Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R0999

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/999 tat-13 ta' Ġunju 2017 li jemenda l-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2017/3908

ĠU L 150, 14.6.2017, p. 7–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/999/oj

14.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 150/7


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/999

tat-13 ta' Ġunju 2017

li jemenda l-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1488/94 kif ukoll id-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE u d-Direttivi tal-Kummissjoni 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 58 u 131 tiegħu,

Billi:

(1)

Is-sustanza 1-bromopropan (bromur tal-n-propil), tissodisfa l-kriterji biex tkun ikklassifikata bħala tossika għar-riproduzzjoni (il-kategorija 1B) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u għaldhekk tissodisfa l-kriterji biex tiddaħħal fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 stipulati fl-Artikolu 57(c) ta' dak ir-Regolament.

(2)

Is-sustanza diisopentilftalat tissodisfa l-kriterji biex tkun ikklassifikata bħala tossika għar-riproduzzjoni (il-kategorija 1B) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk tissodisfa l-kriterji biex tiddaħħal fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 stipulati fl-Artikolu 57(c) ta' dak ir-Regolament.

(3)

Is-sustanza aċidu 1,2-benżenedikarbossiliku, esteri alkiliċi di-C6-8-ramifikati, C7-rikki, tissodisfa l-kriterji biex tkun ikklassifikata bħala tossika għar-riproduzzjoni (il-kategorija 1B) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk tissodisfa l-kriterji biex tiddaħħal fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 stipulati fl-Artikolu 57(c) ta' dak ir-Regolament.

(4)

Is-sustanza aċidu 1,2-benżenedikarbossiliku, di-C7-11-ramifikat u esteri alkiliċi lineari, tissodisfa l-kriterji biex tkun ikklassifikata bħala tossika għar-riproduzzjoni (il-kategorija 1B) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk tissodisfa l-kriterji biex tiddaħħal fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 stipulati fl-Artikolu 57(c) ta' dak ir-Regolament.

(5)

Is-sustanza aċidu 1,2-benżenedikarbossiliku dipentilester, ramifikat u lineari, tilħaq il-kriterji biex tkun ikklassifiata bħala tossika għar-riproduzzjoni (il-kategorija 1B) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk tilħaq il-kriterji biex tiddaħħal fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 stipulati fl-Artikolu 57(c) ta' dak ir-Regolament.

(6)

Is-sustanza ftalat ta' bis(2-metossietil) tissodisfa l-kriterji biex tkun ikklassifikata bħala tossika għar-riproduzzjoni (il-kategorija 1B) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk tissodisfa l-kriterji biex tiddaħħal fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 stipulati fl-Artikolu 57(c) ta' dak ir-Regolament.

(7)

Is-sustanza dipentilftalat tissodisfa l-kriterji biex tkun ikklassifikata bħala tossika għar-riproduzzjoni (il-kategorija 1B) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk tissodisfa l-kriterji biex tiddaħħal fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 stipulati fl-Artikolu 57(c) ta' dak ir-Regolament.

(8)

Is-sustanza N-pentil-isopentilftalat tissodisfa l-kriterji biex tkun ikklassifikata bħala tossika għar-riproduzzjoni (il-kategorija 1B) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk tissodisfa l-kriterji biex tiddaħħal fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 stipulati fl-Artikolu 57(c) ta' dak ir-Regolament.

(9)

Fejn ikun fiha ċertu perċentwal ta' benżo[a]piren is-sustanza żejt tal-antraċene tissodisfa l-kriterji biex tkun ikklassifikata bħala karċinoġena (il-kategorija 1B) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk tissodisfa l-kriterji biex tiddaħħal fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 stipulati fl-Artikolu 57(a) ta' dak ir-Regolament. Is-sustanza hija wkoll persistenti, bijoakkumulattiva u tossika, kif ukoll persistenti ħafna u bijoakkumulattiva ħafna skont il-kriterji stipulati fl-Anness XIII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u għalhekk tissodisfa l-kriterji biex tiddaħħal fl-Anness XIV ta' dak ir-Regolament stipulati fl-Artikolu 57(d) u (e) ta' dak ir-Regolament.

