Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0333

    2014/333/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 5 ta' Ġunju 2014 dwar il-protezzjoni tad-dejta personali fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika

    ĠU L 167, 6.6.2014, p. 57–60 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/333/oj

    6.6.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 167/57


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tal-5 ta' Ġunju 2014

    dwar il-protezzjoni tad-dejta personali fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika

    (2014/333/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkonsultat il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta.

    Billi:

    (1)

    Fil-Komunikazzjoni tagħha ta' Mejju 2008 (1), il-Kummissjoni ddikjarat li se tfassal u tistabbilixxi l-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika (minn hawn' il quddiem “il-Portal”), li jiġi mmaniġġjat b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri.

    (2)

    Il-Pjan ta' Azzjoni Pluriennali dwar il-Ġustizzja Elettronika Ewropea 2009-2013 (2) tat-8 ta' Novembru 2008 inkariga lill-Kummissjoni Ewropea bl-implimentazzjoni tal-Portal. Il-Portal tnieda fis-16 ta' Lulju 2010. L-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni saret meħtieġa biss issa peress li l-Portal huwa biss issa lest għall-ewwel interkonnessjoni tar-reġistri nazzjonali li jinvolvu l-ipproċessar tad-dejta personali.

    (3)

    L-għan tal-Portal huwa li jikkontribwixxi għall-kisba taż-żona ġudizzjarja Ewropea billi jiffaċilita u jtejjeb l-aċċess għall-ġustizzja u jutilizza t-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni għall-iffaċilitar tal-proċedimenti ġudizzjarji elettroniċi transfruntieri u l-kooperazzjoni ġudizzjarja.

    (4)

    L-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Istati Membri meta dawn ikunu qegħdin jimplimentaw il-liġi tal-Unjoni għandhom jirrispettaw id-drittijiet fundamentali u josservaw il-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari d-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali stabbilit fl-Artikolu 8 ta' dik il-Karta.

    (5)

    Peress li l-varji kompiti u funzjonijiet tal-Kummissjoni u l-Istati Membri relatati mal-Portal se jinvolvu responsabbiltajiet u obbligi differenti fir-rigward tal-protezzjoni tad-dejta, huwa essenzjali li dawn jiġu ddelimitati b'mod ċar.

    (6)

    Skont in-natura speċifika tal-attivitajiet marbuta mal-Portal tal-Ġustizzja Elettronika, żviluppati f'kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, ir-rwol tal-Kummissjoni fl-ipproċessar tad-dejta personali permezz tal-Portal huwa limitat. Għandu jiġi ċċarat li l-Kummissjoni ma għandha ebda responsabbiltà għall-kontenut ta' bażijiet da' dejta nazzjonali interkonnessi li huma disponibbli permezz tal-Portal.

    (7)

    Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) japplika għall-ipproċessar tad-dejta personali mill-Kummissjoni fil-Portal. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni hija responsabbli b'mod partikulari sabiex tipprovdi l-infrastruttura tal-IT għall-funzjonalitajiet tal-Portal, inkluża l-interkonnessjoni tal-bażijiet ta' dejta nazzjonali.

    (8)

    Skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001, il-finijiet tal-ipproċessar tad-dejta personali għandhom jiġu speċifikati b'mod espliċitu. Għalhekk, l-ipproċessar tad-dejta personali mill-Kummissjoni fil-Portal għandu jseħħ biss jekk isir biex jipprovdi aċċess għal bażijiet ta' dejta nazzjonali interkonnessi li għandhom dejta personali, biex jipprovdi servizzi interattivi li jippermettu lill-utenti biex jikkomunikaw direttament mal-awtoritajiet rilevanti fi Stat Membru ieħor, biex jipprovdi aċċess għall-informazzjoni pubblika mmirata lejn utenti rreġistrati, jew biex jipprovdi informazzjoni ta' kuntatt.

    (9)

    Il-Kummissjoni għandha tinkorpora fis-sistema teknoloġiji li jirriflettu l-kunċett tal-“protezzjoni tad-dejta mid-disinn”. Fl-implimentazzjoni ta' dak il-kunċett, valutazzjoni tal-impatt tal-privatezza u tal-protezzjoni tad-dejta għandha titwettaq matul il-fażi tat-tfassil tal-funzjonalità assoċjata mal-ipproċessar ta' dejta personali permezz tal-Portal, kif ukoll ta' funzjonalitajiet oħra tal-Portal. Dik il-valutazzjoni se tidentifika r-riskji potenzjali tal-protezzjoni tad-dejta involuti. Sejra wkoll tiddefinixxi l-miżuri u s-salvagwardji xierqa biex jiġu inkorporati fis-sistema sabiex iħarsu d-dejta personali.

