   Kull partita tan-nefqa għandha tiġi impenjata, ivvalidata, awtorizzata u mħallsa.

    Il-validazzjoni tan-nefqa hija l-att li bih l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli jikkonferma operazzjoni finanzjarja.

    L-awtorizzazzjoni tan-nefqa hija l-att li bih l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli, wara li jkun ivverifika li l-approprjazzjonijiet huma disponibbli, jagħti struzzjoni lill-uffiċjal tal-kontabbiltà sabiex iħallas in-nefqa vvalidata.

    3.   Fir-rigward ta' xi miżura li tista' twassal għal nefqa debitabbli lill-baġit tal-korp PPP, l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli għandu jieħu impenn tal-baġit qabel ma jidħol għal impenn legali ma' terzi persuni.

    4.   Il-programm ta' ħidma annwali tal-korp tal-PPP għandu jipprovdi l-awtorizzazzjoni mill-bord ta' tmexxija għan-nefqa operazzjonali tal-korp PPP dwar l-attivitajiet li jkopri, sakemm l-elementi stabbiliti f'dan il-paragrafu huma identifikati b'mod ċar.

    Il-programm ta' ħidma annwali għandu jinkludi objettivi dettaljati u r-riżultati mistennija, inklużi l-indikaturi tal-prestazzjoni. Għandu jkun fih dan li ġej:

    (a)

    deskrizzjonijiet tal-attivitajiet li jridu jiġu ffinanzjati;

    (b)

    indikazzjoni tal-ammont allokat għal kull attività;

    (c)

    informazzjoni dwar l-istrateġija ġenerali għall-implimentazzjoni tal-programm fdat lill-korp PPP;

    (d)

    strateġija biex jinkisbu l-gwadanji u s-sinerġiji fl-effiċjenza;

    (e)

    strateġija għas-sistemi ta' ġestjoni organizzattiva u ta' kontroll intern inkluża l-istrateġija tagħhom kontra l-frodi kif l-aħħar aġġornata, u indikazzjoni ta' miżuri biex tiġi evitata r-rikorrenza ta' każijiet ta' kunflitt ta' interess, ta' irregolaritajiet u ta' frodi, b'mod partikolari fejn id-dgħufijiet wasslu għar-rakkomandazzjonijiet kritiċi rrapportati fl-Artikolu 23 jew 28(6).

    Il-korp PPP għandu jadotta l-programm ta' ħidma annwali tiegħu għal sena partikolari sa tmiem is-sena preċedenti. Il-programm ta' ħidma annwali għandu jkun ippubblikat fuq il-wesbite tal-korp PPP.

    Kull emenda sostanzjali fil-programm ta' ħidma annwali għandha tiġi adottata bl-istess proċedura bħall-programm ta' ħidma inizjali, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-att kostitwenti.

    Il-bord ta' tmexxija jista' jiddelega s-setgħa li jagħmel emendi mhux sostanzjali fil-programm ta' ħidma lill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni tal-korp PPP.

    Artikolu 34

    Limiti taż-żmien

    Il-ħlas tan-nefqa għandu jsir fil-limiti ta' żmien speċifikati fl-Artikolu 116 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, u f'konformità miegħu.

    KAPITOLU 7

    IMPLIMENTAZZJONI TAL-BAĠIT TAL-KORP PPP

    Artikolu 35

    Forom tal-kontribuzzjonijiet tal-korp PPP

    1.   Il-kontribuzzjonijiet tal-korpi tal-Unjoni għandhom jgħinu fil-kisba ta' objettiv ta' politika tal-Unjoni u tar-riżultati speċifikati, u jista' jkollhom waħda mill-forom li ġejjin:

    (a)

    finanzjament mhux marbut mal-ispejjeż tal-operazzjonijiet rilevanti fuq il-bażi ta':

    (i)

    l-adempiment tal-kundizzjonijiet stipulati fir-regoli speċifiċi għas-settur jew fid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni jew;

    (ii)

    il-kisba tar-riżultati mkejla b'referenza għat-tragwardi stabbiliti qabel jew permezz ta' indikaturi tal-prestazzjoni.

