Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R2382

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2382 tal-14 ta' Diċembru 2017 li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward ta' formoli, mudelli u proċeduri standard għat-trażmissjoni tal-informazzjoni f'konformità mad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

    C/2017/8571

    ĠU L 340, 20.12.2017, p. 6–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 07/09/2022

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/2382/oj

    20.12.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 340/6


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2382

    tal-14 ta' Diċembru 2017

    li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward ta' formoli, mudelli u proċeduri standard għat-trażmissjoni tal-informazzjoni f'konformità mad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 34(9) u 35(12) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Ikun xieraq li jiġu stabbiliti formoli, proċeduri u mudelli standard komuni għas-sottomissjoni tal-informazzjoni mitluba minn ditti ta' investiment, operaturi tas-suq u jekk previst mid-Direttiva 2014/65/UE, istituzzjonijiet ta' kreditu li jixtiequ jipprovdu servizzi ta' investiment u li jwettqu attivitajiet fi Stat Membru ieħor taħt il-libertà li jiġu pprovduti servizzi jew taħt id-dritt ta' stabbiliment.

    (2)

    Jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet f'dan ir-Regolament, fid-dawl tal-Artikoli 34(1) u 35(1) tad-Direttiva 2014/65/UE, japplikaw ukoll għal istituzzjonijiet ta' kreditu awtorizzati taħt id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) li jużaw aġenti marbuta biex jipprovdu servizzi ta' investiment bil-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta' investiment jew bit-twaqqif ta' fergħa.

    (3)

    Huwa importanti li jiġu stabbiliti formoli standard li jkopru l-lingwa u l-mezz ta' komunikazzjoni ta' notifiki ta'passaport li jistgħu jintużaw minn ditti tal-investiment, operaturi tas-suq, u meta meħtieġ, istituzzjonijiet ta' kreditu, u mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tad-domiċilju u ospitanti sabiex jiġi ffaċilitat il-provvediment ta' servizzi u attivitajiet ta' investiment fl-Istati Membri kollha u l-prestazzjoni effiċjenti mill-awtoritajiet kompetenti tal-kompiti u r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom.

    (4)

    Hija meħtieġa valutazzjoni tal-preċiżjoni u tal-kompletezza tan-notifika mressqa mill-awtorità kompetenti tal-Istati Membru tad-domiċilju sabiex tiġi żgurata l-kwalità ta' (i) l-informazzjoni sottomessa mid-ditta tal-investiment, l-operatur tas-suq, jew, meta meħtieġ, l-istituzzjonijiet ta' kreditu lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju u (ii) l-informazzjoni sottomessa mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju.

    (5)

    Huma meħtieġa dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tindika meta n-notifika tinstab li tkun inkompluta jew żbaljata biex tkun żgurata ċ-ċarezza fl-identifikazzjoni u l-komunikazzjoni ta' kwalunkwe element nieqes jew żbaljat u biex jiġi ffaċilitat il-proċess tal-indirizzar ta' kwistjonijiet bħal dawn u tas-sottomissjoni mill-ġdid tal-informazzjoni kompluta u korretta.

    (6)

    Ir-rikonoxximent tal-wasla ta' notifika ta' passaport ta' fergħa sottomessa jew notifika ta' passaport ta' aġent marbut hija meħtieġa biex tiżgura ċarezza rigward id-data tal-wasla tan-notifika rilevanti u d-data eżatta li fiha ditta tal-investiment tista' tistabbilixxi l-fergħa jew tagħmel użu minn aġent marbut stabbilit fl-Istat Membru ospitanti.

    (7)

    Biex tiġi żgurata l-koerenza, jenħtieġ li jintużaw forom speċifiċi meta ditta tal-investiment jew operatur tas-suq, li joperaw faċilità multilaterali tan-negozjar jew li jorganizzaw faċilità tan-negozjar, ikunu jixtiequ jipprovdu fit-territorju ta' Stat Membru ieħor arranġamenti xierqa biex jiffaċilitaw l-aċċess għal dawk is-sistemi u negozjar fuqhom, minn utenti remoti, membri jew parteċipanti stabbiliti f'dak l-Istat Membru, sabiex tiġi żgurata l-adegwatezza kemm tal-informazzjoni sottomessa mid-ditta tal-investiment jew mill-operatur tas-suq lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju, kif ukoll tal-informazzjoni sottomessa mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti.

