Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D1406

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1406 tat-22 ta' Awwissu 2016 li tikkonċerna ċerti miżuri ta' protezzjoni marbuta mad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-Polonja u li tħassar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/1367 (notifikata bid-dokument C(2016) 5467) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2016/5467

    ĠU L 228, 23.8.2016, p. 46–50 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 02/10/2016; Imħassar b' 32016D1770

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2016/1406/oj

    23.8.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 228/46


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1406

    tat-22 ta' Awwissu 2016

    li tikkonċerna ċerti miżuri ta' protezzjoni marbuta mad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-Polonja u li tħassar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/1367

    (notifikata bid-dokument C(2016) 5467)

    (It-test bil-Pollakk biss huwa awtentiku)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta' Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 9(4) tagħha,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar veterinarju u żootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju ta' ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (2), u b'mod partikulari l-Artikolu 10(4) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-deni Afrikan tal-ħnieżer huwa marda virali infettiva li taffettwa l-popolazzjonijiet tal-ħnieżer domestiċi u selvaġġi u jista' jkollha impatt serju fuq il-profitti tan-negozji tat-trobbija tal-ħnieżer li jisfratta l-kummerċ fi ħdan l-Unjoni u l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi.

    (2)

    F'każ ta' tifqigħa tad-deni Afrikan tal-ħnieżer, hemm ir-riskju li l-aġent patoġeniku jista' jinxtered ma' rziezet oħra u mal-ħnieżer salvaġġi. B'hekk, jista' jinxtered minn Stat Membru għall-ieħor u għall-pajjiżi terzi permezz tal-kummerċ tal-ħnieżer ħajjin jew tal-prodotti tagħhom.

    (3)

    Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/60/KE (3) tistabbilixxi l-miżuri minimi li għandhom jiġu applikati fl-Unjoni għall-kontroll tad-deni Afrikan tal-ħnieżer. L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/60/KE jipprevedi t-twaqqif ta' żoni ta' protezzjoni u sorveljanza fil-każ ta' tifqigħat ta' dik il-marda, fejn għandhom japplikaw il-miżuri stabbiliti fl-Artikoli 10 u 11 ta' dik id-Direttiva.

    (4)

    Il-Polonja għarrfet lill-Kummissjoni bis-sitwazzjoni preżenti fit-territorju tagħha fir-rigward tad-deni Afrikan tal-ħnieżer u, b'konformità mal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/60/KE, stabbiliet żoni ta' protezzjoni u sorveljanza fejn japplikaw il-miżuri msemmija fl-Artikoli 10 u 11 ta' dik id-Direttiva.

    (5)

    Sabiex jiġi evitat kull xkiel bla bżonn għall-kummerċ fi ħdan l-Unjoni u biex jiġu evitati ostakoli mhux ġustifikati għall-kummerċ minn pajjiżi terzi, jinħtieġ li jiġu deskritti fuq il-livell tal-Unjoni ż-żoni stabbiliti bħala żoni ta' protezzjoni u sorveljanza għad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-Polonja, f'kollaborazzjoni ma' dak l-Istat Membru.

    (6)

    Għaldaqstant, iż-żoni identifikati bħala żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza fil-Polonja għandhom ikunu stabbiliti fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni u għandu jiġi ffissat it-tul taż-żmien ta' dik ir-reġjonalizzazzjoni.

    (7)

    F'Awwissu 2016 okkorrew sitt tifqigħat fil-ħnieżer domestiċi f'powiat wysokomazowiecki, zambrowski, białostocki u bielski. Sakemm il-Polonja tipprovdi evidenza preliminari li dawn it-tifqigħat huma marbutin mal-attivitajiet tal-bniedem u li hemm evidenza li d-deni Afrikan tal-ħnieżer ma jiċċirkolax fil-popolazzjoni tal-ħnieżer selvaġġi fiż-żoni kkonċernati, huma meħtieġa miżuri speċifiċi u proporzjonati, waqt li jiġi kkunsidrat ukoll il-fatt li l-Polonja timpenja ruħha li tapplika miżuri nazzjonali għall-kontroll tal-movimenti tal-annimali u s-swieq. Dawn il-miżuri għandhom jikkonsistu fl-applikazzjoni tal-miżuri previsti mid-Direttiva 2002/60/KE, b'mod partikolari fir-rigward ta' limitazzjonijiet stretti dwar il-moviment u t-trasport tal-ħnieżer kif stipulat fl-Artikoli 10 u 11 ta' din id-Direttiva f'żoni li huma miġbura f'żewġ żoni koerenti kif deskritt fl-Anness.