    (b)

    ir-rimborż ta' spejjeż eliġibbli effettivament imġarrba;

    (c)

    spejjeż unitarji li jkopru kull kategorija speċifika tal-ispejjeż eliġibbli jew uħud minnhom li jkunu identifikati b'mod ċar minn qabel b'referenza għal ammont għal kull unità;

    (d)

    somom f'daqqa li f'termini globali jkopru l-kategoriji speċifiċi kollha tal-ispejjeż eliġibbli jew uħud minnhom li jkunu identifikati b'mod ċar minn qabel;

    (e)

    finanzjament b'rata fissa, li jkopri kategoriji speċifiċi ta' spejjeż eliġibbli, li huma identifikati b'mod ċar minn qabel, billi jiġi applikat perċentwal;

    (f)

    taħlita tal-forom imsemmijin fil-punti minn (a) sa (e).

    Il-kontribuzzjonijiet tal-korpi PPP fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu għandhom jiġu stabbiliti f'konformità mal-Artikolu 181 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, ma' regoli speċifiċi għas-settur, jew ma' deċiżjoni tal-Kummissjoni. Il-kontribuzzjonijiet tal-korp PPP fil-punti (c), (d) u (e) tal-ewwel subparagrafu għandhom jiġu stabbiliti f'konformità mal-Artikolu 181 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 jew ma' regoli speċifiċi għas-settur.

    2.   Jekk tkun qed tiġi ddeterminata l-forma xierqa ta' kontribuzzjoni, l-interessi tar-riċevituri potenzjali u l-metodi ta' kontabbiltà għandhom jitqiesu kemm jista' jkun.

    3.   L-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli għandu jirrapporta dwar finanzjament mhux marbut ma' spejjeż skont il-punt (a) u (f) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 fir-rapport annwali tal-attività kkonsolidat imsemmi fl-Artikolu 23.

    Artikolu 36

    Dipendenza reċiproka fuq il-valutazzjonijiet

    L-Artikolu 126 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 għandu japplika mutatis mutandis.

    Artikolu 37

    Dipendenza reċiproka fuq l-awditi

    Għandu japplika l-Artikolu 127 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

    Artikolu 38

    Użu ta' informazzjoni diġà disponibbli

    Għandu japplika l-Artikolu 128 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

    Artikolu 39

    Kooperazzjoni għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

    L-Artikolu 129 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 għandu japplika mutatis mutandis.

    Artikolu 40

    Informazzjoni lill-Kummissjoni dwar każijiet ta' frodi jew ta' irregolaritajiet finanzjarji oħrajn

    1.   Mingħajr preġudizzju għall-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 u l-Artikolu 24(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939, il-korp PPP għandu jinforma lill-Kummissjoni mingħajr dewmien dwar każijiet ta' frodi u ta' irregolaritajiet finanzjarji oħrajn preżunti.

    Barra minn hekk, għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe investigazzjoni li tkun lesta jew li tkun għaddejja mill-UPPE, l-OLAF, u dwar kwalunkwe awditu jew kontrolli mill-Qorti tal-Awdituri jew is-Servizz Intern tal-Awditjar (Internal Audit Service, IAS), mingħajr ma tiġi pperikolata l-kunfidenzjalità tal-investigazzjonijiet.

    2.   F'każijiet fejn tista tiġi affettwata r-responsabbiltà tal-Kummissjoni li timplimenta l-baġit tal-Unjoni, jew f'każijiet li jinvolvu riskju potenzjalment serju għar-reputazzjoni tal-Unjoni, l-UPPE u/jew l-OLAF għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien dwar kwalunkwe investigazzjoni li tkun għaddejja jew li tlestiet, mingħajr ma jipperikolaw il-kunfidenzjalità jew l-effettività tagħha.

    Artikolu 41

    Sistema ta' identifikazzjoni bikrija u ta' esklużjoni

    Għandhom japplikaw l-Artikolu 93 u t-Taqsima 2 tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

    Artikolu 42

    Regoli dwar il-proċeduri, il-ġestjoni u l-gvern elettroniku

    Għandhom japplikaw it-Taqsimiet 1 u 3 tal-Kapitolu 2 u l-Kapitolu 3 tat-Titolu V tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 mutatis mutandis.

    Artikolu 43

    Akkwist

    1.   Fir-rigward tal-akkwisti, it-Titolu VII tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 għandu japplika soġġett għall-paragrafi minn 2 sa 5 ta' dan l-Artikolu u kwalunkwe dispożizzjoni speċifika tal-att kostitwenti jew l-att bażiku tal-programm li l-implimentazzjoni tiegħu hija fdata lill-korp PPP.