    (8)

    Għal raġunijiet ta' konsistenza u sabiex ikun żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-swieq finanzjarji, jeħtieġ li d-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament u d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 2014/65/UE japplikaw mill-istess data.

    (9)

    Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni sottomess mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) lill-Kummissjoni.

    (10)

    Skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), l-ESMA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni, analizzat l-ispejjeż u l-benefiċċji relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 ta' dak ir-Regolament,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Kamp ta' applikazzjoni

    1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal ditti tal-investiment u operaturi tas-suq li joperaw faċilità multilaterali tan-negozjar (MTF) jew faċilità organizzata tan-negozjar (“OTF”).

    2.   Dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għal istituzzjonijiet ta' kreditu awtorizzati skont id-Direttiva 2013/36/UE li jipprovdu servizz ta' investiment wieħed jew aktar jew iwettqu attivitajiet ta' investiment skont id-Direttiva 2014/65/UE, u jixtiequ jużaw aġenti li jorbtu skont kwalunkwe wieħed mid-drittijiet li ġejjin:

    (a)

    id-dritt tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u attivitajiet ta' investiment skont l-Artikolu 34(5) tad-Direttiva 2014/65/UE;

    (b)

    id-dritt tal-istabbiliment skont l-Artikolu 35(7) tad-Direttiva 2014/65/UE.

    Artikolu 2

    Rekwiżiti ġenerali

    1.   Kwalunkwe notifika jew komunikazzjoni sottomessa taħt dan ir-Regolament għandha tiġi pprovduta b'lingwa uffiċjali tal-Unjoni li tkun aċċettata kemm mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru, kif ukoll mill-Istat Membru tad-domiċilju.

    Għandha tiġi sottomessa f'forma stampata jew, meta tkun aċċettata mill-awtorità kompetenti rilevanti, permezz ta' mezz elettroniku.

    2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jqiegħdu l-informazzjoni gaħd-dispożizzjoni tal-pubbliku bil-lingwa/(i) u l-mezz ta' sottomissjoni aċċettati, inklużi d-dettalji tal-kuntatt għal notifiki tal-passaport.

    Artikolu 3

    Sottomissjoni tan-notifika ta' passaport ta' servizzi u attivitajiet ta' investiment

    1.   Id-ditta tal-investiment għandha tissottometti lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju notifika ta' passaport ta' servizzi u attivitajiet ta' investiment skont l-Artikolu 34(2) jew (5) tad-Direttiva 2014/65/UE il-formola stipulata fl-Anness I.

    2.   Id-ditta tal-investiment għandha tissottometti, għal kull Stat Membru li fih biħsiebha topera, notifika ta' passaport ta' servizzi u attivitajiet ta' investiment separata lill-awtorità kompetenti tal-Istati Membru tad-domiċilju skont il-paragrafu 1.

    3.   Id-ditta tal-investiment jew l-istituzzjoni ta' kreditu msemmija fl-Artikolu 1(2)(a) li tixtieq tipprovdi servizzi jew attivitajiet ta' investiment permezz ta' aġent marbut stabbilit fl-Istat Membru tad-domiċilju għandha tissottometti notifika ta' passaport ta' servizzi u attivitajiet ta' investiment lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju, billi timla biss dawk il-partijiet rilevanti mal-aġent marbut fil-formola stipulata fl-Anness I.

    Artikolu 4

    Valutazzjoni tal-kompletezza u l-preċiżjoni tan-notifika ta' passaport ta' servizzi u attivitajiet ta' investiment

    1.   Mal-wasla tan-notifika ta' passaport tas-servizzi u l-attivitajiet ta' investiment skont l-Artikolu 3, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tivvaluta l-kompletezza u l-preċiżjoni tal-informazzjoni pprovduta.

    2.   Meta jinstab li l-informazzjoni pprovduta tkun inkompluta jew żbaljata, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha, minħajr dewmien żejjed, tinforma lid-ditta tal-investiment jew lill-istitutuzzjoni ta' kreditu msemmija fl-Artikolu 1(2)(a) tagħha. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tindika f'liema rigward partikolari l-informazzjoni nstabet li kienet inkompluta jew żbaljata.

