Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0320

    2010/320/: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 8 ta’ Ġunju 2010 indirizzata lill-Greċja bil-għan li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali u li tavża lill-Greċja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit, liema miżuri huma meqjusa neċessarji sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv

    ĠU L 145, 11.6.2010, p. 6–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 17/07/2011; Imħassar b' 32011D0734

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/320/oj

    11.6.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 145/6


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tat-8 ta’ Ġunju 2010

    indirizzata lill-Greċja bil-għan li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali u li tavża lill-Greċja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit, liema miżuri huma meqjusa neċessarji sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv

    (2010/320/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b’mod partikolari l-Artikoli 126(9) u 136 tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 136(1)(a) TFUE jipprevedi l-possibiltà li jiġu adottati miżuri adattati b’mod speċifiku għall-Istati Membri li l-valuta tagħhom hija l-ewro bil-għan li jsaħħu l-koordinazzjoni u s-sorveljanza tad-dixxiplina baġitarja.

    (2)

    L-Artikolu 126 TFUE jistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jevitaw defiċit eċċessiv tal-gvern u għal dan l-iskop jistipula l-proċedura dwar żbilanċ eċċessiv. Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, li fil-fergħa korrettiva tiegħu jimplimenta l-proċedura dwar żbilanċ eċċessiv, jipprovdi l-qafas li jsostni l-politiki tal-gvern għal ritorn immedjat għal pożizzjonijiet baġitarji sodi filwaqt li jqis il-qagħda ekonomika.

    (3)

    Fis-27 ta’ April 2009 il-Kunsill iddeċieda, skont l-Artikolu 104(6) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (TKE), li fil-Greċja jeżisti defiċit eċċessiv u ħareġ rakkomandazzjonijiet biex jiġi kkoreġut dak id-defiċit sa mhux aktar tard mill-2010, skont l-Artikolu 104(7) (TKE) u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (1). Il-Kunsill stabbilixxa wkoll l-iskadenza tas-27 ta’ Ottubru 2009 għall-Greċja sabiex tieħu azzjoni effettiva. Fit-30 ta’ Novembru 2009, il-Kunsill stabbilixxa, skont l-Artikolu 126(8) TFUE, li l-Greċja ma kinetx ħadet azzjoni effettiva; b’konsegwenza ta’ dan, fis-16 ta’ Frar 2010, il-Kunsill, skont l-Artikolu 126(9) TFUE, avża lill-Greċja biex tieħu miżuri li jikkoreġu d-defiċit eċċessiv sa mhux aktar tard mill-2012 (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “id-Deċiżjoni tal-Kunsill taħt l-Artikolu 126(9)”). Il-Kunsill stabbilixxa wkoll l-iskadenza tal-15 ta’ Mejju 2010 biex tittieħed azzjoni effettiva.

    (4)

    Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, jekk tkun ittieħdet azzjoni effettiva skont l-Artikolu 126(9) TFUE u wara l-adozzjoni ta’ dak l-avviż ikun hemm avvenimenti ekonomiċi kuntrarji mhux mistennija li jkollhom konsegwenzi sfavorevoli kbar għall-finanzi tal-gvern, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, li jadotta avviż irrivedut skont l-Artikolu 126(9) TFUE.

    (5)