    2.   Għal kuntratti b'valur ta' bejn EUR 60 000 u l-limiti stabbiliti fl-Artikolu 175 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, jistgħu jintużaw il-proċeduri stipulati fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu 1 tal-Anness I tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 għal kuntratti b'valur li ma jaqbiżx is-EUR 60 000.

    3.   Il-korp PPP jista' jkun assoċjat, fuq talba tiegħu, bħala awtorità kontraenti, fl-għoti ta' kuntratti tal-Kummissjoni jew kuntratti interistituzzjonali u mal-għoti ta' kuntratti ta' korpi tal-Unjoni jew PPP oħrajn.

    4.   Il-korp PPP jista' jikkonkludi ftehimiet dwar il-livell ta' servizz kif imsemmi fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 20 mingħajr ma jkun hemm rikors għal proċedura ta' akkwist pubbliku.

    Għalhekk il-korpi PPP jistgħu jikkonkludu kuntratt, mingħajr ma jkun hemm rikors għal proċedura ta' akkwist, mal-membri tagħhom minbarra l-Unjoni għall-provvista ta' oġġetti, il-provvista ta' servizzi jew għat-twettiq ta' xogħol li dawk il-membri jipprovdu direttament mingħajr rikors għal terzi persuni.

    L-oġġetti, is-servizzi jew ix-xogħol ipprovduti fl-ewwel u t-tieni subparagrafi ma għandhomx jitqiesu bħala parti mill-kontribuzzjoni tal-membri għall-baġit tal-korp PPP.

    5.   Il-korp PPP jista' juża proċeduri konġunti ta' akkwist pubbliku mal-awtoritajiet kontraenti tal-Istat Membru ospitanti sabiex ikopri l-ħtiġijiet amministrattivi tiegħu jew ma' awtoritajiet kontraenti tal-Istati Membri, l-Istati tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles jew pajjiżi kandidati tal-Unjoni li jipparteċipaw fih bħala membri. F'każijiet bħal dawn, l-Artikolu 165 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 għandu japplika mutatis mutandis.

    Il-korp PPP jista' juża proċeduri konġunti ta' akkwist mal-membri privati tiegħu jew ma' awtoritajiet kontraenti ta' pajjiżi li qed jipparteċipaw fil-programmi tal-Unjoni li jipparteċipaw fih bħala membri. F'każijiet bħal dawn, l-Artikolu 165 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 għandu japplika mutatis mutandis.

    Artikolu 44

    Esperti

    1.   L-Artikolu 237 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 għandu japplika mutatis mutandis. għall-għażla ta' esperti soġġetti għal kwalunkwe proċedura speċifika stabbilita fl-att bażiku tal-programm li l-implimentazzjoni tiegħu hija fdata lill-korp PPP.

    Il-korp PPP jista' juża l-listi mħejjija mill-Kummissjoni jew minn korpi oħra tal-Unjoni jew PPP.

    Il-korp PPP jista', jekk jitqies xieraq u f'każijiet debitament iġġustifikati, jagħżel kwalunkwe individwu bil-ħiliet xierqa li ma jkunx fil-listi.

    2.   L-Artikolu 238 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 għandu japplika mutatis mutandis għal esperti mhux rimunerati.

    Artikolu 45

    Għotjiet

    1.   Fir-rigward tal-għotjiet, it-Titolu VIII tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 għandu japplika soġġett għal kwalunkwe dispożizzjoni speċifika tal-att kostitwenti jew tal-att bażiku tal-programm li l-implimentazzjoni tiegħu hija fdata lill-korp PPP.