(10)

Is-sustanza żift, qatran, temperatura għolja tissodisfa l-kriterji biex ikun ikklassifikata bħala karċinoġenika (il-kategorija 1B) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk tissodisfa l-kriterji biex tiddaħħal fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 stipulati fl-Artikolu 57(a) ta' dak ir-Regolament. Is-sustanza hija wkoll persistenti, bijoakkumulativa u tossika, kif ukoll persistenti ħafna u bijoakkumulattiva ħafna skont il-kriterji stipulati fl-Anness XIII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u għalhekk tissodisfa l-kriterji biex tiddaħħal fl-Anness XIV ta' dak ir-Regolament stipulati fl-Artikolu 57(d) u (e) ta' dak ir-Regolament.

(11)

Il-grupp ta' sustanzi 4-(1,1,3,3-tetrametilbutil) fenol, etossilati (li jkopru sustanzi definiti sew u sustanzi ta' kompożizzjoni mhux magħrufa jew varjabbli, prodotti kumplessi ta' reazzjoni jew materjali bijoloġiċi (“sustanzi UVCB”)(sustanzi ta' kompożizzjoni mhux magħrufa jew varjabbli, prodotti kumplessi ta' reazzjoni jew materjali bijoloġiċi), polimeri u omologi) huma sustanzi li permezz tad-degradazzjoni tagħhom għandhom proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali li għalihom hemm evidenza xjentifika ta' effetti serji probabbli fuq l-ambjent. Fil-fatt, dawn jagħtu lok għal livell ta' tħassib ekwivalenti għal dak ikkawżat mis-sustanzi l-oħra elenkati fil-punti (a) sa (e) tal-Artikolu 57 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u, għalhekk, jissodisfaw il-kriterji biex jiddaħħlu fl-Anness XIV ta' dak ir-Regolament stipulati fl-Artikolu 57(f) ta' dak ir-Regolament.

(12)

Il-grupp ta' sustanzi 4-nonilfenol, ramifikati u lineari, etossilati (inklużi s-sustanzi b'katina ta' alkil lineari u/jew ramifikati bin-numru ta' karbonju ta' 9 f'rabta kovalenti fil-pożizzjoni 4 għall-fenol, ethossilati li jkopru sustanzi UVCB u sustanzi definiti tajjeb, polimeri u omologi, li jinkludu kwalunkwe iżomeru individwali u/jew taħlitiet tagħhom), huma sustanzi li permezz tad-degradazzjoni tagħhom għandhom proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali li għalihom hemm evidenza xjentifika ta' effetti serji probabbli fuq l-ambjent. Fil-fatt, dawn jagħtu lok għal livell ta' tħassib ekwivalenti għal dak ikkawżat mis-sustanzi l-oħra elenkati fil-punti (a) sa (e) tal-Artikolu 57 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u, għalhekk, jissodisfaw il-kriterji biex jiddaħħlu fl-Anness XIV ta' dak ir-Regolament stipulati fl-Artikolu 57(f) ta' dak ir-Regolament.

(13)

Dawk is-sustanzi ġew identifikati u inklużi fil-lista tal-kandidati skont l-Artikolu 59 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006. Barra minn hekk, dawn ingħataw prijorità għall-inklużjoni fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 mill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (minn hawn 'il quddiem “l-Aġenzija”) fir-rakkomandazzjonijiet tagħha tas-6 ta' Frar 2014 (3) u tal-1 ta' Lulju 2015 (4), skont l-Artikolu 58 ta' dak ir-Regolament. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rċeviet informazzjoni dwar l-impatti soċjoekonomiċi mogħtija f'għadd ta' sottomissjonijiet ta' partijiet konċernati wara l-wasla tal-ħames rakkomandazzjoni tal-Aġenzija jew mogħtija permezz ta' konsultazzjoni pubblika li saret b'mod parallel mal-konsultazzjoni pubblika tal-Aġenzija dwar l-abbozz tas-sitt rakkomandazzjoni tagħha. Minkejja l-informazzjoni li waslitilha, huwa xieraq li dawk is-sustanzi jiddaħħlu f'dak l-Anness.

