This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32010R1259
Council Regulation (EU) No 1259/2010 of 20 December 2010 implementing enhanced cooperation in the area of the law applicable to divorce and legal separation
Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1259/2010 tal- 20 ta’ Diċembru 2010 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali
Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1259/2010 tal- 20 ta’ Diċembru 2010 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali
ĠU L 343, 29.12.2010, p. 10–16
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
In force
29.12.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 343/10 |
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 1259/2010
tal-20 ta’ Diċembru 2010
li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 81(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/405/UE tat-12 ta’ Lulju 2010 li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali (1),
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġislattiva speċjali,
Billi:
(1) |
L-Unjoni Ewropea għandha l-għan li żżomm u tiżviluppa spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja li fih jiġi żgurat il-moviment liberu tal-persuni. Għall-istabbiliment gradwali ta’ tali spazju, l-Unjoni għandha tadotta miżuri relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili li jkollhom implikazzjonijiet transkonfinali, partikolarment meta meħtieġa għall-funzjonament korrett tas-suq intern. |
(2) |
Taħt l-Artikolu 81 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dawn il-miżuri għandhom jinkludu miżuri li għandhom l-għan li jiżguraw il-kompatibbiltà tar-regoli applikabbli fl-Istati Membri fir-rigward ta’ konflitt ta’ liġijiet. |
(3) |
Fl-14 ta’ Marzu 2005, il-Kummissjoni addottat Green Paper dwar il-liġi applikabbli u l-ġurisdizzjoni f’materji ta’ divorzju. Il-Green Paper nediet konsultazzjoni pubblika wiesgħa dwar is-soluzzjonijiet possibbli għall-problemi li jistgħu jinħolqu fis-sitwazzjoni attwali. |
(4) |
Fis-17 ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni pproponiet Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2201/2003 (2) dwar il-ġurisdizzjoni u li jintroduċi regoli dwar il-liġi applikabbli f’materji matrimonjali. |
(5) |
Fil-laqgħa tiegħu tal-5 u s-6 ta’ Ġunju 2008 fil-Lussemburgu, il-Kunsill ikkonkluda li ma kienx hemm unanimità dwar il-proposta u li kien hemm diffikultajiet insormontabbli li għamlu l-unanimità impossibbli kemm dak iż-żmien kemm fil-futur qrib. Huwa stabbilixxa li l-għanijiet tal-proposta ma setgħux jinkisbu f’perijodu ta’ żmien raġonevoli bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati. |
(6) |
Il-Belġju, il-Bulgarija, il-Ġermanja, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, il-Latvja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta, l-Awstrija, il-Portugall, ir-Rumanija u s-Slovenja sussegwentement indirizzaw talba lill-Kummissjoni fejn indikaw li kellhom l-intenzjoni li jistabbilixxu bejniethom kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli f’materji matrimonjali. Fit-3 ta’ Marzu 2010, il-Greċja rtirat it-talba tagħha. |
(7) |
Fit-12 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/405/UE li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali. |
(8) |
Taħt l-Artikolu 328(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, meta tkun qed tiġi stabbilita kooperazzjoni msaħħa, din għandha tkun miftuħa għall-Istati Membri kollha, suġġett għall-konformità ma’ kwalunkwe kondizzjoni ta’ parteċipazzjoni stabbilita bid-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni. Hija għandha tkun ukoll miftuħa għalihom fi kwalunkwe mument ieħor, suġġett għal konformità mal-atti diġà adottati f’dak il-qafas, flimkien ma’ dawk il-kondizzjonijiet. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri parteċipanti f’kooperazzjoni msaħħa għandhom jiżguraw li jippromwovu l-parteċipazzjoni mill-akbar għadd possibbli ta’ Stati Membri. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament biss fl-Istati Membri parteċipanti skont it-Trattati. |