    (8)

    B'qies tas-sitwazzjoni epidemjoloġika ġenerali u biex jiġu applikati l-miżuri adegwati, id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/709/UE (4) għandha tiġi riveduta wkoll. Hekk kif tinkiseb evidenza korroborattiva mill-Polonja fir-rigward tat-tifqigħat deskritti hawn fuq, il-miżuri previsti f'dik id-deċiżjoni ta' implimentazzjoni għandhom jiġu riveduti wkoll sabiex jiġi eskluż ir-riskju tat-tixrid tal-marda fil-ħnieżer selvaġġi.

    (9)

    Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1367 (5) tistabbilixxi ċerti miżuri ta' protezzjoni marbuta mad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-Polonja. Sa mill-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni s-sitwazzjoni epidemjoloġika ta' din il-marda nbidlet, u jeħtieġ li l-miżuri jiġu adattati. Għaldaqstant, għal finijiet ta' ċarezza, id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/1367 għandha titħassar u tinbidel b'din id-Deċiżjoni.

    (10)

    Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Polonja għandha tiżgura li ż-żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza stabbiliti b'konformità mal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/60/KE jinkludu mill-inqas iż-żoni elenkati bħala żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-15 ta' Ottubru 2016.

    Artikolu 3

    Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/1367 titħassar.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.

    Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Awwissu 2016.

    Għall-Kummissjoni

    Vytenis ANDRIUKAITIS

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13.

    (2)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.

    (3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/60/KE tas-27 ta' Ġunju 2002 li tistabbilixxi miżuri għall-kontroll tad-deni Afrikan tal-qżieqeż u temenda id-Direttiva 92/119/KEE għar-rigward tal-marda Teschen u d-deni Afrikan tal-qżieqeż (ĠU L 192, 20.7.2002, p. 27).

    (4)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/709/UE tad-9 ta' Ottubru 2014 dwar miżuri ta' kontroll tas-saħħa tal-annimali marbutin mad-deni Afrikan tal-ħnieżer f'ċertu Stati Membri u li tħassar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/178/UE (ĠU L 295, 11.10.2014, p. 63).

    (5)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1367 tal-10 ta' Awwissu 2016 dwar ċerti miżuri ta' protezzjoni marbuta mad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-Polonja (ĠU L 216, 11.8.2016, p. 26).


    ANNESS

    Il-Polonja

    Żoni kif imsemmija fl-Artikolu 1

    Data sa meta japplikaw

    Żona ta' protezzjoni

    Il-konfini ta' din iż-żona ta' protezzjoni huma kif ġej:

    (a)

    mil-Lvant — mill-fruntiera tat-Tramuntana tal-villaġġ Sanie Dąb lejn in-Nofsinhar fit-triq li tgħaqqad il-villaġġ Sanie Dąb mal-villaġġ Kołaki Kościelne sa fejn taqsam ix-Xmara Dąb, u jkomplu tul ix-Xmara Dąb lejn ix-Xlokk, imbagħad tul ix-xifer tal-foresta fuq il-fruntiera tal-Punent tal-villaġġ Tybory-Olszewo, imbagħad tul it-triq li tgħaqqad il-villaġġ Tybory-Olszewo mal-villaġġ Tybory-Kamianka, imbagħad tul in-naħa tal-Punent tal-villaġġ Tybory-Kamianka sat-triq li tgħaqqad il-villaġġ Tybory-Kamianka mal-villaġġ Jabłonka Kościelna, imbagħad lejn in-Nofsinhar sal-kanal tal-ilma li jgħaqqad l-Għadira Kamianka max-Xmara Jabłonka, imbagħad tul il-kanal tal-ilma sal-estwarju tiegħu għax-Xmara Jabłonka, imbagħad f'linja dritta lejn in-Nofsinhar sal-konnessjoni tat-triq nru 66 mat-triq li tgħaqqad il-villaġġ Jabłonka Kościelna mal-villaġġ Miodusy-Litwa;

