EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 22012D0025
2012/25/EU: Decision No 1/2011 of the Joint Committee established under the Interbus Agreement on the international occasional carriage of passengers by coach and bus of 11 November 2011 adopting its rules of procedure and adapting Annex 1 to the Agreement regarding the conditions applying to road passenger transport operators, Annex 2 to the Agreement concerning the technical standards applying to buses and coaches and the requirements concerning the social provisions referred to in Article 8 of the Agreement
2012/25/UE: Deċiżjoni Nru 1/2011 tal-Kumitat Konġunt stabbilit taħt il-Ftehim Interbus dwar it-trasport internazzjonali okkażjonali tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank tal- 11 ta’ Novembru 2011 li tadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu u li tadatta l-Anness 1 għall-Ftehim rigward il-kondizzjonijiet li japplikaw għall-operaturi tat-trasport bit-triq tal-passiġġieri, l-Anness 2 għall-Ftehim li jikkonċerna l-istandards tekniċi li japplikaw għax-xarabankijiet u l-kowċijiet u r-rekwiżiti li jikkonċernaw id-dispożizzjonijiet soċjali msemmijin fl-Artikolu 8 tal-Ftehim
2012/25/UE: Deċiżjoni Nru 1/2011 tal-Kumitat Konġunt stabbilit taħt il-Ftehim Interbus dwar it-trasport internazzjonali okkażjonali tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank tal- 11 ta’ Novembru 2011 li tadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu u li tadatta l-Anness 1 għall-Ftehim rigward il-kondizzjonijiet li japplikaw għall-operaturi tat-trasport bit-triq tal-passiġġieri, l-Anness 2 għall-Ftehim li jikkonċerna l-istandards tekniċi li japplikaw għax-xarabankijiet u l-kowċijiet u r-rekwiżiti li jikkonċernaw id-dispożizzjonijiet soċjali msemmijin fl-Artikolu 8 tal-Ftehim
ĠU L 8, 12.1.2012, p. 38–45
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
12.1.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 8/38 |
DEĊIŻJONI Nru 1/2011 TAL-KUMITAT KONĠUNT STABBILIT TAĦT IL-FTEHIM INTERBUS DWAR IT-TRASPORT INTERNAZZJONALI OKKAŻJONALI TAL-PASSIĠĠIERI BIL-KOWĊ U BIX-XARABANK
tal-11 ta’ Novembru 2011
li tadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu u li tadatta l-Anness 1 għall-Ftehim rigward il-kondizzjonijiet li japplikaw għall-operaturi tat-trasport bit-triq tal-passiġġieri, l-Anness 2 għall-Ftehim li jikkonċerna l-istandards tekniċi li japplikaw għax-xarabankijiet u l-kowċijiet u r-rekwiżiti li jikkonċernaw id-dispożizzjonijiet soċjali msemmijin fl-Artikolu 8 tal-Ftehim
(2012/25/UE)
IL-KUMITAT KONĠUNT,
Wara li kkunisdra l-Ftehim Interbus dwar it-trasport internazzjonali okkażjonali tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 23 u 24 tiegħu,
Billi:
(1) |
Skont l-Artikolu 23(3) tal-Ftehim Interbus dwar it-trasport internazzjonali okkażjonali tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”), il-Kumitat Konġunt huwa meħtieġ li jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tiegħu. |
(2) |
Il-Kumitat Konġunt huwa responsabbli, skont l-Artikolu 24(2)(ċ) tal-Ftehim, li jadatta l-Anness 1 għall-Ftehim rigward il-kondizzjonijiet li japplikaw għall-operaturi tat-trasport bit-triq tal-passiġġieri u l-Anness 2 għall-Ftehim dwar l-istandards tekniċi li japplikaw għax-xarabankijiet u l-kowċijiet. Barra minn hekk, il-Kumitat Konġunt huwa responsabbli, skont l-Artikolu 24(2)(e) tal-Ftehim, għall-adattament tar-rekwiżiti li jikkonċernaw id-dispożizzjonijiet soċjali msemmijin fl-Artikolu 8 tal-Ftehim sabiex jiġu inkorporati l-miżuri l-ġodda meħuda fl-Unjoni. |
IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Ir-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt stabbiliti fl-Anness I għal din id-Deċiżjoni huma b’dan adottati.