    3.   Il-perjodu ta' xahar imsemmi fl-Artikolu 34(3) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(5) tad-Direttiva 2014/65/UE għandu jibda mill-wasla ta' notifika ta' passaport tas-servizzi u l-attivitajiet ta' investiment li jkunu fiha informazzjoni li tinstab li hija kompluta u korretta.

    Artikolu 5

    Komunikazzjoni rigward in-notifika ta' passaport ta' servizzi u attivitajiet ta' investiment

    1.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tinforma, fi żmien xahar mill-wasla tan-notifika skont l-Artikolu 3, lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti dwar dik in-notifika, bl-użu tal-formola stipulata fl-Anness II, flimkien ma' kopja tan-notifika.

    2.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tinforma, mingħajr dewmien żejjed, lid-ditta tal-investiment jew lill-istituzzjoni ta' kreditu msemmija fl-Artikolu 1(2)(a) dwar il-komunikazzjoni skont il-paragrafu 1, inkluż dwar id-data ta' dik il-komunikazzjoni.

    Artikolu 6

    Sottomissjoni tan-notifika ta' bidla fil-partikularitajiet tas-servizzi u l-attivitajiet ta' investiment

    1.   Fil-każ ta' bidla fi kwalunkwe partikularità f'notifika ta' passaport ta' servizzi u attivitajiet ta' investiment, id-ditta tal-investiment jew l-istituzzjoni ta' kreditu msemmija fl-Artikolu 1(2)(a) għandha tissottometti notifika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju bl-użu tal-formola deskritta fl-Anness I.

    2.   Għall-finijiet tan-notifika skont l-ewwel paragrafu ta' dan l-Artikolu, id-ditta tal-investiment jew l-istituzzjoni ta' kreditu msemmija fl-Artikolu 1(2)(a) għandha timla biss dawk il-partijiet tal-formola stipulati fl-Anness I li huma rilevanti għall-bidliet fil-partikularitajiet tan-notifika tal-passaport tas-servizzi u l-attivitajiet ta' investiment.

    3.   Għall-finijiet tan-notifika ta' bidliet relatati mas-servizzi u l-attivitajiet ta' investiment, is-servizzi anċillari jew l-istrumenti finanzjarji pprovduti, id-ditta tal-investiment jew l-istituzzjoni ta' kreditu msemmija fl-Artikolu 1(2)(a) għandha telenka s-servizzi u l-attivitajiet ta' investiment, is-servizzi anċillari jew l-istrumenti finanzjarji kollha li tipprovdi fiż-żmien tan-notifika, jew li biħsiebha tipprovdi fil-futur.

    Artikolu 7

    Komunikazzjoni rigward in-notifika ta' bidla fil-partikularitajiet ta' servizzi u attivitajiet ta' investiment

    1.   Wara li tirċievi notifika skont l-Artikolu 6, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tikkomunika, mingħajr dewmien żejjed, il-bidliet notifikati lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju, bl-użu tal-formola stipulata fl-Anness III, flimkien ma' kopja tan-notifika skont l-Artikolu 6.

    2.   Fil-każ li l-awtorizzazzjoni tad-ditta tal-investiment jew l-istitutuzzjoni ta' kreditu tiġi rtirata jew ikkanċellata, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tinnotifka lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, bl-użu tal-formola stipulata fl-Anness III.

    Artikolu 8

    Sottomissjoni tan-notifika għall-provvediment ta' arranġamenti biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal MTF jew OTF

    Ditta tal-investiment jew operatur tas-suq li jopera MTF jew OTF li biħsiebu jipprovdi arranġamenti xierqa biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal dawk is-sistemi u negozjar fuqhom fit-territorju ta' Stat Membru ospitanti ieħor, minn utenti remoti, membri jew parteċipanti stabbiliti fl-Istat Membru ospitanti għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju l-partikularitajiet tal-Istat Membru ospitanti li fih biħsiebu jipprovdi arranġamenti bħal dawn, bl-użu tal-formola stabbilita fl-Anness IV.

