Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0281

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 281/2013 tat- 22 ta’ Marzu 2013 li jistabbilixxi miżuri eċċezzjonali fir-rigward tar-rilaxx ta’ zokkor u iżoglukożju ‘l fuq mill-kwota fis-suq tal-Unjoni b’imposta mnaqqsa fuq l-ammont żejjed matul is-sena tas-suq 2012/2013

    ĠU L 84, 23.3.2013, p. 19–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2014

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/281/oj

    23.3.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 84/19


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 281/2013

    tat-22 ta’ Marzu 2013

    li jistabbilixxi miżuri eċċezzjonali fir-rigward tar-rilaxx ta’ zokkor u iżoglukożju ‘l fuq mill-kwota fis-suq tal-Unjoni b’imposta mnaqqsa fuq l-ammont żejjed matul is-sena tas-suq 2012/2013

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1) u b’mod partikolari l-Artikoli 64(2) u l-Artikolu 186 flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Matul is-sena tas-suq taz-zokkor tal-2011/2012, il-prezz medju mill-fabbrika taz-zokkor abjad bl-ingrossa tal-Unjoni laħaq livell ta’ 175 % tal-prezz ta’ referenza ta’ EUR 404/tunnellata u kien ta’ madwar EUR 275/tunnellata ogħla mill-prezz tas-suq dinji. Il-prezz tal-Unjoni issa huwa stabbli f’livell ta’ madwar EUR 700/tunnellata, li huwa l-ogħla livell milħuq minn mindu saret ir-riforma tal-organizzazzjoni tas-suq taz-zokkor u jfixkel il-fluwidità ottimali tal-provvista taz-zokkor fis-suq tal-Unjoni. Iż-żieda mistennija ta’ dan il-livell tal-prezz diġà għoli matul is-sena tas-suq 2012/2013 tissostanzja r-riskju ta’ tfixkil serju fis-suq li għandu jitwaqqaf permezz tal-miżuri meħtieġa.

    (2)

    Abbażi tal-istima tal-provvista u d-domanda għall-2012/2013, l-istokkijiet aħħarin għas-suq taz-zokkor mistennija jkunu aktar baxxi b’tal-anqas 0,5 miljun tunnellata meta mqabbla mal-2011/2012. Din iċ-ċifra diġà tqis l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi li jibbenefikaw minn ċerti ftehimiet preferenzjali.

    (3)

    Min-naħa l-oħra, l-aspettattivi ta’ ħsad tajjeb iwasslu biex il-produzzjoni tiġi stmata għal madwar 5 400 000 tunnellata żejda tal-kwota taz-zokkor stabbilita fl-Artikolu 56 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007. Filwaqt li jitqiesu l-impenji kuntrattwali prevedibbli tal-produtturi taz-zokkor fir-rigward ta’ ċerti użi industrijali previsti fl-Artikolu 62 ta’ dak ir-Regolament u l-impenji tal-esportazzjoni għall-2012/2013 għaz-zokkor barra mill-kwota, xorta waħda jibqgħu disponibbli kwantitajiet sostanzjali taz-zokkor barra mill-kwota ta’ mill-inqas 2 000 000. Parti minn dan iz-zokkor tista’ ssir disponibbli sabiex ittaffi l-provvista ristretta tas-suq tal-ikel taz-zokkor tal-Unjoni u biex jiġu evitati żidiet eċċessivi fil-prezzijiet.

    (4)

    Sabiex tiġi żgurata l-fluwidità tas-suq, jeħtieġ li jiġi rilaxxat iz-zokkor barra mill-kwota. Għandu jkun possibbli li tittieħed tali miżura kull darba li jkun meħtieġ matul is-sena tas-suq 2012/2013.

    (5)

    Skont l-Artikoli 186 u 188 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jistgħu jittieħdu miżuri, meta meħtieġ, biex jirrimedjaw it-tfixkil fis-suq jew ir-riskju ta’ tfixkil, fejn, b’mod partikolari, dawn jirriżultaw minn żieda sinifikanti tal-prezzijiet fl-Unjoni, sakemm dan l-għan ma jistax jintlaħaq permezz ta’ miżuri oħra disponibbli skont dak ir-Regolament. Minħabba ċ-ċirkustanzi attwali tas-suq, ir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 ma jipprevedix miżuri speċifiċi mmirati biex jillimitaw ix-xejra għolja fil-prezz taz-zokkor u li jippermettu l-provvista taz-zokkor bi prezzijiet raġonevoli fis-suq tal-Unjoni, għajr dawk imsejsa fuq l-Artikolu 186 ta’ dak ir-Regolament.