    2.   Il-korp PPP għandu juża s-somom f'daqqa, l-ispejjeż unitarji jew il-finanzjament b'rata fissa rilevanti awtorizzati skont l-Artikolu 181(3) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 b'deċiżjoni ta' uffiċjal tal-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni responsabbli mill-programm li l-implimentazzjoni tiegħu hija fdata lill-korp PPP. Fin-nuqqas ta' tali deċiżjoni, il-korp PPP jista' jippreżenta proposta għal adozzjoni lill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni responsabbli, akkumpanjata b'ġustifikazzjoni ddettaljata li ssostni l-proposta tiegħu. Id-deċiżjoni proposta għandha tikkonforma mal-Artikolu 181(3) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046. L-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni responsabbli għandu jgħarraf lill-korp PPP dwar id-deċiżjoni tiegħu li jadotta jew jirrifjuta l-proposta tiegħu u r-raġunijiet għal dan. L-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni responsabbli jista' jadotta d-deċiżjoni proposta b'emendi biex tiġi żgurata l-konformità mal-Artikolu 181(3) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

    Artikolu 46

    Premjijiet

    1.   Fir-rigward tal-premjijiet, id-dispożizzjonijiet tat-Titolu IX tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 għandhom japplikaw soġġetti għall-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu u kwalunkwe dispożizzjoni speċifika tal-att kostitwenti jew tal-att bażiku tal-programm li l-implimentazzjoni tiegħu hija fdata lill-korp PPP.

    2.   Il-kompetizzjonijiet għal premjijiet b'valur unitarju ta' EUR 1 000 000 jew aktar jistgħu jiġu ppubblikati biss jekk ikunu msemmija fil-programm ta' ħidma annwali msemmi fl-Artikolu 33(4) u wara li tkun ġiet ippreżentata l-informazzjoni dwar tali premjijiet lill-Kummissjoni, li għandha tipproċedi biex tinforma lill-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'konformità mal-Artikolu 206(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

    KAPITOLU 8

    QAFAS KONTABILISTIKU

    Artikolu 47

    Regoli tal-kontabbiltà

    Il-korp PPP għandu jistabbilixxi sistema ta' kontabbiltà li tipprovdi informazzjoni preċiża, sħiħa u affidabbli f'waqtha.

    L-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-korp PPP għandu japplika r-regoli adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni abbażi tal-istandards tal-kontabbiltà aċċettati internazzjonalment għas-settur pubbliku.

    Għall-finijiet tal-ewwel paragrafu ta' dan l-Artikolu, għandhom japplikaw l-Artikoli minn 80 sa 84 u 87 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046. L-Artikoli 85 u 86 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 għandhom japplikaw mutatis mutandis.

    Artikolu 48

    Struttura tal-kontijiet

    Il-kontijiet annwali tal-korp PPP għandhom jitħejjew għal kull sena finanzjarja li għandha tkun mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru. Dawn il-kontijiet għandhom jinkludu:

    (a)

    id-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-korp PPP;

    (b)

    ir-rapporti dwar l-implimentazzjoni baġitarja għall-baġit tal-korp PPP.

    Artikolu 49

    Dokumenti ta' sostenn

    Kull entrata fil-kontijiet għandha tkun ibbażata fuq dokumenti ta' sostenn xierqa f'konformità mal-Artikolu 20(5) ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 50

    Dikjarazzjonijiet finanzjarji

    1.   Id-dikjarazzjonijiet finanzjarji għandhom ikunu ppreżentati f'euro u f'konformità mar-regoli kontabilistiċi msemmijin fl-Artikolu 47 ta' dan ir-Regolament u għandhom jinkludu:

    (a)

    il-karta tal-bilanċ li tippreżenta l-assi u l-obbligazzjonijiet kollha u s-sitwazzjoni finanzjarja prevalenti fil-31 ta' Diċembru tas-sena finanzjarja preċedenti;

    (b)

    id-dikjarazzjoni tal-prestazzjoni finanzjarja, li tippreżenta r-riżultat ekonomiku għas-sena finanzjarja preċedenti;

    (c)

    id-dikjarazzjoni tal-flussi tal-flus li turi l-ammonti miġbura u żborżati matul is-sena finanzjarja u l-pożizzjoni finali tal-likwidità;

    (d)

    id-dikjarazzjoni tal-bidliet fl-assi netti li tippreżenta ħarsa ġenerali lejn iċ-ċaqliq matul is-sena fir-riżervi u fir-riżultati akkumulati.

    2.   Id-dikjarazzjonijiet finanzjarji għandhom jippreżentaw l-informazzjoni, inkluża l-informazzjoni dwar il-politiki tal-kontabbiltà, b'mod li jiġi żgurat li tkun rilevanti, kredibbli, komparabbli u li tista' tinftiehem.

