This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32011D0695
2011/695/: Decision of the President of the European Commission of 13 October 2011 on the function and terms of reference of the hearing officer in certain competition proceedings Text with EEA relevance
2011/695/: Deċiżjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tat- 13 ta’ Ottubru 2011 dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni Test b’relevanza għaż-ŻEE
2011/695/: Deċiżjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tat- 13 ta’ Ottubru 2011 dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni Test b’relevanza għaż-ŻEE
ĠU L 275, 20.10.2011, p. 29–37
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
In force
20.10.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 275/29 |
DEĊIŻJONI TAL-PRESIDENT TAL-KUMMISSJONI EWROPEA
tat-13 ta’ Ottubru 2011
dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2011/695/UE)
IL-PRESIDENT TAL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 22 tagħhom,
Billi:
(1) |
Taħt is-sistema għall-infurzar tal-liġi dwar il-kompetizzjoni stabbilita skont it- Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem imsejħa “it-Trattat”), il-Kummissjoni tinvestiga u tiddeċiedi fuq il-każijiet permezz ta’ deċiżjoni amministrattiva, soġġetta għal reviżjoni ġudizzjarja mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem “il-Qorti tal-Ġustizzja”). |
(2) |
Il-Kummissjoni trid twettaq il-proċedimenti tagħha dwar il-kompetizzjoni b’mod ġust, imparzjali u oġġettiv u għandha tiżgura r-rispett għad-drittijiet proċedurali tal-partijiet ikkonċernati kif stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (2), fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (3), fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas-7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81 sa 82 tat-Trattat tal-KE (4), u fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 802/2004 tas-7 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (5), kif ukoll fil-każistika rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja. B’mod partikolari, id-dritt tal-partijiet ikkonċernati li jinstemgħu qabel l-adozzjoni ta’ kwalunkwe deċiżjoni individwali li taffettwahom b’mod negattiv huwa dritt fundamentali tal-liġi tal-Unjoni rikonoxxut mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u b’mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu (6). |
(3) |
Sabiex jiġi żgurat il-ħarsien effettiv tad-drittijiet proċedurali tal-partijiet ikkonċernati, partijiet involuti oħrajn skont it-tifsira tal-Artikolu 11(b) tar-Regolament (KE) Nru 802/2004 (“partijiet involuti oħrajn”), il-kwerelanti skont it-tifsira tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (“kwerelanti”) u persuni barra dawk imsemmija fl-Artikoli 5 u 11 tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 u terzi persuni skont it-tifsira tal-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 802/2004 (“terzi persuni”) involuti fil-proċedimenti dwar il-kompetizzjoni, ir-responsabbiltà għas-salvagwardja tal-osservanza ta’ tali drittijiet għandha tiġi fdata lil persuna indipendenti b’esperjenza fi kwistjonijiet relatati mal-kompetizzjoni li jkollha l-integrità neċessarja sabiex tikkontribwixxi għall-oġġettività, it-trasparenza u l-effiċjenza ta’ dawk il-proċeduri. |
(4) |
Il-Kummissjoni ħolqot il-funzjoni tal-uffiċjal tas-seduta għal dawn l-għanijiet fl-1982, u rrevedietha fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/810/KESE, KE tat-12 ta’ Diċembru 1994 dwar it-termini ta’ referenza tal-uffiċjali tas-seduta f’ċerti proċeduri dwar il-kompetizzjoni quddiem il-Kummissjoni (7) u fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/462/KE, KESE tat-23 ta’ Mejju 2001 dwar it-termini ta’ referenza tal-uffiċjali tas-seduta f’ċerti proċeduri dwar il-kompetizzjoni (8). Issa huwa meħtieġ li jiġi ċċarat u jkompli jissaħħaħ ir-rwol tal-uffiċjal tas-seduta u li t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta jiġu adattati fid-dawl tal-iżviluppi fil-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Unjoni. |
(5) |
Il-funzjoni tal-uffiċjal tas-seduta kienet ġeneralment meqjusa bħala kontribut importanti għall-proċedimenti dwar il-kompetizzjoni quddiem il-Kummissjoni minħabba l-indipendenza u l-kompetenza li l-uffiċjali tas-seduta ġabu f’dawn il-proċedimenti. Sabiex tiġi żgurata l-indipendenza kontinwa tal-uffiċjal tas-seduta mid-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni, huwa għandu jiġi assoċjat, għal skopijiet amministrattivi, mal-membru tal-Kummissjoni b’responsabbiltà speċjali għall-kompetizzjoni. |
(6) |
L-uffiċjal tas-seduta għandu jinħatar skont ir-regoli stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u l-Kundizzjonijiet tax-Xogħol ta’ Impjegati Oħrajn tal-Unjoni Ewropea. Skont dawk ir-regoli, jistgħu jiġu kkunsidrati wkoll dawk il-kandidati li mhumiex uffiċjali tal-Kummissjoni. Għandha tiġi żgurata t-trasparenza fir-rigward tal-ħatra, it-tmiem tal-ħatra u t-trasferiment tal-uffiċjali tas-seduta. |
(7) |
Il-Kummissjoni tista’ taħtar uffiċjal wieħed jew aktar tas-seduta u għandha tipprovdi għall-persunal ta’ appoġġ tagħhom. Fejn l-uffiċjal tas-seduta jipperċepixxi konflitt ta’ interessi fit-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu, l-uffiċjal tas-seduta għandu jieqaf milli jaġixxi fuq każ. Jekk l-uffiċjal tas-seduta ma jkunx jista’ jaġixxi, ir-rwol tiegħu għandu jitwettaq minn uffiċjal tas-seduta ieħor. |
(8) |
L-uffiċjal tas-seduta għandu jopera bħala arbitru indipendenti li jfittex li jsolvi kwistjonijiet li jaffettwaw l-eżerċitar effettiv tad-drittijiet proċedurali tal-partijiet ikkonċernati, il-partijiet oħra involuti, il-kwerelanti jew il-partijiet terzi interessati fejn tali kwistjonijiet ma jkunux jistgħu jiġu riżolti permezz ta’ kuntatti preċedenti mas-servizzi tal-Kummissjoni responsabbli għat-tmexxija tal-proċedimenti tal-kompetizzjoni, li għandhom jirrispettaw dawn id-drittijiet proċedurali. |