    (10)

    Il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjonijiet ta' sigurtà kontinwi u xierqa safejn ix-xogħol marbut mal-interkonnessjoni ta' bażijiet ta' dejta nazzjonali jitwettaq.

    (11)

    Biss l-informazzjoni disponibbli pubblikament fil-bażijiet ta' dejta nazzjonali interkonnessi tista' tiġi aċċessata permezz tal-Portal. Ma għandux ikun possibbli li tiġi kkombinata informazzjoni minn diversi bażijiet ta' dejta nazzjonali interkonnessi għal skopijiet differenti permezz tal-Portal

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Suġġett

    Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni Ewropea f'dak li għandu x'jaqsam mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-dejta waqt l-ipproċessar tad-dejta personali fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika (minn hawn 'il quddiem “il-Portal”).

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 45/2001. Barra minn hekk, id-definizzjonijiet li ġejjin japplikaw ukoll:

    (a)

    “Attur Ewropew tal-Ġustizzja elettronika” tfisser kwalunkwe rappreżentant ta' Stat Membru jew ta' organizzazzjoni sieħba tal-Ġustizzja Elettronika Ewropea li jkun ingħata l-awtorizzazzjoni biex jimmodifika (partijiet mill-)kontenut tal-Portal;

    (b)

    “Bażijiet ta' dejta nazzjonali interkonnessi” tfisser bażijiet ta' dejta li fihom informazzjoni pubblikament aċċessibbli, imħaddma mill-Istati Membri u korpi oħra bħal assoċjazzjonijiet professjonali u organizzazzjonijiet mhux għall-profitti, li huma interkonnessi permezz tal-Portal b'tali mod li l-informazzjoni disponibbli fil-livell nazzjonali tista' tiġi aċċessata permezz tal-Portal;

    (c)

    “Informazzjoni pubblikament aċċessibbli” tfisser informazzjoni li tkun aċċessibbli għall-pubbliku permezz tal-internet;

    (d)

    “Utent irreġistrat” tfisser utent tal-Portal li jkun irreġistra mal-Portal permezz tas-Servizz tal-Awtentikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea (ECAS), bħal “attur tal-Ġustizzja elettronika Ewropea”.

    Artikolu 3

    Ipproċessar tad-dejta

    Il-Kummissjoni tipproċessa d-dejta personali fil-Portal biss sa fejn dan huwa neċessarju sabiex:

    (a)

    jingħata aċċess għal bażijiet ta' dejta nazzjonali interkonnessi li jkun fihom dejta personali;

    (b)

    jiġu pprovduti servizzi interattivi li jippermettu lill-utenti rreġistrati jikkomunikaw direttament mal-awtoritajiet rilevanti fi Stat Membru ieħor;

    (c)

    jiġi pprovdut aċċess għall-informazzjoni pubblika mmirata lejn l-utenti rreġistrati;

    (d)

    tiġi pprovduta informazzjoni ta' kuntatt;

    Artikolu 4

    Responsabbiltajiet tal-Kontrollur tad-dejta

    1.   Il-Kummissjoni teżerċita r-responsabbiltajiet ta' kontrollur tad-dejta skont l-Artikolu 2(d) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 skont ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħha fil-Portal kif imsemmija f'dan l-Artikolu.

    2.   Il-Kummissjoni tiżgura d-disponibbiltà, manutenzjoni u sigurtà tal-infrastruttura tal-IT tal-Portal.

    3.   Il-Kummissjoni hija responsabbli għall-operazzjonijiet ta' pproċessar li ġejjin:

    (a)

    organizzazzjoni;

    (b)

    żvelar bi trażmissjoni;

    (c)

    tixrid jew tqegħid għad-dispożizzjoni b'mezzi oħra;

    (d)

    allinjament jew kombinazzjoni ta' dejta personali miġbura mill-bażijiet ta' dejta nazzjonali interkonnessi jew ta' dejta personali dwar l-utenti rreġistrati.

