This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32017R0180
Commission Delegated Regulation (EU) 2017/180 of 24 October 2016 supplementing Directive 2013/36/EU of the European Parliament and of the Council with regard to regulatory technical standards for benchmarking portfolio assessment standards and assessment-sharing procedures (Text with EEA relevance. )
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/180 tal-24 ta' Ottubru 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji għall-valutazzjoni komparattiva tal-istandards ta' valutazzjoni tal-portafoll u l-proċeduri ta' kondiviżjoni ta' valutazzjoni (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/180 tal-24 ta' Ottubru 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji għall-valutazzjoni komparattiva tal-istandards ta' valutazzjoni tal-portafoll u l-proċeduri ta' kondiviżjoni ta' valutazzjoni (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )
C/2016/6703
ĠU L 29, 3.2.2017, p. 1–9
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
3.2.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 29/1 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/180
tal-24 ta' Ottubru 2016
li jissupplimenta d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji għall-valutazzjoni komparattiva tal-istandards ta' valutazzjoni tal-portafoll u l-proċeduri ta' kondiviżjoni ta' valutazzjoni
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (1), u b'mod partikolari it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 78(7) tagħha,
Billi:
(1) |
Huwa neċessarju li jiġu stabbiliti standards għall-valutazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-approċċi interni adottati mill-istituzzjonijiet li jikkalkulaw ir-rekwiżiti ta' fondi proprji u jiġu stabbiliti regoli dettaljati rigward il-proċeduri ta' kondiviżjoni ta' dawk il-valutazzjonijiet bejn awtoritajiet kompetenti bis-setgħa li jissorveljaw il-firxa ta' ammonti ta' skoperturi ppeżati skont ir-riskju jew ir-rekwiżiti ta' fondi proprji minn istituzzjonijiet li huma permessi li jużaw approċċi interni għall-kalkolu ta' dawk l-ammonti jew ir-rekwiżiti ta' fondi proprji. |
(2) |
Il-valutazzjoni tal-kwalità ta' approċċi avvanzati ta' istituzzjonijiet tippermetti paragun tal-approċċi interni fil-livell tal-Unjoni, filwaqt li l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) tgħin lill-awtoritajiet kompetenti fil-valutazzjoni tagħhom tal-potenzjal ta' sottovalutazzjoni tar-rekwiżiti ta' fondi proprji. Ir-regoli dwar il-proċeduri għall-kondiviżjoni tal-valutazzjonijiet għandhom jinkludu dispożizzjonijiet xierqa dwar it-twaqqit tal-kondiviżjoni tal-valutazzjonijiet mal-awtoritajiet kompetenti rilevanti u l-EBA. |
(3) |
L-awtoritajiet kompetenti responsabbli mis-superviżjoni ta' istituzzjonijiet li jagħmlu parti minn grupp soġġett għal superviżjoni konsolidata għandhom interess leġittimu tal-kwalità tal-approċċi interni użati minn dawn l-istituzzjonijiet, billi dawn jikkontribwixxu għad-deċiżjoni konġunta tal-approvazzjoni tal-approċċi interni fl-ewwel lok, bis-saħħa tal-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Ir-regoli dwar il-proċeduri għall-kondiviżjoni tal-valutazzjonijiet magħmula f'konformità mal-Artikolu 78(3) tad-Direttiva 2013/36/UE għandhom ukoll jispeċifikaw li l-obbligi ta' kooperazzjoni u kondiviżjoni ta' informazzjoni fi ħdan il-kulleġġi japplikaw fil-kuntest partikolari ta' eżerċizzju tal-valutazzjoni komparattiva. |
(4) |
Sabiex jiġi żgurat li l-valutazzjonijiet imwettqa skont l-Artikolu 78(3) tad-Direttiva 2013/36/UE jkunu kondiviżi b'mod effiċjenti u prattikabbli, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jgħarrfu l-istima tagħhom jew l-opinjonijiet tagħhom dwar il-livell ta' sottovalutazzjoni potenzjali tar-rekwiżiti ta' fondi proprji li jirriżultaw mill-approċċi interni użati mill-istituzzjonijiet u r-raġunament wara l-konklużjonijiet tal-valutazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti. Barra minn hekk, azzjonijiet korrettivi attwali jew previsti mill-awtoritajiet kompetenti f'konformità mal-Artikolu 78(4) ta' dik id-Direttiva huma wkoll rilevanti għal awtoritajiet kompetenti oħra responsabbli għas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet li jagħmlu parti minn grupp soġġett għal superviżjoni konsolidata kif għandhom interess leġittimu kontinwu fil-kwalità ta' approċċ intern użat minn dawk l-istituzzjonijiet. Barra minn hekk, azzjonijiet korrettivi attwali jew previsti mill-awtoritajiet kompetenti għandhom isiru wkoll disponibbli lill-EBA skont l-Artikolu 107(1) ta' din id-Direttiva, peress li dawn huma meħtieġa sabiex l-EBA tkun tista' twettaq il-kompiti tagħha. |
