Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R1585

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1585 tat-22 ta' Ottubru 2018 li jistabbilixxi deroga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 fir-rigward tad-distanza minima mill-kosta u l-fond minimu tal-baħar għat-tartaruni tal-borża li jistadu fl-ibħra territorjali tal-Kroazja

C/2018/6839

ĠU L 264, 23.10.2018, p. 13–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 26/10/2021

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/1585/oj

23.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 264/13


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1585

tat-22 ta' Ottubru 2018

li jistabbilixxi deroga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 fir-rigward tad-distanza minima mill-kosta u l-fond minimu tal-baħar għat-tartaruni tal-borża li jistadu fl-ibħra territorjali tal-Kroazja

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 tal-21 ta' Diċembru 2006 dwar miżuri ta' ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 13(5) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 jipprojbixxi l-użu ta' tartaruni tal-borża sa 300 metru mill-kosta jew sa livell ta' fond ta' 50 m meta dak il-fond jintlaħaq 'il ġewwa minn dik id-distanza mill-kosta.

(2)

Meta xi Stat Membru jitlobha, il-Kummissjoni tista' tippermetti deroga mill-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006, dment li jiġi sodisfatt għadd ta' kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(5) u (9).

(3)

Fl- 20 ta' Ġunju 2016 il-Kummissjoni rċeviet talba mill-Kroazja għal deroga mill-Artikolu 13(3) ta' dak ir-Regolament, għall-użu tat-tartarun tal-borża tradizzjonali, “ciplarica” għas-sajd għall-mullett (Mugilidae), it-tartarun tal-borża tradizzjonali “palamidara” għas-sajd għall-palamit (Sarda sarda), għat-tumbrell (Auxis rochei), għall-kubrit (Euthynnus alletteratus) u għall-aċċol (Seriola dumerili), it-tartarun tal-borża tradizzjonali “oližnica” għas-sajd għall-kurunell (Atherina boyeri) u t-tartarun tal-borża tradizzjonali “igličara” għas-sajd għall-imsell (Belone belone) fl-ibħra territorjali Kroati.

(4)

It-talba tikkonċerna l-attivitajiet tas-sajd diġà awtorizzati mill-Kroazja u tkopri bastimenti u tagħmir li għandhom esperjenza f'dan it-tip ta' sajd ta' aktar minn ħames snin u joperaw bil-pjan ta' ġestjoni li implimentat il-Kroazja skont id-Digriet Ministerjali (2) skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 fit-30 ta' Marzu 2018 (“il-pjan ta' ġestjoni Kroat”).

(5)

F'April 2016, Lulju 2016, Ottubru 2016 u Marzu 2017, il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) ivvaluta d-deroga li talbet il-Kroazja u l-pjan ta' ġestjoni relatat. L-STECF enfasizza l-ħtieġa għal kjarifiki dwar it-tagħmir tas-sajd użat, il-qabdiet sekondarji, il-monitoraġġ u d-dejta xjentifika. Il-Kroazja pprovdiet il-kjarifiki adegwati lill-Kummissjoni u rrevediet kif xieraq il-pjan tal-ġestjoni permezz tal-introduzzjoni ta' miżuri addizzjonali dwar il-kontroll, il-ġestjoni tal-flotot, il-ġbir tad-dejta u l-monitoraġġ.

(6)

Id-deroga li talbet il-Kroazja hija konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(5) u (9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(7)

B'mod partikolari, hemm limitazzjonijiet ġeografiċi speċifiċi meta wieħed iqis kemm l-istruttura morfoloġika distinta tal-Kroazja, magħmula minn kosta twila li fiha bosta gżejjer, u kemm il-firxa spazjali tal-ispeċijiet fil-mira, li hija limitata esklussivament għal ċerti siti speċifiċi u għal żoni kostali f'fond ta' anqas minn 50 metru. Għalhekk, il-postijiet għas-sajd huma limitati.

(8)

Is-sajd ma jistax isir b'tagħmir ieħor, peress li t-tartaruni tal-borża biss għandhom il-karatteristika teknika meħtieġa biex jitwettaq dan it-tip ta' sajd.

(9)

Barra minn hekk, is-sajd ma jħalli ebda impatt sinifikanti fuq l-ambjent tal-baħar, minħabba li t-tartaruni tal-borża huma tagħmir selettiv ferm li ma jmissx ma qiegħ il-baħar u ma jistax jopera fuq qiegħ il-baħar fejn tikber il-Posidonia oceanica.

(10)

It-talba tkopri 52 bastiment. Għalhekk, id-deroga mitluba mill-Kroazja taffettwa għadd limitat ta' bastimenti, meta mqabbel maż-żona tad-distribuzzjoni kbira tal-flotta tat-tartaruni tal-borża, li jirrappreżenta madwar 1 % tal-flotta tas-sajd Kroata kollha u 16 825,84 tunnellaġġ gross (GT).

(11)

Dawk il-bastimenti jinsabu f'lista li ntbagħtet lill-Kummissjoni f'konformità mal-Artikolu 13(9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(12)

Il-pjan ta' ġestjoni Kroat jistabbilixxi d-definizzjonijiet rilevanti kollha fuq is-sajd ikkonċernat u l-garanziji li ma jkun hemm ebda żieda oħra tal-isforz tas-sajd f'konformità mal-Artikolu 13(9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 peress li l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd se jinħarġu biss lit-52 bastiment speċifikat li huma awtorizzati biex jistadu mill-Kroazja. In this respect it is noted that in line with the Croatian management plan and the Ministerial Ordinance, use of purse seine “oližnica” is permitted only in the fishing grounds in the area between Cape Lako and Cape Crna Punta and in the fishing subzones stated as “E4” and “F2”, whereas for all traditional purse seines (“ciplarica”, “palamidara”, “igličara” and “oližnica”) fishing grounds exclude areas identified as national parks and special habitats, where fishing is strictly prohibited, which is the case for the area south-east from Cape St Peter.