    Skont it-tbassiriet tal-ħarifa 2009 tas-servizzi tal-Kummissjoni, li pprovdew il-bażi għall-avviż inizjali indirizzat lill-Greċja, il-PGD kien mistenni li jonqos b’0,25 % fl-2010, u li jirkupra sa mill-2011, meta l-ekonomija kienet imbassra li tikber b’0,7 %. Issa huwa mistenni li fl-2010 se jkun hemm tnaqqis qawwi fil-PGD reali, segwit minn aktar kontrazzjoni fl-2011. Wara dan huwa mistenni li jkun hemm ritorn gradwali tat-tkabbir. Dan id-deterjorament konsiderevoli tax-xenarju ekonomiku jimplika deterjorament korrespondenti tal-prospettiva għall-finanzi pubbliċi f’politika li ma tinbidilx. Ma’ dan għandha tiżdied ir-reviżjoni ′l fuq tal-eżitu tad-defiċit tal-gvern għall-2009 (minn stima ta’ 12,7 % tal-PGD fil-ħin tad-Deċiżjoni tal-Kunsill taħt l-Artikolu 126(9) għal 13,6 % tal-PGD skont in-notifika fiskali ppreżentata mill-Greċja fl-1 ta’ April 2010), bir-riskju ta’ reviżjoni oħra ′l fuq (minn 0,3 għal 0,5 % tal-PGD) wara t-tmiem tal-investigazzjonijiet li l-Eurostat qiegħda twettaq mal-Awtoritajiet Griegi inkarigati mill-Istatistika (2). Finalment, tħassib fis-swieq għall-prospettiva tal-finanzi pubbliċi ġew riflessi f’żieda qawwija fil-primja tar-riskju fuq id-dejn tal-gvern, li tkompli żżid id-diffikultajiet fil-kontroll tal-pjan għad-defiċit u d-dejn tal-gvern. Skont il-valutazzjoni preliminarja li twettqet mill-Kummissjoni f’Marzu 2010, il-Greċja kienet qiegħda timplimenta l-miżuri fiskali maħsuba biex jiżguraw il-kisba tal-mira tad-defiċit ippjanata għall-2010, kif kienet mitluba tagħmel. Madankollu, il-bidla f’salt fix-xenarju ekonomiku tfisser li dawk il-pjanijiet ma għadhomx jistgħu jitqiesu validi. It-theddida immedjata lis-solvenza tal-gvern teħtieġ azzjoni aktar drastika matul is-sena attwali. Fl-istess ħin, il-kobor tal-kontrazzjoni fl-li issa jista’ jkun hemm fl-ekonomija, iwassal biex il-kisba tal-pjan inizjali għat-tnaqqis fid-defiċit ma tkunx fattibbli. Jista’ jiġi kkunsidrat li fil-Greċja ġraw avvenimenti ekonomiċi kuntrarji mhux mistennija li kellhom konsegwenzi sfavorevoli kbar għall-finanzi tal-gvern u, għaldaqstant, rakkomandazzjonijiet irriveduti skont l-Artikoli 136 u 126(9) TFUE huma ġustifikati.

    (6)

    Fid-dawl tal-konsiderazzjonijiet hawn fuq imsemmija, jidher li jeħtieġ li l-iskadenza li ġiet stabbilita fid-Deċiżjoni tal-Kunsill taħt l-Artikolu 126(9) għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv fil-Greċja tiġi estiża b’sentejn sal-2014.

    (7)

    Id-dejn pubbliku gross sal-aħħar tal-2009 kien ta’ 115,1 % tal-PGD. Dan huwa fost l-ogħla proporzjonijiet ta’ dejn fl-UE, u huwa konsiderevolment għola mill-valur ta’ referenza ta’ 60 % tal-PDG stabbilit fit-Trattat. Barra minn dan, hemm ir-riskju li ċ-ċifra tkompli tiġi rriveduta ′l fuq (minn 5 sa 7 punti perċentwali) bħala riżultat tal-investigazzjonijiet fl-statistika li għadhom għaddejjin. Il-kisba tal-pjan għat-tnaqqis fid-defiċit li hu meqjus neċessarju u fattibbli fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, tkun timplika li ż-żieda fid-dejn titreġġa’ lura mill-2014 ‘il quddiem. B’żieda mad-defiċit tal-gvern li huwa persistentament għoli, il-kontribuzzjoni ta’ operazzjonijiet “barra mill-baġit” għaż-żieda fid-dejn kienet kbira. Dan wassal biex is-swieq inaqqsu l-fiduċja fl-abbilità tal-Gvern Grieg biex ikompli jitratta d-dejn. Hemm bżonn estremament urġenti li l-Greċja tieħu azzjoni deċisiva, fuq skala mingħajr preċedent, dwar id-defiċit tagħha u dwar fatturi oħra li jikkontribwixxu għaż-żieda fid-dejn, sabiex iż-żieda fil-proporzjon tad-dejn mal-PGD titreġġa’ lura u tkun tista’ tirritorna għall-finanzjament tas-suq kemm jista’ jkun malajr.