    3.   In-noti għad-dikjarazzjonijiet finanzjarji għandhom jissupplimentaw u jikkummentaw dwar l-informazzjoni ppreżentata fid-dikjarazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 u għandhom ifornu l-informazzjoni addizzjonali kollha preskritta mir-regoli kontabilistiċi msemmija fl-Artikolu 47 ta' dan ir-Regolament u mill-prattika tal-kontabbiltà aċċettata internazzjonalment meta tali informazzjoni tkun rilevanti għall-attivitajiet tal-korp PPP. In-noti għandu jkun fihom tal-anqas l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    prinċipji, regoli u metodi tal-kontabbiltà;

    (b)

    noti ta' spjegazzjoni li jipprovdu informazzjoni addizzjonali mhux inkluża fit-test tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji, li tkun meħtieġa biex tingħata preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet.

    4.   Wara li tagħlaq is-sena finanzjarja u sad-data tat-trażmissjoni tal-kontijiet ġenerali, l-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jagħmel kwalunkwe aġġustament li, mingħajr ma jkunu involuti żborż jew ġbir fir-rigward ta' dik is-sena, ikun meħtieġ għal ħarsa vera u ġusta ta' dawk il-kontijiet.

    Artikolu 51

    Rapporti tal-implimentazzjoni baġitarja

    1.   Ir-rapporti tal-implimentazzjoni baġitarja għandhom jiġu ppreżentati f'euro u għandhom ikunu komparabbli sena b'sena. Dawn għandhom jinkludu:

    (a)

    rapporti li jaggregaw l-operazzjonijiet baġitarji kollha għas-sena f'termini ta' dħul u ta' nefqa;

    (b)

    noti ta' spjegazzjoni, li għandhom jissupplimentaw u jikkummentaw dwar l-informazzjoni mogħtija fir-rapporti.

    2.   L-istruttura tar-rapporti tal-implimentazzjoni baġitarja għandha tkun l-istess bħal dik tal-baġit tal-korp PPP innifsu.

    3.   Ir-rapporti tal-implimentazzjoni baġitarja għandu jkun fihom:

    (a)

    informazzjoni dwar id-dħul, b'mod partikolari bidliet fl-istimi tad-dħul, l-eżitu tad-dħul u l-intitolamenti stabbiliti;

    (b)

    informazzjoni li turi bidliet fl-approprjazzjonijiet totali disponibbli ta' impenn u ta' pagamenti;

    (c)

    informazzjoni li turi l-użu li sar mill-approprjazzjonijiet totali disponibbli ta' impenn u ta' pagamenti;

    (d)

    informazzjoni li turi l-impenji pendenti, dawk riportati mis-sena finanzjarja preċedenti u dawk li saru matul is-sena finanzjarja.

    Artikolu 52

    Kontijiet proviżorji u kontijiet finali

    1.   L-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-korp PPP għandu jibgħat il-kontijiet proviżorji lill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni u tal-Qorti tal-Awdituri sal-1 ta' Marzu tas-sena ta' wara.

    L-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-korp PPP għandu jibgħat ukoll, sal-1 ta' Marzu tas-sena ta' wara, l-informazzjoni kontabilistika meħtieġa għall-finijiet ta' konsolidazzjoni lill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni, bil-mod u bil-format stabbiliti minn din tal-aħħar.

    2.   F'konformità mal-Artikolu 246(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, il-Qorti tal-Awdituri, sal-1 ta' Ġunju, għandha tagħmel l-kummenti tagħha dwar il-kontijiet proviżorji tal-korp PPP.

    3.   L-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-korp PPP, sal-15 ta' Ġunju, għandu jibgħat l-informazzjoni kontabilistika meħtieġa lill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni, bil-mod u bil-format stabbiliti mill-Kummissjoni, bil-ħsieb li jitfasslu l-kontijiet konsolidati finali.

    Malli jirċievi l-kummenti tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet proviżorji tal-korp PPP, l-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jfassal il-kontijiet finali tal-korp PPP. Id-direttur għandu jibgħat il-kontijiet finali lill-bord ta' tmexxija li għandu joħroġ opinjoni dwar dawn il-kontijiet.

    Id-direttur għandu jibgħat il-kontijiet finali, flimkien mal-opinjoni tal-bord ta' tmexxija, lill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, sa mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju tas-sena finanzjarja ta' wara.