(9) |
It-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta fil-proċedimenti tal-kompetizzjoni għandhom jitfasslu b’tali mod li jissalvagwardjaw il-ħarsien effettiv tad-drittijiet proċedurali matul il-proċeduri quddiem il-Kummissjoni skont l-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat u r-Regolament (KE) Nru 139/2004, b’mod partikolari d-dritt tas-smigħ. |
(10) |
Sabiex isaħħaħ dan ir-rwol, l-uffiċjal tas-seduta għandu jiġi attribwit bil-funzjoni li jissalvagwardja l-ħarsien effettiv tad-drittijiet proċedurali tal-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi fil-kuntest tas-setgħat ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni skont il-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, kif ukoll skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 li jipprovdu setgħat lill-Kummissjoni li timponi multi fuq l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi. L-uffiċjal tas-seduta għandu jkun attribwit ukoll b’funzjonijiet speċifiċi matul din il-fażi investigattiva fir-rigward tat-talbiet għal privileġġ professjonali legali, il-privileġġ kontra l-awto-inkriminazzjoni, id-dati tal-għeluq għar-risposti għad-deċiżjonijiet li jitolbu informazzjoni skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, kif ukoll fir-rigward tad-dritt tal-impriżi u tal-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi soġġetti għal miżura investigattiva mill-Kummissjoni skont il-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 li jkunu informati dwar l-istatus proċedurali tagħhom, jiġifieri jekk humiex soġġetti għal investigazzjoni u, jekk iva, is-suġġett u l-għan ta’ dik l-investigazzjoni. Fl-evalwazzjoni tat-talbiet li jsiru fir-rigward tal-privileġġ kontra l-awto-inkriminazzjoni, l-uffiċjal tas-seduta jista’ jikkunsidra jekk l-impriżi għamlux talbiet manifestament infondati għall-protezzjoni sempliċiment bħala tattika ta’ dewmien. |
(11) |
L-uffiċjal tas-seduta għandu jkun jista’ jiffaċilita r-riżoluzzjoni tal-pretensjonijiet li dokument huwa kopert minn privileġġ professjonali legali. Għal dan il-għan, jekk l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi li tagħmel it-talba taqbel, l-uffiċjal tas-seduta jitħalla jeżamina d-dokument ikkonċernat u jagħmel rakkomandazzjoni xierqa, li tkun tirreferi għall-każistika applikabbli tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
(12) |
L-uffiċjal tas-seduta għandu jkun responsabbli biex jiddeċiedi jekk persuna terza turix interess suffiċjenti li tinstema’. L-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi li japplikaw għal smigħ għandhom ġeneralment jitqiesu bħala li għandhom interess suffiċjenti, fejn il-proċedimenti jkunu jikkonċernaw prodotti jew servizzi użati mill-konsumaturi finali jew prodotti jew servizzi li jikkostitwixxu input dirett fi prodotti jew servizzi bħal dawn. |
(13) |
L-uffiċjal tas-seduta għandu jiddeċiedi jekk iħallix lill-kwerelanti u l-partijiet terzi interessati jattendu għas-seduta ta’ smigħ orali, wara li jieħu f’kunsiderazzjoni l-kontribut li jistgħu jagħmlu għall-kjarifika tal-fatti rilevanti tal-każ. |
(14) |
Id-dritt tal-partijiet ikkonċernati li jinstemgħu qabel tittieħed deċiżjoni finali li taffettwa l-interessi tagħhom b’mod negattiv huwa garantit permezz tad-dritt tagħhom li jwieġbu bil-miktub għall-pożizzjoni preliminari tal-Kummissjoni, kif stabbilit fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-dritt tagħhom li jiżviluppaw l-argumenti tagħhom, jekk huma jitolbu dan, waqt is-seduta tas-smigħ orali. Sabiex jeżerċitaw dawn id-drittijiet b’mod effettiv, il-partijiet li lilhom kienet indirizzata dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandhom id-dritt ta’ aċċess għall-fajl ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. |
(15) |
Sabiex jiġi salvagwardjat il-ħarsien effettiv tad-drittijiet ta’ difiża tal-partijiet li lilhom kienet indirizzata dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, l-uffiċjal tas-seduta għandu jkun responsabbli sabiex jiżgura li jiġu riżolti t-tilwimiet dwar l-aċċess għall-fajl jew dwar il-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali u ta’ informazzjoni kunfidenzjali oħra bejn dawk il-partijiet u d-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Kompetizzjoni. F’ċirkostanzi eċċezzjonali, l-uffiċjal tas-seduta jista’ jissospendi l-operat tal-perjodu ta’ żmien li fih id-destinatarju ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandu jwieġeb għal dik id-dikjarazzjoni sakemm tiġi riżolta tilwima dwar l-aċċess għall-fajl, jekk id-destinatarju ma jkunx f’pożizzjoni li jwieġeb sad-data tal-għeluq mogħtija u estensjoni ma tkunx soluzzjoni adegwata f’dak il-mument. |
(16) |
Sabiex jiġi salvagwardjat il-ħarsien effettiv tad-drittijiet proċedurali filwaqt li jiġu rrispettati l-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità, l-uffiċjal tas-seduta għandu, fejn ikun xieraq, ikun jista’ jordna li jittieħdu miżuri speċifiċi għal aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni. B’mod partikolari, l-uffiċjal tas-seduta għandu jkollu s-setgħa li jiddeċiedi li partijiet tal-fajl isiru aċċessibbli għall-parti li titlob l-aċċess b’mod ristrett, pereżempju billi jillimita n-numru jew il-kategorija ta’ persuni li jkollhom aċċess, u l-użu tal-informazzjoni li jkun hemm aċċess għaliha. |
(17) |
L-uffiċjal tas-seduta għandu jkun responsabbli biex jiddeċiedi fuq it-talbiet għall-estensjoni tal-limiti ta’ żmien stabbiliti għar-risposta għal dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, dikjarazzjoni supplimentari tal-oġġezzjonijiet jew ittra tal-fatti jew il-limiti ta’ żmien li fihom persuni involuti oħrajn, kwerelanti jew persuni terzi interessati jistgħu jagħmlu kummenti, fil-każ ta’ nuqqas ta’ ftehim bejn kwalunkwe tali persuna u d-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni. |
(18) |