    (b)

    min-Nofsinhar — tul it-triq nru 66 fid-direzzjoni lejn il-Punent sa fejn ix-Xmara Jabłonka taqsam it-triq Nru. 66, imbagħad tul il-fruntiera tan-Nofsinhar tal-villaġġ Faszcze sax-Xmara Jabłonka, aktar lejn il-Punent tul ix-Xmara Jabłonka sal-fruntiera bejn il-villaġġ Wdziękoń Pierwszy u l-villaġġ Wdziękoń Drugi, u mbagħad f'linja dritta lejn it-Tramuntana sat-triq nru 66, imbagħad tul it-triq nru 66 fil-Punent ta' fejn il-kanal tal-ilma jaqsam it-triq nru 66 fil-linja tal-villaġġ Wdziękoń Pierwszy;

    (c)

    mill-Punent — lejn it-Tramuntana tul il-kanal tal-ilma sa tarf il-foresta, ikomplu tul il-fruntiera tal-Lvant tar-riżerva “Grabówka” u mbagħad tul il-fruntiera tal-Lvant tal-foresta sat-triq li tgħaqqad il-villaġġ Grabówka mal-villaġġ Wróble-Arciszewo;

    (d)

    mit-Tramuntana — f'linja dritta lejn il-Lvant sax-Xmara Dąb 'l isfel mill-villaġġ Czarnowo Dąb, imbagħad tul linja dritta lejn il-Lvant tul il-konfini tat-Tramuntana tal-villaġġ Sanie Dąb, sat-triq li tgħaqqad il-villaġġ Sanie Dąb mal-villaġġ Kołaki Kościelne.

    Il-konfini ta' din iż-żona ta' protezzjoni huma kif ġej:

    (a)

    mit-Tramuntana — mill-villaġġ Konowały tul it-triq muniċipali sa fejn din taqsam it-triq Szosa Kruszewska, imbagħad mat-triq Szosa Kruszewska tul il-fruntiera tan-Nofsinhar tal-foresta sal-ħruġ lejn il-villaġġ Kruszewo;

    (b)

    mill-Punent — madwar il-villaġġ Kruszewo tul il-fruntiera tal-Lvant tal-wied tax-Xmara Narew f'linja mill-villaġġ Waniewo sal-fruntiera mal-powiat wysokomazowiecki;

    (c)

    min-Nofsinhar — mill-fruntiera tal-powiat wysokomazowiecki tul ix-xatt tal-Punent tal-wied tax-Xmara Narew;

    (d)

    mil-Lvant — mix-xatt tal-Punent tal-wied tax-Xmara Narew f'linja dritta sa Topilec-Kolonia, u mbagħad f'linja dritta sal-villaġġ Konowały.

    Il-konfini ta' din iż-żona ta' protezzjoni huma kif ġej:

    (a)

    mit-Tramuntana — minn fejn taqsam it-triq nru 63 mat-triq li twassal sal-ħabs f'Czerwony Bór, f'liwja fid-direzzjoni tal-villaġġ Polki Teklin u mbagħad 'il fuq minn dan il-villaġġ sa fejn taqsam ix-Xmara Gać lejn il-fruntiera tal-Lvant tal-għadajjar bil-ħut madwar il-villaġġ Poryte Jabłoń;

    (b)

    mil-Lvant — tul il-fruntiera tal-Lvant tal-għadajjar bil-ħut madwar il-villaġġ Poryte Jabłoń fid-direzzjoni tat-triq li tgħaqqad il-villaġġ Poryte Jabłoń mat-triq nru 66, tul il-fruntiera tal-Punent ta' dan il-villaġġ fid-direzzjoni tat-triq nru 63;

    (c)

    min-Nofsinhar — fuq it-triq nru 63 'il fuq mill-villaġġ ta' Stare Zakrzewo tul it-triq li tgħaqqad dan il-villaġġ mal-villaġġ Tabędz, imbagħad matul il-fruntieri tal-Punent u tat-Tramuntana ta' dan il-villaġġ;

    (d)

    mill-Punent — f'linja dritta lejn it-Tramuntana sal-fruntiera tal-Punent tal-villaġġ Bacze Mokre, imbagħad mill-fruntiera tal-Punent tal-villaġġ Bacze Mokre f'linja dritta lejn il-Grigal sa fejn tintlaħaq it-triq li twassal sal-ħabs f'Czerwony Bór, imbagħad tul din it-triq sat-triq nru 63.