    Artikolu 9

    Komunikazzjoni rigward notifika għall-provvediment ta' arranġamenti biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal MTF jew OTF.

    1.   L-awtorità komptenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti b'dik in-notifika fi żmien xahar minn meta tirċievi n-notifika skont l-Artikolu 8, bl-użu tal-formola stipulata fl-Anness V, flimkien ma' kopja tan-notifika.

    2.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tinforma, mingħajr dewmien żejjed, lid-ditta tal-investiment jew lill-operatur tas-suq li joperaw MTF jew OTF dwar il-komunikazzjoni skont il-paragrafu 1, inkluż dwar id-data ta' dik il-komunikazzjoni.

    Artikolu 10

    Sottomissjoni ta' notifika ta' bidla fil-partikularitajiet tal-provvediment ta' arranġamenti biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal MTF jew OTF

    1.   Fil-każ ta' bidla f'waħda mill-partikularitajiet ta' notifika għall-provvediment tal-arranġamenti biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal MTF jew OTF, id-ditta tal-investiment jew l-operatur tas-suq li jopera MTF jew OTF għandu jissottometti notifika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju bl-użu tal-formola stipulata fl-Anness IV.

    2.   Għall-finijiet tan-notifika skont il-paragrafu 1, id-ditta tal-investiment jew l-operatur tas-suq li jopera MTF jew OTF għandu jimla biss dawk il-partijiet tal-formola stipulati fl-Anness IV rilevanti għall-bidliet fil-partikularitajiet tan-notifika għall-provvediment ta' arranġamenti biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal MTF jew OTF.

    Artikolu 11

    Komunikazzjoni rigward in-notifika ta' bidla fil-partikularitajiet tal-provvediment tal-arranġamenti biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal MTF jew OTF

    Wara li tirċievi notifika skont l-Artikolu 10(1), l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tikkomunika, mingħajr dewmien żejjed, il-bidliet notifikati lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, bl-użu tal-formola stabbilita fl-Anness II, flimkien ma' kopja tan-notifika.

    Artikolu 12

    Sottomissjoni tan-notifika ta' passaport ta' fergħa

    Id-ditta tal-investiment li tixtieq tistabbilixxi fergħa fit-territorju ta' Stat Membru ieħor għandha tippeżenta lill-awtorità kompetenti ta' Stat Membru tad-domiċilju l-informazzjoni kif meħtieġa mill-Artikolu 35(2) tad-Direttiva 2014/65/UE bl-użu tal-formola stabbilita fl-Anness VI.

    Artikolu 13

    Sottomissjoni tan-notifika ta' passaport ta' aġent marbut

    1.   Id-ditta tal-investiment jew l-istituzzjoni ta' kreditu msemmija fl-Artikolu 1(2)(b) li tixtieq tuża aġent marbut stabbilit fi Stat Membru ieħor għandha tissottometti l-informazzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju kif meħtieġ mill-Artikolu 35(2) tad-Direttiva 2014/65/UE, bl-użu tal-formola stipulata fl-Anness VII.

    2.   Meta ditta tal-investiment jew istituzzjoni ta' kreditu msemmija fl-Artikolu 1(2)(b) tkun tixtieq tuża aktar minn aġent marbut wieħed fi Stat Membru ieħor, hija għandha timla notifika separata fir-rigward ta' kull aġent marbut li bi ħsiebha tuża.

    3.   Ditta tal-investiment li tixtieq tistabbilixxi fergħa li biħsiebha tuża l-aġenti marbuta għandha tippreżenta lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju notifika ta' passaport ta' aġent marbut fir-rigward ta' kull aġent marbut billi timla l-formola stipulata fl-Anness VII.

    Artikolu 14

    Valutazzjoni tal-kompletezza u tal-preċizjoni tan-notifika ta' passaport ta' fergħa jew tan-notifika ta' passaport ta' aġent marbut

    1.   Mal-wasla tan-notifika skont l-Artikolu 12 jew 13, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tivvaluta l-kompletezza u l-preċiżjoni tal-informazzjoni pprovduta.

