Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0834

    2011/834/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 13 ta’ Diċembru 2011 li ttemm il-proċediment kontra s-sussidju li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilene tereftalat li joriġina mill-Oman u mill-Arabja Sawdija

    ĠU L 330, 14.12.2011, p. 43–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/834/oj

    14.12.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 330/43


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-13 ta’ Diċembru 2011

    li ttemm il-proċediment kontra s-sussidju li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilene tereftalat li joriġina mill-Oman u mill-Arabja Sawdija

    (2011/834/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta’ Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b’mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,

    Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

    Billi:

    A.   PROĊEDURA

    (1)

    Fit-3 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni Ewropea (il-Kummissjoni) rċeviet ilment dwar is-sussidjar allegat ta’ ċertu polietilene tereftalat (“PET”) li joriġina mill-Oman u mill-Arabja Sawdija (il-“pajjiżi kkonċernati”), li kkawża ħsara lill-Industrija tal-Unjoni.

    (2)

    L-ilment tressaq mill-Kumitat tal-Manifatturi tal-Polietilene Tereftalat (PET) fl-Ewropa (CPME) (“l-ilmentatur”) f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw proporzjon kbir, f’dan il-każ ta’ aktar minn 50 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ ċertu PET skont l-Artikolu 10 tar-Regolament bażiku.

    (3)

    L-ilment kien fih evidenza prima facie tal-eżistenza ta’ sussidji u ta’ ħsara materjali li rriżultat minnhom, li tqieset biżżejjed biex tkun iġġustifikata t-tnedija ta’ proċediment kontra s-sussidji.

    (4)

    Qabel it-tnedija tal-proċediment u skont l-Artikolu 10(7) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni għarrfet lill-gvernijiet tal-Oman u tal-Arabja Sawdija li kienet irċeviet ilment dokumentat kif suppost li jallega li importazzjonijiet ta’ PET sussidjati li joriġinaw mill-Oman u mill-Arabja Sawdija kienu qed jikkawżaw ħsara materjali lill-Industrija tal-Unjoni. Il-gvernijiet tal-Oman u tal-Arabja Sawdija ġew mistiedna separatament għal konsultazzjonijiet bl-għan li tiġi ċċarata s-sitwazzjoni rigward il-kontenut tal-ilment u li wieħed jasal għal soluzzjoni miftiehma b’mod reċiproku. Matul il-konsultazzjonijiet ma setgħet tintlaħaq l-ebda soluzzjoni miftiehma b’mod reċiproku.

    (5)

    Il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, permezz ta’ avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2) bdiet proċediment kontra s-sussidju fis-16 ta’ Frar 2011 dwar l-importazzjonijiet fl-Unjoni Ewropea ta’ ċertu PET li joriġina mill-Oman u mill-Arabja Sawdija.

    (6)

    Fl-istess jum, il-Kummissjoni tat bidu għal proċediment antidumping li jikkonċerna l-importazzjoni fl-Unjoni ta’ ċertu PET li joriġina mill-pajjiżi kkonċernati (3).

    (7)

    Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill-industrija tal-Unjoni, lill-esportaturi/produtturi fil-pajjiżi kkonċernati, lill-importaturi, lill kull assoċjazzjoni magħrufa li hija kkonċernata u lill-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jistqarru fehmiethom bil-miktub u li jitolbu smigħ fil-limitu taż-żmien stabbilit fin-notifika tal-inizjazzjoni.

    (8)

    Il-partijiet interessati kollha li talbu dan u li wrew li kien hemm raġunijiet partikolari għalfejn għandhom jinstemgħu, ngħataw seduta ta’ smigħ.

    B.   IRTIRAR TAL-ILMENT U TMIEM IL-PROĊEDIMENT

    (9)

    B’ittra tat-12 ta’ Ottubru 2011 lill-Kummissjoni, is-CPME formalment irtira l-ilment.

    (10)

    Skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament bażiku, il-proċediment jista’ jintemm meta jiġi rtirat l-ilment, sakemm tali tmiem ma jkunx fl-interess tal-Unjoni.

    (11)

    F’dan ir-rigward għandu jiġi nnutat li l-Kummissjoni ma identifikatx xi raġuni biex tindika li t-tmiem mhux se jkun fl-interess tal-Unjoni, lanqas ma tqajmet xi raġuni mill-partijiet interessati. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-proċediment preżenti għandu jintemm. Il-partijiet interessati ġew infurmati b’dan u ngħataw l-opportunità li jikkummentaw.

    (12)

    Xi wħud mill-partijiet interessati esprimew appoġġ għal tmiem il-proċediment. Partijiet interessati oħran, għalkemm appoġġjaw it-tmiem tal-proċediment, talbu żvelar tas-sejbiet tal-investigazzjoni.

    (13)

    Għandha tinġibed l-attenzjoni f’dan ir-rigward li l-Kummissjoni ma waslitx għal konklużjoni dwar is-sejbiet tagħha u li għalhekk mhijiex f’pożizzjoni li tiżvela dejta miġbura qabel l-irtirar tal-ilment.

    (14)

    Fid-dawl ta’ dan li ntqal hawn fuq, qed jiġi konkluż li ma hemm l-ebda raġuni soda kontra t-tmiem ta’ dan il-proċediment.

    (15)

    Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-proċediment kontra s-sussidju dwar l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ċerti polietilene tereftalat (PET) li joriġina mill-Oman u mill-Arabja Sawdija għandu jintemm.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-proċediment kontra s-sussidju li jikkonċerna l-importazzjonijiet tal-polietilene tereftalat li għandu numru ta’ viskożità ta’ 78 ml/g jew aktar, skont l-Istandard ISO 1628-5, li joriġina mill-Oman u mill-Arabja Sawdija, li attwalment jaqa’ fil-kodiċi tan-NM 3907 60 20, qiegħed b’dan jintemm.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Diċembru 2011.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93.

    (2)  ĠU C 49, 16.2.2011, p. 21.

    (3)  ĠU C 49, 16.2.2011, p. 16.


    Top