(14)

Huwa xieraq li jiġu indikati d-dati msemmija fl-Artikolu 58(1)(c)(ii) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Aġenzija tas-6 ta' Frar 2014 u tal-1 ta' Lulju 2015. Dawn id-dati ġew identifikati abbażi tat-tul ta' żmien stmat li jkun meħtieġ biex titħejja applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni, b'kunsiderazzjoni tal-informazzjoni disponibbli dwar is-sustanzi differenti u l-informazzjoni li tkun waslet matul il-konsultazzjoni pubblika mwettqa skont l-Artikolu 58(4) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006. Għal dak il-fini, għandha tiġi kkunsidrata wkoll il-kapaċità tal-Aġenzija li tittratta l-applikazzjonijiet fiż-żmien stipulat fir-Regolament (KE) Nru 1907/2006, kif ipprovdut fl-Artikolu 58(3) ta' dak ir-Regolament.

(15)

Għal kull waħda mis-sustanzi elenkati fl-Anness ta' dan ir-Regolament, ma hemm l-ebda raġuni għaliex id-data msemmija fl-Artikolu 58(1)(c)(i) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 għandha tkun aktar tard minn 18-il xahar wara d-data msemmija fl-Artikolu 58(1)(c)(ii) ta' dak ir-Regolament.

(16)

L-Artikolu 58(1)(e) flimkien mal-Artikolu 58(2) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jipprevedu l-possibbiltà ta' eżenzjonijiet għal użi jew kategoriji ta' użi f'każijiet fejn il-leġiżlazzjoni speċifika tal-Unjoni timponi rekwiżiti minimi marbutin mal-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem jew tal-ambjent sabiex tiżgura kontroll xieraq tar-riskji. Skont l-informazzjoni disponibbli bħalissa mhuwiex xieraq li jiġu stabbiliti eżenzjonijiet ibbażati fuq dawn id-dispożizzjonijiet.

(17)

Abbażi tal-informazzjoni disponibbli bħalissa, mhuwiex xieraq li jiġu stabbiliti eżenzjonijiet għar-riċerka u l-iżvilupp orjentati lejn il-prodotti u l-proċessi.

(18)

Abbażi tal-informazzjoni disponibbli bħalissa, mhuwiex xieraq li jiġu stabbiliti perjodi ta' reviżjoni għal ċerti użi. Skont l-Artikolu 60(8) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, perjodi ta' reviżjoni għandhom jiġu determinati fuq bażi ta' każ b'każ, b'kont meħud, fost l-oħrajn, tar-riskji li jirriżultaw mill-użi tas-sustanza, mill-benefiċċji soċjoekonomiċi li jirriżultaw mill-użu tagħha u l-analiżi ta' alternattivi jew kwalunkwe pjan għal sostituzzjoni preżentat għall-użi li għalihom tintalab l-awtorizzazzjoni. F'każijiet fejn ma hemmx alternattivi xierqa, ir-riskji li joħloq l-użu jkun limitat b'miżuri ta' ġestjoni tar-riskju xierqa u effettivi, u meta l-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu huma mistennija jkunu sostanzjali, kif jista' jkun il-każ għal użi fil-produzzjoni ta' prodotti mediċinali jew ta' apparat mediku, il-perjodi ta' reviżjoni jistgħu jkunu twal.