    L-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-korp PPP għandu jibgħat ukoll ittra tar-rappreżentanza li tkopri dawk il-kontijiet finali lill-Qorti tal-Awdituri, b'kopja ta' din l-ittra li għandha tintbagħat lill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni. L-ittra tar-rappreżentazzjonijiet għandha tkun stabbilita fl-istess data li fiha jkunu tfasslu l-kontijiet finali tal-korp PPP.

    Il-kontijiet finali għandhom ikunu akkumpanjati minn nota maħruġa mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni fejn dan tal-aħħar jiddikjara li l-kontijiet finali kienu mħejjija f'konformità ma' dan il-kapitolu u f'konformità mal-prinċipji, mar-regoli u mal-metodi tal-kontabbiltà applikabbli.

    Għandha tiġi ppublikata ħolqa għall-paġni tal-website fejn huma żvelati l-kontijiet finali tal-korp PPP f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sal-15 ta' Novembru tas-sena ta' wara.

    Id-direttur tal-korp PPP għandu jibgħat tweġiba lill-Qorti tal-Awdituri dwar il-kummenti li tkun għamlet fir-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri sa mhux aktar tard mit-30 ta' Settembru tas-sena finanzjarja ta' wara. It-tweġibiet tad-direttur għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni fl-istess waqt.

    Artikolu 53

    Rapport annwali dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja

    1.   Il-korp PPP għandu jħejji rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja tas-sena finanzjarja. Ir-rapport għandu jagħti rendikont, kemm f'termini assoluti u espressi bħala perċentwal, tal-anqas, tar-rata implimentattiva tal-approprjazzjonijiet flimkien ma' sommarju tal-informazzjoni dwar it-trasferimenti tal-approprjazzjonijiet bejn id-diversi elementi tal-baġit.

    2.   Id-direttur għandu jibgħat ir-rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri sal-31 ta' Marzu tas-sena finanzjarja ta' wara.

    KAPITOLU 9

    L-AWDITJAR ESTERN, IL-KWITTANZA U L-ĠLIEDA KONTRA L-FRODI

    Artikolu 54

    Awditjar estern

    1.   Awditur estern indipendenti għandu jivverifika li l-kontijiet annwali tal-korp PPP jippreżentaw b'mod xieraq id-dħul, in-nefqa u l-qagħda finanzjarja tal-korp PPP qabel il-konsolidazzjoni possibbli fil-kontijiet finali tal-Kummissjoni.

    Sakemm ma jkunx previst mod ieħor fl-att kostitwenti, il-Qorti tal-Awdituri għandha tħejji rapport annwali speċifiku dwar il-korp PPP skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 287(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Waqt it-tħejjija ta' dan ir-rapport, il-Qorti tal-Awdituri għandha tqis ix-xogħol tal-awditjar li jkun għamel l-awditur estern indipendenti msemmi fl-ewwel subparagrafu u l-azzjoni li tkun ittieħdet b'rispons għas-sejbiet tal-awditur estern.

    2.   Il-korp PPP għandu jibgħat il-baġit tal-korp PPP lill-Qorti tal-Awdituri, kif adottat definittivament. Għandu jgħarraf lill-Qorti tal-Awdituri, mill-aktar fis possibbli, dwar kull deċiżjoni u dwar kull att adottati skont l-Artikoli 6, 8 u 12.

    3.   L-iskrutinju mwettaq mill-Qorti tal-Awdituri għandu jkun irregolat permezz tal-Artikoli minn 254 sa 259 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

    Artikolu 55

    Skeda għall-proċedura ta' kwittanza

    1.   Il-Parlament Ewropew, b'rakkomandazzjoni mill-Kunsill, qabel il-15 ta' Mejju tas-sena N+2 ħlief fejn previst mod ieħor fl-att kostitwenti, għandu jagħti kwittanza lid-direttur fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena N. Id-Direttur għandu jinforma lill-bord ta' tmexxija dwar il-kummenti tal-Parlament Ewropew li jinsabu fir-riżoluzzjoni li takkumpanja d-deċiżjoni ta' kwittanza.

    2.   Jekk l-iskadenza prevista fil-paragrafu 1 ma tistax tiġi osservata, il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill għandu jgħarraf lid-direttur dwar ir-raġuni għall-posponiment.