    (8)

    Id-deterjorazzjoni tassew qalila tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-Gvern Grieg wasslet lill-Istati Membri taż-żona tal-euro biex jiddeċiedu li jipprovdu sostenn ta’ stabbiltà lill-Greċja, bil-għan li jħarsu l-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro kollha, flimkien ma’ għajnuna multilaterali pprovduta mill-Fond Monetarju Internazzjonali. L-appoġġ provdut mill-Istati Membri taż-żona euro sejjer jkun fil-forma ta’ ġabra ta’ self bilaterali, ikkoordinata mill-Kummissjoni. Dawk il-pajjiżi li se jagħtu s-self iddeċidew li l-appoġġ tagħhom għandu jkun dipendenti fuq ir-rispett tal-Greċja lejn din id-Deċiżjoni. B’mod partikolari, il-Greċja hija mistennija twettaq il-miżuri speċifikati f’din id-Deċiżjoni b’mod konformi mal-kalendarju hawnhekk stabbilit,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Il-Greċja għandha ttemm is-sitwazzjoni tad-defiċit eċċessiv li għandha bħalissa malajr kemm jista’ jkun u mhux aktar tard mill-iskadenza tal-2014.

    2.   Il-pjan ta’ aġġustament biex jikkoreġi d-defiċit eċċessiv għandu jimmira għal defiċit tal-ammistrazzjoni pubblika li ma jeċċedix EUR 18 508 miljun (8,0 % tal-PGD) fl-2010, EUR 17 065 miljun (7,6 % tal-PGD) fl-2011, EUR 14 916 miljun (6,5 % tal-PGD fl-2012, EUR 11 399 miljun (4,9 % tal-PGD) fl-2013 u EUR 6 385 miljun (2,6 % tal-PGD) fl-2014. Għal dan il-għan, matul il-perjodu 2009-2014, għandu jinkiseb titjib fil-bilanċ strutturali ta’ minn tal-inqas 10 % tal-PGD.

    3.   Il-pjan ta’ aġġustament imsemmi fil-paragrafu 2 jeħtieġ li l-bidla annwali fid-dejn gross ikkonsolidat tal-amministrazzoni pubblika ma teċċedix EUR 34 058 miljun fl-2010, EUR 17 365 miljun fl-2011, EUR 15 016 miljun fl-2012, EUR 11 599 miljun fl-2013, EUR 7 885 miljun fl-2014. Abbażi tal-previżjonijiet attwali dwar il-PGD, il-pjan korrespondenti għall-proporzjon ta’ dejn mal-PGD ikun ta’ 133,2 % fl-2010, 145,2 % fl-2011, 148,8 % fl-2012, 149,6 % fl-2013 u 148,4 % fl-2014.

    Artikolu 2

    1.   Il-Greċja għandha tadotta l-miżuri li ġejjin qabel l-aħħar ta’ Ġunju 2010:

    (a)

    Liġi li tintroduċi skala ta’ taxxa progressiva għas-sorsi kollha ta’ introjtu u trattament unifikat b’mod orizzontali ta’ introjtu ġġenerat minn xogħol u minn assi kapitali;

    (b)

    Liġi li tħassar l-eżenzjonijiet u d-dispożizzjonijiet ta’ tassazzjoni awtonoma kollha fis-sistema tat-taxxa, inkluż l-introjtu minn benefiċċji speċjali mħallsa lill-ħaddiema taċ-ċivil;