    2.   Meta l-informazzjoni pprovduta tinstab li hi inkompluta jew żbaljata, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tinforma, mingħajr dewmien żejjed, lid-ditta tal-investiment jew l-istittuzzjonijiet ta' kreditu msemmija fl-Artikolu 1(2)(b) tagħha. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru għandha tindika f'liema rigward partikolari l-informazzjoni nstabet inkompluta u żbaljata.

    3.   Il-perjodu ta' tliet xhur previst fl-Artikolu 35(3) u fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 35(7) tad-Direttiva 2014/65/UE għandu jibda mal-wasla tan-notifika tal-passaport tal-fergħa jew tan-notifika tal-passaport tal-aġent marbut li jkun fihom informazzjoni li tinstab kompluta u korretta.

    Artikolu 15

    Komunikazzjoni rigward in-notifika ta' passaport ta' fergħa

    1.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha, fi żmien tlett xhur minn meta tirċievi n-notifika ta' passaport ta' fergħa skont l-Artikolu 12, tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti dwar dik in-notifika, bl-użu tal-formola stipulata fl-Anness VIII, flimkien ma' kopja tan-notifika.

    2.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tinforma, mingħajr dewmien żejjed, lid-ditta tal-investiment dwar il-komunikazzjoni skont il-paragrafu 1, inkluż dwar id-data ta' dik il-komunikazzjoni.

    3.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandha tgħarraf lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju, kif ukoll lid-ditta tal-investiment li tkun irċeviet in-notifika.

    Artikolu 16

    Komunikazzjoni rigward in-notifika ta' passaport ta' aġent marbut

    1.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha, fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi n-notifika ta' passaport ta' aġent marbut skont l-Artikolu 13, tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti dwar dik in-notifika, bl-użu tal-formola stipulata fl-Anness IX, flimkien ma' kopja tan-notifika.

    2.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tinforma, mingħajr dewmien żejjed, lid-ditta tal-investiment jew l-istituzzjoni ta' kreditu dwar il-komunikazzjoni skont il-paragrafu 1, inkluż dwar id-data ta' dik il-komunikazzjoni.

    3.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandha tgħarraf lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju u lid-ditta tal-investiment jew l-istituzzjoni ta' kreditu msemmija fl-Artikolu 1(2) (b) li tkun irċeviet in-notifika.

    4.   L-aġent marbut ma għandux jibda s-servizzi jew l-attivitajiet ta' investiment proposti tiegħu qabel ma jkun irreġistrat fir-reġistru pubbliku fl-Istat Membru fejn huwa stabbilit dan l-aġent marbut, f'konformità mal-Artikolu 29(3) tad-Direttiva 2014/65/UE.

    5.   L-aġent marbut ma għandux jibda s-servizzi jew l-attivitajiet ta' investiment proposti tiegħu qabel ikun irċieva l-komunikazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti.

    6.   Meta ma ssirx komunikazzjoni bħal din, l-aġent marbut jista' jibda s-servizzi u l-attivitajiet ta' investiment proposti tiegħu xahrejn wara d-data tas-sottomissjoni tal-komunikazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju, kif imsemmi fil-paragrafu 2.

    Artikolu 17

    Sottomissjoni tan-notifika ta' bidla fil-partikularitajiet tal-fergħa

    1.   Fil-każ ta' bidla fil-partikularitajiet tan-notifika ta' passaport ta' fergħa, id-ditta tal-investiment għandha tissottometti notifika bl-użu tal-formola stabbilita fl-Anness VI lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju.

    Id-ditta tal-investiment jew l-istituzzjoni ta' kreditu għandha timla biss dawk il-partijiet tal-formola stipulati fl-Anness VI li jkunu rilevanti għall-bidliet fil-partikularitajiet tan-notifika tal-passaport tal-fergħa.

    2.   Meta d-ditta tal-investiment jew l-istituzzjoni ta' kreditu tkun biħsiebha tagħmel bidliet fis-servizzi u l-attivitajiet ta' investiment, is-servizzi anċillari jew l-istrumenti finanzjarji pprovduti permezz ta' aġenti marbuta, hija għandha tinnotifika, bl-użu tal-formola stabbilita fl-Anness VI, lista tas-servizzi u attivitajiet ta' investiment, servizzi anċillari jew strumenti finanzjarji li tipprovdi permezz ta' aġenti marbuta fiż-żmien ta' dik in-notifika jew li biħsiebha tipprovdi fil-futur permezz ta' aġenti marbuta.