(9) |
Dan ir-Regolament għandu jipprovdi qafas legali ċar u komprensiv fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali fl-Istati Membri parteċipanti, għandu jipprovdi soluzzjonijiet xierqa għaċ-ċittadini f’termini ta’ ċertezza legali, prevedibbiltà u flessibbiltà u jipprevjeni sitwazzjoni li fiha wieħed mill-konjuġi jitlob divorzju qabel l-ieħor sabiex jiżgura li l-proċediment ikun suġġett għal liġi partikolari li hu jkun iqis bħala li l-aktar tiffavorixxi l-interessi tiegħu. |
(10) |
Il-kamp ta’ applikazzjoni sostantiv u t-termini preskrittivi ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu konsistenti mar-Regolament (KE) Nru 2201/2003. Madankollu, huwa ma għandux japplika għall-annullament taż-żwieġ. Dan ir-Regolament għandu japplika biss għax-xoljiment jew għat-taħlil ta’ rbit taż-żwieġ. Il-liġi ddeterminata bir-regoli dwar il-konflitt ta’ liġijiet ta’ dan ir-Regolament għandha tapplika għar-raġunijiet għad-divorzju u s-separazzjoni legali. Kwistjonijiet preliminari bħall-kapaċità ġuridika u l-validità taż-żwieġ, u kwistjonijiet bħall-effetti tad-divorzju jew tas-separazzjoni legali fuq il-proprjetà, l-isem, ir-responsabbiltà tal-ġenituri, l-obbligi ta’ manteniment jew kwalunkwe miżura anċillari oħra għandhom ikunu ddeterminati bir-regoli dwar il-konflitt ta’ liġijiet applikabbli fl-Istat Membru parteċipanti kkonċernat. |
(11) |
Sabiex jiġi definit b’mod ċar il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ dan ir-Regolament, għandhom jiġu speċifikati l-Istati Membri li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa. |
(12) |
Dan ir-Regolament għandu jkun universali, jiġifieri li r-regoli uniformi tiegħu dwar il-konflitt ta’ liġijiet għandhom ikunu jistgħu jiddeterminaw il-liġi ta’ Stat Membru parteċipanti, il-liġi ta’ Stat Membru mhux parteċipanti jew il-liġi ta’ Stat li mhuwiex membru tal-Unjoni Ewropea. |
(13) |
Dan ir-Regolament għandu japplika irrispettivament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal li quddiemu jinġieb il-każ. Fejn applikabbli, qorti għandha titqies bħala qorti li quddiemha nġieb il-każ skont ir-Regolament (KE) Nru 2201/2003. |
(14) |
Sabiex il-konjuġi jkunu jistgħu jagħżlu liġi applikabbli li magħha jkollhom rabta mill-qrib, jew, fin-nuqqas ta’ tali għażla, sabiex dik il-liġi tkun tista’ tapplika għad-divorzju jew għas-separazzjoni legali tagħhom, il-liġi inkwistjoni għandha tapplika anki jekk ma tkunx dik ta’ Stat Membru parteċipanti. Fejn tintgħażel liġi ta’ Stat Membru ieħor, in-netwerk stabbilit permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/470/KE tat-28 ta’ Mejju 2001 li tistabbilixxi Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fil-materji ċivili u kummerċjali (3) jista’ jkollu rwol fl-assistenza lill-qrati fir-rigward tal-kontenut tal-liġi barranija. |
(15) |
Sabiex tiżdied il-mobbiltà taċ-ċittadini huma meħtieġa aktar flessibbiltà u aktar ċertezza legali. Sabiex jinkiseb dak l-għan, dan ir-Regolament għandu jsaħħaħ l-awtonomija tal-partijiet fl-oqsma tad-divorzju u tas-separazzjoni legali billi tingħatalhom possibbiltà limitata li jagħżlu l-liġi applikabbli għad-divorzju jew għas-separazzjoni legali tagħhom. |
(16) |
Il-konjuġi għandhom ikunu jistgħu jagħżlu l-liġi ta’ pajjiż li magħhom ikollhom rabtiet partikolari jew il-liġi tal-forum bħala l-liġi applikabbli għad-divorzju jew għas-separazzjoni legali. Il-liġi magħżula mill-konjuġi għandha tkun konformi mad-drittijiet fundamentali rikonoxxuti mit-Trattati u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. |