    (c)

    Il-kanċellazzjoni tal-approprjazzjonijiet baġitarji fir-riżerva ta’ kontinġenza, bil-għan li jitfaddlu EUR 700 miljun;

    (d)

    L-abolizzjoni tal-biċċa l-kbira tal-approprjazzjoni baġitarja għall-benefiċċju ta’ solidarjetà (ħlief parti għal benefiċċju li jingħata kontra l-faqar) bil-għan li jitfaddlu EUR 400 miljun;

    (e)

    Tnaqqis fl-ogħla pensjonijiet bil-għan li jitfaddlu EUR 500 miljun f’sena sħiħa (EUR 350 miljun għall-2010);

    (f)

    It-tnaqqis tal-bonus tal-Għid, tas-sajf u tal-Milied u benefiċċji li jingħataw lill-ħaddiema taċ-ċivil bil-għan li jitfaddlu EUR 1 500 miljun f’sena sħiħa (EUR 1 100 miljun fl-2010);

    (g)

    L-abolizzjoni tal-bonus tal-Għid, tas-sajf u tal-Milied li jingħataw lill-pensjonanti, għalkemm dawk li jirċievu pensjonijiet baxxi għandhom jiġu mħarsa, bil-għan li jitfaddlu EUR 1 900 miljun f’sena sħiħa (EUR 1 500 miljun fl-2010);

    (h)

    Żieda fir-rata tal-VAT, li twassal biex jinġabru minn tal-inqas EUR 1 800 miljun f’sena sħiħa (EUR 800 miljun fl-2010);

    (i)

    Żieda fid-dazji għall-fjuwil, it-tabakk u l-alkoħol, li twassal biex jinġabru minn tal-inqas EUR 1 050 miljun f’sena sħiħa (EUR 450 miljun fl-2010);

    (j)

    Leġiżlazzjoni li timplimenta d-Direttiva dwar is-Servizzi (3);

    (k)

    Liġi li tirriforma u tissimplifika l-amministrazzoni pubblika fil-livell lokali bil-għan li jitnaqqsu l-ispejjeż operattivi;

    (l)

    It-twaqqif ta’ task force li jkollha l-għan li ttejjeb ir-rata tal-assorbiment tal-fondi strutturali u ta’ koeżjoni;

    (m)

    Liġi biex tissimplifika l-fażi tal-bidu ta’ negozji ġodda;

    (n)

    Tnaqqis fl-investiment pubbliku b’EUR 500 miljun meta mqabbel mal-pjanijiet;

    (o)

    It-trasferiment tal-approprjazzjonijiet baġitarji għall-kofinanzjament ta’ fondi strutturali u ta’ koeżjoni f’kont ċentrali speċjali li ma jista jintuża għall-ebda skop ieħor;

    (p)

    L-istabbiliment ta’ fond indipendenti għall-istabbiltà finanzjarja sabiex jittratta nuqqasijiet u jippreserva l-istabbiltà tas-settur finanzjarju, billi jipprovdi appoġġ finanzjarju lill-banek meta dan ikunn meħtieġ;

    (q)

    Is-sorveljanza msaħħa tal-banek, b’żieda fir-riżorsi umani, rappuratar aktar frekwenti u stress tests li jsiru darba kull tliet xhur.

    2.   Il-Greċja għandha tadotta l-miżuri li ġejjin sal-aħħar ta’ Settembru 2010:

    (a)