    3.   Bidliet fil-partikularitajiet tan-notifika ta' passaport ta' fergħa li jirrigwardaw it-terminazzjoni tal-operazzjoni tal-fergħa għandhom jiġu notifikati bl-użu tal-formola stabbilita fl-Anness X.

    Artikolu 18

    Preżentazzjoni tan-notifika ta' bidla fil-partikularitajiet tal-aġent marbut

    1.   Fil-każ ta' bidla f'xi waħda mill-partikularitajiet tan-notifika tal-passaport tal-aġent marbut, id-ditta tal-investiment jew l-istituzzjoni ta' kreditu msemmija fl-Artikolu 1(2) għandha tissottometti notifika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju, bl-użu tal-formola stipulata fl-Anness VII.

    Id-ditta tal-investiment jew l-istituzzjoni ta' kreditu għandha timla dawk il-partijiet tal-formola stipulati fl-Anness VII rilevanti għall-bidliet fil-partikularitajiet tan-notifika tal-passaport tal-aġent marbut.

    2.   Meta d-ditta tal-investiment tkun biħsiebha tagħmel bidliet fis-servizzi u l-attivitajiet ta' investiment, jew fl-istrumenti finanzjarji soġġetti għal notifika tal-passaport tal-aġent marbut, hija għandha tinnotifika, fil-formola stipulata fl-Anness VI, lista tas-servizzi u l-attivitajiet ta' investiment, l-istrument finanzjarji kollha li tipprovdi permezz ta' aġent marbut fiż-żmien tan-notifika jew li bi ħsiebha tipprovdi fil-futur.

    3.   Bidliet fil-partikularitajiet ta' notifika tal-passaport tal-aġent marbut li jikkonċernaw il-waqfien tal-użu ta' aġent marbut stabbilit fi Stat Membru ieħor għandhom jiġu notifikati bl-użu tal-formola stabbilita fl-Anness X.

    Artikolu 19

    Komunikazzjoni rigward in-notifika ta' bidla fil-partikularitajiet tal-fergħa

    1.   Wara l-wasla tan-notifika skont l-Artikolu 17(1), l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tikkomunika, mingħajr dewmien żejjed, il-bidliet notifikati lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, bl-użu tal-formola stabbilita fl-Anness XI, flimkien ma' kopja tan-notifika.

    2.   Wara li tirċievi n-notifika skont l-Artikolu 17(3), l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tikkomunika, mingħajr dewmien żejjed, il-bidliet notifikati lill-Istat Membru ospitanti,bl-użu tal-formola stipulata fl-Anness XIII, flimkien ma' kopja tan-notifika.

    Artikolu 20

    Komunikazzjoni rigward notifika ta' bidla fil-partikularitajiet ta' aġent marbut

    1.   Wara li tirċievi notifika skont l-Artikolu 18(1), l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tikkomunika, mingħajr dewmien żejjed, il-bidliet notifikati tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, bl-użu tal-formola stipulata fl-Anness XII, flimkien ma' kopja tan-notifika.

    2.   Wara li tirċievi notifika skont l-Artikolu 18(3), l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tikkomunika, mingħajr dewmien żejjed, il-bidliet notifikati lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, bl-użu tal-formola stipulata fl-Anness XIII, flimkien ma' kopja tan-notifika.

    Artikolu 21

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Huwa għandu japplika mit-3 ta' Jannar 2018.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Diċembru 2017.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349.

    (2)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

    (3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).


    ANNESS I

    Image Image

    ANNESS II

    Image

    ANNESS III

    Image

    ANNESS IV

    Image

    ANNESS V

    Image

    ANNESS VI

    Image Image Image

    ANNESS VII

    Image Image Image

    ANNESS VIII

    Image

    ANNESS IX

    Image

    ANNESS X

    Image Image

    ANNESS XI

    Image

    ANNESS XII

    Image

    ANNESS XIII

    Image

    Top