    3.   Jekk il-Parlament Ewropew jipposponi d-deċiżjoni li tagħti kwittanza, id-direttur, f'kooperazjoni mal-bord ta' tmexxija, għandu jagħmel kull sforz biex, mill-aktar fis possibbli, jieħu miżuri sabiex ineħħi jew jiffaċilita t-tneħħija tal-ostakli għal dik id-deċiżjoni.

    Artikolu 56

    Il-proċedura ta' kwittanza

    1.   Id-deċiżjoni ta' kwittanza għandha tkopri l-kontijiet tad-dħul u n-nefqa kollha tal-korp PPP, ir-riżultat tal-baġit u l-assi u l-obbligazzjonijiet tal-korp PPP murija fid-dikjarazzjoni finanzjarja.

    2.   Bil-għan li jagħti l-kwittanza, il-Parlament Ewropew għandu jeżamina l-kontijiet u d-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-korp PPP, wara li jkun għamel dan il-Kunsill. Għandu jeżamina wkoll ir-rapport annwali mfassal mill-Qorti tal-Awdituri, flimkien mat-tweġibiet tad-direttur tal-korp PPP, kull rapport speċjali rilevanti tal-Qorti tal-Awdituri li għandu x'jaqsam mas-sena finanzjarja kkonċernata u mad-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni tal-Qorti tal-Awditrui rigward l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet sottostanti.

    3.   Id-direttur, b'talba tal-Parlament Ewropew u bħalma jipprevedi l-Artikolu 261(3) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, għandu jippreżenta kull informazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni bla xkiel tal-proċedura ta' kwittanza għas-sena finanzjarja kkonċernata.

    Artikolu 57

    Miżuri ta' segwitu

    1.   Id-direttur għandu jieħu l-passi kollha xierqa biex jaġixxi fuq il-kummenti li jakkumpanjaw id-deċiżjoni ta' kwittanza tal-Parlament Ewropew u fuq il-kummenti li jakkumpanjaw ir-rakkomandazzjoni għall-kwittanza adottata mill-Kunsill.

    2.   Bit-talba tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill, id-direttur għandu jirrapporta dwar il-miżuri li ttieħdu fid-dawl tal-kummenti u tal-kummenti msemmija fil-paragrafu 1. Id-direttur għandu jibgħat kopja tar-rapport lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri.

    Artikolu 58

    Kontrolli fil-post mill-Kummissjoni, mill-Qorti tal-Awdituri u mill-OLAF

    1.   Il-korp PPP għandu jagħti aċċess lill-persunal tal-Kummissjoni u lil persuni oħra awtorizzati mill-Kummissjoni, kif ukoll lill-Qorti tal-Awdituri għas-siti u għall-binjiet tiegħu u għall-informazzjoni kollha, inkluża l-informazzjoni f'forma elettronika li hija meħtieġa biex jagħmlu l-awditi tagħhom.

    2.   L-OLAF jista' jwettaq investigazzjonijiet, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fil-post, f'konformità mad-dispożizzjonijiet u mal-proċeduri stipulati fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (12) bil-għan li jkun stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

    KAPITOLU 10

    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI U TRANŻITORJI

    Artikolu 59

    Talbiet għall-informazzjoni

    Il-Kummissjoni u l-membri tal-korp PPP minbarra l-Unjoni jistgħu jitlobu kull informazzjoni jew spjegazzjoni neċessarja mill-korp PPP rigward kwistjonijiet baġitarji fl-oqsma tal-kompetenza tagħhom.

    Artikolu 60

    Adozzjoni tar-regoli finanzjarji tal-korp PPP

    1.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, kull korp PPP imsemmi fl-Artikolu 71 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 għandu jadotta regoli finanzjarji ġodda fi żmien disa' xhur mid-data li fiha l-korp PPP jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 71 ta' dan ir-Regolament.

    2.   Kull korp PPP imsemmi fl-Artikolu 71 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 li diġà adotta r-regoli finanzjarju tiegħu f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 966/2012 għandu jirrevedihom biex jiżgura l-konformità ma' dan ir-Regolament. Ir-regoli finanzjarji riveduti għandhom jidħlu fis-seħħ sa mhux iżjed tard mill-1 ta' Settembru 2019.