    Il-konfini ta' din iż-żona ta' protezzjoni huma kif ġej:

    (a)

    mit-Tramuntana — sal-fruntiera tal-powiat wysokomazowiecki, tul il-kanal tal-ilma Brok Mały sal-villaġġ Miodusy Litwa, tul in-naħa tal-Lbiċ tiegħu; imbagħad mill-fruntiera tal-powiat zambrowski fid-direzzjoni tal-villaġġ Krajewo Białe, tul il-fruntiera tan-Nofsinhar ta' dan il-villaġġ, imbagħad tul it-triq fid-direzzjoni tal-villaġġ Stary Skarżyn;

    (b)

    mill-Punent — tul il-fruntiera tal-Punent tal-villaġġ Stary Skarżyn sa fejn din taqsam il-kanal tal-ilma Brok Mały, fid-direzzjoni tax-xlokk 'l isfel mill-villaġġ Zaręby Krztęki sal-fruntieri tal-powiat zambrowski;

    (c)

    min-Nofsinhar — mill-fruntieri tal-powiat zambrowski tul il-kanal tal-ilma li jagħti lejn il-villaġġ Kaczyn Herbasy;

    (d)

    mil-Lvant — tul it-triq li mill-villaġġ Miodusy Litwa tgħaddi mill-villaġġ Święck Nowiny.

    Il-konfini ta' din iż-żona ta' protezzjoni huma kif ġej:

    (a)

    mit-Tramuntana — min-naħa tan-Nofsinhar tal-villaġġ Kierzki fid-direzzjoni tal-Lvant sat-triq nru 671 'il fuq mill-fruntiera tat-Tramuntana tal-villaġġ Czajki;

    (b)

    mil-Lvant — mit-triq nru 671 sal-villaġġ Jabłonowo Kąty, imbagħad fid-direzzjoni tan-Nofsinhar tul ix-xatt tal-Punent tax-Xmara Awissa; imbagħad lejn it-triq Idźki Średnie — Kruszewo Brodowo minn naħa tal-Punent tal-villaġġ Kruszewo Brodowo;

    (c)

    min-Nofsinhar — mit-triq nru 671 fil-linja tal-villaġġ Idźki-Wykno tul it-triq li tgħaqqad il-villaġġ Sokoły mal-villaġġ Jamiołki-Godzieby;

    (d)

    mill-Punent — mill-villaġġ Jamiołki-Godzieby tul ix-xatt tal-Lvant tax-Xmara Ślina sal-villaġġ Jamiołki Kowale, imbagħad lejn it-tramuntana mill-villaġġ Stypułki Borki sat-triq Kierzki — Czajki fin-naħa tal-Lvant tal-villaġġ Kierzki.

    Il-konfini ta' din iż-żona ta' protezzjoni huma kif ġej:

    (a)

    Mil-Lvant — mill-fruntiera tal-belt ta' Bielsk Podlaski, Triq Adam Mickiewicz, tul il-periferija tal-Lvant tal-belt Bielsk Podlaski;

    (b)

    min-Nofsinhar — tul il-periferija tan-Nofsinhar tal-belt Bielsk Podlaski sal-villaġġ Piliki, inkluż il-villaġġ Piliki, u jkomplu f'linja dritta sat-triq nru 66;

    (c)

    mill-Punent — mit-triq nru 66 fid-direzzjoni tal-periferija tal-Punent tal-villaġġ Augustowo, inkluż il-villaġġ Augustowo, mill-villaġġ Augustowo f'linja dritta mill-intersezzjoni ferrovjarja mat-triq lokali nru 1575B;

    (d)

    mit-Tramuntana — mill-intersezzjoni tal-linja ferrovjarja mat-triq lokali nru 1575B tul il-periferija tat-Tramuntana tal-belt Bielsk Podlaski sal-fruntiera tal-belt Bielsk Podlaski, Triq Adam Mickiewicz.

    Il-15 ta' Ottubru 2016

    Żona ta' sorveljanza

    Iż-żona indikata hawn taħt minbarra ż-żona ta' protezzjoni deskritti hawn fuq:

    Id-distrett ta' Łomża — il-muniċipalità ta' Łomża;

    Id-distrett ta' Zambrowski — il-belt Zambrów, il-muniċipalitajiet ta' Zambrów u Kołaki Kościelne;

    Id-distrett ta' Wysokomazowiecki — il-muniċipalitajiet ta' Kulesze Kościelne, Wysokie Mazowieckie u l-belt Wysokie Mazowieckie, Kobylin Borzymy, Sokoły u Czyżew;

    Id-distrett ta' Białystok –il-muniċipalitajiet ta' Choroszcz, Turośń Kościelna u Łapy

    Id-distrett ta' Bielski — il-belt Bielsk Podlaski, il-muniċipalitajiet ta' Bielsk Podlaski u Orla.

    Il-15 ta' Ottubru 2016


    Top