EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R0866

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/866 tat-13 ta' Ġunju 2018 li jiffissa r-rata ta' aġġustament għall-pagamenti diretti skont ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sena kalendarja tal-2018

C/2018/3657

ĠU L 149, 14.6.2018, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/11/2018; Imħassar b' 32018R1710

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/866/oj

14.6.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 149/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/866

tat-13 ta' Ġunju 2018

li jiffissa r-rata ta' aġġustament għall-pagamenti diretti skont ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sena kalendarja tal-2018

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 26(3) tiegħu,

Wara li kkonsultat mal-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 għandha tiġi stabbilita riżerva maħsuba biex tipprovdi appoġġ addizzjonali għas-settur agrikolu f'każ ta' kriżijiet kbar li jolqtu lill-produzzjoni jew lid-distribuzzjoni agrikola billi, fil-bidu ta' kull sena, jiġi applikat tnaqqis fil-pagamenti diretti permezz tal-mekkaniżmu tad-dixxiplina finanzjarja msemmi fl-Artikolu 26 ta' dak ir-Regolament.

(2)

L-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 jipprevedi li, sabiex jiġi żgurat li jitħarsu l-limiti massimi annwali stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (2) għall-finanzjament tan-nefqa relatata mas-suq u tal-pagamenti diretti, trid tiġi ddeterminata rata ta' aġġustament għall-pagamenti diretti meta l-previżjonijiet għall-finanzjament tal-miżuri ffinanzjati skont dak is-sublimitu massimu għal sena finanzjarja partikulari jindikaw li jkunu se jinqabżu l-limiti massimi annwali applikabbli.

(3)

L-ammont tar-riżerva għall-kriżijiet fis-settur agrikolu, inkluż fl-Abbozz tal-Baġit tal-Kummissjoni għall-2019, jammonta għal EUR 468,7 miljun fi prezzijiet attwali. Biex jiġi kopert dak l-ammont, il-mekkaniżmu tad-dixxiplina finanzjarja jrid japplika għall-pagamenti diretti fil-qafas tal-iskemi ta' appoġġ imniżżlin fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) fir-rigward tas-sena kalendarja tal-2018.

(4)

Il-previżjonijiet għall-pagamenti diretti u għan-nefqa relatata mas-suq iddeterminati fl-Abbozz tal-Baġit tal-Kummissjoni għall-2019 jindikaw li ma hemmx bżonn ta' aktar dixxiplina finanzjarja.

(5)

Skont l-Artikolu 26(3) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, jenħtieġ li r-rata ta' aġġustament tiġi ffissata sat-30 ta' Ġunju tas-sena kalendarja li għaliha tkun tapplika.

(6)

Bħala regola ġenerali, il-bdiewa li jressqu applikazzjoni għall-għajnuna għall-pagamenti diretti għal sena kalendarja waħda (N) jitħallsu f'perjodu tal-pagamenti fiss li jkun fis-sena finanzjarja (N + 1). Madankollu, l-Istati Membri jistgħu, sa ċertu limitu, iħallsu l-pagamenti lill-bdiewa wara dak il-perjodu tal-pagamenti. Dawn il-pagamenti tard jistgħu jsiru f'sena finanzjarja sussegwenti. Meta d-dixxiplina finanzjarja tiġi applikata għal sena kalendarja partikulari, jenħtieġ li r-rata ta' aġġustament ma tiġix applikata għal dawk il-pagamenti li l-applikazzjonijiet għall-għajnuna għalihom ikunu tressqu fi snin kalendarji li ma jkunux is-sena kalendarja li għaliha tapplika d-dixxiplina finanzjarja. Għalhekk, biex jiġi żgurat it-trattament ugwali tal-bdiewa, huwa xieraq li jiġi previst li r-rata ta' aġġustament tiġi applikata biss għall-pagamenti li għalihom ikunu tressqu l-applikazzjonijiet għall-għajnuna fis-sena kalendarja li għaliha tapplika d-dixxiplina finanzjarja, irrispettivament minn meta jsir il-pagament lill-bdiewa.

(7)

L-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jipprevedi li r-rata ta' aġġustament applikata għall-pagamenti diretti ddeterminata skont l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 għandha tapplika biss għall-pagamenti diretti li jkunu ta' iktar minn EUR 2 000 u li għandhom jingħataw lill-bdiewa għas-sena kalendarja korrispondenti. Barra minn hekk, l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jipprevedi li, minħabba l-introduzzjoni gradwali tal-pagamenti diretti, ir-rata ta' aġġustament għandha tibda tapplika għall-Kroazja mill-1 ta' Jannar 2022 biss. Għalhekk jenħtieġ li r-rata ta' aġġustament li għandha tiġi ddeterminata permezz ta' dan ir-Regolament ma tapplikax għall-pagamenti lill-bdiewa f'dak l-Istat Membru,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Sabiex tiġi ffissata r-rata ta' aġġustament skont l-Artikoli 25 u 26 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 u skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-ammonti tal-pagamenti diretti fil-qafas tal-iskemi ta' appoġġ imniżżlin fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 li jkunu ta' iktar minn EUR 2 000 u li għandhom jingħataw lill-bdiewa għal applikazzjoni għall-għajnuna mressqa fir-rigward tas-sena kalendarja tal-2018 għandhom jitnaqqsu b'rata ta' aġġustament ta' 1,422184 %.

2.   It-tnaqqis previst fil-paragrafu 1 ma għandux japplika għall-Kroazja.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Ġunju 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608).


Top