Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0111

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 111/2012 tad- 9 ta’ Frar 2012 li jibda l-proċedura ta’ sejħa għall-offerti rigward għajnuna għall-ħżin privat taż-żejt taż-żebbuġa

    ĠU L 37, 10.2.2012, p. 55–57 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 12/03/2014

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2012/111/oj

    10.2.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 37/55


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 111/2012

    tad-9 ta’ Frar 2012

    li jibda l-proċedura ta’ sejħa għall-offerti rigward għajnuna għall-ħżin privat taż-żejt taż-żebbuġa

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b’mod partikolari Artikolu 43(a), (d) u (j), flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 33 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jipprovdi li l-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tawtorizza lil entitajiet li joffru garanziji suffiċjenti, u approvati mill-Istati Membri, biex jikkonkludu kuntratti għall-ħżin taż-żejt taż-żebbuġa li jikkummerċjalizzaw fil-każ ta' disturb serju fis-suq f'ċerti reġjuni tal-Unjoni Ewropea.

    (2)

    Fi Spanja u l-Greċja, pajjiżi li bejniethom jipproduċu aktar minn żewġ terzi taż-żejt taż-żebbuġa prodott fl-UE, il-prezz medju taż-żejt taż-żebbuġa rreġistrat fis-suq matul il-perjodu speċifikat fl-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 826/2008 tal-20 ta’ Awwissu 2008 li jipprovdi regoli komuni għall-għotja ta’ għajnuna għall-ħażna privata ta’ ċerti prodotti agrikoli (2) huwa taħt il-livell indikat fl-Artikolu 33 tarRegolament (KE) Nru 1234/2007. Dan jikkawża disturb serju fis-swieq ta’ dawk l-Istati Membri. Is-suq tal-Unjoni taż-żejt taż-żebbuġa huwa kkaratterizzat minn interdipendenza għolja ħafna u għalhekk id-disturb serju tas-suq Spanjol jhedded li jinxtered mal-Istati Membri kollha li jipproduċu ż-żejt taż-żebbuġa.

    (3)

    L-Artikolu 31 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jipprovdi li għajnuna għal ħżin privat tista’ tingħata għaż-żejt taż-żebbuġa u li l-Kummisjoni għandha tiffissa l-għajnuna bil-quddiem jew permezz ta' proċedura ta' sejħa għall-offerti.

    (4)

    Ir-Regolament (KE) Nru 826/2008 stabbilixxa regoli komuni għall-implimentazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna għall-ħżin privat. Skont l-Artikolu 6 ta’ dak ir-Regolament, għandha tinbeda proċedura ta’ sejħa għall-offerti skont ir-regoli dettaljati u l-kundizzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 9 tiegħu.

    (5)

    Il-kwantità globali sa fejn għandha tingħata l-għajnuna għall-ħżin privat għandha tkun iffissata f’livell li, skont l-analiżi tas-suq, għandu jikkontribwixxi biex jistabbilizza s-suq.

    (6)

    Biex jiġi ffaċilitat ix-xogħol amministrattiv u ta’ kontroll rigward il-konklużjoni ta’ kuntratti, għandha tkun iffissata l-kwantità minima ta’ prodott li kull offerta jeħtiġilha tipprovdi.

    (7)

    Għandha tiġi ffissata garanzija sabiex tiżgura li l-operaturi jissodisfaw l-obbligi kuntrattwali tagħhom u li l-miżura jkollha l-effett mixtieq fis-suq.

    (8)

    Fid-dawl tal-iżviluppi fil-qagħda tas-suq fis-sena tas-suq attwali u t-tbassir għas-sena tas-suq sussegwenti, il-Kummissjoni għandu jkollha l-possibbiltà li tiddeċiedi li tqassar iż-żmien tal-kuntratti li jkunu qed jiġu eżegwiti u li taġġusta skont dan il-livell tal-għajnuna. Jeħtieġ li dik il-possibbiltà tkun inkluża fil-kuntratt, kif jipprovdi l-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 826/2008.