    Artikolu 61

    Tħassir

    1.   Ir-Regolament ta' Delega (UE, Euratom) Nru 110/2014 jitħassar b'effett mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. Madankollu, l-Artikoli 20 u 31(4) ta' dak ir-Regolament għandhom ikomplu japplikaw sal-31 ta' Diċembru 2019.

    2.   Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw f'konformità mat-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness.

    Artikolu 62

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għandu japplika minn din id-data. Madankollu, l-Artikoli 23 u 33(4) għandhom japplikaw mill-1 ta' Jannar 2020, ħlief l-Artikolu 33(4)c), li għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2021.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Marzu 2019.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 110/2014 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar il-Mudell tar-Regolament Finanzjarju għal korpi ta' sħubija pubblika-privata msemmija fl-Artikolu 209 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 38, 7.2.2014, p. 2-15).

    (3)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

    (4)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2015/1929 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Ottubru 2015 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 286, 30.10.2015, p. 1).

    (5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2461 tat-30 ta' Ottubru 2015 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) Nru 110/2014 dwar il-mudell tar-regolament finanzjarju għal korpi ta' sħubija pubblika-privata msemmija fl-Artikolu 209 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 342, 29.12.2015, p. 1-6).

    (6)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 tat-18 ta' Diċembru 2018 dwar ir-regolament finanzjarju qafas għall-korpi mwaqqfin skont it-TFUE u t-Trattat Euratom u msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 122, 10.5.2019, p. 1).

    (7)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).

    (8)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

    (9)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta' Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, pp. 1-71).

    (10)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

    (11)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tad-29 ta' Frar 1968 li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u l-Kundizzjonijiet ta' Impjieg ta' Uffiċjali Oħra tal-Komunitajiet Ewropej u li jistabbilixxi miżuri temporanji applikabbli għall-uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1).

    (12)  Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fil-post imwettqa mill-Kummissjoni biex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).


    ANNESS

    Tabella ta' korrelazzjoni

    Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 110/2014

    Dan ir-Regolament

    Artikolu 1

    Artikolu 1

    Artikolu 2

    Artikolu 2

    Artikolu 3

    Artikolu 3

    Artikolu 4

    Artikolu 4

    Artikolu 5

    Artikolu 5

    Artikolu 6

    Artikolu 6

    Artikolu 7

    Artikolu 8

    Artikolu 8

    Artikolu 9

    Artikolu 9

    Artikolu 10

    Artikolu 10

    Artikolu 12

    Artikolu 11

    Artikolu 13

    Artikolu 12

    Artikolu 14

    Artikolu 13

    Artikolu 15

    Artikolu 14

    Artikolu 16

    Artikolu 15

    Artikolu 17

    Artikolu 16

    Artikolu 19

    Artikolu 17

    Artikolu 20

    Artikolu 18

    Artikolu 21

    Artikolu 19

    Artikolu 22

    Artikolu 20

    Artikolu 23

    Artikolu 21

    Artikolu 24

    Artikolu 22

    Artikolu 25

    Artikolu 23

    Artikolu 26

    Artikolu 24

    Artikolu 27

    Artikolu 25

    Artikolu 18

    Artikolu 26

    Artikolu 28

    Artikolu 27

    Artikolu 29

    Artikolu 28

    Artikolu 30

    Artikolu 29

    Artikolu 31

    Artikolu 30

    Artikolu 32

    Artikolu 31

    Artikolu 33

    Artikolu 32

    Artikolu 34

    Artikolu 33

    Artikolu 43

    Artikolu 34

    Artikolu 44

    Artikolu 35

    Artikolu 45

    Artikolu 36

    Artikolu 46

    Artikolu 37

    Artikolu 42

    Artikolu 38

    Artikolu 47

    Artikolu 39

    Artikoli 48 u 53

    Artikolu 40

    Artikoli 47 u 50

    Artikolu 41

    Artikolu 50

    Artikolu 42

    Artikolu 51

    Artikolu 43

    Artikolu 52

    Artikolu 44

    Artikolu 47

    Artikolu 45

    Artikolu 47

    Artikolu 46

    Artikolu 54

    Artikolu 47

    Artikolu 55

    Artikolu 47a

    Artikolu 56

    Artikolu 47b

    Artikolu 57

    Artikolu 48

    Artikolu 58

    Artikolu 49

    Artikolu 59

    Artikolu 50

    Artikolu 60

    Artikolu 51

    Artikolu 62


    Top