(17) |
Huwa importanti li, qabel ma jagħżlu l-liġi applikabbli, il-konjuġi jkollhom aċċess għal informazzjoni aġġornata dwar l-aspetti essenzjali tal-liġi nazzjonali u dik tal-Unjoni u dwar il-proċedimenti li jirregolaw id-divorzju u s-separazzjoni legali. Sabiex tiggarantixxi dan l-aċċess għal informazzjoni adatta u ta’ kwalità tajba, il-Kummissjoni taġġornaha regolarment fis-sistema pubblika ta’ informazzjoni bbażata fuq l-Internet stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/470/KE. |
(18) |
L-għażla infurmata taż-żewġ konjuġi hija prinċipju bażiku ta’ dan ir-Regolament. Kull wieħed mill-konjuġi għandu jkun jaf bl-eżatt liema huma l-konsegwenzi legali u soċjali tal-għażla tal-liġi applikabbli. Il-possibiltà li l-liġi applikabbli tintgħażel bi qbil komuni ma għandhiex tippreġudika d-drittijiet ta’ u l-opportunitajiet indaqs għaż-żewġ konjuġi. Għal din ir-raġuni, imħallfin fl-Istati Membri parteċipanti għandhom ikunu konxji tal-importanza ta’ għażla infurmata min-naħa taż-żewġ konjuġi rigward l-implikazzjonijiet legali tal-ftehim dwar l-għażla tal-liġi li jkun intlaħaq. |
(19) |
Ir-regoli dwar validità materjali u formali għandhom ikunu definiti sabiex l-għażla infurmata tal-konjuġi tkun iffaċilitata u l-kunsens tagħhom ikun irrispettat bil-ħsieb li tkun żgurata ċertezza legali kif ukoll aċċess aħjar għall-ġustizzja. Sa fejn hija kkonċernata l-validità formali, għandhom jiġu introdotti ċerti salvagwardji sabiex jiġi żgurat li l-konjuġi jkunu konxji tal-implikazzjonijiet tal-għażla tagħhom. Il-ftehim dwar l-għażla tal-liġi applikabbli għandu minn tal-anqas ikun bil-miktub, datat u ffirmat miż-żewġ partijiet. Madankollu, jekk il-liġi tal-Istat Membru parteċipanti li fih iż-żewġ konjuġi jkollhom ir-residenza abitwali tagħhom fiż-żmien tal-konklużjoni tal-ftehim tistabbilixxi regoli formali addizzjonali, dawn ir-regoli għandhom jiġu rrispettati. Pereżempju, tali regoli formali addizzjonali jistgħu jkunu jeżistu fi Stat Membru parteċipanti fejn il-ftehim ikun inserit f’kuntratt taż-żwieġ. Jekk, fiż-żmien tal-konklużjoni tal-ftehim, il-konjuġi huma residenti abitwali fi Stati Membri parteċipanti differenti li jistabbilixxu regoli formali differenti, ikun biżżejjed li jiġu rrispettati r-regoli formali ta’ wieħed minn dawn l-Istati. Jekk, fiż-żmien tal-konklużjoni tal-ftehim, konjuġi wieħed biss ikollu r-residenza abitwali tiegħu fi Stat Membru parteċipanti li jistabbilixxi regoli formali addizzjonali, dawn ir-regoli għandhom jiġu rrispettati. |
(20) |
Ftehim li jagħżel il-liġi applikabbli għandu jkun jista’ jiġi konkluż u modifikat l-aktar tard fiż-żmien meta jinġieb il-każ quddiem il-qorti, u anki matul il-proċediment, jekk dan ikun previst mil-liġi tal-forum. F’dak il-każ, għandu jkun suffiċjenti li tali għażla tkun reġistrata fil-qorti taħt il-liġi tal-forum. |
(21) |
Fejn ma tintgħażilx liġi applikabbli, u bil-ħsieb li jiġu ggarantiti ċ-ċertezza legali u l-prevedibbiltà u biex tiġi prevenuta sitwazzjoni li fiha wieħed mill-konjuġi jitlob id-divorzju qabel l-ieħor biex jiżgura li l-proċediment ikun regolat minn liġi partikolari li hu jkun iqis bħala li l-aktar tiffavorixxi l-interessi tiegħu, dan ir-Regolament għandu jintroduċi regoli armonizzati dwar il-konflitt ta’ liġijiet abbażi ta’ skala ta’ fatturi suċċessivi ta’ konnessjoni bbażati fuq l-eżistenza ta’ rabta mill-qrib bejn il-konjuġi u l-liġi kkonċernata. Tali fatturi ta’ konnessjoni għandhom jintgħażlu sabiex ikun żgurat li l-proċedimenti relatati ma’ divorzju u separazzjoni legali jkunu regolati b’liġi li magħha l-konjuġi jkollhom konnessjoni mill-qrib. |
(22) |