    (6)

    L-Artikolu 64(2) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jawtorizza lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-imposta fuq l-ammont żejjed fuq iz-zokkor u l-iżoglukożju li l-produzzjoni tagħhom taqbeż il-kwota f’livell għoli biżżejjed sabiex tiġi evitata l-akkumulazzjoni ta’ kwantitajiet żejda. L-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 967/2006 tad-29 ta’ Ġunju 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 rigward produzzjoni taz-zokkor li taqbeż il-kwota (2), stabbilixxa dik l-imposta għal EUR 500 kull tunnellata.

    (7)

    Għal kwantità limitata ta’ zokkor prodotta ‘l fuq mill-kwota, għandha tiġi stabbilita imposta mnaqqsa fuq l-ammont żejjed f’livell għal kull tunnellata li tippermetti trattament ġust tal-produtturi taz-zokkor fl-Unjoni, tiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq taz-zokkor tal-Unjoni u tgħin biex titnaqqas id-differenza bejn il-prezzijiet taz-zokkor fis-suq dinji u fl-Unjoni mingħajr ma toħloq riskji ta’ akkumulazzjoni ta’ ammonti żejda fis-suq tal-Unjoni.

    (8)

    Billi r-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jiffissa kwoti kemm għaz-zokkor kif ukoll għall-iżoglukożju, għandha tapplika miżura simili għal kwantità xierqa ta’ iżoglukożju prodott ‘il fuq mill-kwota, billi dan il-prodott tal-aħħar, sa ċertu punt, huwa sostitut kummerċjali għaz-zokkor.

    (9)

    Bil-għan li tiżdied il-provvista, il-produtturi taz-zokkor u tal-iżoglukożju għandhom japplikaw għal ċertifikati, mingħand l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, li jippermettulhom li jbiegħu ċerti kwantitajiet, prodotti ‘l fuq mil-limitu tal-kwota, fis-suq tal-Unjoni b’imposta mnaqqsa fuq l-ammont żejjed.

    (10)

    L-imposta mnaqqsa fuq l-ammont żejjed għandha titħallas wara li tiġi aċċettata l-applikazzjoni u qabel ma jinħareġ iċ-ċertifikat.

    (11)

    Il-validità taċ-ċertifikati għandha tkun ta’ żmien limitat sabiex tinkoraġġixxi titjib malajr tas-sitwazzjoni tal-provvista.

    (12)

    L-iffissar tal-limiti massimi tal-kwantitajiet li għalihom jista’ japplika kull produttur f’perjodu wieħed ta’ applikazzjoni u r-restrizzjoni taċ-ċertifikati għal prodotti tal-produzzjoni tal-applikant stess għandhom jimpedixxu azzjonijiet spekulattivi fis-sistema maħluqa minn dan ir-Regolament.

    (13)

    Bl-applikazzjoni tagħhom, il-produtturi taz-zokkor għandhom jimpenjaw ruħhom li jħallsu l-prezz minimu għall-pitravi taz-zokkor użati fil-produzzjoni tal-kwantità taz-zokkor li jkunu applikaw għaliha. Għandhom jiġu speċifikati r-rekwiżiti minimi tal-eliġibbiltà għall-applikazzjonijiet.

    (14)

    L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-applikazzjonijiet li jkunu rċevew. Sabiex dawk in-notifiki jiġu ssimplifikati u standardizzati, xi mudelli għandhom isiru disponibbli.

    (15)

    Il-Kummissjoni għandha tiżgura li ċ-ċertifikati jingħataw biss fil-limiti kwantitattivi stipulati f’dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni, għalhekk, jekk ikun meħtieġ, għandha tkun tista’ tistabbilixxi koeffiċjent tal-allokazzjoni applikabbli għall-applikazzjonijiet irċevuti.

    (16)

    L-Istati Membri għandhom jinformaw minnufih lill-applikanti jekk il-kwantità li applikaw għaliha kinitx approvata parzjalment jew kompletament.

    (17)

    L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-kwantitajiet li għalihom inħarġu ċertifikati b’imposta mnaqqsa fuq l-ammont żejjed. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tqiegħed mudelli għad-dispożizzjoni.

