Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D1790

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1790 tat-12 ta' Frar 2016 dwar il-konklużjoni tar-Reviżjoni 3 tal-Ftehim tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-adozzjoni ta' preskrizzjonijiet tekniċi uniformi għall-vetturi bir-roti, it-tagħmir u l-partijiet li jistgħu jintramaw u/jew jintużaw fuq vetturi bir-roti u l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent reċiproku tal-approvazzjonijiet mogħtija abbażi ta' dawn il-preskrizzjonijiet (“Ftehim Rivedut tal-1958”)

    ĠU L 274, 11.10.2016, p. 2–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 11/10/2016

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/1790/oj

    11.10.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 274/2


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/1790

    tat-12 ta' Frar 2016

    dwar il-konklużjoni tar-Reviżjoni 3 tal-Ftehim tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-adozzjoni ta' preskrizzjonijiet tekniċi uniformi għall-vetturi bir-roti, it-tagħmir u l-partijiet li jistgħu jintramaw u/jew jintużaw fuq vetturi bir-roti u l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent reċiproku tal-approvazzjonijiet mogħtija abbażi ta' dawn il-preskrizzjonijiet (“Ftehim Rivedut tal-1958”)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207 tiegħu, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/836/KE tas-27 ta' Novembru 1997 dwar l-adeżjoni mill-Komunità Ewropea għall-Ftehim tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti li tikkonċerna l-adozzjoni tal-preskrizzjonijiet tekniċi uniformi għall-vetturi bir-roti, tagħmir u partijiet minnhom li jistgħu jitwaħħlu ma' u/jew jiġu użati fuq vetturi bir-roti u l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent reċiproku tal-approvazzjonijiet mogħtija abbażi ta' dawn il-preskrizzjonijiet (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(1) tagħha u l-punt 3 tal-Anness III għaliha,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (2),

    Billi:

    (1)

    Il-Ftehim tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-adozzjoni tal-preskrizzjonijet tekniċi uniformi għall-vetturi bir-roti, tagħmir u partijiet minnhom li jistgħu jitwaħħlu ma' u/jew jiġu użati fuq vetturi bir-roti u l-kundizzjonijet għar-rikonoxximent reċiproku tal-approvazzjonijiet mogħtija abbażi ta' dawn il-preskrizzjonijet (“il-Ftehim”) daħal fis-seħħ fis-16 ta' Ottubru 1995.

    (2)

    L-Artikolu 13 tal-Ftehim jipprovdi għal emendi li jikkonċernaw il-Ftehim innifsu u l-Appendiċijiet tiegħu li għandhom jiġu adottati permezz ta' notifika, minn Parti Kontraenti, tat-test tal-emendi proposti lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, li għandu jgħaddih lill-Partijiet Kontraenti kollha. Jekk l-ebda Parti Kontraenti ma tesprimi oġġezzjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' trażmissjoni tal-emendi proposti mis-Segretarju Ġenerali, l-emendi għandhom jidħlu fis-seħħ għall-Partijiet Kontraenti kollha tliet xhur wara l-iskadenza ta' dak il-perjodu ta' sitt xhur.

    (3)

    Id-WP.29 qabel, fil-150 sessjoni tiegħu li saret f'Marzu 2010, li jistabbilixxi grupp informali bl-għan li dan jgħin lid-WP.29 biex jikkunsidra azzjonijiet dwar id-direzzjoni futura għall-armonizzazzjoni tar-regolamenti dwar il-vetturi skont il-Ftehim. Din id-direzzjoni futura għandu jkollha l-għan li tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni ta' iżjed pajjiżi u organizzazzonijiet għall-integrazzjoni ekonomika reġjonali fl-attivitajiet tal-Forum Dinji u li żżid in-numru ta' Partijiet Kontraenti għall-Ftehim, billi jittejbu l-funzjonament u l-affidabbiltà tiegħu, u b'hekk jiġi żgurat li l-Ftehim jibqa' l-qafas internazzjonali ewlieni għall-armonizzazzjoni tar-regolamenti tekniċi fis-settur tal-karozzi.