(19)

Sabiex tiġi evitata l-obsolexxenza prematura ta' oġġetti li m'għadhomx jiġu prodotti wara d-dati tat-terminazzjoni msemmija fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, xi sustanzi (waħedhom jew f'taħlitiet) inklużi f'dak l-Anness jeħtieġ li jkunu disponibbli għall-produzzjoni ta' parts tal-bdil ta' dawk l-oġġetti, meta dawk l-oġġetti ma jistgħux jaħdmu kif suppost mingħajr dawk il-parts tal-bdil, kif ukoll meta xi sustanzi tal-Anness XIV, (waħedhom jew f'taħlitiet) huma meħtieġa għat-tiswija ta' dawn l-oġġetti. Għal dak il-fini, l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni għall-użu ta' sustanza tal-Anness XIV għall-produzzjoni ta' parts tal-bdil ta' dan it-tip u għat-tiswija ta' dawn l-oġġetti għandhom ikunu simplifikati. L-arranġamenti tranżizzjonali applikabbli għas-sustanzi kkonċernati minn dawn l-użi għandhom jiġu estiżi sabiex jippermettu l-adozzjoni ta' miżuri ta' implimentazzjoni għal tali applikazzjonijiet simplifikati għall-awtorizzazzjoni.

(20)

Għalhekk ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1907/2006 għandu jiġi emendat skont dan.

(21)

Is-sustanza N,N dimetilformammid (DMF) tissodisfa l-kriterji biex tkun ikklassifikata bħala tossika għar-riproduzzjoni (il-kategorija 1B) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk tissodisfa l-kriterji biex tiddaħħal fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 stipulati fl-Artikolu 57(c) ta' dak ir-Regolament. Din is-sustanza ġiet identifikata u inkluża wkoll fil-lista tal-kandidati skont l-Artikolu 59 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u ngħatat prijorità għall-inklużjoni fl-Anness XIV ta' dak ir-Regolament bir-rakkomandazzjoni tal-Aġenzija tas-6 ta' Frar 2014 skont l-Artikolu 58 ta' dak ir-Regolament. Is-sustanza DMF għandha propjetajiet intrinsiċi simili għal dawk tas-sustanzi dimetilaċetammid (DMAC) u N-metil-2-pirrolidon (NMP) u t-tliet sustanzi jistgħu jiġu kkunsidrati bħala alternattivi potenzjali għal uħud mill-użi ewlenin tagħhom. Bħalissa s-sustanza kimika NMP hija soġġetta għal proċedura ta' restrizzjoni li għaddejja bħalissa skont l-Artikolu 69 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006. Minħabba s-similaritajiet tat-tliet sustanzi, kemm fir-rigward tal-karatteristiċi intrinsiċi tagħhom kif ukoll tal-applikazzjonijiet industrijali tagħhom, u sabiex tiżgura approċċ regolatorju konsistenti, il-Kummissjoni tqis li jkun xieraq li tipposponi d-deċiżjoni dwar l-inklużjoni tad-DMF fl-Anness XIV kif diġà sar għad-DMAC meta l-Kummissjoni qieset ir-Rakkomandazzjoni tal-Aġenzija tas-17 ta' Jannar 2013.

(22)

Is-sustanza diażen-1,2-dikarbossammid (C,C′-ażodi (formammid)) (ADCA) tissodisfa l-kriterji biex tkun ikklassifiata bħala sensitizzatur respiratorju (Resp. Sens.1). Meta titqies l-informazzjoni kollha disponibbli dwar il-proprjetajiet intrinsiċi tal-ADCA u l-effetti negattivi tagħha, l-Aġenzija kkonkludiet li tista' titqies bħala sustanza li għaliha hemm evidenza xjentifika ta' effetti serji probabbli għas-saħħa tal-bniedem u li jagħtu lok għal livell ta' tħassib ekwivalenti għal dak ikkawżat mis-sustanzi l-oħra elenkati fil-punti (a) sa (e) tal-Artikolu 57 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u għalhekk tissodisfa l-kriterji biex tiddaħħal fl-Anness XIV ta' dak ir-Regolament stipulati fl-Artikolu 57(f) ta' dak ir-Regolament. Din is-sustanza ġiet identifikata u inkluża wkoll fil-lista tal-kandidati skont l-Artikolu 59 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u ngħatat prijorità għall-inklużjoni fl-Anness XIV ta' dak ir-Regolament bir-rakkomandazzjoni tal-Aġenzija tas-6 ta' Frar 2014 skont l-Artikolu 58 ta' dak ir-Regolament. L-użi tal-ADCA jvarjaw ħafna u jikkonċernaw firxa wiesgħa ta' diversi industriji tal-manifattura, u dan mistenni li jwassal għal applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni kumplessi ħafna. Billi bħalissal-esperjenza mill-ipproċessar ta' applikazzjonijiet ta' awtorizzazzjoni li jkopru meded wesgħin ta' użi għadha limitata, huwa xieraq li għalissa tiġi posposta d-deċiżjoni dwar l-inklużjoni tal-ADCA fl-Anness XIV.