    Inklużjoni fl-abbozz tal-baġit għall-2011 ta’ miżuri ta’ konsolidazzjoni fiskali li jammontaw għal minn tal-inqas 3 % tal-PGD (4,1 % tal-PGD jekk ikunu kkunsidrati t-trasferimenti kollha li saru mill-miżuri implimentati fl-2010 u li tħallew għas-sena ta’ wara). Il-baġit għandu jinkludi b’mod partikolari l-miżuri li ġejjin (jew f’ċirkustanzi eċċezzjonali, miżuri li jwasslu għal tfaddil komparabbli): tnaqqis fil-konsum intermedjat tal-amminisrazzjoni pubblika b’minn tal-inqas EUR 300 miljun meta mqabbel mal-livell fl-2010 (b’żieda mat-tfaddil li jirriżulta mir-riforma, imsemmija f’dan il-paragrafu, tal-amministrazzjoni pubblika u tal-gvern lokali), iffriżar fl-indiċjar tal-pensjonijiet (bl-għan li jitfaddlu EUR 100 miljun), tariffa temporanja ta’ kriżi fuq negozji li għandhom ħafna profitt (li twassal biex jinġabru minn tal-inqas EUR 600 miljun fi dħul addizzjonali fis-sena fl-2011, fl-2012 u fl-2013); it-tassazzjoni preżuntiva tal-professjonisti (li twassal biex jinġabru minn tal-inqas EUR 400 miljun fl-2011 u dħul li jiżdied fl-2012 u fl-2013); tkabbir tal-bażi tal-VAT biex jiġu inklużi ċerti servizzi li bħalissa huma eżentati u billi 30 % tal-oġġetti u servizzji ma jibqgħux jibbenefikaw minn rata mnaqqsa u minflok tapplika għalihom rata ewlenija (li jwassal biex jinġabru EUR 1 biljun); taxxa tal-ambjent li tiddaħħal gradwalment fuq l-emissjonijiet CO2 (li twassal biex jinġabru minn tal-inqas EUR 300 miljun fl-2011); l-implimentazzoni mill-Gvern Grieg ta’ leġiżlazzjoni li tirriforma l-amministrazzjoni pubblika u organizzazzjoni mill-ġdid tal-gvern lokali (bil-għan li jitnaqqsu l-ispejjeż b’minn tal-inqas EUR 500 miljun fl-2011, u 500 miljun addizzjonali kull sena fl-2012 u l-2013); tnaqqis fl-investimenti ffinanzjati lokalment (b’minn tal-inqas EUR 1 biljun) billi tingħata prijorita’ lill-proġetti tal-investiment iffinanzjati mill-fondi strutturali tal-UE; inċentivi biex jiġi rregolarizzat il-ksur tal-liġi fir-rigward tal-użu tal-art (li jwasslu biex jinġabru minn tal-inqas EUR 1 500 miljun mill-2011 sal-2013, u minn tal-inqas EUR 500 miljun minnhom jinġabru fl-2011) ġbir ta’ dħul mil-liċenzjar tal-logħob (b’minn tal-inqas EUR 500 miljun mill-bejgħ ta’ liċenzji u EUR 200 miljun fi drittijiet finanzjarji); allargamenttal-bażi tat-taxxa fuq il-proprjetà immobbli billi jiġu aġġornati l-valuri tal-assi (li twassal biex jinġabru minn tal-inqas EUR 500 miljun dħul addizzjonali); tassazzjoni ogħla fuq pagi f’oġġetti, inkluża wkoll it-taxxa fuq il-pagamenti tal-kiri ta’ karozza (b’minn tal-inqas EUR 150 miljun); tassazzjoni ogħla fuq oġġetti ta’ lussu (b’minn tal-inqas EUR 100 miljun); taxxa speċjali li tapplika għal stabbilimenti mhux awtorizzati (li twassal biex jinġabru minn tal-inqas EUR 800 miljun fis-sena); sostitut ta’ 20 % biss ta’ impjegati li jirtiraw fis-settur pubbliku (gvern ċentrali, muniċipalitajiet, kumpaniji pubbliċi, gvernijiet lokali, aġenziji tal-istat u istituzzjonijiet pubbliċi oħra);

    (b)