L-uffiċjal tas-seduta għandu jippromwovi l-effikaċja tas-seduta ta’ smigħ orali, inter alia billi jieħu l-miżuri xierqa kollha ta’ tħejjija, inkluża ċ-ċirkolazzjoni, fi żmien xieraq qabel is-seduta ta’ smigħ, ta’ lista provviżorja ta’ parteċipanti u aġenda provviżorja. |
(19) |
Is-seduta orali tippermetti lill-partijiet li lilhom il-Kummissjoni indirizzat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u partijiet oħrajn involuti sabiex jeżerċitaw ulterjorment id-dritt tagħhom li jinstemgħu billi jiżviluppaw l-argumenti tagħhom bil-fomm quddiem il-Kummissjoni, li għandha tkun irrappreżentata mid-Direttorat Ġenerali tagħha għall-Kompetizzjoni, kif ukoll servizzi oħrajn li jikkontribwixxu għat-tħejjija ulterjuri ta’ deċiżjoni li trid tittieħed mill-Kummissjoni. Hija għandha tipprovdi opportunità addizzjonali sabiex ikun żgurat li l-fatti rilevanti kollha – kemm jekk favorevoli kif ukoll jekk mhux favorevoli għall-partijiet ikkonċernati, inklużi l-elementi fattwali relatati mal-gravità u t-tul tal-allegat ksur – ikunu ċċarati kemm jista’ jkun. Is-seduta ta’ smigħ orali għandha tippermetti wkoll lill-partijiet li jippreżentaw l-argumenti tagħhom dwar il-kwistjonijiet li jistgħu jkunu ta’ importanza għall-impożizzjoni possibbli ta’ multi. |
(20) |
Sabiex jiżgura l-effikaċja tas-seduti orali, l-uffiċjal tas-seduta jista’ jippermetti lill-partijiet li lilhom kienet indirizzata dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-partijiet oħrajn involuti, il-kwerelanti, persuni oħrajn mistiedna għas-seduta, is-servizzi tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Istati Membri biex jistaqsu mistoqsijiet matul is-seduta. Is-seduta ta’ smigħ orali ma għandhiex tkun pubblika sabiex ikun garantit li l-parteċipanti kollha jkunu jistgħu jesprimu ruħhom liberament. Għalhekk, l-informazzjoni żvelata matul is-seduta ta’ smigħ orali ma għandhiex tintuża għal xi skop ieħor għajr matul il-proċedimenti ġudizzjarji u/jew amministrattivi għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat. Fejn ikun ġustifikat sabiex jiġu protetti s-sigrieti kummerċjali u informazzjoni kunfidenzjali oħra, l-uffiċjal tas-seduta għandu jkun jista’ jisma’ lill-persuni fil-magħluq. |
(21) |
Il-partijiet għall-proċedimenti li joffru impenji skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, kif ukoll il-partijiet li huma involuti fi proċeduri ta’ riżolviment f’każijiet ta’ kartelli skont l-Artikolu 10a tar-Regolament (KE) Nru 773/2004, għandhom ikunu jistgħu jirrikorru għall-uffiċjal tas-seduta fir-rigward tal-ħarsien effettiv tad-drittijiet proċedurali tagħhom. |
(22) |
L-uffiċjal tas-seduta għandu jirrapporta fuq ir-rispett għall-eżerċitar effettiv tad-drittijiet proċedimenti matul il-proċeduri tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, u separatament mill-funzjoni ta’ rappurtar tiegħu, l-uffiċjal tas-seduta għandu jkun jista’ wkoll jagħmel osservazzjonijiet dwar il-progress ulterjuri u l-oġġettività tal-proċedimenti u b’hekk jikkontribwixxi sabiex jiżgura li l-proċedimenti tal-kompetizzjoni jiġu konklużi fuq il-bażi ta’ valutazzjoni tajba tal-fatti rilevanti kollha. |
(23) |
Meta jiżvela informazzjoni dwar persuni fiżiċi, l-uffiċjal tas-seduta għandu jikkunsidra, b’mod partikolari lir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (9). |
(24) |
Id-Deċiżjoni 2001/462/KE, KESE għandha tiġi rrevokata, |
IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:
KAPITOLU 1
IR-RWOL, IL-ĦATRA U D-DOVERI TAL-UFFIĊJAL TAS-SEDUTA
Artikolu 1
L-Uffiċjal tas-Seduta
1. Għandu jkun hemm uffiċjal tas-seduta wieħed jew aktar għall-proċedimenti tal-kompetizzjoni, li s-setgħat u l-funzjonijiet tagħhom huma stipulati fid-deċiżjoni preżenti.
2. L-uffiċjal tas-seduta għandu jissalvagwardja l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet proċedurali matul il-proċedimenti tal-kompetizzjoni quddiem il-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat, u skont ir-Regolament (KE) Nru 139/2004 (minn hawn ’il quddiem “il-proċedimenti tal-kompetizzjoni”).
Artikolu 2
Il-Ħatra, it-Tmiem tal-Ħatra u s-Sostituzzjoni
1. Il-Kummissjoni għandha taħtar l-uffiċjal tas-seduta. Il-ħatra għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Kwalunkwe interruzzjoni, tmiem jew trasferiment tal-uffiċjal tas-seduta għandhom ikunu s-suġġett ta’ deċiżjoni motivata tal-Kummissjoni. Dik id-deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2. L-uffiċjal tas-seduta għandu jkun assoċjat, għal skopijiet amministrattivi, mal-membru tal-Kummissjoni b’responsabbiltà speċjali għall-kompetizzjoni (minn hawn ’il quddiem “il-membru kompetenti tal-Kummissjoni”).
3. Meta l-uffiċjal tas-seduta ma jkunx jista’ jaġixxi, l-irwol tiegħu għandu jitwettaq minn uffiċjal tas-seduta ieħor. Jekk ma jkun hemm ebda uffiċjal tas-seduta li jista’ jaġixxi, il-membru kompetenti tal-Kummissjoni, fejn ikun xieraq wara konsultazzjoni mal-uffiċjal tas-seduta, għandu jaħtar uffiċjal kompetenti ieħor tal-Kummissjoni, li ma jkunx involut fil-każ inkwistjoni, sabiex iwettaq id-doveri tal-uffiċjal tas-seduta.
4. Fil-każ ta’ konflitt attwali jew potenzjali tal-interessi, l-uffiċjal tas-seduta għandu jibqa’ lura milli jaġixxi fuq każ. Il-paragrafu 3 għandu japplika kif xieraq.
Artikolu 3
Metodu tal-Operat
1. Fit-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu, l-uffiċjal tas-seduta għandu jaġixxi b’mod indipendenti.
2. Fit-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu, l-uffiċjal tas-seduta għandu jieħu kont tal-ħtieġa għall-applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-kompetizzjoni skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fis-seħħ u l-prinċipji stipulati mill-Qorti tal-Ġustizzja.
3. Fit-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu, l-uffiċjal tas-seduta għandu jkollu aċċess għal kwalunkwe fajl relatat mal-proċedimenti tal-kompetizzjoni quddiem il-Kummissjoni skont l-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat u r-Regolament (KE) Nru 139/2004.