Fejn dan ir-Regolament jirriferi għaċ-ċittadinanza bħala fattur ta’ konnessjoni għall-applikazzjoni tal-liġi ta’ Stat, il-kwistjoni dwar kif jiġu trattati każijiet ta’ ċittadinanzi multipli għandha titħalla f’idejn il-liġi nazzjonali, b’rispett sħiħ lejn il-prinċipji ġenerali tal-Unjoni Ewropea. |
(23) |
Jekk il-każ miġjub quddiem il-qorti jkun jikkonsisti minn talba sabiex din tikkonverti separazzjoni legali f’divorzju, u fin-nuqqas ta’ għażla tal-liġi applikabbli mill-partijiet, il-liġi li kienet tapplika għas-separazzjoni legali għandha tapplika wkoll għad-divorzju. Tali kontinwità tippromwovi l-prevedibbiltà għall-partijiet u ssaħħaħ iċ-ċertezza legali. Jekk il-liġi applikata għas-separazzjoni legali ma tipprevedix il-konverzjoni tas-separazzjoni legali f’divorzju, id-divorzju għandu jkun regolat mir-regoli dwar il-konflitt ta’ liġijiet li japplikaw fin-nuqqas ta’ għażla min-naħa tal-konjuġi. Dan m’għandux jipprevjeni lill-konjuġi milli jfittxu d-divorzju abbażi ta’ regoli oħra f’dan ir-Regolament. |
(24) |
F’ċerti sitwazzjonijiet, bħal fejn il-liġi applikabbli ma tipprevedix id-divorzju jew fejn ma tagħtix lil wieħed mill-konjuġi aċċess indaqs għad-divorzju jew għas-separazzjoni legali minħabba is-sess tagħhom, il-liġi tal-qorti li quddiemha jinġieb il-każ għandha madankollu tapplika. Madankollu, dan ma għandux jippreġudika l-klawsola tal-ordni pubbliku. |
(25) |
F’ċirkustanzi eċċezzjonali, xi konsiderazzjonijiet ta’ interess pubbliku għandhom jagħtu lill-qrati tal-Istati Membri l-possibilità li jwarrbu l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tal-liġi barranija f’każ partikolari fejn hi tmur manifestament kontra l-politika pubblika tal-forum. Madankollu, il-qrati ma għandhomx ikunu jistgħu japplikaw l-eċċezzjoni tal-politika pubblika sabiex iwarrbu dispożizzjoni tal-liġi ta’ Stat ieħor meta dan ikun kontra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 21 tagħha, li jipprojbixxi kull forma ta’ diskriminazzjoni. |
(26) |
Fejn dan ir-Regolament jirriferi għall-fatt li l-liġi tal-Istat Membru parteċipanti, li quddiem il-Qorti tiegħu jinġieb il-każ, ma tipprevedix id-divorzju, dan għandu jiġi interpretat li jfisser li l-liġi ta’ dan l-Istat Membru m’għandhiex l-istituzzjoni tad-divorzju. F’tali każ, il-qorti m’għandhiex tkun obbligata li tippronunċja divorzju permezz tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Fejn dan ir-Regolament jirriferi għall-fatt li l-liġi tal-Istat Membru parteċipanti, li quddiem il-Qorti tiegħu jinġieb il-każ, ma tikkunsidrax iż-żwieġ inkwistjoni bħala validu għall-finijiet tal-proċedimenti tad-divorzju, dan għandu jkun interpretat li jfisser inter alia li tali żwieġ ma jeżistix fil-liġi ta’ dak l-Istat Membru. F’tali każ, il-qorti m’għandhiex tkun obbligata li tippronunċja divorzju jew separazzjoni legali permezz tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. |
(27) |
Minħabba li hemm Stati u Stati Membri parteċipanti li fihom jeżistu flimkien żewġ sistemi legali jew settijiet ta’ regoli jew aktar li jikkonċernaw materji rregolati minn dan ir-Regolament, hija meħtieġa dispożizzjoni li tirregola sa fejn id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament japplikaw fl-unitajiet territorjali differenti ta’ dawk l-Istati u Stati Membri parteċipanti, jew sa fejn dan ir-Regolament japplika għal kategoriji differenti ta’ nies ta’ dawk l-Istati u Stati Membri parteċipanti. |
(28) |
Fin-nuqqas ta’ regoli li jagħżlu l-liġi applikabbli, il-partijiet li jagħżlu l-liġi tal-Istat taċ-ċittadinanza ta’ wieħed minnhom għandhom simultanjament jindikaw liema liġi tal-unità territorjali qablu dwarha fil-każ li l-Istat li l-liġi tiegħu tintgħażel tkun tinkludi diversi unitajiet territorjali li kull waħda minnhom għandha s-sistema ta’ liġijiet tagħha jew sett ta’ regoli rigward id-divorzju. |