(5) |
Ir-rapport EBA li sar biex jassisti lill-awtoritajiet kompetenti fil-valutazzjoni tal-kwalità tal-approċċi interni hu l-pedament tal-eżerċizzju tal-valutazzjoni komparattiva, peress li dan ir-rapport jinkludi r-riżultati tat-tqabbil tal-istituzzjonijiet rilevanti mal-pari tagħhom fil-livell tal-Unjoni. Għalhekk, l-informazzjoni li tinsab fir-rapport EBA għandha tikkostitwixxi l-bażi li fuqha l-awtoritajiet kompetenti jiddeċiedu liema ditti u l-portafolli għandhom jiġu evalwati b'“attenzjoni partikolari” skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 78(3) tad-Direttiva 2013/36/UE. |
(6) |
Ir-riżultati tal-valutazzjoni tal-kwalità tal-approċċi interni jiddependu fuq il-kwalità tad-dejta rrappurtata mill-istituzzjonijiet rilevanti skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2070 (3), li għandhom ukoll ikunu konsistenti u komparabbli. Għaldaqstant, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu meħtieġa li jikkonfermaw l-applikazzjoni korretta ta' dak ir-Regolament ta' Implimentazzjoni minn istituzzjonijiet, speċjalment fir-rigward tal-applikazzjoni tal-għażla disponibbli għall-istituzzjonijiet biex joqogħdu lura milli jirrappurtaw ċerti portafolli individwali. |
(7) |
Fejn l-awtoritajiet kompetenti jikkalkulaw il-limiti skont l-approċċ standardizzat, għandu jsir aġġustament tar-rekwiżiti ta' fondi proprji għar-riskju ta' kreditu li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-approċċ standardizzat, għal raġunijiet ta' prudenza. Dan l-aġġustament għandu jkun stabbilit fil-livell applikabbli għall-komputazzjoni tal-minimu tranżizzjonali ta' Basel I skont l-Artikolu 500 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. |
(8) |
Il-parametri referenzjarji bbażati fuq l-approċċ standardizzat bħalissa mhumiex meqjusa xierqa biex jiġu komputati f'każ ta' riskju tas-suq, peress li dawn jistgħu jwasslu għal distorsjonijiet. Minħabba differenzi metodoloġiċi kbar fil-komputazzjoni tar-rekwiżiti ta' fondi proprji skont l-approċċi standardizzati u interni, l-aktar minħabba differenzi qawwija f'aggregazzjoni jew diversifikazzjoni ta' pożizzjonijiet individwali, paragun bejn iż-żewġ parametri skont ir-riskju tas-suq tal-portafolli ż-żgħar ma jipprovdix indikazzjoni sew ta' sottovalutazzjoni potenzjali tar-rekwiżiti ta' fondi proprji. Fejn komputazzjonijiet ta' approċċ standardizzat jitqiesu fil-valutazzjoni ta' mudelli tar-riskju ta' kreditu, l-użu tagħhom għandu jkun maħsub biss bħala punti ta' riferiment għall-valutazzjoni, minflok bħala minimi. |
(9) |
Fil-valutazzjoni tal-kwalità tal-approċċi interni tal-istituzzjonijiet kif ukoll il-grad ta' varjabbiltà osservat f'approċċi partikolari, l-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx jiffukaw biss fuq ir-riżultati iżda għandu jkollhom l-għan li jiddeterminaw il-fatturi ewlenin ta' varjabbiltà u jaslu għal konklużjonijiet f'diversi approċċi ta' mmudellar. Għalhekk, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jintalbu jieħdu kont tar-riżultati tal-kalkoli tal-valur fir-riskju alternattiv (value-at-risk, VaR) u tal-valur fir-riskju taħt stress (stressed value-at-risk, sVaR) ibbażati fuq serje kronoloġika ta' qligħ u telf. |
(10) |
Peress li r-rwol tal-awtoritajiet kompetenti fl-investigazzjoni u l-konferma tal-kwalità tal-approċċi interni huwa fundamentali, minbarra l-informazzjoni rrappurtata mill-istituzzjonijiet skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/2070, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jużaw is-setgħat tagħhom skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 biex japprovaw u jirrevedu approċċi interni, b'mod proattiv, billi jfittxu informazzjoni ulterjuri li tkun utli għall-valutazzjoni tal-kwalità tal-approċċi interni li attwalment għaddejja. |
(11) |
