Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0586

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 586/2014 tat- 2 ta' Ġunju 2014 li jidderoga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 fejn jidħlu l-projbizzjoni tas-sajd f'ħabitats protetti u d-distanza minima mill-kosta u l-fond għal bastimenti tat-tkarkir “gangui” li jistadu f'ċertu ilmijiet territorjali ta' Franza (Provenzja-Alpi-Côte d'Azur)

ĠU L 164, 3.6.2014, pp. 10–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 06/06/2017

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/586/oj

3.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 164/10


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 586/2014

tat-2 ta' Ġunju 2014

li jidderoga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 fejn jidħlu l-projbizzjoni tas-sajd f'ħabitats protetti u d-distanza minima mill-kosta u l-fond għal bastimenti tat-tkarkir “gangui” li jistadu f'ċertu ilmijiet territorjali ta' Franza (Provenzja-Alpi-Côte d'Azur)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 tal-21 ta' Diċembru 2006 dwar miżuri ta' ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 4(5) u 13(5) u (10) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 jipprojbixxi s-sajd bix-xbieki tat-tkarkir, gangmi, purse seines, tartaruni, tartaruni tax-xatt jew xbieki oħrajn simili 'il fuq mill-qigħan tal-algi, b'mod partikolari tal-Posidonia oceanica jew fanerogami marini oħrajn.

(2)

Il-Kummissjoni tista' tippermetti deroga mill-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006, diment li jintlaħqu l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(5).

(3)

L-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 jipprojbixxi l-użu ta' rkaptu rmunkat fl-inħawi ta' 3 mili nawtiċi mill-kosta jew fl-inħawi ta' 50 metru isobath fejn il-fond jintlaħaq f'distanza iqsar mill-kosta.

(4)

B'talba ta' Stat Membru, il-Kummissjoni tista' tippermetti deroga mill-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006, diment li jintlaħqu l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(5) u (9).

(5)

Fit-18 ta' Mejju 2011, il-Kummissjoni rċeviet talba mingħand Franza għal deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) u mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) u mill-Artikolu 13(2) ta' dak ir-Regolament, għall-użu tal-bastiment tat-tkarkir “gangui” f'ċertu żoni tal-ilmijiet territorjali ta' Franza, 'il fuq mill-qigħan tal-algi tal-Posidonia oceanica u fl-inħawi ta' 3 mili nawtiċi mill-kosta, irrispettivament mill-fond.

(6)

Franza tat ġustifikazzjonijiet xjentifiċi u tekniċi aġġornati għad-derogi.

(7)

Matul is-sessjoni plenarja mill-11 sal-15 ta' Lulju 2011 il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) ivvaluta d-deroga li talbet Franza u l-abbozz relatat tal-pjan ta' ġestjoni.

(8)

Id-derogi li talbet Franza huma konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(5) u fl-Artikolu 13(5) u (9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(9)

It-talba għandha x'taqsam mal-attivitajiet tas-sajd minn bastimenti twal 12-il metru jew inqas, b'magna qawwija 85 kW jew inqas u bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ li jintużaw tradizzjonalment għall-qigħan tal-Posidonia, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(10)

L-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati jolqtu madwar 27,5 % taż-żona li jkopru l-qigħan tal-algi tal-Posidonia oceanica fiż-żona li jkopri l-pjan ta' ġestjoni u 9 % tal-qigħan tal-algi fl-ilmijiet territorjali ta' Franza, f'konformità mar-rekwiżiti tal-punti (ii) u (iii) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(11)

Hemm limitazzjonijiet ġeografiċi speċifiċi minħabba d-daqs limitat tal-blata kontinentali.

(12)

Dan is-sajd ma jħalli ebda impatt sinifikanti fuq l-ambjent tal-baħar.

(13)

Id-deroga li talbet Franza tolqot għadd limitat ta' bastimenti, jiġifieri 36 bastiment biss.