    (18)

    Kwantitajiet ta’ zokkor rilaxxati fis-suq tal-Unjoni ta’ kwantitajiet żejda taċ-ċertifikati maħruġa skont dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-imposta fuq l-ammont żejjed stipulata fl-Artikolu 64(2) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007. Huwa għalhekk xieraq li jiġi previst li kwalunkwe applikant li ma jwettaqx l-impenji tiegħu li jirrilaxxa fis-suq tal-Unjoni l-kwantità koperta minn ċertifikat li jingħatalu, għandu jħallas ukoll ammont ta’ EUR 500 kull tunnellata. Dan l-approċċ konsistenti huwa mmirat biex jevita l-abbuż tal-mekkaniżmu introdott b’dan ir-Regolament.

    (19)

    Sabiex jiġu stabbiliti prezzijiet medji għaz-zokkor tal-kwota u ‘l fuq mill-kwota fis-suq tal-Unjoni skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 952/2006 tad-29 ta’ Ġunju 2006 li jipprovdi regoli dettaljati għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 dwar il-ġestjoni tas-suq intern taz-zokkor u l-iskema tal-kwoti (3), iz-zokkor kopert b’ċertifikat maħruġ skont dan ir-Regolament għandu jitqies bħala zokkor tal-kwota.

    (20)

    Skont l-Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta’ Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (4), il-kontribuzzjonijiet u dazji oħra previsti fil-qafas tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor għandhom jikkostitwixxu riżorsi proprji. Għalhekk, jeħtieġ li tiġi stabbilita d-data tal-istipular tal-ammonti inkwistjoni skont it-tifsira tal-Artikoli 2(2) u 6(3)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000 tat-22 ta’ Mejju 2000 li jimplimenta d-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi tal-Komunitajiet Ewropej (5).

    (21)

    Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Tnaqqis temporanju tal-imposta fuq l-ammont żejjed

    1.   B’deroga mill-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 967/2006, l-ammont tal-imposta fuq l-ammont żejjed għal kwantità massima ta’ 150 000 tunnellata ta’ zokkor espressa f’zokkor abjad ekwivalenti, u ta’ 8 000 tunnellata ta’ iżoglukożju f’materja xotta, prodotti ‘l fuq mill-kwota stipulata fl-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, u rilaxxati fis-suq tal-Unjoni matul is-sena tas-suq 2012/2013, għandu jiġi stipulat għal EUR 172 kull tunnellata.

    2.   L-imposta mnaqqsa fuq l-ammont żejjed prevista fil-paragrafu 1 għandha titħallas wara li tiġi aċċettata l-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 2, u qabel ma jinħareġ iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 6.

    Artikolu 2

    Applikazzjoni għal ċertifikati

    1.   Sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-kundizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 1, il-produtturi taz-zokkor u l-iżoglukożju għandhom japplikaw għal ċertifikat.

    2.   L-applikanti jistgħu jkunu biss impriżi li jipproduċu l-pitravi taz-zokkor u z-zokkor tal-kannamieli jew l-iżoglukożju, li huma approvati skont l-Artikolu 57 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, u li ngħatatilhom allokazzjoni ta’ kwota tal-produzzjoni għas-sena tas-suq 2012/2013, skont l-Artikolu 56 ta’ dak ir-Regolament.

    3.   Kull applikant jista’ jippreżenta sa mhux aktar minn applikazzjoni waħda għaz-zokkor u waħda għall-iżoglukożju għal kull perjodu ta’ applikazzjoni.

    4.   L-applikazzjonijiet għaċ-ċertifikati għandhom jintbagħtu permezz ta’ faks jew posta elettronika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih kienet approvata l-impriża. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-applikazzjonijiet elettroniċi jkunu akkumpanjati b’firma elettronika avvanzata skont it-tifsira tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1999/93/KE (6).

