EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R1056

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1056/2012 tat- 12 ta’ Novembru 2012 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1332/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-enżimi tal-ikel fir-rigward tal-miżuri ta' tranżizzjoni Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 313, 13.11.2012, p. 9–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/1056/oj

13.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 313/9


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1056/2012

tat-12 ta’ Novembru 2012

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1332/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-enżimi tal-ikel fir-rigward tal-miżuri ta' tranżizzjoni

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1332/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-enżimi tal-ikel u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 83/417/KEE, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999, id-Direttiva 2000/13/KE, id-Direttiva tal-Kunsill 2001/112/KE u r-Regolament (KE) Nru 258/97 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 17(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament (KE) Nru 1332/2008, l-iskadenza biex jitressqu l-applikazzjonijiet tal-enżimi hija 24 xahar wara d-data ta' applikazzjoni tal-miżuri ta' implimentazzjoni li jridu jiġu stabbiliti skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta' awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (2).

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 234/2011 tal-10 ta' Marzu 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1331/2008 (3) huwa applikabbli mill-11 ta' Settembru 2011.

(3)

L-istabbiliment tal-lista tal-Unjoni tal-enżimi tal-ikel għandu jsir bla xkiel u ma għandux jiddisturba s-suq eżistenti tal-enżimi tal-ikel, b'mod partikolari l-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju. Jekk ikun meħtieġ, kwalunkwe miżuri xierqa ta' tranżizzjoni għall-finijiet tal-istabbiliment ta' din il-lista jistgħu jiġu adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 17(5) tar-Regolament (KE) Nru 1332/2008.

(4)

Skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (UE) Nru 234/2011, l-applikanti għandhom iqisu l-aħħar gwida dwar id-dejta meħtieġa għall-valutazzjoni tar-riskju stabbilita mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel ("l-Awtorità") li hija disponibbli fi żmien is-sottomissjoni tal-applikazzjoni. L-Awtorità adottat opinjoni xjentifika fit-23 ta' Lulju 2009 li tagħti gwida dwar ir-rekwiżiti tad-dejta għall-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet tal-enżimi tal-ikel (4), u fit-8 ta' Lulju 2011 ħarġet nota spjegatorja għall-Gwida dwar is-sottomissjoni ta' dossier dwar l-enżimi tal-ikel (5). Din adottat ukoll opinjoni xjentifika fil-25 ta' Mejju 2011 li taġġorna gwida għall-valutazzjoni tar-riskju ta' mikroorganiżmi mmodifikati ġenetikament u l-prodotti tagħhom maħsuba biex jintużaw fl-ikel u fl-għalf (6).

(5)

Ir-rekwiżiti ddettaljati stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 234/2011, mid-dokumenti gwida tal-Awtorità u min-nota spjegatorja ġew adottati aktar tard mir-Regolament (KE) Nru 1332/2008.

(6)

L-esperjenza miksuba sadanittant turi li l-iskadenza inizjali biex jitressqu l-applikazzjonijiet mhix biżżejjed biex il-partijiet interessati, u b'mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, jitħallew jipproduċu d-dejta f'dak il-perjodu. Huwa meħtieġ aktar ħin milli kien previst oriġinarjament biex jitressqu l-applikazzjonijiet ħalli tkun iktar faċli t-tranżizzjoni mis-sitwazzjoni legali preżenti għas-sistema stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 1332/2008. Għalhekk għandu jiġi estiż il-perjodu ta' 24 xahar stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1332/2008 biex jitressqu l-applikazzjonijiet tal-enżimi.

(7)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, u la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma opponewhom,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament (KE) Nru 1332/2008, it-tieni subparagrafu jinbidel b'li ġej:

"L-iskadenza sa meta jitressqu dawn l-applikazzjonijiet għandha tkun 42 xahar wara d-data tal-applikazzjoni tal-miżuri ta' implimentazzjoni stabbiliti skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008 li jistabbilixxi proċedura ta' awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Novembru 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 7.

(2)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1.

(3)  ĠU L 64, 11.3.2011, p. 15.

(4)  L-EFSA Journal (2009) 1305, p. 1. http://www.efsa.europa.eu/en/scdoc/doc/1305.pdf

(5)  Supporting Publication 2011:177. http://www.efsa.europa.eu/en/supporting/doc/177e.pdf

(6)  L-EFSA Journal 2011; 9(6):2193. http://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/doc/2193.pdf


Top