Għall-valutazzjoni tar-riskju tas-suq, l-ittestjar retrospettiv, ibbażat kemm fuq bidliet ipotetiċi kif ukoll dawk reali fil-valur tal-portafoll, hu diġà meħtieġ li jitwettaq fuq bażi ta' kuljum għall-pożizzjonijiet fl-aħħar tal-ġurnata tal-portafoll kollu, kif stabbilit fl-Artikolu 366(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. In-numru ta' qbiż (over-shootings) għandu jiġi kkomunikat lill-awtoritajiet kompetenti u jintuża b'mod regolari biex jivvaluta l-prestazzjoni tal-mudell u biex jiddetermina fatturi miżjuda għall-multiplikaturi regolatorji VaR u sVaR. Għalhekk, l-ebda testijiet retrospettivi addizzjonali ma għandhom jiġu applikati jew evalwati għall-portafolli relatati mal-approċċi tar-riskju tas-suq interni. |
(12) |
Il-fatt li l-eżitu tal-eżerċizzju tal-valutazzjoni komparattiva għal portafoll individwali hu valur estrem jew huwa identifikat fir-rapport EBA biex jiġi rieżaminat mill-awtoritajiet kompetenti ma għandux bilfors jimplika li l-mudell użat mill-istituzzjoni hu korrett jew żbaljat. F'dan ir-rigward, il-valutazzjonijiet imwettqa mill-awtoritajiet kompetenti għandhom jintużaw bħala għodda biex jinkiseb għarfien aktar fil-fond dwar is-suppożizzjonijiet tal-mudelli u tal-immudellar tal-istituzzjonijiet. Barra minn hekk, l-analiżi tad-differenzi potenzjali bejn ir-rekwiżiti ta' fondi proprji għar-riskju tal-kreditu kif irrapportat mill-istituzzjonijiet skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/2070, u fuq ir-rekwiżiti ta' fondi proprji għar-riskju tal-kreditu li jirriżultaw mill-użu ta' parametri ta' riskju osservati preċedentement (“eżiti”) għandhom jintużaw mill-awtoritajiet kompetenti bħala indikatur sostitut ta' sottovalutazzjoni sinifikanti u sistematika tar-rekwiżiti ta' fondi proprji, iżda ma għandhom qatt jissostitwixxu l-validazzjoni xierqa ta' approċċ intern. |
(13) |
Bl-użu tar-riżultati ta' valutazzjoni komparattiva, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkunsidraw il-limitazzjonijiet possibbli tad-dejta u dan jiġi rifless fil-valutazzjoni tagħhom kif ikun xieraq. Metriċi addizzjonali bbażati fuq l-eżiti għandhom jiġu kkalkolati mill-EBA abbażi tal-informazzjoni miġbura u se jkomplu jikkontribwixxu għall-analiżi. Bl-istess mod, minħabba li r-rekwiżiti ta' fondi proprji magħmula minn mudelli ta' riskju tas-suq huma dipendenti fuq portafoll u kwalunkwe konklużjoni miksuba f'livelli diżaggregati ma jistgħux jiġu estrapolati mingħajr kritika għal portafolli reali miżmuma minn istituzzjonijiet, kwalunkwe konklużjoni preliminari bbażata biss fuq il-livell totali ta' kapital ġej minn portafolli aggregati għandha titqies b'kawtela. Meta jiġu vvalutati r-riżultati miksuba, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkunsidraw li anke jekk dawn il-portafolli aggregati li jinkludu l-ikbar għadd ta' strumenti xorta ser ikunu differenti ħafna minn portafoll reali f'termini ta' daqs u struttura. Barra minn hekk, billi l-biċċa l-kbira tal-istituzzjonijiet mhux se jkunu kapaċi jimmudellaw il-portafolli kollha mhux aggregati, ir-riżultati jistgħu ma jkunux komparabbli f'kull każ. Barra minn hekk, wieħed għandu jżomm f'moħħu li d-dejta ma tkunx tirrifletti l-azzjonijiet kollha dwar il-fondi proprji, bħar-restrizzjonijiet fuq il-benefiċċji ta' diversifikazzjoni jew żidiet ta' fondi proprji introdotti biex ikunu indirizzati n-nuqqasijiet ta' mudellar jew il-fatturi ta' riskju neqsin. |
(14) |
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-istandards tekniċi regolatorji abbozzati ppreżentati mill-Awtorità Bankarja Ewropea lill-Kummissjoni. |
(15) |
L-Awtorità Bankarja Ewropea wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħin dwar l-istandards tekniċi regolatorji abbozzati li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Proċeduri għal kondiviżjoni ta' valutazzjonijiet
1. L-awtoritajiet kompetenti li jwettqu valutazzjoni annwali tal-kwalità tal-approċċi interni tal-istituzzjonijiet skont l-Artikolu 78(3) tad-Direttiva 2013/36/UE għandhom jikkondividu dawn l-evalwazzjonijiet l-oħra kollha rilevanti mal-awtoritajiet kompetenti u mal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) fi żmien tliet xhur wara ċ-ċirkolazzjoni tar-rapport magħmul mill-EBA msemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 78(3) ta' dik id-Direttiva.
2. Mal-wasla tal-valutazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, l-EBA għandha tikkondividi mal-awtoritajiet kompetenti rilevanti responsabbli għas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet, li jagħmlu parti minn grupp soġġett għal superviżjoni konsolidata fejn l-awtoritajiet kompetenti li ppreparaw dawk il-valutazzjonijiet għadhom ma għamlux dan.