(29) |
Ladarba l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri t-tisħiħ taċ-ċertezza legali, il-prevedibbiltà u l-flessibbiltà fil-proċedimenti matrimonjali internazzjonali u b’hekk il-faċilitazzjoni tal-moviment liberu tal-persuni fl-Unjoni Ewropea, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti ta’ dan ir-Regolament, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, permezz tal-kooperazzjoni msaħħa fejn ikun il-każ, konformement mal-prinċipju tas-sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet. |
(30) |
Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari mill-Artikolu 21 tagħha, li jafferma li kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, jew l-orjentazzjoni sesswali għandha tiġi pprojbita. Dan ir-Regolament għandu jiġi applikat mill-qrati tal-Istati Membri parteċipanti fl-osservanza ta’ dawk id-drittijiet u l-prinċipji, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
KAMP TA’ APPLIKAZZJONI, RABTA MAR-REGOLAMENT (KE) Nru 2201/2003, DEFINIZZJONIJIET U APPLIKAZZJONI UNIVERSALI
Artikolu 1
Kamp ta’ applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament għandu japplika, f’sitwazzjonijiet li jinvolvu konflitt ta’ liġijiet, għad-divorzju u għas-separazzjoni legali.
2. Dan ir-Regolament m’għandux japplika għall-materji li ġejjin, anke jekk jirriżultaw sempliċiment bħala kwistjoni preliminari fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ divorzju jew ta’ separazzjoni legali:
(a) |
il-kapaċità ġuridika ta’ persuni fiżiċi; |
(b) |
l-eżistenza, il-validità jew ir-rikonoxximent ta’ żwieġ; |
(c) |
l-annullament ta’ żwieġ; |
(d) |
l-isem tal-konjuġi; |
(e) |
il-konsegwenzi taż-żwieġ fuq il-proprjetà; |
(f) |
ir-responsabbiltà tal-ġenituri; |
(e) |
l-obbligi ta’ manteniment; |
(h) |
trusts u suċċessjonijiet. |
Artikolu 2
Rabta mar-Regolament (KE) Nru 2201/2003
Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003.
Artikolu 3
Definizzjoni
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:
1. |
“Stat Membru parteċipanti” tfisser Stat Membru li jipparteċipa f’kooperazzjoni msaħħa dwar il-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali permezz tad-Deċiżjoni 2010/405/UE, jew permezz ta’ deċiżjoni adottata taħt it-tieni jew it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 331(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. |
2. |
“qorti” tkopri l-awtoritajiet kollha fl-Istati Membri parteċipanti b’ġurisdizzjoni fil-materji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. |
Artikolu 4
Applikazzjoni universali
Il-liġi magħżula minn dan ir-Regolament għandha tapplika irrispettivament milli tkun jew ma tkunx il-liġi ta’ Stat Membru parteċipanti.
KAPITOLU II
REGOLI UNIFORMI DWAR IL-LIĠI APPLIKABBLI GĦAD-DIVORZJU U GĦAS-SEPARAZZJONI LEGALI
Artikolu 5
Għażla tal-liġi applikabbli mill-partijiet
1. Il-konjuġi jistgħu jiftiehmu li jagħżlu l-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali sakemm hija tkun waħda mil-liġijiet li ġejjin:
(a) |
il-liġi tal-Istat fejn il-konjuġi ikunu abitwalment residenti fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim, jew |
(b) |
il-liġi tal-Istat fejn il-konjuġi kienu abitwalment residenti l-aħħar, sa fejn wieħed minnhom ikun għadu residenti hemm fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim, jew |
(c) |
il-liġi tal-Istat taċ-ċittadinanza ta’ xi wieħed mill-konjuġi fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim, jew |
(d) |
il-liġi tal-forum. |
2. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, ftehim li jagħżel il-liġi applikabbli jista’ jiġi konkluż u modifikat fi kwalunkwe mument, iżda mhux aktar tard mill-mument meta jinġieb il-każ quddiem il-qorti.