    (9)

    Skont l-Artikolu 12(3) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008, jeħtieġ li jiġi ffissat il-perjodu ta' żmien biex l-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-offerti validi kollha.

    (10)

    Sabiex ma jitħalliex li jaqa' l-prezz, ikun hemm reazzjoni malajr għall-qagħda eċċezzjonali tas-suq u biex tiġi żgurata ġestjoni effiċjenti tal-miżura, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    (11)

    Il-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli ma tax opinjoni fil-limitu taż-żmien stipulat mill-President tiegħu,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Suġġett

    1.   B’dan qed tinfetaħ proċedura ta’ sejħa għall-offerti sabiex ikun stabbilit il-livell ta’ għajnuna għall-ħżin privat imsemmi fl-Artikolu 31(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għall-kategoriji taż-żejt taż-żebbuġa elenkati fl-Anness għal dan ir-Regolament u definiti fil-punt 1 tal-Anness XVI għar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.

    2.   Il-kwantità globali sa fejn tista’ tingħata l-għajnuna għall-ħżin privata għandha tkun 100 000 tunnellata.

    Artikolu 2

    Regoli applikabbli

    Ir-Regolament (KE) Nru 826/2008 għandu japplika, sakemm ma jkunx ipprovdut mod ieħor f’dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    Tressiq ta' offerti

    1.   Is-subperjodu li fih jistgħu jitressqu l-offerti bħala tweġiba għall-ewwel stedina parzjali għall-offerti għandu jibda fis-17 ta’ Frar 2012 u jintemm fil-21 ta’ Frar 2012 fil-11:00, ħin ta’ Brussell.

    Is-subperjodu li fih jistgħu jitressqu l-offerti bħala tweġiba għat-tieni stedina parzjali għall-offerti għandu jibda fl-ewwel jum tax-xogħol wara tmiem is-subperjodu preċedenti u jintemm fl-1 ta’ Marzu 2012 fil-11:00, ħin ta’ Brussell.

    2.   L-offerti għandhom ikunu relatati ma’ perjodu ta’ ħżin ta’ 150 jum.

    3.   Kull offerta għandha tkopri kwantità minima ta’ mill-anqas 50 tunnellata.

    4.   Fejn operatur jieħu sehem fi proċedura ta’ sejħa għall-offerti għal aktar minn kategorija waħda ta’ żejt jew għal tankijiet li jinsabu f’indirizzi differenti, għandu jressaq offerta separata f’kull każ.

    5.   L-offerti jistgħu jitressqu biss fil-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, Ċipru, Malta, il-Portugall u s-Slovenja.

    Artikolu 4

    Garanziji

    L-offerenti għandhom jistabbilixxu garanzija ta’ EUR 50 għal kull tunnellata ta’ żejt taż-żebbuġa koperta b’offerta.

    Artikolu 5

    Tqassir tat-tul ta’ żmien tal-kuntratti

    Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi, abbażi tal-iżviluppi fis-suq taż-żejt taż-żebbuġa u l-prospetti għall-ġejjieni, li skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 195(2) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, tqassar it-tul ta’ żmien tal-kuntratti li jkunu qed jiġu eżegwiti u taġġusta l-ammont tal-għajnuna skont dan. Il-kuntratt mal-offerent li jintgħażel għandu jinkludi referenza għal din l-għażla.

    Artikolu 6

    Notifika lill-Kummissjoni dwar l-offerti

    F’konformità mal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 826/2008, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b'kull offerta valida separatament, fi żmien 24 siegħa minn tmiem kull subperjodu tal-offerti kif imsemmi fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 7

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Frar 2012.

    Għall-Kummissjoni, F'isem il-President,

    Dacian CIOLOȘ

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

    (2)  ĠU L 223, 21.8.2008, p. 3.


    ANNESS

    Kategoriji taż-żejt taż-żebbuġa msemmija fl-Artikolu 1(1)

    Żejt taż-żebbuġ extra verġni

    Żejt verġni taż-żebbuġa


    Top