    (4)

    Fil-15 ta' Lulju 2013, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati fi ħdan id-WP.29 biex jiġi emendat il-Ftehim. Il-Kummissjoni nnegozjat, f'isem l-Unjoni, proposti għall-emendar ta' dan il-Ftehim fi ħdan il-grupp informali stabbilit mid-WP.29.

    (5)

    Id-WP.29, fil-162 sessjoni tiegħu li saret f'Marzu 2014, ħa nota tal-proposti għar-Reviżjoni 3 tal-Ftehim imħejjija mill-grupp informali, u stieden lill-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim biex jibdew il-proċeduri nazzjonali tagħhom ta' eżaminazzjoni tal-proposti biex jiġi emendat il-Ftehim.

    (6)

    Fil-164 sessjoni tiegħu, li saret f'Novembru 2014, id-WP.29 ħa nota ta' proposta mressqa minn għadd ta' Partijiet Kontraenti għall-Ftehim biex il-livell limitu tal-votazzjoni b'maġġoranza għall-istabbiliment ta' Regolamenti tan-NU ġodda u għall-emendi ta' Regolamenti tan-NU eżistenti jiżdied minn maġġoranza ta' żewġ terzi għal maġġoranza ta' erbgħa minn kull ħames voti. Ir-rappreżentant tal-Unjoni Ewropea ħabbar l-intenzjoni li tiġi stabbilita pożizzjoni koordinata tal-Istati Membri tal-UE dwar din il-proposta.

    (7)

    Il-proposti għar-Reviżjoni 3 tal-Ftehim u biex il-livell limitu tal-votazzjoni b'maġġoranza jiżdied minn maġġoranza ta' żewġ terzi għal maġġoranza ta' erbgħa minn kull ħames voti jilħqu l-objettivi ta' negozjar speċifikati fid-Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati fi ħdan id-WP.29 għar-Reviżjoni 3 tal-Ftehim.

    (8)

    Għalhekk, l-Artikoli 1 sa 15 u l-Appendiċijiet 1 u 2 tal-Ftehim għandhom jiġu emendati kif meħtieġ.

    (9)

    Dawn l-emendi għall-Ftehim għandhom jiġu approvati f'isem l-Unjoni.

    (10)

    Id-WP.29 għandu jorganizza votazzjoni informali biex jiġi vverifikat jekk jistax jinkiseb il-kunsens tal-Partijiet kontraenti kollha għal dawk l-emendi għall-Ftehim, qabel ma jniedi l-proċedura speċifikata fl-Artikolu 13 tiegħu biex jiġi emendat. L-Unjoni għandha tivvota favur dawk il-modifiki.

    (11)

    Wara li l-vot informali fi ħdan id-WP.29 jkun ikkonferma li l-kunsens tal-Partijiet Kontraenti kollha dwar l-emendi proposti għall-Ftehim ikun inkiseb, il-President tal-Kunsill għandu jinnomina rappreżentant tal-Unjoni li jingħata s-setgħa li jinnotifika, kif previst fil-punt 3 tal-Anness III tad-Deċiżjoni 97/836/KE, it-test tal-emendi proposti lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 13.1 tal-Ftehim,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Ir-Reviżjoni 3 tal-Ftehim tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-adozzjoni ta' preskrizzjonijiet tekniċi uniformi għall-vetturi bir-roti, it-tagħmir u l-partijiet li jistgħu jintramaw u/jew jintużaw fuq vetturi bir-roti u l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent reċiproku tal-approvazzjonijiet mogħtija abbażi ta' dawn il-preskrizzjonijiet hija b'dan approvata f'isem l-Unjoni.

    It-test tar-Reviżjoni 3 jinsab mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill għandu jaħtar lill-persuna li tingħata s-setgħa li tipproċedi, f'isem l-Unjoni, bin-notifika prevista fl-Artikolu 13.1 tal-Ftehim, sabiex tibda l-proċedura għall-konklużjoni tar-Reviżjoni 3 tal-Ftehim u sabiex tesprimi l-kunsens tal-Unjoni Ewropea li tintrabat bir-Reviżjoni 3 tal-Ftehim.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (3).

    Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Frar 2016.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J.R.V.A. DIJSSELBLOEM


    (1)  ĠU L 346, 17.12.1997, p. 78.

    (2)  Kunsens tas-7 ta' Ġunju 2016 (għadu mhuwiex ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (3)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


    Top