3. Jekk il-liġi tal-forum tipprevedi hekk, il-konjuġi jistgħu jagħżlu wkoll il-liġi applikabbli quddiem il-qorti waqt il-proċedimenti. F’dak il-każ, tali għażla għandha tiġi rreġistrata fil-qorti taħt il-liġi tal-forum.
Artikolu 6
Kunsens u validità materjali
1. L-eżistenza u l-validità ta’ ftehim dwar l-għażla tal-liġi jew ta’ kwalunkwe terminu tiegħu għandhom jiġu determinati mil-liġi li kienet tirregolah taħt dan ir-Regolament li kieku l-kuntratt jew it-terminu kienu validi.
2. Madankollu, sabiex parti tistabbilixxi li ma tkunx tat il-kunsens tagħha, tista’ tiddipendi mil-liġi tal-pajjiż li fih ikollha r-residenza abitwali tagħha fiż-żmien li jinġieb il-każ quddiem il-Qorti jekk miċ-ċirkostanzi jidher li ma jkunx raġonevoli li jiġi determinat l-effett tal-imġiba ta’ tali parti taħt il-liġi speċifikata fil-paragrafu 1.
Artikolu 7
Validità formali
1. Il-ftehim imsemmi fl-Artikolu 5(1) u (2), għandu jkun bil-miktub, datat u ffirmat miż-żewġ konjuġi. Kull komunikazzjoni b’mezzi elettroniċi li tipprovdi reġistrazzjoni dejjiema tal-ftehim għandha titqies ekwivalenti għal kitba.
2. Madankollu, jekk il-liġi tal-Istat Membru parteċipanti li fih iż-żewġ konjuġi jkollhom ir-residenza abitwali tagħhom fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim tistabbilixxi rekwiżiti formali addizzjonali għal dan it-tip ta’ ftehim, għandhom japplikaw dawk ir-rekwiżiti.
3. Jekk, fiż-żmien tal-konklużjoni tal-ftehim, il-konjuġi ikunu residenti abitwali fi Stati Membri parteċipanti differenti u jekk il-liġijiet ta’ dawk l-Istati jipprevedu rekwiżiti formali differenti, il-ftehim għandu jkun formalment validu jekk ikun jissodisfa r-rekwiżiti ta’ waħda minn dawk il-liġijiet.
4. Jekk, fiż-żmien tal-konklużjoni tal-ftehim, konjuġi wieħed biss ikollu r-residenza abitwali tiegħu fi Stat Membru parteċipanti u jekk dak l-Istat jipprevedi rekwiżiti formali addizzjonali għal dan it-tip ta’ ftehim, għandhom japplikaw dawk ir-rekwiżiti.
Artikolu 8
Liġi applikabbli fin-nuqqas ta’ għażla mill-partijiet
Fin-nuqqas ta’ għażla taħt l-Artikolu 5, id-divorzju u s-separazzjoni legali għandhom ikunu suġġetti għal-liġi tal-Istat:
(a) |
fejn il-konjuġi jkunu residenti abitwali fiż-żmien li jinġieb il-każ quddiem il-Qorti; jew, fin-nuqqas ta’ dan, |
(b) |
fejn il-konjuġi kienu residenti abitwali l-aħħar, sakemm il-perijodu ta’ residenza ma ntemmx aktar minn sena qabel li nġieb il-każ quddiem il-Qorti, sa fejn wieħed mill-konjuġi jkun għadu jirrisjedi f’dak l-Istat fiż-żmien meta jinġieb il-każ quddiem il-qorti; jew, fin-nuqqas ta’ dan, |
(c) |
li tiegħu ż-żewġ konjuġi jkunu ċittadini fiż-żmien li jinġieb il-każ quddiem il-Qorti; jew, fin-nuqqas ta’ dan, |
(d) |
fejn jinġieb il-każ quddiem il-Qorti. |
Artikolu 9
Konverżjoni tas-separazzjoni legali f’divorzju
1. Fejn is-separazzjoni legali tiġi konvertita f’divorzju, il-liġi applikabbli għad-divorzju għandha tkun il-liġi applikata għas-separazzjoni legali, sakemm il-partijiet ma jkunux ftiehmu mod ieħor f’konformità mal-Artikolu 5.