Artikolu 2
Proċeduri għall-kondiviżjoni ta' informazzjoni ma' awtoritajiet kompetenti oħrajn u mal-EBA
Meta l-kondiviżjoni tal-valutazzjonijiet issir f'konformità mal-Artikolu 78(3) tad-Direttiva 2013/36/UE, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu l-informazzjoni li ġejja:
(a) |
il-konklużjonijiet u r-raġuni fundamentali tal-valutazzjoni tagħhom, ibbażati fuq l-applikazzjoni ta' standards ta' valutazzjoni msemmija fl-Artikoli 3 sa 11; |
(b) |
il-fehmiet tagħhom dwar il-livell ta' sottovalutazzjoni potenzjali tar-rekwiżiti ta' fondi proprji li jirriżultaw mill-approċċi interni użati mill-istituzzjonijiet. |
Artikolu 3
Ħarsa ġenerali
1. Meta titwettaq il-valutazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 78(3) jew tad-Direttiva 2013/36/UE, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jidentifikaw approċċi interni li jeħtieġu valutazzjoni speċifika b'mod li jkun proporzjonat man-natura, l-iskala u l-kumplessità tar-riskji inerenti fil-mudell tan-negozju kif ukoll ir-rilevanza mill-portafolli inklużi fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/2070 għall-istituzzjoni b'rabta mal-profil ta' riskju tal-istituzzjoni. Huma għandhom jieħdu kont ukoll tal-analiżi pprovduta fir-Rapport tal-EBA msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 78(3) tad-Direttiva 2013/36/UE kif ġej:
(a) |
huma għandhom jittrattaw valuri li jirriżultaw mill-immudellar li huma kkunsidrati bħala estremi fir-rapport tal-EBA bħala indikazzjoni ta' differenzi sinifikanti f'rekwiżiti ta' fondi proprji skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 78(3) tad-Direttiva 2013/36/UE; |
(b) |
huma għandhom jittrattaw valuri li jirriżultaw mit-tfassil u mid-devjazzjoni standard ta' dawk il-valuri għal skoperturi f'portafoll ta' valutazzjoni komparattiva jew portafolli ta' valutazzjoni komparattiva simili identifikati fir-rapport tal-EBA bħala indikazzjoni preliminari ta' differenzi sinifikanti u diversità baxxa jew għolja ta' diversità, kif applikabbli, fir-rekwiżiti ta' fondi proprji skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 78(3) tad-Direttiva 2013/36/UE; |
(c) |
huma għandhom jittrattaw id-differenzi potenzjali kkalkolati skont l-Artikolu 4 ta' dan ir-Regolament bħala indikazzjoni preliminari ta' sottovalutazzjoni sinifikanti u sistematika tar-rekwiżiti ta' fondi proprji skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 78(3) tad-Direttiva 2013/36/UE; |
(d) |
huma għandhom iqisu d-differenzi potenzjali bejn parametri tar-riskju stmati rrapportati mill-istituzzjonijiet skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/2070 u l-parametri tar-riskju storikament osservati (“eżiti”) li jiġu rrapportati mill-istituzzjonijiet skont dak ir-Regolament ta' Implimentazzjoni bħala indikazzjoni preliminari ta' differenzi sinifikanti f'rekwiżiti ta' fondi proprji skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 78(3) tad-Direttiva 2013/36/UE; |
(e) |
huma għandhom iqisu d-differenzi potenzjali bejn ir-rekwiżiti ta' fondi proprji għar-riskju tal-kreditu kif irrapportat mill-istituzzjonijiet skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/2070 u tar-rekwiżiti ta' fondi proprji għar-riskju ta' kreditu li jirriżultaw mill-użu ta' twettiq mill-istituzzjonijiet skont dak ir-Regolament ta' Implimentazzjoni jew kkalkolati mill-EBA fir-rapport tagħha msemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 78(3) tad-Direttiva 2013/36/UE bħala indikazzjoni preliminari ta' sottovalutazzjoni sinifikanti u sistematika tar-rekwiżiti ta' fondi proprji skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 78(3) ta' dik id-Direttiva. Meta jintuża r-rapport ipprovdut mill-EBA, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jqisu l-limitazzjonijiet tad-dejta possibbli u dan jiġi rifless fil-valutazzjoni tagħhom kif ikun xieraq. |
2. Meta jwettqu l-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-awtoritajiet kompetenti għandhom japplikaw l-istandards ta' valutazzjoni msemmija fl-Artikoli 6 sa 11.
Artikolu 4
Komputazzjoni ta' differenzi potenzjali għal riskju ta' kreditu bl-użu ta' Approċċ Standardizzat
1. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkalkulaw id-differenzi potenzjali msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 3(1) billi jnaqqsu r-rekwiżiti ta' fondi proprji għar-riskju tal-kreditu kif irrapportat mill-istituzzjonijiet skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/2070 dwar ir-rekwiżiti ta' fondi proprji għar-riskju tal-kreditu li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-approċċ standardizzat. Barra minn hekk, huma għandhom jikkalkulaw l-istatistika tal-parametru referenzjarju rigward dawk id-differenzi kif ġej:
(a) |
għal portafolli b'riskju baxx ta' inadempjenza (low default portfolios, LDPs), fil-livell ta' portafoll esklużi l-iskoperturi għal gvern ċentrali tal-Istati Membri u għall-banek ċentrali ddenominati u ffinanzjati fil-munita domestika kif imsemmi fl-Artikolu 114(4) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013; |
(b) |
għal portafolli b'riskju għoli ta' inadempjenza (high default portfolios, HDPs), fil-livell tal-portafoll. |
2. Għall-komputazzjoni tal-istatistika ta' valur referenzjarju msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jużaw ir-rekwiżiti ta' fondi proprji għar-riskju ta' kreditu aġġustat fil-livell applikabbli għall-komputazzjoni tal-minimu tranżizzjonali ta' Basel I skont l-Artikolu 500 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.