4. L-uffiċjal tas-seduta għandu jinżamm informat mid-direttur responsabbli għall-investigazzjoni tal-każ fid-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni (minn hawn ’il quddiem “id-direttur responsabbli”) dwar l-iżvilupp tal-proċedura.
5. L-uffiċjal tas-seduta jista’ jippreżenta osservazzjonijiet dwar kull kwistjoni li tirriżulta minn kwalunkwe proċediment ta’ kompetizzjoni tal-Kummissjoni lill-membru kompetenti tal-Kummissjoni.
6. Jekk l-uffiċjal tas-seduta jagħmel rakkomandazzjonijiet raġunati lill-membru kompetenti tal-Kummissjoni jew jieħu deċiżjonijiet kif previst f’din id-deċiżjoni, l-uffiċjal tas-seduta għandu jipprovdi kopja ta’ dawn id-dokumenti lid-direttur responsabbli u lis-Servizz Legali tal-Kummissjoni.
7. Kwalunkwe kwistjoni li tirrigwarda l-eżerċitar effettiv tad-drittijiet proċedurali tal-partijiet ikkonċernati, ta’ partijiet involuti oħrajn skont it-tifsira tal-Artikolu 11(b) tar-Regolament (KE) Nru 802/2004 (minn hawn ’il quddiem il-“partijiet involuti l-oħra”), tal-kwerelanti skont it-tifsira tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (minn hawn ’il quddiem “il-kwerelant”) u tat-terzi persuni interessati skont l-Artikolu 5 ta' din id-Deċiżjoni involuti fi proċedimenti bħal dawn għandha l-ewwel titqajjem minn dawk il-persuni mad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni. Jekk il-kwistjoni ma tiġix riżolta, hija tista’ tiġi riferita lill-uffiċjal tas-seduta għal reviżjoni indipendenti. It-talbiet relatati ma’ miżura li għaliha japplika limitu ta’ żmien għandhom isiru fi żmien adegwat, sal-limitu ta’ żmien oriġinali.
KAPITOLU 2
L-INVESTIGAZZJONI
Artikolu 4
Id-drittijiet proċedurali fil-fażi tal-investigazzjoni
1. L-uffiċjal tas-seduta għandu jissalvagwardja l-ħarsien effettiv tad-drittijiet proċedurali li jirriżultaw fil-kuntest tat-twettiq tas-setgħat ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni skont il-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 u fil-proċedimenti li jistgħu jirriżultaw fl-impożizzjoni ta’ multi skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 139/2004.
2. B’mod partikolari, l-uffiċjal tas-seduta għandu jkollu l-funzjonijiet li ġejjin, soġġett għall-Artikolu 3(7):
(a) |
L-uffiċjal tas-seduta jista’ jintalab mill-impriżi jew mill-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi biex jeżamina t-talbiet li dokument meħtieġ mill-Kummissjoni fit-twettiq tas-setħat mogħtija lilha mill-Artikoli 18, 20 jew 21 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, fi spezzjonijiet skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 jew fil-kuntest ta’ miżuri investigattivi fi proċedimenti li jistgħu jirriżultaw fl-impożizzjoni ta’ multi skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 u li kien inżamm mill-Kummissjoni huwa kopert minn privileġġ professjonali legali, skont it-tifsira tal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja. L-uffiċjal tas-seduta jista’ jirrevedi l-kwistjoni biss jekk l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi li tagħmel it-talba tagħti kunsens lill-uffiċjal tas-seduta biex jara l-informazzjoni li dwarha jkun hemm pretensjoni li għandha tkun koperta minn privileġġ professjonali legali, kif ukoll dokumenti relatati li l-uffiċjal tas-seduta jqis li huma meħtieġa għar-reviżjoni tiegħu. Mingħajr ma jiżvela l-kontenut potenzjalment privileġġat tal-informazzjoni, l-uffiċjal tas-seduta għandu jikkomunika l-veduta preliminari tiegħu lid-direttur responsabbli u lill-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi kkonċernati, u jista’ jieħu passi xierqa sabiex jippromwovi riżoluzzjoni aċċettabbli b’mod reċiproku. Meta ma tintlaħaq ebda riżoluzzjoni, l-uffiċjal tas-seduta jista’ jifformula rakkomandazzjoni motivata lill-membru kompetenti tal-Kummissjoni, mingħajr ma jiżvela l-kontenut potenzjalment privileġġat tad-dokument. Il-parti li tagħmel it-talba għandha tirċievi kopja ta’ din ir-rakkomandazzjoni. |
(b) |
Meta d-destinatarju ta’ talba għall-informazzjoni skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 jirrifjuta li jwieġeb għal mistoqsija f’talba bħal din li tinvoka l-privileġġ kontra l-awto-inkriminazzjoni, kif stabbilit mill-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, huwa jista’ jirreferi l-kwistjoni, fi żmien adegwat wara li jirċievi t-talba, lill-uffiċjal tas-seduta. F’każijiet xierqa, u wara li jikkunsidra l-ħtieġa li jiġi evitat dewmien bla bżonn fil-proċedimenti, l-uffiċjal tas-seduta jista’ jagħmel rakkomandazzjoni motivata dwar jekk il-privileġġ kontra l-awto-inkriminazzjoni japplikax u jinforma lid-direttur responsabbli dwar il-konklużjonijiet milħuqa, li jridu jittieħdu f’kunsiderazzjoni f’każ ta’ kwalunkwe deċiżjoni meħuda sussegwentement skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003. Id-destinatarju tat-talba għandu jirċievi kopja tar-rakkomandazzjoni motivata. |
(c) |
Meta d-destinatarju ta’ deċiżjoni li titlob informazzjoni skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 jqis li l-limitu ta’ żmien impost għar-risposta tiegħu huwa qasir wisq, huwa jista’ jirreferi l-kwistjoni lill-uffiċjal tas-seduta, fi żmien adegwat qabel l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien oriġinali ffissat. L-uffiċjal tas-seduta għandu jiddeċiedi jekk għandhiex tingħata estensjoni tal-limitu ta’ żmien, wara li jikkunsidra t-tul u l-kumplessità tat-talba għall-informazzjoni u r-rekwiżiti tal-investigazzjoni. |
(d) |
L-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi soġġetti għal miżura investigattiva mill-Kummissjoni skont il-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 għandu jkollhom id-dritt li jkunu informati dwar l-istatus proċedurali tagħhom, jiġifieri jekk humiex soġġetti għal investigazzjoni u, jekk iva, dwar is-suġġett u l-għan ta’ dik l-investigazzjoni. Jekk tali impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi tqis li hija ma kinitx informata kif xieraq mid-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni dwar l-istatus proċedurali tagħha, hija tista’ tirreferi l-kwistjoni lill-uffiċjal tas-seduta għal riżoluzzjoni. L-uffiċjal tas-seduta għandu jieħu deċiżjoni li d-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni għandu jinforma lill-impriża jew lill-assoċjazzjoni ta’ impriżi li għamlu t-talba għall-istatus proċedurali tagħhom. Din id-deċiżjoni għandha tiġi kkomunikata lill-impriża jew lill-assoċjazzjoni ta’ impriżi li tkun għamlet it-talba. |
KAPITOLU 3
APPLIKAZZJONIJIET GĦAS-SMIGĦ
Artikolu 5
Persuni terzi interessati
1. L-applikazzjonijiet għas-smigħ minn persuni barra dawk imsemmija fl-Artikoli 5 u 11 tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 u terzi persuni skont it-tifsira tal-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 802/2004 (“persuni terzi “) għandhom isiru skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 u l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 802/2004. L-applikazzjonijiet għandhom jiġu ppreżentati bil-miktub u għandhom jispjegaw l-interess tal-applikant fl-eżitu tal-proċedura.