2. Madankollu, jekk il-liġi applikata għas-separazzjoni legali ma tipprovdix għall-konverżjoni tas-separazzjoni legali f’divorzju, Artikolu 8 għandu japplika, sakemm il-partijiet ma jkunux qablu mod ieħor f’konformità mal-Artikolu 5.
Artikolu 10
Applikazzjoni tal-liġi tal-forum
Fejn il-liġi applikabbli taħt l-Artikolu 5 jew l-Artikolu 8 ma tipprevedix id-divorzju jew ma tagħtix lil wieħed mill-konjuġi aċċess indaqs għad-divorzju jew għas-separazzjoni legali minħabba s-sess tagħhom, għandha tapplika l-liġi tal-forum.
Artikolu 11
Esklużjoni ta’ renvoi
Fejn dan ir-Regolament jipprevedi l-applikazzjoni tal-liġi ta’ Stat, huwa jirriferi għar-regoli tal-liġi fis-seħħ f’dak l-Istat għajr għar-regoli tiegħu tad-dritt internazzjonali privat.
Artikolu 12
Ordni pubbliku
L-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tal-liġi magħżula permezz ta’ dan ir-Regolament tista’ tiġi miċħuda biss fejn tali applikazzjoni tkun manifestament inkompatibbli mal-ordni pubbliku tal-forum.
Artikolu 13
Differenzi fil-liġijiet nazzjonali
Xejn f’dan ir-Regolament ma għandu jobbliga lill-qrati ta’ Stat Membru parteċipanti li l-liġi tiegħu ma tipprevedix id-divorzju jew ma tikkunsidrax iż-żwieġ inkwistjoni bħala validu għall-finijiet ta’ proċedimenti ta’ divorzju sabiex jippronunċjaw divorzju permezz tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 14
Stati b’żewġ sistemi legali jew aktar - konflitti ta’ liġijiet territorjali
Fejn Stat jinkludi diversi unitajiet territorjali, b’kull waħda minnhom bis-sistema ta’ liġijiet tagħha jew b’sett ta’ regoli li jikkonċernaw materji regolati minn dan ir-Regolament:
(a) |
kwalunkwe referenza għal-liġi ta’ dak l-Istat għandha titqies, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli taħt dan ir-Regolament, bħala li tirriferi għal-liġi fis-seħħ fl-unità territorjali rilevanti; |
(b) |
kwalunkwe referenza għar-residenza abitwali f’dak l-Istat għandu jitqies bħala r-residenza abitwali f’unità territorjali; |
(c) |
kwalunkwe referenza għaċ-ċittadinanza għandha tirriferi għall-unità territorjali magħżula mil-liġi ta’ dak l-Istat, jew, fin-nuqqas ta’ regoli rilevanti, għall-unità territorjali magħżula mill-partijiet jew, fin-nuqqas ta’ għażla, għall-unità territorjali li magħha l-konjuġi għandu jew għandhom il-konnessjoni l-aktar mill-qrib. |
Artikolu 15
Stati b’żewġ sistemi legali jew aktar - konflitti ta’ liġijiet interpersonali
Fir-rigward ta’ Stat li jkollu żewġ sistemi legali jew aktar jew settijiet ta’ regoli applikabbli għal kategoriji differenti ta’ nies fir-rigward ta’ materji regolati minn dan ir-Regolament, kwalunkwe referenza għal-liġi ta’ dan l-Istat għandha titqies bħala li tirriferi għas-sistema legali determinata mir-regoli fis-seħħ f’dak l-Istat. Fin-nuqqas ta’ regoli bħal dawn, għandhom japplikaw is-sistema ta’ liġijiet jew is-sett ta’ regoli li magħhom il-konjuġi għandu jew għandhom il-konnessjoni l-aktar mill-qrib.