Artikolu 2
L-Anness 1 għall-Ftehim rigward il-kondizzjonijiet li japplikaw għall-operaturi tat-trasport bit-triq tal-passiġġieri, l-Anness 2 għall-Ftehim li jikkonċerna l-istandards tekniċi li japplikaw għax-xarabankijiet u l-kowċijiet u r-rekwiżiti li jikkonċernaw id-dispożizzjonijiet soċjali msemmijin fl-Artikolu 8 tal-Ftehim huma b’dan adattati kif stabbilit fl-Anness II għal din id-Deċiżjoni.
Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Novembru 2011.
Il-President
Sz. SCHMIDT
Is-Segretarju
G. PATRIS
(1) ĠU L 321, 26.11.2002, p. 13.
ANNESS I
Regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt stabbilit taħt il-Ftehim Interbus dwar it-trasport internazzjonali okkażjonali tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank
Artikolu 1
L-Isem tal-Kumitat Konġunt
Il-Kumitat Konġunt stabbilit taħt l-Artikolu 23 tal-Ftehim Interbus dwar it-trasport internazzjonali okkażjonali tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank għandu minn hawn ’il quddiem jissejjaħ “il-Kumitat”.
Artikolu 2
Presidenza
1. Il-Kumitat għandu jkun ippresjedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Kummissjoni”), f’isem l-Unjoni Ewropea.
2. Il-kap tad-delegazzjoni tal-Unjoni, jew fejn ikun meħtieġ id-deputat tiegħu, għandu jwettaq id-doveri ta’ President tal-Kumitat.
3. Il-President għandu jmexxi x-xogħol tal-Kumitat.
Artikolu 3
Delegazzjonijiet
1. Il-partijiet li għalihom il-Ftehim ikun daħal fis-seħħ (minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-partijiet”) għandhom jaħtru r-rappreżentanti tagħhom fuq il-Kumitat. Id-delegazzjoni tal-Unjoni għandha tkun magħmula minn rappreżentanti tal-Kummissjoni, assistiti minn rappreżentanti tal-Istati Membri.
2. Kull parti għandha taħtar il-kap u, fejn hu meħtieġ, deputat kap tad-delegazzjoni tagħha.
3. Kull parti tista’ taħtar rappreżentanti ġodda fuq il-Kumitat. Is-Segretarju tal-Kumitat għandu jiġi mgħarraf minnufih bil-miktub bi kwalunkwe tibdil ta’ dan it-tip.
4. Rappreżentanti tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jistgħu jieħdu sehem fil-laqgħat tal-Kumitat bħala osservaturi. Il-President, bil-qbil tal-kapijiet l-oħra tad-delegazzjoni, jista’ jistieden persuni li m’humiex membri ta’ delegazzjonijiet biex jattendu laqgħa tal-Kumitat sabiex jipprovdu tagħrif dwar suġġetti speċifiċi.
5. Mill-anqas ġimgħa qabel il-laqgħa, il-partijiet għandhom jgħarrfu lis-Segretarju tal-Kumitat bil-kompożizzjoni tad-delegazzjoni tagħhom.
Artikolu 4
Segretarjat
1. Rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jipprovdi s-segretarjat għall-Kumitat. Is-Segretarju għandu jinħatar mill-President tal-Kumitat u għandu jwettaq id-doveri tiegħu sakemm jiġi maħtur Segretarju ġdid. Il-President għandu jgħarraf lill-partijiet l-oħra l-isem u d-dettalji tas-Segretarju.
2. Is-Segretarju għandu jkun responsabbli għall-komunikazzjoni bejn id-delegazzjonijiet, inkluża t-trasmissjoni ta’ dokumenti, u għandu jissorvelja d-doveri segretarjali.
Artikolu 5
Laqgħat tal-Kumitat
1. Il-Kumitat għandu jiltaqa’ fuq it-talba ta’ mill-anqas parti waħda. Din għandha tkun organizzata mill-President.
2. Il-President għandu jibgħat l-avviż tal-laqgħa, flimkien mal-abbozz tal-aġenda u d-dokumenti tal-laqgħa, lill-kapijiet tad-delegazzjonijiet l-oħra mill-anqas 15-il ġurnata ta’ xogħol qabel il-bidu tal-laqgħa.
3. Parti tista’ titlob lill-President iqassar il-perijodi tal-avviż imsemmi fil-paragrafu 2 biex iqis l-urġenza ta’ kwistjoni partikolari.
