Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R1295

Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1295/2011 tat- 13 ta’ Diċembru 2011 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1284/2009 li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi fir-rigward tar-Repubblika tal-Ginea

ĠU L 330, 14.12.2011, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1295/oj

14.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 330/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 1295/2011

tat-13 ta’ Diċembru 2011

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1284/2009 li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi fir-rigward tar-Repubblika tal-Ginea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/706/PESK li temenda d-Deċiżjoni 2010/638/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika tal-Ginea (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1284/2009 (2) impona ċerti miżuri restrittivi speċifiċi fir-rigward tar-Repubblika tal-Ginea, f’konformità mal-Pożizzjoni Komuni 2009/788/PESK (3) (li aktar tard ġiet sostitwita bid-Deċiżjoni 2010/638/PESK (4)), b’rispons għar-repressjoni vjolenti mill-forzi tas-sigurtà ta’ dimostranti politiċi f’Conakry fit-28 ta’ Settembru 2009.

(2)

Id-Deċiżjoni 2010/638/PESK ġiet emendata mid-Deċiżjoni 2011/706/PESK sabiex ikun modifikat, inter alia, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri relatati ma’ tagħmir militari u tagħmir li jista’ jkun użat għar-repressjoni interna.

(3)

Ċerti aspetti minn dawk il-miżuri jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat u, għalhekk, notevolment bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha, hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex timplimentahom.

(4)

Ir-Regolament (UE) Nru 1284/2009 għandu jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-paragrafu (1) tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1284/2009 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   B’deroga mill-Artikoli 2 u 3, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kif indikati fis-siti tal-Internet elenkati fl-Anness III, jistgħu, f’każijiet debitament ġustifikati, jawtorizzaw:

(a)

il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ tagħmir li jista’ jintuża għar-repressjoni interna, sakemm ikun maħsub biss għal użu umanitarju jew protettiv, jew għal programmi ta’ bini ta’ istituzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti (NU), l-Unjoni Ewropea, jew għal operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u tan-NU għall-ġestjoni ta’ kriżijiet;

(b)

il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ tagħmir mhux letali li jista’ jintuża għar-repressjoni interna, sakemm ikun maħsub biss biex jippermetti lill-pulizija u l-ġendarmerija tar-Repubblika tal-Ginea li jużaw biss forza xierqa u proporzjonata filwaqt li jkunu qegħdin iżommu l-ordni pubbliku;

(c)

l-għoti ta’ finanzjament, assistenza finanzjarja, assistenza teknika, servizzi ta’ senserija u servizzi oħrajn relatati ma’ tagħmir jew ma’ programmi u operazzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b);

(d)

l-għoti ta’ finanzjament, assistenza finanzjarja, assistenza teknika, servizzi ta’ senserija u servizzi oħrajn relatati ma’ tagħmir militari mhux letali maħsub biss għal użu umanitarju jew protettiv, għal programmi ta’ bini ta’ istituzzjonijiet tan-NU u l-Unjoni, jew għal operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u tan-NU għall-ġestjoni ta’ kriżijiet;

(e)

l-għoti ta’ finanzjament, assistenza finanzjarja, assistenza teknika, servizzi ta’ senserija u servizzi oħrajn relatati ma’ tagħmir militari li mhux letali maħsub unikament biex jippermetti lill-pulizija u l-ġendarmerija tar-Repubblika tal-Ginea li jużaw biss forza xierqa u proporzjonata filwaqt li jkunu qegħdin iżommu l-ordni pubbliku;

(f)

l-għoti ta’ finanzjament, assistenza finanzjarja, assistenza teknika, servizzi ta’ senserija u servizzi oħrajn relatati ma’ vetturi li mhumiex tal-ġlied li jkunu ġew manifatturati jew mgħammra b’materjal li jipprovdi protezzjoni ballistika, maħsuba biss għall-użu protettiv ta’ persunal tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha fir-Repubblika tal-Ginea.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Diċembru 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

M. CICHOCKI


(1)  ĠU L 281, 28.10.2011, p. 28.

(2)  ĠU L 346, 23.12.2009, p. 26.

(3)  ĠU L 281, 28.10.2009, p. 7.

(4)  ĠU L 280, 26.10.2010, p. 10.


Top