2. L-uffiċjal tas-seduta għandu jiddeċiedi jekk il-persuni terzi għandhomx jinstemgħu wara konsultazzjoni mad-direttur responsabbli. Meta jevalwa jekk persuna terza turix interess suffiċjenti, l-uffiċjal tas-seduta għandu jikkunsidra jekk u sa liema punt l-applikant huwiex affettwat b’mod suffiċjenti mill-komportament li huwa s-suġġett tal-proċedimenti tal-kompetizzjoni jew jekk l-applikant jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 18(4) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004.
3. Meta l-uffiċjal tas-seduta jqis li applikant ma weriex interess suffiċjenti li jinstema’, huwa għandu jinforma lill-applikant bil-miktub bir-raġunijiet għal dan. Għandu jiġi ffissat limitu ta’ żmien li matulu l-applikant jista’ jesprimi l-fehmiet tiegħu bil-miktub. Jekk l-applikant jesprimi l-fehmiet tiegħu bil-miktub sal-limitu ta’ żmien iffissat mill-uffiċjali tas-seduta u s-sottomissjoni bil-miktub ma twassalx għal valutazzjoni differenti, dik is-sejba trid tiġi ddikjarata f’deċiżjoni motivata li għandha tiġi nnotifikata lill-applikant.
4. L-uffiċjal tas-seduta għandu jinforma lill-partijiet għall-proċeduri tal-kompetizzjoni mill-ftuħ tal-proċedimenti skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 jew skont l-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 dwar l-identitajiet tal-persuni terzi interessati li jridu jinstemgħu, sakemm dan l-iżvelar ma jkunx ta’ detriment sinjifikanti għal persuna jew impriża.
Artikolu 6
Id-dritt għal smigħ orali; il-parteċipazzjoni tal-kwerelanti u ta’ partijiet terzi fis-smigħ orali
1. Fuq it-talba tal-partijiet li lilhom il-Kummissjoni indirizzat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jew partijiet involuti oħrajn, l-uffiċjal tas-seduta għandu jmexxi seduta orali sabiex tali partijiet ikunu jistgħu jkomplu jiżviluppaw is-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom.
2. L-uffiċjal tas-seduta jista’, fejn ikun xieraq u wara konsultazzjoni mad-direttur responsabbli, jiddeċiedi li jagħti lill-kwerelanti u lill-partijiet terzi skont it-tifsira tal-Artikolu 5 interessati l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom waqt is-seduta ta’ smigħ orali tal-partijiet li lilhom tkun inħarġet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, diment li huma jitolbu dan fil-kummenti bil-miktub tagħhom. L-uffiċjal tas-seduta jistgħu wkoll jistiednu rappreżentanti mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni minn pajjiżi terzi sabiex jattendu għas-seduta ta’ smigħ orali bħala osservaturi skont il-ftehimiet konklużi bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi.
KAPITOLU 4
L-AĊĊESS GĦAL FAJL, IL-KUNFIDENZJALITÀ U S-SIGRIETI KUMMERĊJALI
Artikolu 7
L-Aċċess għal Fajl u l-Aċċess għal Dokumenti u Informazzjoni
1. Meta parti li eżerċitat id-dritt tagħha ta’ aċċess għall-fajl ikollha raġuni biex temmen li l-Kummissjoni għandha fil-pussess tagħha dokumenti li ma ġewx żvelati lilha u li dawk id-dokumenti huma meħtieġa għall-eżerċizzju xieraq tad-dritt għas-smigħ, hija tista’ tagħmel talba motivata għal aċċess għal dawn id-dokumenti lill-uffiċjal tas-seduta, soġġetta għall-Artikolu 3(7).
2. Soġġetti għall-Artikolu 3(7), partijiet involuti oħrajn, il-kwerelanti, u persuni terzi interessati fit-tifsira tal-Artikolu 5 jistgħu jagħmlu talba motivata lill-uffiċjal tas-seduta fiċ-ċirkostanzi msemmija hawn taħt:
(a) |
Partijiet involuti oħrajn li jkollhom raġuni biex jemmnu li huma ma ġewx informati bl-oġġezzjonijiet indirizzati lill-partijiet li jinnotifikaw skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 802/2004. |
(b) |
Kwerelant li jkun ġie informat mill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħha li tirrifjuta ilment skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 u li jkollu raġuni biex jemmen li l-Kummissjoni għandha fil-pussess tagħha dokumenti li ma ġewx żvelati lilu u li dawk id-dokumenti huma meħtieġa għall-eżerċizzju xieraq tad-drittijiet tiegħu skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004. |
(c) |
Kwerelant li jqis li huwa ma rċeviex kopja tal-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 jew li l-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma kinitx ġiet stabbilita b’mod li jagħtih iċ-ċans jeżerċita d-drittijiet tiegħu b’mod effettiv, bl-eċċezzjoni ta’ dawk il-każijiet fejn tapplika l-proċedura tar-riżolviment. |
(d) |
Persuna terza interessata skont it-tifsira tal-Artikolu 5 ta’ din id-Deċiżjoni li jkollha raġuni biex taħseb li hija ma kinitx informata dwar in-natura u s-suġġett ta’ proċedura skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 u l-Artikolu 16(1) tar-Regolament (KE) Nru 802/2004. L-istess japplika għal kwerelant, f’każ li għalih tapplika l-proċedura tar-riżolviment, li jkollu raġuni biex jaħseb li huwa ma kienx informat dwar in-natura u s-suġġett tal-proċedura skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004. |
3. L-uffiċjal tas-seduta għandu jieħu deċiżjoni motivata fuq talba indirizzata lilu skont il-paragrafu 1 jew 2 u jikkomunika tali deċiżjoni lill-persuna li tkun għamlet it-talba u lil kwalunkwe persuna oħra kkonċernata permezz tal-proċedura.