Artikolu 5
Komputazzjoni ta' differenzi potenzjali għal eżiti bl-użu ta' riskju ta' kreditu
Għall-finijiet tal-punt (d) u (e) tal-Artikolu 3(1), l-awtoritajiet kompetenti għandhom jużaw kemm eżiti medji ta' sena kif ukoll ta' ħames snin għall-komputazzjoni tad-diverġenzi.
Artikolu 6
Standards ta' valutazzjoni
1. Meta jwettqu l-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) ta' dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jivvalutaw il-konformità tal-istituzzjonijiet mar-rekwiżiti tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/2070, meta l-istituzzjonijiet ikunu eżerċitaw l-għażla tal-Artikolu 3(2) ta' dak ir-Regolament ta' Implimentazzjoni sabiex iressqu aktar rappurtaġġ limitat skont dak ir-Regolament ta' Implimentazzjoni. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħmlu dan billi jikkonfermaw ir-raġunament u l-ġustifikazzjoni għal kwalunkwe limitazzjonijiet fir-rappurtar li dawn l-istituzzjonijiet ipprovdew skont dak ir-Regolament ta' Implimentazzjoni.
2. Meta jwettqu l-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1), l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinvestigaw ir-raġunijiet għal sottovalutazzjoni sinifikanti u sistematika u għad-diversità għolja u baxxa fir-rekwiżiti ta' fondi proprji msemmija f'dak il-paragrafu, kif ġej:
(a) |
għal valutazzjonijiet relatati ma' approċċi tar-riskju ta' kreditu, billi jiġu applikati l-istandards imsemmija fl-Artikoli 7 u 8; |
(b) |
għal valutazzjonijiet relatati ma' approċċi tar-riskju tas-suq, billi jiġu applikati l-istandards imsemmija fl-Artikoli 9 sa 11. |
Artikolu 7
Standards ġenerali ta' valutazzjoni għal approċċi interni għar-riskju ta' kreditu
1. Meta jwettqu valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) rigward l-approċċi għar-riskju ta' kreditu, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jużaw mill-inqas l-informazzjoni dwar l-approċċi interni applikati għall-portafolli ta' valutazzjoni komparattiva li tinsab fid-dokumenti li ġejjin, fejn rilevanti:
(a) |
ir-rapport tal-EBA li għalih hemm referenza fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 78(3) tad-Direttiva 2013/36/UE; |
(b) |
ir-rapporti ta' validazzjoni regolari tal-istituzzjoni; |
(c) |
dokumentazzjoni tal-mudell inklużi manwali, dokumentazzjoni dwar l-iżvilupp u l-kalibrazzjoni tal-mudell u l-metodoloġija ta' approċċi interni; |
(d) |
rapporti dwar żjarat fuq il-post. |
2. Meta jwettqu valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) rigward ir-riskju ta' kreditu, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iqisu dawn l-elementi li ġejjin, fejn rilevanti:
(a) |
jekk l-istituzzjoni tuża l-istimi proprji ta' Telf fil-Każ ta' Inadempjenza (loss given default, LGD) u tal-fatturi ta' konverżjoni skont l-Artikolu 143 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013; |
(b) |
il-perimetru ta' applikazzjoni tal-mudell u r-rappreżentattività tal-portafolli ta' valutazzjoni komparattiva; |
(c) |
il-karatteristiċi ewlenin ta' mudelli bħal li ssir distinzjoni bejn mudelli mfassla u kkalibrati f'livell ta' grupp ċentralizzat (globali) u mudelli mfassla u kkalibrati biss fil-livell ta' ġuriżdizzjoni ospitanti (lokali), mudelli ta' bejjiegħa u tal-istituzzjoni, mudelli żviluppati u kkalibrati bl-użu ta' dejta interna u mudelli żviluppati u kkalibrati bl-użu ta' dejta esterna; |
(d) |
id-dejta dwar approvazzjoni ta' mudell u d-dejta dwar l-iżvilupp ta' mudell; |
(e) |
il-paragun bejn ir-rati ta' inadempjenza mbassra u osservati matul il-perjodu ta' żmien rilevanti; |
(f) |
it-tqabbil ta' tnaqqis prevista tal-LGDs ma' LGDs osservati; |
(g) |
it-tqabbil ta' skoperturi stmati u osservati fl-inadempjenza; |
(h) |
it-tul tas-serje taż-żmien użat u, kif applikabbli, l-inklużjoni ta' snin f'diffikultà jew in-natura u r-rilevanza ta' xi aġġustament fil-kundizzjonijiet għall-qbid ta' tnaqqis fir-ritmu ekonomiku u ż-żieda ta' marġnijiet ta' konservatiżmu fil-mudelli ta' kalibrazzjoni; |
(i) |
it-tibdiliet riċenti fil-kompożizzjoni tal-portafoll tal-istituzzjoni fejn qed jiġi applikat approċċ intern; |
(j) |
is-sitwazzjoni makroekonomika u mikroekonomika tal-portafoll tal-istituzzjoni, tal-istrateġija tar-riskju u tan-negozju kif ukoll tal-proċess intern, bħalma huma proċeduri ta' rkupru għal assi mhux imħallsa (“proċeduri operattivi”); |
(k) |
il-pożizzjoni attwali taċ-ċiklu, l-għażla ta' klassifikazzjoni ta' filosofija bejn punt fiż-żmien (point-in-time, PIT) jew abbażi taċ-ċiklu kollu (through-the-cycle, TTC) u ċ-ċikliċità osservata fil-mudell; |
(l) |
in-numru ta' gradi ta' klassifikazzjoni u dimensjonijiet użati mill-istituzzjonijiet fil-probabbiltà ta' inadempjenza (probability of default, PD), LGD, mudelli ta' fattur ta' konverżjoni; |
(m) |
id-definizzjonijiet tar-rati ta' inadempjenza u ta' kura użati mill-istituzzjoni; |
(n) |
l-inklużjoni jew le ta' proċeduri operattivi miftuħa tul iż-żmien użat għall-kalibrazzjoni ta' mudelli tal-LGD, fejn applikabbli. |
3. Fejn l-awtoritajiet kompetenti jqisu li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ma tkunx biżżejjed sabiex jintlaħqu konklużjonijiet rigward l-elementi elenkati fil-paragrafu 2, huma għandhom minnufih jiġbru mill-istituzzjonijiet l-informazzjoni addizzjonali li huma jqisu meħtieġa sabiex tiffinalizza l-valutazzjoni tagħhom.