(14)

Is-sajd li jsir bil-bastimenti tat-tkarkir “gangui” jimmira għal firxa wiesgħa ta' speċijiet li tikkorrispondi għal niche ekoloġika; il-kompożizzjoni tal-qabda ta' dan is-sajd, l-aktar fir-rigward tal-għadd ta' speċijiet maqbuda, ma tirriflettix ruħha f'xi rkaptu tas-sajd ieħor. Għalhekk, ma jistax isir dan is-sajd bi rkapti oħra.

(15)

Il-pjan ta' ġestjoni jiggarantixxi li fil-ġejjieni mhux se jiżdied l-isforz tas-sajd, peress li l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd se jinħarġu biss lis-36 bastiment speċifikat li jinvolvu sforz totali ta' 1 745 kW li diġà huma awtorizzati għas-sajd minn Franza.

(16)

It-talba tkopri l-bastimenti b'esperjenza vasta fis-sajd ta' aktar minn ħames snin u li jaħdmu bi pjan ta' ġestjoni adottat minn Franza fil-15 ta' April 2014 (2) skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(17)

Dawk il-bastimenti huma inklużi f'lista li ntbagħtet lill-Kummissjoni skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 13(9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(18)

L-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 4, l-Artikolu 8(1)(h) u l-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(19)

L-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' reġistrazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (3).

(20)

L-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati ma jfixklux l-attivitajiet tal-bastimenti bi rkapti oħra li mhumiex tat-tkarkir, tartaruni jew bi xbieki rmunkati simili.

(21)

L-attività tal-bastimenti tat-tkarkir “gangui” jirregolaha l-pjan ta' ġestjoni Franċiż biex ikun żgurat li l-qabdiet tal-ispeċijiet imsemmija fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 ikunu minimi.

(22)

Il-bastimenti tat-tkarkir “gangui” ma jimmirawx għaċ-ċefalopodi.

(23)

Il-pjan ta' ġestjoni Franċiż fih miżuri għall-monitoraġġ tal-attivitajiet tas-sajd, kif previst fil-ħames subparagrafu tal-Artikolu 4(5) u fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(24)

Għaldaqstant, id-derogi mitlubin għandhom jingħataw.

(25)

Franza għandha tirrapporta lill-Kummissjoni fil-waqt xieraq u skont il-pjan ta' monitoraġġ previst fil-pjan ta' ġestjoni Franċiż.

(26)

It-tul taż-żmien tad-deroga għandu jibda jiġi limitat biex ikunu jistgħu jittieħdu fil-pront il-miżuri ta' ġestjoni korrettivi jekk ir-rapport lill-Kummissjoni juri qagħda ħażina ta' konservazzjoni tal-istokk sfruttat filwaqt li jkun hemm skop biex titjieb il-bażi xjentifika għal pjan aħjar ta' ġestjoni.

(27)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sajd u l-Akkwakultura,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-derogi

L-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 13(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 ma għandhomx japplikaw fl-ilmijiet territorjali ta' Franza biswit il-kosta tar-reġjun ta' Provenzja-Alpi-Côte d'Azur, għal bastimenti tat-tkarkir “gangui”:

(a)

jkollhom in-numru tar-reġistrazzjoni msemmi fil-pjan ta' ġestjoni Franċiż;

(b)

għandhom esperjenza fis-sajd ta' aktar minn ħames snin u fil-ġejjieni mhux se jiżdied l-isforz tas-sajd eżerċitat; u

(c)

għandhom awtorizzazzjoni għas-sajd u joperaw bil-pjan ta' ġestjoni li adottat Franza skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

Artikolu 2

Il-pjan ta' monitoraġġ u r-rappurtar

Fi żmien tliet snin minn meta jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament, Franza għandha tibgħat rapport lill-Kummissjoni li jitfassal skont il-pjan ta' monitoraġġ stabbilit fil-pjan ta' ġestjoni msemmi fl-Artikolu 1(c).

Artikolu 3

Id-dħul fis-seħħ u l-perjodu ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu jibqa' japplika sas-6 ta' Ġunju 2017.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Ġunju 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 36, 8.2.2007, p. 6.

(2)  Referenza JORF Nru 0101 tat-30 ta' April 2014, paġna 7452.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).


Top