    5.   Sabiex ikunu validi, l-applikazzjonijiet għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    l-applikazzjonijiet għandhom jindikaw:

    (i)

    l-isem, l-indirizz u n-numru tal-VAT tal-applikant; kif ukoll

    (ii)

    il-kwantitajiet li għalihom qed issir l-applikazzjoni, espressi f’tunnellati ta’ zokkor abjad ekwivalenti u f’tunnellati ta’ iżoglukożju f’materja xotta, imqarrbin mingħajr punti deċimali;

    (b)

    il-kwantitajiet li għalihom qed issir l-applikazzjoni f’dan il-perjodu ta’ applikazzjoni, espressi f’tunnellati ta’ zokkor abjad ekwivalenti u tunnellati ta’ iżoglukożju f’materja xotta, ma għandhomx jaqbżu l-50 000 tunnellata fil-każ taz-zokkor u l-2 500 tunnellata fil-każ tal-iżoglukożju;

    (c)

    jekk l-applikazzjoni tirrigwarda z-zokkor, l-applikant għandu jimpenja ruħu li jħallas il-prezz minimu tal-pitravi, stipulat fl-Artikolu 49 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, għall-kwantità ta’ zokkor koperta minn ċertifikati maħruġa skont l-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament;

    (d)

    l-applikazzjoni għandha tinkiteb bil-lingwa uffiċjali jew b’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru fejn l-applikazzjoni tkun ippreżentata;

    (e)

    l-applikazzjoni għandha tindika referenza għal dan ir-Regolament u d-data ta’ skadenza għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet;

    (f)

    l-applikant ma għandu jintroduċi l-ebda kundizzjonijiet addizzjonali ma’ dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament.

    6.   Applikazzjoni li ma tiġix ippreżentata skont il-paragrafi minn 1 sa 5 ma għandhiex tkun ammissibbli.

    7.   Applikazzjoni ma tistax tiġi rtirata jew emendata wara li tintbagħat, anke jekk il-kwantità li ssir l-applikazzjoni għaliha tingħata biss parzjalment.

    Artikolu 3

    Preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet

    Il-perjodu li matulu l-applikazzjonijiet jistgħu jiġu ppreżentati għandu jintemm fit-3 ta’ April 2013 f’nofsinhar, ħin ta’ Brussell.

    Artikolu 4

    Trażmissjoni ta’ applikazzjonijiet mill-Istati Membri

    1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jiddeċiedu dwar l-ammissibilità tal-applikazzjonijiet fuq il-bażi tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2. Meta l-awtoritajiet kompetenti jiddeċiedu li applikazzjoni mhijiex ammissibbli, għandhom jinformaw lill-applikant mingħajr dewmien.

    2.   L-awtorità kompetenti għandha tinnotifika lill-Kummissjoni sa mhux iktar tard mill-ġurnata tal-Ġimgħa dwar l-applikazzjonijiet ammissibbli ppreżentati matul il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ qabel, permezz ta’ faks jew posta elettronika. Dik in-notifika ma għandhiex tinkludi d-dejta msemmija fl-Artikolu 2(5)(a)(i). L-Istati Membri li ma kellhom ebda applikazzjoni iżda li għandhom kwoti taz-zokkor jew tal-iżoglukożju allokati lilhom għas-sena tas-suq 2012/2013, għandhom jibagħtu wkoll in-notifiki tagħhom ta’ ebda applikazzjoni lill-Kummissjoni fl-istess limitu ta’ żmien.

    3.   Il-forma u l-kontenut tan-notifiki għandhom ikunu definiti fuq il-bażi tal-mudelli li l-Kummissjoni għamlet disponibbli lill-Istati Membri.

    Artikolu 5

    Limiti maqbuża

    Meta l-informazzjoni nnotifikata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri skont l-Artikolu 4(2) tindika li l-kwantitajiet li saret applikazzjoni għalihom jaqbżu l-limiti stipulati fl-Artikolu 1, il-Kummissjoni għandha:

    (a)

    tistabbilixxi koeffiċjenti ta’ allokazzjoni, li l-Istati Membri għandhom japplikaw għall-kwantitajiet koperti min kull applikazzjoni għal ċertifikat innotifikata,

    (b)

    tirrifjuta applikazzjonijiet li jkunu għadhom ma ġewx innotifikati.

    Artikolu 6

    Ħruġ ta’ ċertifikati

    1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5, fl-għaxar jum ta’ xogħol ta’ wara ġimgħa li fiha jkun intemm il-perjodu ta’ applikazzjoni, l-awtorità kompetenti għandha toħroġ ċertifikati għall-applikazzjonijiet innotifikati lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 4(2).

    2.   Kull nhar ta’ Tnejn, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-kwantitajiet ta’ zokkor u/jew iżoglukożju li għalihom ikunu nħarġu ċertifikati matul il-ġimgħa ta’ qabel.