    4.   Il-Kummissjoni se tiddefinixxi l-politiki meħtieġa u tapplika soluzzjonijiet tekniċi xierqa biex tissodisfa r-responsabbiltajiet tagħha fl-ambitu tal-funzjoni ta' kontrollur tad-dejta.

    5.   Il-Kummissjoni se timplimenta l-miżuri tekniċi meħtieġa biex tiżgura s-sigurtà tad-dejta personali waqt it-tranżitu u waqt li din tkun murija fil-Portal, b'mod partikolari l-kunfidenzjalità u l-integrità għal kwalunkwe trażmissjoni minn u lejn il-Portal.

    6.   Il-Kummissjoni mhija responsabbli għall-ebda aspett tal-protezzjoni tad-dejta dwar:

    (a)

    Il-ġbir inizjali u l-ħażna ta' kull informazzjoni miksuba mill-bażijiet ta' dejta nazzjonali interkonnessi;

    (b)

    kull deċiżjoni meħuda mill-Istati Membri sabiex din id-dejta ssir disponibbli permezz tal-Portal;

    (c)

    il-kontenut ta' kwalunkwe dejta li tkun ġejja minn bażijiet ta' dejta nazzjonali interkonnessi magħmula disponibbli permezz tal-Portal.

    7.   L-obbligi tal-Kummissjoni ma jaffetwawx ir-responsabilitajiet tal-Istati Membri u korpi oħra għall-kontenut u t-tħaddim ta' bażijiet ta' dejta nazzjonali interkonnessi mmexxija minnhom.

    Artikolu 5

    Obbligi ta' informazzjoni

    1.   Il-Kummissjoni tipprovdi lis-suġġetti tad-dejta l-informazzjoni speċifikata fl-Artikoli 11 u 12 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, fir-rigward tal-informazzjoni li għaliha l-Kummissjoni hija responsabbli skont din id-Deċiżjoni.

    2.   Minkejja l-obbligi lejn is-suġġetti tad-dejta tal-Istati Membri u korpi oħra li joperaw bażijiet ta' dejta nazzjonali interkonnessi, il-Kummissjoni tipprovdi wkoll lis-suġġetti tad-dejta b'informazzjoni dwar lil min għandhom jikkuntattjaw dwar l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tagħhom għall-informazzjoni, biex jaċċessaw, jirrettifikaw u joġġezzjonaw skont il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta applikabbli. Il-Kummissjoni tirreferi għall-istqarrijiet ta' privatezza speċifiċi tal-Istati Membri u korpi oħra.

    3.   Il-Kummissjoni tagħmel disponibbli wkoll fuq il-Portal:

    (a)

    traduzzjonijiet fil-lingwi tal-Portal ta' avviżi ta' privatezza tal-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 2;

    (b)

    stqarrija tal-privatezza komprensiva li tirrigwarda l-Portal skont l-Artikoli 11 u 12 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, f'forma ċara u li tiftiehem.

    Artikolu 6

    Ħżin ta' dejta personali

    1.   Fir-rigward tal-iskambji ta' informazzjoni minn bażijiet ta' dejta nazzjonali interkonnessi, l-ebda dejta personali dwar is-suġġetti tad-dejta ma tinħażen fil-Portal. Id-dejta kollha ta' dan it-tip tinħażen fil-bażijiet ta' dejta operati mill-Istati Membri jew korpi oħra.

    2.   Id-dejta personali li għandha x'taqsam mal-utenti tal-Portal jew li ġiet ipprovduta minnhom ma tistax tiġi maħżuna fil-Portal, ħlief f'każijiet fejn dawn irreġistraw bħala utenti rreġistrati. Dejta personali ta' utenti rreġistrati tinħażen sakemm jitolbu t-tħassir tar-reġistrazzjoni tagħhom. Skont l-Artikolu 3, dejta personali dwar l-atturi jew il-punti ta' kuntatt tal-Ġustizzja Elettronika Ewropea għandha tinħażen biss sakemm dawn il-persuni jissodisfaw il-funzjoni tagħhom.

    Artikolu 7

    Data tad-dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Ġunju 2014.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  COM(2008)329 finali, 30.5.2008.

    (2)  ĠU C 75, 31.3.2009, p. 1.

    (3)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward ta' l-ipproċessar personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).


    Top