Artikolu 8
Sigrieti kummerċjali u informazzjoni kunfidenzjali oħra
1. Meta l-Kummissjoni jkollha l-ħsieb li tiżvela informazzjoni li tista’ tikkostitwixxi sigriet kummerċjali jew informazzjoni kunfidenzjali oħra ta’ kwalunkwe impriża jew persuna, din tal-aħħar għandha tiġi informata bil-miktub dwar din l-intenzjoni u r-raġunijiet tagħha mid-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni. Għandu jiġi ffissat limitu ta’ żmien li matulu l-impriża jew il-persuna kkonċernata tkun tista’ tippreżenta kummenti bil-miktub.
2. Meta l-impriża jew il-persuna kkonċernata toġġezzjona għall-iżvelar tal-informazzjoni, hija tista’ tirreferi l-kwistjoni lill-uffiċjal tas-seduta. Jekk l-uffiċjal tas-seduta jsib li l-informazzjoni tista’ tiġi żvelata minħabba li ma tikkostitwixxi ebda sigriet kummerċjali jew informazzjoni kunfidenzjali oħra jew minħabba li jkun hemm interess akbar fl-iżvelar tagħha, dik is-sejba għandha tiġi ddikjarata f’deċiżjoni motivata li għandha tintbagħat lill-impriża jew lill-persuna kkonċernata. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika d-data li warajha tista’ tiġi żvelata l-informazzjoni. Din id-data ma għandhiex tkun inqas minn ġimgħa mid-data tan-notifika.
3. Il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-iżvelar tal-informazzjoni permezz ta’ pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjal tal-Unjoni Ewropea.
4. Fejn ikun xieraq, sabiex l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet ta’ difiża ta’ parti jiġi bbilanċjat mal-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità, l-uffiċjal tas-seduta jista’ jiddeċiedi li l-partijiet tal-fajl li huma indispensabbli għall-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ difiża ta’ parti jsiru aċċessibbli għall-parti li titlob l-aċċess b’mod ristrett, li d-dettalji tagħhom għandhom ikunu stabbiliti mill-uffiċjal tas-seduta.
KAPITOLU 5
ESTENSJONI TAL-LIMITI TA’ ŻMIEN
Artikolu 9
Talbiet għal estensjoni tal-limiti ta’ żmien
1. Jekk destinatarju ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet iqis li l-limitu ta’ żmien impost għat-tweġiba tiegħu għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet huwa qasir wisq, huwa jista’ jitlob għal estensjoni ta’ dak il-limitu ta’ żmien permezz ta’ talba motivata indirizzata lid-direttur responsabbli. Talba bħal din għandha ssir fil-ħin qabel l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien oriġinali fil-proċediment skont l-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat u mill-inqas ħamest ijiem tax-xogħol qabel l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien oriġinali fil-proċeduri skont ir-Regolament (KE) Nru 139/2004. Jekk tali talba ma tintlaqax jew id-destinatarju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li jagħmel it-talba ma jaqbilx mat-tul tal-estensjoni mogħtija, huwa jista’ jirreferi l-kwistjoni lill-uffiċjal tas-seduta għal reviżjoni qabel l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien oriġinali. Wara li jisma’ lid-direttur responsabbli, l-uffiċjal tas-seduta għandu jiddeċiedi dwar jekk hemmx bżonn ta’ estensjoni tal-limitu ta’ żmien sabiex id-destinatarju ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ikun jista’ jeżerċita d-dritt tiegħu li jinstema’ b’mod effettiv, filwaqt li jingħata kont tal-ħtieġa li jiġi evitat dewmien bla bżonn fil-proċedimenti. Fi proċedimenti skont l-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat, l-uffiċjal tas-seduta għandu jikkunsidra, fost oħrajn, l-elementi li ġejjin:
(a) |
id-daqs u l-kumplessità tal-fajl; |
(b) |
jekk id-destinatarju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li jagħmel it-talba kellux aċċess minn qabel għall-informazzjoni; |
(c) |
kwalunkwe xkiel oġġettiv ieħor li jista’ jiltaqa’ miegħu d-destinatarju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjoni li jagħmel it-talba meta jipprovdi l-osservazzjonijiet tiegħu. |
Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, jista’ jiġi kkunsidrat in-numru ta’ ksur, l-allegat tul tal-ksur, id-daqs u n-numru ta’ dokumenti u/jew id-daqs u l-kumplessità tal-istudji esperti.
2. Jekk partijiet involuti, kwerelant jew persuna terza interessata skont it-tifsira tal-Artikolu 5 ta’ din id-Deċiżjoni jqisu li l-limitu ta’ żmien sabiex jesprimu l-fehmiet tagħhom huwa qasir wisq, huma jistgħu jitolbu għal estensjoni ta’ dak il-limitu ta’ żmien permezz ta’ talba motivata indirizzata lid-direttur responsabbli fi żmien dovut qabel l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien oriġinali. Jekk tali talba ma tingħatax jew il-parti involuta l-oħra, il-kwerelant jew il-persuna terza interessata ma jaqblux ma’ din id-deċiżjoni, huma jistgħu jirreferu l-kwistjoni lill-uffiċjal tas-seduta għal reviżjoni. Wara li jisma’ lid-direttur responsabbli, l-uffiċjal tas-seduta għandu jiddeċiedi dwar jekk għandhiex tingħata estensjoni tal-limitu ta’ żmien.
KAPITOLU 6
IS-SEDUTA TA’ SMIGĦ ORALI
Artikolu 10
L-organizzazzjoni u l-funzjoni
1. L-uffiċjal tas-seduta għandu jorganizza u jmexxi s-seduti ta’ smigħ previsti fid-dispożizzjonijiet li jimplimentaw l-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat u r-Regolament (KE) Nru 139/2004.