Meta jiddeċiedu dwar liema informazzjoni addizzjonali tinġabar, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iqisu l-materjalità u r-rilevanza tad-devjazzjoni ta' parametri tal-istituzzjoni u r-rekwiżiti tal-fondi proprji. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiġbru l-informazzjoni addizzjonali li huma jiddeċiedu li hija l-iktar xierqa, inklużi permezz ta' kwestjonarji, intervisti u żjarat ad hoc fuq il-post.
Artikolu 8
Standards ta' valutazzjoni għal approċċi interni għal riskju ta' kreditu speċifiku għal-LDP
1. Meta jwettqu valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) rigward il-kontropartijiet LDP stabbiliti fil-mudell 101 tal-Anness I tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/2070, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jivvalutaw jekk id-differenzi bejn ir-rekwiżiti ta' fondi proprji għar-riskju tal-kreditu ta' istituzzjoni u dawk tal-pari tiegħu huma mmexxija minn xi waħda minn dawn li ġejjin:
(a) |
il-klassifikazzjoni differenti tal-kontropartijiet inklużi fil-kampjuni LDP jew livelli differenti ta' PD assenjati lil kull grad; |
(b) |
it-tipi ta' faċilità speċifiċi, strumenti kollaterali il-jew post tal-kontropartijiet; |
(c) |
l-eteroġeneità fil-PDs, LGDs, maturitajiet jew fatturi ta' konverżjoni; |
(d) |
il-prattiki ta' kollateralizzazzjoni; |
(e) |
il-livell ta' indipendenza minn klassifikazzjonijiet esterni ta' valutazzjoni u l-frekwenza għall-aġġornament tal-klassifikazzjoni interna. |
2. Fejn l-istituzzjoni tikklassifika kontroparti bħala “inadempjenti” filwaqt li l-istituzzjonijiet jikklassifikawha bħala “effiċjenti”, jew viċi versa, l-awtoritajiet kompetenti għandhom japplikaw l-approċċ imsemmi fil-paragrafu 1 għal dik il-kontroparti.
Artikolu 9
Standards ta' valutazzjoni ġenerali għal approċċi interni għar-riskju tas-suq
1. Meta jwettqu valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1), l-awtoritajiet kompetenti għandhom jużaw mill-inqas l-informazzjoni dwar l-approċċi interni applikati għall-portafolli ta' valutazzjoni komparattiva li tinsab fid-dokumenti li ġejjin, fejn rilevanti:
(a) |
ir-rapport tal-EBA li għalih hemm referenza fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 78(3) tad-Direttiva 2013/36/UE; |
(b) |
ir-rapporti ta' validazzjoni ta' istituzzjoni, imwettqa minn partijiet indipendenti, meta l-mudell intern jiġi żviluppat inizjalment u meta ssir kwalunkwe bidla sinifikanti fil-mudell intern. Din l-informazzjoni għandha tinkludi testijiet biex juru li kwalunkwe ipoteżi mwettqa fi ħdan l-approċċi interni huma xierqa u ma jissottovalutawx jew ma jissopravalutawx ir-riskju, ittestjar retrospettiv speċifiku mfassal b'rigward tar-riskji u l-istrutturi tal-portafolli tagħhom u l-użu ta' portafolli ipotetiċi sabiex jiġi żgurat li l-approċċi interni huma kapaċi jqisu karatteristiċi strutturali partikolari li jistgħu jinqalgħu, pereżempju riskji ta' bażi materjali u riskju ta' konċentrazzjoni; |
(c) |
notifiki tan-numru u l-ġustifikazzjoni ta' ttestjar retrospettiv ta' kuljum, in-numru ta' qbiż (over-shootings) osservat matul is-sena ta' qabel, fuq il-bażi ta' ttestjar b'lura fuq bidliet ipotetiċi u reali fil-valur tal-portafoll. |
(d) |
dokumentazzjoni tal-mudell inklużi manwali, dokumentazzjoni dwar l-iżvilupp u l-kalibrazzjoni tal-mudell u l-metodoloġija ta' approċċi interni; |
(e) |
rapporti dwar żjarat fuq il-post. |
2. Meta jwettqu valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1), l-awtoritajiet kompetenti għandhom iqisu dawn l-elementi li ġejjin, fejn rilevanti:
(a) |
l-għażla tal-metodoloġija VaR applikata mill-istituzzjoni; |
(b) |
il-perimetru ta' applikazzjoni tal-mudell u r-rappreżentattività tal-portafolli ta' valutazzjoni komparattiva; |