    3.   Mudell taċ-ċertifikat jinsab fl-Anness.

    Artikolu 7

    Validità taċ-ċertifikati

    Iċ-ċertifikati għandhom ikunu validi sa tmiem it-tieni xahar ta’ wara x-xahar tal-ħruġ.

    Artikolu 8

    Trasferibbiltà taċ-ċertifikati

    La d-drittijiet u lanqas l-obbligi li jirriżultaw miċ-ċertifikati ma jistgħu jiġu trasferiti.

    Artikolu 9

    Rappurtar tal-prezzijiet

    Għall-fini tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 952/2006, il-kwantità ta’ zokkor mibjugħa koperta b’ċertifikat maħruġ skont dan ir-Regolament għandha titqies bħala zokkor tal-kwota.

    Artikolu 10

    Monitoraġġ

    1.   L-applikanti għandhom iżidu l-kwantitajiet li għalihom ingħataw ċertifikati skont l-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament man-notifiki tagħhom ta’ kull xahar previsti fl-Artikolu 21(1) tar-Regolament (KE) Nru 952/2006.

    2.   Qabel il-31 ta’ Ottubru 2013, kull detentur ta’ ċertifikat skont dan ir-Regolament għandu jippreżenta lill-awtorjitajiet kompetenti tal-Istati Membri prova li l-kwantitajiet kollha koperti biċ-ċertifikati tiegħu ġew rilaxxati fis-suq tal-Unjoni. Kull tunnellata koperta minn ċertifikat iżda li ma ġietx rilaxxata fis-suq tal-Unjoni, għal raġunijiet oħra minbarra forza maġġuri, għandha tkun soġġetta għall-ħlas ta’ ammont ta’ EUR 328 kull tunnellata.

    3.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-kwantitajiet li ma ġewx irrilaxxati fis-suq tal-Unjoni.

    4.   L-Istati Membri għandhom jikkalkulaw u jinnotifikaw lill-Kummissjoni bid-differenza bejn il-kwantità totali ta’ zokkor u iżoglukożju prodotta minn kull produttur ‘il fuq mill-kwota, u bil-kwantitajiet li l-produtturi ddisponew minnhom skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 967/2006. Jekk il-kwantitajiet ta’ zokkor u ta’ iżoglukożju ‘l fuq mill-kwota ta’ produttur li jifdal ikunu inqas mill-kwantitajiet maħruġa għal dak il-produttur skont dan ir-Regolament, il-produttur għandu jħallas ammont ta’ EUR 500 għal kull tunnellata ta’ dik id-differenza.

    5.   In-notifiki previsti fil-paragrafi 3 u 4 għandhom isiru sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2014.

    Artikolu 11

    Data ta’ stabbiliment

    Għall-finijiet tal-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 6(3)(a) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000, id-data tal-istabbiliment tal-intitolament tal-Unjoni għandha tkun id-data li fiha titħallas l-imposta fuq l-ammont żejjed mill-applikanti skont l-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 12

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan għandu jiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2014.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Marzu 2013.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

    (2)  ĠU L 176, 30.6.2006, p. 22.

    (3)  ĠU L 178, 1.7.2006, p. 39.

    (4)  ĠU L 163, 23.6.2007, p. 17.

    (5)  ĠU L 130, 31.5.2000, p. 1.

    (6)  ĠU L 13, 19.1.2000, p. 12.


    ANNESS

    Mudell taċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 6(3)

    ĊERTIFIKAT

    għat-tnaqqis, għas-sena tas-suq 2012/2013, tal-imposta prevista fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 967/2006

    Stat Membru:

    Detentur tal-kwota:

     

    Prodott:

     

    Kwantitajiet li għalihom saret l-applikazzjoni:

     

    Kwantitajiet li għalihom inħareġ iċ-ċertifikat:

     

    Imposta mħallsa (EUR/t):

    172

    Għas-sena tas-suq 2012/2013, l-imposta msemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 967/2006 ma għandhiex tapplika għall-kwantitajiet maħruġa b’dan iċ-ċertifikat, soġġett għall-ħarsien tar-regoli stipulati fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 281/2013, b’mod partikolari fl-Artikolu 2(5)(c).

    Firma tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru

    Data tal-ħruġ

    Dan iċ-ċertifikati għandu jkun validu sa tmiem it-tieni xahar wara d-data tal-ħruġ.


    Top