4. Sakemm il-kapijiet tad-delegazzjonijiet ma jiddeċidux xort’oħra, il-laqgħat tal-Kumitat m’għandhomx ikunu pubbliċi.
5. Il-Kumitat għandu jiltaqa’ fi Brussell, sakemm il-partijiet ma jiddeċidux li jiltaqgħu band’oħra.
Artikolu 6
Aġenda
1. Il-President, megħjun mis-Segretarju, għandu jfassal l-abbozz tal-aġenda għal kull laqgħa u għandu jiffissa d-data u l-post tal-laqgħa wara li jkun ikkonsulta lill-kapijiet tad-delegazzjonijiet l-oħra. Il-President għandu jibgħat l-aġenda proviżorja lill-kapijiet l-oħra tad-delegazzjoni mill-anqas 15-il ġurnata ta’ xogħol qabel il-bidu tal-laqgħa. L-aġenda għandha tkun akkumpanjata mid-dokumenti ta’ ħidma kollha meħtieġa.
2. Il-perijodu tal-avviż stipulat fil-paragrafu 1 m’għandux japplika għal-laqgħat urġenti msejħa b’konformità mal-Artikolu 5(3).
3. Kull parti tista’ tipproponi punt wieħed jew aktar li għandhom jiżdiedu mal-aġenda proviżorja mill-anqas 24 siegħa qabel il-bidu tal-laqgħa. Talbiet għaż-żieda ta’ punti mal-aġenda għandhom jintbagħtu bil-miktub lill-President, b’indikazzjoni tar-raġuni għal dan.
4. Fil-bidu tal-laqgħa, il-Kumitat għandu jadotta l-aġenda. Il-Kumitat jista’ jiddeċiedi li jżid mal-aġenda punt li ma jinsabx fuq l-aġenda proviżorja.
Artikolu 7
Adozzjoni ta’ atti
1. Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat għandhom jiġu adottati b’vot unanimu tal-partijiet rappreżentati, b’konformità mal-Artikolu 23(5) u (6) tal-Ftehim. Ir-rakkomandazzjonijiet, u b’mod partikolari dawk imsemmija fl-Artikolu 24(2)(g) tal-Ftehim, għandhom jittieħdu b’kunsens bejn id-delegazzjonijiet tal-partijiet rappreżentati. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet għandhom iġibu t-titolu ta’ “Deċiżjoni” jew “Rakkomandazzjoni” segwiti b’numru tas-serje, id-data tal-adozzjoni tagħhom u indikazzjoni tal-kontenut tagħhom.
2. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat għandhom iġibu l-firma tal-President u tas-Segretarju. Dawn għandhom jintbagħtu mis-Segretarju lill-Kapijiet l-oħra tad-delegazzjoni.
3. Kull parti tista’ tiddeċiedi li tippubblika kwalunkwe att adottat mill-Kumitat.
4. L-atti tal-Kumitat jistgħu jiġu adottati permezz tal-proċedura bil-miktub fejn dan ġie miftiehem mill-kapijiet tad-delegazzjoni. Il-President għandu jippreżenta l-abbozz tal-att lill-kapijiet l-oħra tad-delegazzjoni li għandhom jindikaw bħala tweġiba jekk jaċċettawx jew ma jaċċettawx l-abbozz, jekk jipproponux emendi għall-abbozz jew jekk jeħtiġux aktar żmien biex jikkunsidrawh. Jekk l-abbozz jiġi adottat, il-President għandu jiffinalizza d-deċiżjoni jew ir-rakkomandazzjoni b’konformità mal-paragrafi 1 u 2.
5. Ir-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet għandhom jiġu mfassla bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż, u dawn it-testi huma awtentiċi. Kull parti għandha tkun responsabbli mit-traduzzjoni korretta tar-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet għal-lingwa jew lingwi uffiċjali tagħha. It-traduzzjoni f’lingwi oħra tal-Unjoni għandha ssir mill-Kummissjoni.
Artikolu 8
Minuti
1. Is-Segretarju għandu jfassal, taħt ir-responsabbiltà tal-President, abbozz tal-minuti ta’ kull laqgħa tal-Kumitat fi żmien 15-il ġurnata ta’ xogħol wara l-laqgħa.