Artikolu 16
Meta dan ir-Regolament mhuwiex applikabbli għal konflitti ta’ liġijiet interni
Stat Membru parteċipanti li fih hemm sistemi differenti ta’ liġi jew settijiet ta’ regoli applikabbli għal materji regolati minn dan ir-Regolament mhuwiex meħtieġ li japplika dan ir-Regolament għal konflitti ta’ liġijiet li jirriżultaw biss bejn tali sistemi ta’ liġi jew settijiet ta’ regoli differenti.
KAPITOLU III
DISPOŻIZZJONIJIET OĦRAJN
Artikolu 17
Informazzjoni li għandha tkun ipprovduta minn Stati Membri parteċipanti
1. Sal-21 ta’ Settembru 2011, l-Istati Membri parteċipanti għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bid-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom, jekk ikun hemm, dwar:
(a) |
ir-rekwiżiti formali applikabbli għall-ftehimiet dwar l-għażla tal-liġi applikabbli taħt l-Artikolu 7(2) u (4); u |
(b) |
il-possibbiltà li tintagħżel il-liġi applikabbli taħt l-Artikolu 5(3). |
L-Istati Membri parteċipanti għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe bidla sussegwenti għal dawn id-dispożizzjonijiet.
2. Il-Kummissjoni għandha tqiegħed l-informazzjoni kkomunikata taħt il-paragrafu 1 għad-dispożizzjoni tal-pubbliku permezz ta’ mezzi adatti, b’mod partikolari permezz tal-websajt tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fil-materji ċivili u kummerċjali.
Artikolu 18
Dispożizzjonijiet transizzjonali
1. Dan ir-Regolament għandu japplika għall-proċedimenti legali istitwiti kif ukoll għall-ftehimiet bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 5 konklużi sa mill-21 ta’ Ġunju 2012.
Madankollu, għandu jibqa’ wkoll effettiv ftehim dwar l-għażla tal-liġi applikabbli konkluż qabel il-21 ta’ Ġunju 2012, sakemm huwa jkun konformi mal-Artikoli 6 u 7.
2. Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għal ftehimiet dwar l-għażla tal-liġi applikabbli konklużi taħt il-liġi ta’ Stat Membru parteċipanti li quddiem il-qorti tiegħu jinġieb il-każ qabel il-21 ta’ Ġunju 2012.
Artikolu 19
Relazzjoni ma’ konvenzjonijiet internazzjonali eżistenti
1. Mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri parteċipanti taħt l-Artikolu 351 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-applikazzjoni ta’ konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom Membru Stat parteċipanti jew aktar ikunu Partijiet fiż-żmien meta dan ir-Regolament jiġi adottat jew meta d-Deċiżjoni taħt it-tieni jew it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 331(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea tiġi adottata u li jistabbilixxu regoli dwar il-konflitt ta’ liġijiet relatati mad-divorzju jew mas-separazzjoni.
2. Madankollu, dan ir-Regolament għandu, bejn Stati Membri parteċipanti, ikollu preċedenza fuq konvenzjonijiet konklużi esklużivament bejn tnejn jew aktar minnhom sa fejn tali konvenzjonijiet jikkonċernaw materji regolati minn dan ir-Regolament.
Artikolu 20
Klawsola ta’ reviżjoni
1. Sal-31 ta’ Diċembru 2015, u kull ħames snin minn hemm ‘il quddiem, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, fejn ikun il-każ, bi proposti għall-adattament ta’ dan ir-Regolament.
2. Għal dan il-għan, l-Istati Membri parteċipanti għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni rilevanti dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament mill-qrati tagħhom.
KAPITOLU IV
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 21
Dħul fis-seħħ u data ta’ applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Huwa għandu japplika mill-21 ta’ Ġunju 2012, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 17, li għandu japplika mill-21 ta’ Ġunju 2011.
Għal dawk l-Istati Membri li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa permezz ta’ deċiżjoni adottata f’konformità mat-tieni jew it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 331(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dan ir-Regolament għandu japplika mid-data indikata fid-deċiżjoni kkonċernata.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri parteċipanti skont it-Trattati.
Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Diċembru 2010.
Għall-Kunsill
Il-President
J. SCHAUVLIEGE
(1) ĠU L 189, 22.7.2010, p. 12.
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri (ĠU L 338, 23.12.2003, p. 1; Ħarġa Speċjali bil-Malti: Kap. 19 Vol. 06, p. 243).
(3) ĠU L 174, 27.6.2001, p. 25.