2. Is-seduta ta’ smigħ orali għandha titmexxa mill-uffiċjal tas-seduta b’mod indipendenti għal kollox.
3. L-uffiċjal tas-seduta għandu jiżgura li s-seduta ta’ smigħ titmexxa kif suppost u għandu jikkontribwixxi għall-oġġettività tas-smigħ innifsu u ta’ kwalunkwe deċiżjoni li tittieħed sussegwentement.
4. L-uffiċjal tas-seduta għandu jiżgura li s-seduta orali tipprovdi lid-destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, lil partijiet involuti oħrajn, kif ukoll lill-kwerelanti u persuni terzi interessati skont it-tifsira tal-Artikolu 5 li jkunu tħallew jattendu għas-seduta orali, b’opportunità suffiċjenti li jiżviluppaw il-fehmiet tagħhom dwar is-sejbiet preliminari tal-Kummissjoni.
Artikolu 11
It-tħejjija tas-seduta ta’ smigħ orali
1. L-uffiċjal tas-seduta għandu jkun responsabbli għat-tħejjija tas-seduta ta’ smigħ orali u għandu jieħu l-miżuri kollha xierqa f’dak ir-rigward. Sabiex jiżgura t-tħejjija xierqa tas-seduta ta’ smigħ orali, l-uffiċjal tas-seduta jista’, wara li jikkonsulta lid-direttur responsabbli, jipprovdi bil-quddiem lill-persuni mistiedna għas-seduta ta’ smigħ lista ta’ mistoqsijiet li dwarhom ikunu mistiedna biex jesprimu l-fehmiet tagħhom. L-uffiċjal tas-seduta jista’ wkoll jindika lill-persuni mistiedna għas-seduta ta’ smigħ l-oqsma fokali għad-dibattitu, wara li jikkunsidra, b’mod partikolari, il-fatti u l-kwistjonijiet li jkunu jridu jqajmu d-destinatarji ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li jkunu talbu seduta ta’ smigħ orali.
2. Għal dan il-għan, wara li jikkonsulta lid-direttur responsabbli, l-uffiċjal tas-seduta jista’ jagħmel laqgħa mal-persuni mistiedna għas-seduta ta’ smigħ u, fejn ikun xieraq, mas-sevizzi tal-Kummissjoni, sabiex iħejji għas-seduta ta’ smigħ innifisha.
3. L-uffiċjal tas-seduta jista’ wkoll jitlob għal notifika bil-miktub minn qabel tal-kontenut essenzjali tad-dikjarazzjonijiet maħsuba tal-persuni mistiedna għas-seduta ta’ smigħ.
4. L-uffiċjal tas-seduta jista’ jiffissa limitu ta’ żmien għall-persuni kollha mistiedna għas-seduta ta’ smigħ orali biex jipprovdu lista tal-parteċipanti li sejrin jattendu f’isimhom. L-uffiċjal tas-seduta għandu jagħmel din il-lista disponibbli għall-persuni kollha mistiedna għas-seduta ta’ smigħ orali fil-ħin qabel id-data tas-seduta.
Artikolu 12
L-għażla taż-żmien u t-tmexxija
1. Wara li jikkonsulta lid-direttur responsabbli, l-uffiċjal tas-seduta għandu jistabbilixxi d-data, it-tul u l-post tas-seduta ta’ smigħ. Meta jintalab posponiment, l-uffiċjal tas-seduta għandu jiddeċiedi jekk jippermettihx jew le.
2. L-uffiċjal tas-seduta għandu jiddeċiedi jekk dokumenti ġodda għandhomx ikunu permessi waqt is-seduta ta’ smigħ u liema persuni għandhom jinstemgħu f’isem parti.
3. L-uffiċjal tas-seduta jista’ jippermetti lill-partijiet li lilhom kienet indirizzata dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, lill-partijiet involuti oħrajn, lill-kwerelanti, lil persuni oħrajn mistiedna għas-seduta, lis-servizzi tal-Kummissjoni u lill-awtoritajiet tal-Istat Membru li jistaqsu mistoqsijiet waqt is-seduta. Sal-punt li, eċċezzjonalment, mistoqsija ma tistax tiġi mwieġba kompletament jew parzjalment waqt is-seduta ta’ smigħ orali, l-uffiċjal tas-seduta jista’ jagħti ċ-ċans li t-tweġiba tingħata bil-miktub fi ħdan limitu ta’ żmien iffissat. Tali tweġiba bil-miktub għandha titqassam lill-parteċipanti kollha fis-seduta ta’ smigħ orali, sakemm l-uffiċjal tas-seduta ma jiddeċidix mod ieħor sabiex jipproteġi d-drittijiet tad-difiża ta’ destinatarju ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jew is-sigrieti kummerċjali jew informazzjoni kunfidenzjali oħra ta’ xi persuna.
4. Fejn ikun meħtieġ minħabba l-bżonn li jkun żgurat id-dritt li wieħed ikun mismugħ, l-uffiċjal tas-seduta jista’, wara li jikkonsulta lid-Direttur responsabbli, jagħti lill-partijiet ikkonċernati, lill-partijiet involuti oħrajn, lill-kwerelanti jew lill-persuni terzi skont it-tifsira tal-Artikolu 5 interessati l-opportunità li jippreżentaw aktar kummenti bil-miktub wara s-seduta orali. L-uffiċjal tas-seduta għandu jiffissa data sa meta jistgħu jsiru preżentazzjonijiet bħal dawn. Il-Kummissjoni ma għandhiex tkun obbligata li tikkunsidra kummenti bil-miktub li jaslu wara dik id-data.
Artikolu 13
Il-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali u l-kunfidenzjalità fis-seduta ta’ smigħ orali
Kull persuna għandha normalment tinstema’ fil-preżenza tal-persuni l-oħrajn kollha mistiedna biex jattendu għas-seduta ta’ smigħ orali. L-uffiċjal tas-seduta jista’ jiddeċiedi wkoll li jisma’ persuni separatament fil-magħluq, wara li jikkunsidra l-interess leġittimu tagħhom fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom u informazzjoni kunfidenzjali oħra.