(23)

Ċerti fibri ċeramiki rifrattarji (alluminosilikati) (Al-RCF) u fibri ċeramiki rifrattarji tal-aluminosilikat taż-żirkonju (Zr-RCF) jissodisfaw il-kriterji biex ikunu kklassifikati bħala karċinoġeni (il-kategorija 1B) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk jissodisfaw il-kriterji biex jiddaħħlu fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 stipulati fl-Artikolu 57(a) ta' dak ir-Regolament. Dawn is-sustanzi ġew identifikati u inklużi wkoll fil-lista tal-kandidati skont l-Artikolu 59 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u ngħataw prijorità għall-inklużjoni fl-Anness XIV ta' dak ir-Regolament bir-rakkomandazzjoni tal-Aġenzija tas-6 ta' Frar 2014 skont l-Artikolu 58 ta' dak ir-Regolament. Il-fibri stess huma mmanifatturati f'numru limitat ħafna ta' siti industrijali u b'mod ġenerali jiġu kkonvertiti direttament fi ħdan l-istess proċess ta' manifattura f'oġġetti li huma sussegwentement użati f'firxa wiesgħa ta' tagħmir industrijali ta' iżolament ta' temperatura għolja, u dan jista' potenzjalment iwassal għall-esponiment sostanzjali tal-ħaddiema. Madankollu, l-użu ta' oġġetti magħmulin mill-fibri mhuwiex suġġett għall-awtorizzazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006. Sabiex tiddeċiedi dwar l-aktar approċċ regolatorju rilevanti, il-Kummissjoni tqis li għalissa jkun xieraq li tipposponi d-deċiżjoni dwar l-inklużjoni tal-Al-RCF u ż-Zr-RCF fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006.

(24)

Is-sustanzi aċidu boriku, tetraborat tad-disodju (anidru), triossidu tad-diboron, u ettaossidu tat-tetraboron u tad-disodju (idrat) jissodisfaw il-kriterji biex ikunu kklassifikati bħala tossiċi għar-riproduzzjoni (il-kategorija 1B) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk jissodisfaw il-kriterji biex jiddaħħlu fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 stipulati fl-Artikolu 57(c) ta' dak ir-Regolament. Dawn is-sustanzi ġew identifikati u inklużi wkoll fil-lista tal-kandidati skont l-Artikolu 59 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u ngħataw prijorità għall-inklużjoni fl-Anness XIV ta' dak ir-Regolament fir-rakkomandazzjoni tal-Aġenzija tal-1 ta' Lulju 2015 skont l-Artikolu 58 ta' dak ir-Regolament. Barra minn hekk, l-użu ta' dawn is-sustanzi jvarja ħafna u jikkonċerna firxa wiesgħa ta' diversi industriji tal-manifattura, u dan mistenni li jwassal għal applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni kumplessi ħafna. Billi bħalissal-esperjenza mill-ipproċessar ta' applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni li jkopru firxa wiesgħa ta' użi għadha limitata, huwa xieraq li għalissa tiġi posposta d-deċiżjoni dwar l-inklużjoni ta' dawn is-sustanzi fl-Anness XIV.

(25)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 133 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Ġunju 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).