(c) |
il-ġustifikazzjoni u l-bażi loġika f'każ li fattur ta' riskju jkun inkorporat fil-mudell tal-ipprezzar tal-istituzzjoni iżda mhux fil-mudell tal-kalkolu tar-riskji; |
(d) |
is-sett ta' fatturi tar-riskju inkorporat li jikkorrispondi mar-rati tal-imgħax f'kull munita li fiha l-istituzzjoni jkollha pożizzjonijiet sensittivi għar-rata tal-imgħax fil-karta tal-bilanċ jew barra minnha; |
(e) |
l-għadd ta' segmenti ta' maturità li fihom tinqasam kull kurva tar-rendiment; |
(f) |
il-metodoloġija applikata tkopri wkoll ir-riskju inqas ta' movimenti korrelatati mhux b'perfezzjoni bejn il-kurvi tar-rendiment differenti; |
(g) |
is-sett ta' fattur tar-riskju mfassal jikkorrispondi għad-deheb u l-muniti barranin individwali li fihom ikunu denominati l-pożizzjonijiet tal-istituzzjoni; |
(h) |
l-għadd ta' fatturi ta' riskju użati sabiex ikopru riskju tal-ekwità; |
(i) |
il-metodoloġija applikata biex tivvaluta r-riskju li jinħoloq minn pożizzjonijiet inqas likwidi u pożizzjonijiet bi trasparenza limitata tal-prezzijiet f'xenarji realistiċi tas-suq; |
(j) |
ir-rekord ta' prokuri użati fil-mudell, il-valutazzjoni tal-impatt tagħhom fuq ir-riskji metriċi; |
(k) |
it-tul tas-serje taż-żmien użati għal VaR; |
(l) |
il-metodoloġija applikata għad-determinazzjoni tal-perjodu ta' stress għal sVaR, l-adegwatezza tal-perjodu ta' stress magħżul għall-portafolli ta' valutazzjoni komparattiva; |
(m) |
il-metodoloġiji applikati fil-mudell tal-kejl tar-riskji għandhom jaqbdu nonlinearitajiet għall-għażliet, b'mod partikolari fejn l-istituzzjoni tuża approċċi ta' approssimazzjoni Taylor minflok ta' rivalutazzjoni sħiħa, u prodotti oħra kif ukoll ir-riskju tal-korrelazzjoni u r-riskju tal-bażi. |
(n) |
il-metodoloġiji applikati sabiex jaqbdu r-riskju ta' bażi relatat mal-isem u jekk huwiex sensittiv għal differenzi idjosinkratiċi materjali bejn pożizzjonijiet simili iżda mhux identiċi; |
(o) |
il-metodoloġiji applikati sabiex jaqbdu r-riskju ta' avvenimenti; |
(p) |
għal mudell intern tar-riskju inkrimentali ta' inadempjenza u ta' migrazzjoni (IRC), il-metodoloġiji applikati biex jiġu determinati perjodi tal-likwidità minn pożizzjoni, kif ukoll il-PDs, l-LGDs u l-matriċi ta' tranżizzjoni użati fis-simulazzjoni msemmija fl-Artikolu 374 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013; |
(q) |
għall-approċċ intern għan-negozjar ta' korrelazzjoni, il-metodoloġiji applikati għall-qbid tar-riskji stipulati fl-Artikolu 377(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, kif ukoll is-suppożizzjonijiet dwar il-korrelazzjoni bejn il-fatturi ta' riskju mmudellati. |
3. Fejn l-awtoritajiet kompetenti jqisu li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ma tkunx biżżejjed sabiex jintlaħqu konklużjonijiet rigward l-elementi elenkati fil-paragrafu 2, huma għandhom minnufih jiġbru mill-istituzzjonijiet l-informazzjoni addizzjonali li huma jqisu meħtieġa sabiex tiffinalizza l-valutazzjoni tagħhom.
Meta jiddeċiedu dwar liema informazzjoni addizzjonali tinġabar, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iqisu l-materjalità u r-rilevanza tad-devjazzjoni ta' parametri tal-istituzzjoni u r-rekwiżiti tal-fondi proprji. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiġbru l-informazzjoni addizzjonali li huma jiddeċiedu li hija l-iktar xierqa, inklużi permezz ta' kwestjonarji, intervisti u żjarat ad hoc fuq il-post.
Artikolu 10
Valutazzjoni ta' differenzi fir-riżultati ta' approċċi interni għar-riskju tas-suq
1. Meta jwettqu valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) rigward ir-riskju tas-suq, l-awtoritajiet kompetenti għandhom japplikaw l-istandards stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 8 ta' dan l-Artikolu.