2. Il-minuti għandhom, bħala regola ġenerali, jindikaw fir-rigward ta’ kull punt fuq l-aġenda:
— |
dettalji tad-dokumenti ppreżentati lill-Kumitat, |
— |
dikjarazzjonijiet li parti talbet li jiġu rreġistrati, |
— |
id-deċiżjonijiet li ttieħdu, ir-rakkomandazzjonijiet li saru u l-konklużjonijiet adottati. |
3. L-abbozz tal-minuti għandu jiġi ppreżentat lill-Kumitat għall-approvazzjoni b’konformità mal-proċedura bil-miktub imsemmija fl-Artikolu 7(4). Jekk din il-proċedura ma titlestiex, il-minuti għandhom jiġu adottati mill-Kumitat fil-laqgħa tiegħu li jmiss.
4. Ladarba adottati mill-Kumitat, il-minuti għandhom jiġu ffirmati mill-President u mis-Segretarju u miżmuma mis-Segretarju. Għandha tintbagħat kopja mis-Segretarju lill-kapijiet l-oħra tad-delegazzjoni.
Artikolu 9
Kunfidenzjalità
Minkejja d-dispożizzjoni dwar il-pubblikazzjoni ta’ atti stipulata fl-Artikolu 7(3), id-deliberazzjonijiet tal-laqgħat u d-dokumenti tal-Kumitat għandhom ikunu rregolati mis-sigriet professjonali.
Artikolu 10
Spejjeż
1. Kull parti għandha tħallas l-ispejjeż li tonfoq biex tieħu sehem fil-laqgħat tal-Kumitat.
2. Il-Kumitat għandu jiddeċiedi dwar ir-rimborż ta’ spejjeż konnessi ma’ missjonijiet assenjati lil persuni msejħa mill-President b’konformità mal-Artikolu 3(4).
Artikolu 11
Korrispondenza
Il-korrispondenza kollha mal-President tal-Kumitat jew mingħandu għandha tintbagħat lis-Segretarju tal-Kumitat. Is-Segretarju għandu jibgħat kopja tal-korrispondenza kollha relatata mal-Ftehim lid-delegazzjonijiet kollha.
Artikolu 12
Lingwi
Il-lingwi użati fil-laqgħat tal-Kumitat u f’dokumenti għandhom jiġu deċiżi mill-Kumitat. M’għandu jkun hemm l-ebda obbligu għall-parti li tkun qed tospita l-laqgħa li tipprovdi interpretazzjoni għal-lingwi l-oħra.
ANNESS II
Adattament tal-Anness 1 għall-Ftehim rigward il-kondizzjonijiet li japplikaw għall-operaturi tat-trasport bit-triq tal-passiġġieri, tal-Anness 2 għall-Ftehim li jikkonċerna l-istandards tekniċi li japplikaw għax-xarabankijiet u l-kowċijiet u r-rekwiżiti li jikkonċernaw id-dispożizzjonijiet soċjali msemmijin fl-Artikolu 8 tal-Ftehim (1)
1. Adattament tal-Anness 1 għall-Ftehim rigward il-kondizzjonijiet li japplikaw għall-operaturi tat-trasport bit-triq tal-passiġġieri
L-att li ġej tal-Unjoni huwa miżjud mal-Anness 1 għall-Ftehim:
“Ir-Regolament (KE) Nru 1071/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu rispettati għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/26/KE (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 51)”.
2. Adattament tal-Anness 2 għall-Ftehim li jikkonċerna l-istandards tekniċi li japplikaw għax-xarabankijiet u l-kowċijiet
1. |
Fl-Artikolu 1 tal-Anness 2 għall-Ftehim, il-punti (a), (b), (ċ) u (d) huma sostitwiti b’dan li ġej:
|
2. |
L-Artikolu 2 tal-Anness 2 għall-Ftehim huwa emendat kif ġej:
|
3. Adattament tar-rekwiżiti li jikkonċernaw id-dispożizzjonijiet soċjali msemmijin fl-Artikolu 8 tal-Ftehim
1. |
Wara l-inklużjoni tad-Direttiva 2000/30/KE, l-Artikolu 8 tal-Anness 2 għall-Ftehim, l-Anness IIa għall-Ftehim u l-Anness IIb għall-Ftehim huma mħassrin. |
2. |
L-atti tal-Unjoni elenkati fl-Artikolu 8 tal-Ftehim huma sostitwiti bl-atti tal-Unjoni li ġejjin (2):
|
(1) L-aġġornament tal-atti jieħu kont tal-miżuri l-ġodda adottati mill-Unjoni Ewropea sal-31 ta’ Diċembru 2009.
(2) L-aġġornament tal-atti jieħu kont tal-miżuri l-ġodda adottati mill-Unjoni Ewropea sal-31 ta’ Diċembru 2009.