(13)

L-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 li jipprojbixxi s-sajd fuq dawk il-ħabitati. Tabilħaqq, it-tartaruni jinġibdu fil-kolonna tal-ilma u ma jmissux qiegħ il-baħar.

(14)

Ir-rekwiżiti tal-Artikolu 8(1)(h) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 mhumiex applikabbli għax dawn għandhom x'jaqsmu mal-bastimenti tat-tkarkir.

(15)

Fir-rigward tar-rekwiżit biex jikkonformaw mal-Artikolu 9(3) li jistabbilixxi d-daqs minimu tal-malja, il-Kummissjoni tinnota li skont l-Artikolu 9(7) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006, deroga bħal din mhijiex possibbli għat-tartaruni tal-borża. Il-Kummissjoni tinnota li l-Kroazja ma awtorizzatx deroga minn dawn id-dispożizzjonijiet fil-pjan ta' ġestjoni tagħha.

(16)

L-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati jitwettqu f'distanza qasira ħafna mill-kosta u għaldaqstant ma jostakolawx l-attivitajiet ta' bastimenti oħra.

(17)

Il-pjan ta' ġestjoni jiżgura li l-qabdiet tal-ispeċijiet imsemmija fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 jkunu minimi billi l-ispeċijiet fil-mira huma l-mullett (Mugilidae), il-palamit (Sarda sarda), it-tumbrell (Auxis rochei), il-kubrit (Euthynnus alletteratus), l-aċċol (Seriola dumerili), il-kurunell (Atherina boyeri) u l-imsell (Belone belone) li mhumiex imsemmija fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(18)

L-attivitajiet tas-sajd huma selettivi ferm u ma jimmirawx iċ-ċefalopodi.

(19)

Il-pjan ta' ġestjoni fih miżuri għall-monitoraġġ tal-attivitajiet tas-sajd, u b'hekk jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (3).

(20)

Il-pjan ta' ġestjoni Kroat fih miżuri għall-monitoraġġ tal-attivitajiet tas-sajd, kif previst fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(21)

Għaldaqstant, jenħtieġ li tingħata d-deroga mitluba.

(22)

Jenħtieġ li l-Kroazja tirrapporta lill-Kummissjoni f'intervalli regolari u skont il-pjan ta' monitoraġġ previst fil-pjan ta' ġestjoni Kroat.

(23)

Jekk it-tul tad-deroga jkun limitat, ikunu jistgħu jiġu żgurati miżuri ta' ġestjoni korrettivi fil-pront, f'każ li r-rapport lill-Kummissjoni juri li l-istatus tal-konservazzjoni tal-istokk sfruttat huwa dgħajjef, filwaqt li jkun hemm l-opportunità biex il-bażi xjentifika tissaħħaħ biex ikun jista' jitfassal pjan ta' ġestjoni aħjar.

(24)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Deroga

1.   L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13(3), tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006, ma għandux japplika fl-ilmijiet territorjali tal-Kroazja għat-tipi ta' sajd li ġejjin:

(a)

il-mullett (Mugilidae) bit-tartarun tal-borża “ciplarica”;

(b)

il-palamit (Sarda sarda), it-tumbrell (Auxis rochei), il-kubrit (Euthynnus alletteratus) u l-aċċol (Seriola dumerili) bit-tartarun tal-borża “palamidara”;

(c)

il-kurunell (Atherina boyeri) bit-tartarun tal-borża “oližnica”; u

(d)

l-imsell (Belone belone) bit-tartarun tal-borża “igličara”.

2.   It-tartaruni tal-borża msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jintużaw minn bastimenti li:

(a)

għandhom numru tar-reġistrazzjoni stipulat fil-pjan ta' ġestjoni Kroat li adottat il-Kroazja skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(b)

għandhom esperjenza f'dan it-tip ta' sajd ta' aktar minn ħames snin u fil-ġejjieni mhux se jiżdied l-isforz tas-sajd eżerċitat; u

(c)

għandhom awtorizzazzjoni għas-sajd u joperaw skont il-pjan ta' ġestjoni Kroat.

Artikolu 2

Pjan ta' monitoraġġ u rappurtar

Fi żmien tliet snin minn meta jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament, il-Kroazja għandha tibgħat rapport lill-Kummissjoni li jitfassal skont il-pjan ta' monitoraġġ stabbilit fil-pjan ta' ġestjoni Kroat.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mis-26 ta' Ottubru 2018 sas-26 ta' Ottubru 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Ottubru 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 36, 8.2.2007, p. 6.

(2)  Pravilnik o obavljanju gospodarskog ribolova na moru okružujućim mrežama plivaricom palamidarom, plivaricom ciplaricom, plivaricom lokardarom, plivaricom igličarom i plivaricom oližnicom, Narodne Novine, ĠU 30/2018, kif emendat bi Pravilnik o izmjenama Pravilnika o obavljanju gospodarskog ribolova na moru okružujućim mrežama plivaricom palamidarom, plivaricom ciplaricom, plivaricom lokardarom, plivaricom igličarom i plivaricom oližnicom, ĠU 49/2018 u bi Pravilnik o izmjenama i dopuni Pravilnika o obavljanju gospodarskog ribolova na moru okružujućim mrežama plivaricom palamidarom, plivaricom ciplaricom, plivaricom lokardarom, plivaricom igličarom i plivaricom oližnicom, ĠU 62/2018.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).


Top