(3)  http://echa.europa.eu/documents/10162/13640/5th_a_xiv_recommendation_06feb2014_en.pdf

(4)  http://echa.europa.eu/documents/10162/13640/6th_a_xiv_recommendation_01july2015_en.pdf


ANNESS

It-tabella fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 hija emendata kif ġej:

1.

Jiżdiedu l-entrati li ġejjin:

 

 

 

Arranġamenti tranżitorji

 

 

Dħul Nru

Sustanza

Proprjetà(jiet) intrinsiċi msemmija fl-Artikolu 57

L-aħħar data tal-applikazzjoni (1)

Data tat-terminazzjoni (2)

(Kategoriji ta') użi eżentati

Perjodi ta' reviżjoni

“32.

1-bromopropan (n-propil bromur)

Nru tal-KE

:

203-445-0

Nru tas-CAS

:

106-94-5

Tossiku għar-riproduzzjoni

(il-kategorija 1B)

l-4 ta' Jannar 2019

l-4 ta' Lulju 2020

33.

Diisopentilftalat

Nru tal-KE

:

210-088-4

Nru tas-CAS

:

605-50-5

Tossiku għar-riproduzzjoni

(il-kategorija 1B)

l-4 ta' Jannar 2019

l-4 ta' Lulju 2020

34.

Aċidu 1,2-benżendikarbossiliku, esteri alkiliċi di-C6-8-ramifikati, C7-rikki

Nru tal-KE

:

276-158-1

Nru tas-CAS

:

71888-89-6

Tossiku għar-riproduzzjoni

(il-kategorija 1B)

l-4 ta' Jannar 2019

l-4 ta' Lulju 2020

35.

Aċidu 1,2-benżendikarbossiliku, di-C7-11-ramifikat u esteri alkiliċi lineari

Nru tal-KE

:

271-084-6

Nru tas-CAS

:

68515-42-4

Tossiku għar-riproduzzjoni

(il-kategorija 1B)

l-4 ta' Jannar 2019

l-4 ta' Lulju 2020

36.

Aċidu 1,2-benżendikarbossiliku dipentilester, ramifikat u lineari

Nru tal-KE

:

284-032-2

Nru tas-CAS

:

84777-06-0

Tossiku għar-riproduzzjoni

(il-kategorija 1B)

l-4 ta' Jannar 2019

l-4 ta' Lulju 2020

37.

Flatat ta' bis(2-metossietil)

Nru tal-KE

:

204-212-6

Nru tas-CAS

:

117-82-8

Tossiku għar-riproduzzjoni

(il-kategorija 1B)

l-4 ta' Jannar 2019

l-4 ta' Lulju 2020

38.

Dipentilftalat

Nru tal-KE

:

205-017-9

Nru tas-CAS

:

131-18-0

Tossiku għar-riproduzzjoni

(il-kategorija 1B)

l-4 ta' Jannar 2019

l-4 ta' Lulju 2020

39.

N-pentil-isopentilftalat

Nru tal-KE

:

Nru tas-CAS

:

776297-69-9

Tossiku għar-riproduzzjoni

(il-kategorija 1B)

l-4 ta' Jannar 2019

l-4 ta' Lulju 2020

40.

Żejt tal-antraċene

Nru tal-KE

:

292-602-7

Nru tas-CAS

:

90640-80-5

Karċinoġenu

(il-kategorija 1B)***, PBT, vPvB

l-4 ta' April 2019

l-4 ta' Ottubru 2020

41.

Żift, qatran, temperatura għolja

Nru tal-KE

:

266-028-2

Nru tas-CAS

:

65996-93-2

Karċinoġenu

(il-kategorija 1B), PBT, vPvB

l-4 ta' April 2019

l-4 ta' Ottubru 2020

42.