KAPITOLU 7
RAPPORT INTERIM U D-DRITT LI JSIRU OSSERVAZZJONIJIET
Artikolu 14
Rapport interim u osservazzjonijiet
1. L-uffiċjal tas-seduta għandu jippreżenta rapport interim lill-membru kompetenti tal-Kummissjoni dwar is-smigħ u l-konklużjonijiet li jkun wasal għalihom fir-rigward tar-rispett għall-ħarsien effettiv tad-drittijiet proċedurali. L-osservazzjonijiet f’dan ir-rapport għandhom jikkonċernaw kwistjonijiet proċedurali, inklużi dawn li ġejjin:
(a) |
l-iżvelar tad-dokumenti u l-aċċess għall-fajl; |
(b) |
il-limiti ta’ żmien sabiex tingħata risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet; |
(c) |
l-osservanza tad-dritt li persuna tinstema’; |
(d) |
it-tmexxija xierqa tas-seduta ta’ smigħ orali. |
Kopja tar-rapport għandha tingħata lid-Direttur Ġenerali għall-Kompetizzjoni, lid-direttur responsabbli u lis-servizzi kompetenti l-oħrajn tal-Kummissjoni.
2. Minbarra, u separatament mir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1, l-uffiċjal tas-seduta jista’ jagħmel osservazzjonijiet dwar il-progress ulterjuri u l-imparzjalità tal-proċedimenti. Meta jagħmel dan, l-uffiċjal tas-seduta għandu jfittex li jiżgura b’mod partikolari li, fit-tħejjija tal-abbozz tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, jittieħed kont xieraq tal-fatti rilevanti kollha, kemm jekk huma favorevoli għall-partijiet ikkonċernati kif ukoll jekk mhumiex, inklużi l-elementi fattwali li huma rilevanti għall-gravità u t-tul ta’ kwalunkwe ksur. Dawn l-osservazzjonijiet jistgħu jkunu relatati ma’, inter alia, il-ħtieġa għal aktar informazzjoni, l-irtirar ta’ ċerti oġġezzjonijiet, il-formulazzjoni ta’ aktar oġġezzjonijiet jew suġġerimenti għal miżuri investigattivi ulterjuri skont il-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.
Id-Direttur Ġenerali għall-Kompetizzjoni, id-direttur responsabbli u s-Servizz Legali għandhom jiġu informati dwar dawn l-osservazzjonijiet.
KAPITOLU 8
IMPENJI U FTEHIMIET
Artikolu 15
Impenji u ftehimiet
1. Il-partijiet għall-proċedimenti li joffru impenji sabiex jissodisfaw it-tħassib espress lilhom mill-Kummissjoni fil-valutazzjoni preliminari tagħha skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 jistgħu jirrikorru għall-uffiċjal tas-seduta fi kwalunkwe stadju tal-proċedura skont l-Artikolu 9, sabiex ikun żgurat il-ħarsien effettiv tad-drittijiet proċedurali.
2. Il-partijiet għall-proċedimenti f’każijiet ta’ kartell li jidħlu f’diskussjonijiet dwar ftehim skont l-Artikolu 10a tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 jistgħu jirrikorru għall-uffiċjal tas-seduta fi kwalunkwe ħin matul il-proċedura ta’ ftehim sabiex ikun żgurat il-ħarsien effettiv tad-drittijiet proċedurali tagħhom.
KAPITOLU 9
RAPPORT FINALI
Artikolu 16
Il-kontenut u t-trażmissjoni qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni
1. L-uffiċjal tas-seduta għandu, fuq il-bażi tal-abbozz ta’ deċiżjoni li għandha tiġi ppreżentata lill-Kumitat Konsultattiv fil-każ inkwistjoni, iħejji rapport finali bil-miktub dwar ir-rispett għall-ħarsien effettiv tad-drittijiet proċedurali, kif imsemmi fl-Artikolu 14(1), fi kwalunkwe stadju tal-proċedimenti. Dak ir-rapport sejjer jikkunsidra wkoll jekk l-abbozz tad-deċiżjoni jittrattax biss l-oġġezzjonijiet li fir-rigward tagħhom il-partijiet ikunu ngħataw l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom.
2. Ir-rapport finali għandu jintbagħat lill-membru kompetenti tal-Kummissjoni, lid-Direttur Ġenerali għall-Kompetizzjoni, lid-direttur responsabbli u lis-servizzi kompetenti l-oħrajn tal-Kummissjoni. Huwa għandu jiġi kkomunikat lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u, skont id-dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni stipulati fil-Protokoll 23 u fil-Protokoll 24 tal-Ftehim taż-ŻEE, lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA.
Artikolu 17
Il-preżentazzjoni lill-Kummissjoni u l-pubblikazzjoni
1. Ir-rapport finali tal-uffiċjal tas-seduta għandu jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni flimkien mal-abbozz tad-deċiżjoni ppreżentata lilha, sabiex ikun żgurat li, meta tasal għal deċiżjoni dwar xi każ individwali, il-Kummissjoni tkun mgħarrfa sew bl-informazzjoni kollha rilevanti dwar il-kors tal-proċedura u li l-eżekuzzjoni effettiva tad-drittijiet proċedurali jkun ġie rrispettat matul il-proċedimenti.
2. Ir-rapport finali jista’ jkun modifikat mill-uffiċjal tas-seduta fid-dawl ta’ kull emenda għall-abbozz ta’ deċiżjoni qabel l-adozzjoni tagħha mill-Kummissjoni.
3. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika r-rapport finali tal-uffiċjal tas-seduta, lid-destinatarji tad-deċiżjoni. Hija għandha tippubblika r-rapport finali tal-uffiċjal tas-seduta f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, flimkien mad-deċiżjoni, wara li tikkunsidra l-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.
KAPITOLU 10
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 18
Revoka u dispożizzjoni tranżitorja
1. Id-Deċiżjoni 2001/462/KE, KESE hija revokata.
2. Il-passi proċedurali li ttieħdu diġà skont id-Deċiżjoni 2001/462/KE, KESE għandhom ikomplu jkollhom effett. Fir-rigward ta’ miżuri investigatorji li kienu ttieħdu qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni, l-uffiċjal tas-seduta jista’ jirrifjuta li jeżerċità s-setgħat tiegħu skont l-Artikolu 4.
F’każijiet fejn il-ftuħ ta’ proċedimenti skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 jew il-bidu ta’ proċedimenti skont l-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 sar qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni, ir-rapport interim skont l-Artikolu 14 u r-rapport finali skont l-Artikolu 16 ma għandhomx ikopru l-fażi investigattiva, sakemm l-uffiċjal tas-seduta ma jiddeċidix mod ieħor.
Artikolu 19
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Ottubru 2011.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 308, 8.12.2000, p. 26.
(4) ĠU L 123, 27.4.2004, p. 18.
(5) ĠU L 133, 30.4.2004, p. 1.
(6) ĠU C 303, 14.12.2007, p. 1.
(7) ĠU L 330, 21.12.1994, p. 67.
(8) ĠU L 162, 19.6.2001, p. 21.