2. Meta jivvalutaw il-kawżi tad-differenzi għal valuri VaR, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkunsidraw dawn iż-żewġ affarijiet li ġejjin:
(a) |
kwalunkwe kalkolu VaR omoġenizzat alternattiv li l-EBA tista' tipprovdi fir-rapport tagħha msemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 78(3) tad-Direttiva 2013/36/UE, bl-użu tad-dejta disponibbli ta' qligħ u telf; |
(b) |
id-dispersjoni osservata fil-metrika VaR ipprovduta mill-istituzzjonijiet skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/2070. |
3. Għal istituzzjonijiet li jużaw is-simulazzjoni storika, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jivvalutaw il-varjabbiltà osservata kemm fil-kalkoli VaR omoġenizzati VaR kif ukoll fid-dejta VaR irrappurtata minn istituzzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2, sabiex jiġi stabbilit l-effett tal-alternattivi differenti applikati minn dawn l-istituzzjonijiet skont is-simulazzjoni storika.
4. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jivvalutaw it-tixrid fost l-istituzzjonijiet b'relazzjoni għal fatturi oħra tar-riskji inklużi f'kull wieħed minn sorsi varji ta' portafolli ta' valutazzjoni komparattiva bl-użu ta' volatilità u l-korrelazzjoni osservata fil-vettur ta' qligħ u telf ipprovdut mill-istituzzjonijiet li japplikaw is-simulazzjoni storika għal portafolli mhux aggregati.
5. L-awtoritajiet kompetenti għandhom janalizzaw il-mudelli VaR ta' istituzzjoni għal portafolli li jistgħu juru tas-serje ta' żmien ta' qligħ u ta' telf li hu sinifikament differenti mis-serje ta' żmien ta' qligħ u telf mill-esperjenza tal-pari tal-istituzzjoni, kif identifikat fir-rapport EBA msemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 78(3) tad-Direttiva 2013/36/UE, anke fejn l-aħħar rekwiżit ta' fondi proprji ta' portafoll partikolari hu simili għal dak mogħti mill-pari tal-istituzzjoni f'termini assoluti.
6. Barra minn hekk, VaR, sVaR, IRC u l-mudelli użati għal attivitajiet ta' kummerċ ta' korrelazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jivvalutaw l-effett tal-varjabbiltà ta' xprunaturi regolatorji li jużaw id-dejta pprovduta mir-rapport EBA msemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 78(3) tad-Direttiva 2013/36/UE fi ġbir ta' gruppi tar-riżultati tal-metrika minn diversi alternattivi ta' mudellar.
7. Meta l-kawżi tal-varjabbiltà jirriżultaw minn għażliet regolatorji differenti li ġew ivvalutati, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jivvalutaw jekk il-bqija tal-varjabilità u s-sottovalutazzjoni tar-rekwiżiti ta' fondi proprji humiex mmexxija minn wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:
(a) |
nuqqas ta' ftehim dwar il-pożizzjonijiet u l-fatturi ta' riskju involuti; |
(b) |
mudell ta' implimentazzjoni mhux komplut; |
(c) |
fatturi ta' riskju neqsin; |
(d) |
differenzi f'kalibrazzjoni jew f'serje ta' dejta użata f'simulazzjoni ta' mmuddellar; |
(e) |
fatturi ta' riskju addizzjonali inkorporati fil-mudell; |
(f) |
suppożizzjonijiet tal-mudelli alternattivi applikati; |
(g) |
differenzi attribwibbli għall-metodoloġija applikata mill-istituzzjoni. |
8. L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu paragun bejn ir-riżultati miksuba minn portafolli, li huma differenti biss f'fattur speċifiku ta' riskju, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-istituzzjonijiet inkorporawx tali fattur ta' riskju fil-mudelli interni tagħhom b'mod konsistenti mal-istituzzjonijiet pari tagħhom.
Artikolu 11
Valutazzjoni tal-livell tal-fondi proprji għal approċċi interni għar-riskju tas-suq
1. Meta jivvalutaw il-livell ta' fondi proprji ta' kull istituzzjoni, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu kont ta' dan li ġej:
(a) |
il-livell ta' fondi proprji għall-portafoll mhux aggregat; |
(b) |
l-effett tal-benefiċċju ta' diversifikazzjoni applikat minn kull istituzzjoni f'portafolli aggregati, bit-tqabbil tal-ammont ta' fondi proprji tal-portafolli mhux aggregati msemmi fil-punt (a) ta' dan il-paragrafu skont il-livell ta' fondi proprji previst għall-portafoll aggregat, kif previst fir-rapport EBA msemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 78(3) tad-Direttiva 2013/36/UE. |
2. Meta jivvalutaw il-livell ta' fondi proprji ta' istituzzjoni, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ukoll jieħdu kont ta' dan li ġej:
(a) |
l-effett ta' żidiet ta' superviżjoni; |
(b) |
l-effett ta' azzjonijiet superviżorji mhux ikkunsidrati fid-dejta miġbura mill-EBA. |
Artikolu 12
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Ottubru 2016.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).
(3) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2070 tal-14 ta' Settembru 2016 li jistipula l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni għall-formuli, definizzjonijiet u soluzzjonijiet tal-IT li għandhom jintużaw mill-istituzzjonijiet meta jirrappurtaw lill-Awtorità Bankarja Ewropea u lil awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 78(2) tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 2.12.2016, p. 1).
(4) Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).