4-(1,1,3,3-Tetrametilbutil)fenol, etossilati

[li jkopru sustanzi definiti sew u sustanzi ta' kompożizzjoni mhux magħrufa jew varjabbli, prodotti kumplessi ta' reazzjoni jew materjali bijoloġiċi (“UVCB”), polimeri u omologi]

Nru tal-KE

:

Nru tas-CAS

:

Proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrina (l-Artikolu 57(f) — l-ambjent)

l-4 ta' Lulju 2019

l-4 ta' Jannar 2021

43.

4-Nonilfenol, ramifikati u lineari, etossilati

[sustanzi b'katina ta' alkil lineari u/jew ramifikati bin-numru tal-karbonju ta' 9 b'rabta kovalenti fil-pożizzjoni 4 għall-fenol, etossilati li jkopru sustanzi UVCB u sustanzi definiti tajjeb, polimeri u omologi, li jinkludu kull iżomeru individwali u/jew taħlitiet tagħhom]

Nru tal-KE

:

Nru tas-CAS

:

Proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrina (l-Artikolu 57(f) — l-ambjent)

l-4 ta' Lulju 2019

l-4 ta' Jannar 2021

—”

2.

Is-simbolu “(*)” jiddaħħal ħdejn id-data indikata fil-kolonna “L-aħħar data tal-applikazzjoni” għan-numri tal-entrati tas-sustanzi li ġejjin: 4, 5, 6, 7, 10, 11, 12, 14, 15, 16, 17, 18, 19, 20, 21, 22, 23, 25, 27, 28, 29, 30 u 31.

3.

Is-simbolu “(**)” jiddaħħal ħdejn id-data indikata fil-kolonna “Data tat-terminazzjoni” għan-numri tal-entrati tas-sustanzi li ġejjin: 4, 5, 6, 7, 10, 11, 12, 14, 15, 16, 17, 18, 19, 20, 21, 22, 23, 25, 27, 28, 29, 30 u 31.

4.

In-noti li ġejjin jiddaħħlu wara t-tabella:

“(*)

l-1 ta' Settembru 2019 għall-użu tas-sustanza fil-produzzjoni ta' parts tal-bdil għat-tiswija ta' oġġetti li l-produzzjoni tagħhom tkun waqfet jew li tkun se tieqaf qabel id-data tat-terminazzjoni indikata fl-entrata għal dik is-sustanza, meta dik is-sustanza tkun intużat fil-produzzjoni ta' dawk l-oġġetti u dawn ma jkunux jistgħu jaħdmu kif suppost mingħajr dik il-part tal-bdil, u għall-użu tas-sustanza (waħedha jew f'taħlita) għat-tiswija ta' dawk l-oġġetti meta dik is-sustanza waħedha jew f'taħlita tkun intużat fil-produzzjoni ta' dawk l-oġġetti u li dawn ma jistgħux jissewwew b'xi mod ieħor għajr bl-użu ta' dik is-sustanza.

(**)

l-1 ta' Marzu 2021 għall-użu tas-sustanza fil-produzzjoni ta' parts tal-bdil għat-tiswija ta' oġġetti li l-produzzjoni tagħhom tkun waqfet jew li tkun se tieqaf qabel id-data tat-terminazzjoni indikata fl-entrata għal dik is-sustanza, meta dik is-sustanza tkun intużat fil-produzzjoni ta' dawk l-oġġetti u dawn ma jkunux jistgħu jaħdmu kif suppost mingħajr dawk il-parts tal-bdil, u għall-użu tas-sustanza (waħedha jew f'taħlita) għat-tiswija ta' dawk l-oġġetti meta dik is-sustanza tkun intużat fil-produzzjoni ta' dawk l-oġġetti u li dawn ma jistgħux jissewwew b'xi mod ieħor għajr bl-użu ta' dik is-sustanza.

(***)

Ma tissodisfax il-kriterji għall-identifikazzjoni bħala karċinoġenu jekk tinkludi < 0,005 % (piż skont il-piż) benżo[a]piren (EINECS Nru 200-028-5)”


(1)  Id-data msemmija fl-Artikolu 58(1)(c)(ii).

(2)  Id-data msemmija fl-Artikolu 58(1)(c)(i).


Top