    Liġi li tirriforma s-sistema tal-pensjonijiet bl-għan li tassigura s-sostenibbiltà tagħha fuq il-medda medja u l-medda fit-tul taż-żmien. Il-liġi għandha tintroduċi b’mod partikolari età ta’ rtirar statutorja unifikata ta’ 65 sena (li tapplika wkoll għan-nisa); amalgamar tal-fondi eżistenti tal-pensjonijiet fi tliet fondi u sistema ġdida unifikata ta’ pensjonijiet għall-impjegati attwali u dawk li se jkun hemm fil-futur (li għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2013); tnaqqis tal-ogħla limitu fuq il-pensjonijiet; żieda gradwali fil-perjodu minimu li fih għandha titħallas il-kontribuzzjoni għal benefiċċju sħiħ mal-irtirar minn 37 għal 40 sena (sal-2015); età minima ta’ rtirar ta’ 60 sena mill-1 ta’ Jannar 2011 (din tapplika wkoll għall-ħaddiema li jagħmlu xogħlijiet ta’ strapazz u diffiċli u dawk li ħallsu kontribuzzjonijiet għal 40 sena); l-abolizzjoni tar-regoli speċjali applikabbli għall-persuni li kienu assigurati qabel l-1993 (filwaqt li jżommu d-drittijiet li jkunu akkwistaw); tnaqqis sostanzjali fil-lista ta’ xogħlijiet ikkunsidrati ta’ strapazz u diffiċli; tnaqqis fil-benefiċċji soċjali (b’6 % fis-sena) għall-persuni li jirtiraw bejn l-età ta’ 60 u 65 sena u li jkunu ħallsu l-kontribuzzjonijiet għal inqas minn 40 sena; it-twaqqif ta’ mekkaniżmu ta’ aġġustament awtomatiku li jorbot l-età tal-irtirar maż-żieda fl-istennija tal-għajxien (mill-2020 ‘il quddiem); il-ħolqien ta’ introjtu minimu garantit li jkun ittestjat skont il-mezzi għall-anzjani li jkunu akbar mill-età statutorja meħtieġa għall-irtirar; l-introduzzjoni ta’ kundizzjonijiet iktar stretti u r-rianaliżi regolari tal-eliġibbiltà għall-pensjonijiet tad-diżabilità; emenda fil-formula ta’ min jikkwalifika għall-pensjoni fl-iskema bbażata fuq il-kontribuzzjonijiet biex tissaħħaħ ir-rabta bejn il-kontribuzzjonijiet imħallsa u l-benefiċċji riċevuti (b’rata ta’ akkumulazzjoni ta’ imgħax limitata għal rata annwali medja ta’ 1,2 %) u estensjoni mill-kalkolu tal-qliegħ pensjonabbli għall-qligħ matul il-ħajja kollha (filwaqt jinżammu d-drittijiet li jkunu ġew akkwistati). L-implimentazzjoni ta’ din il-liġi għandha tnaqqas iż-żieda mbassra fil-proporzjon tan-nefqa tal-pensjoni mal-PGD għal taħt il-medja fiż-żona tal-euro fid-deċennji li ġejjin u għandha tillimita ż-żieda tal-infiq tas-settur pubbliku fuq il-pensjonijiet matul il-perjodu 2010-2060 għal inqas minn 2,5 % tal-PGD;

    (c)

    Rinfurzar tar-rwol u tar-riżorsi tal-uffiċċju ġenerali tal-kontabilità u t-twaqqif ta’ salvagwardji kontra interferenzi politiċi possibbli fit-tbassir tad-dejta u l-kontabilità;

    (d)

    Abbozz ta’ riforma tal-leġislazzjoni dwar is-salarji fis-settur pubbliku, inkluż b’mod partikolari t-twaqqif ta’ Awtorità Waħda ta’ Ħlas biex jitħallsu l-pagi, l-introduzzjoni ta’ prinċipji unifikati u skeda biex tiġi stabbilita xibka tal-pagi tas-settur pubbliku li tkun unifikata u aktar effiċjenti u tkun tista’ tapplika għas-settur statali, l-awtoritajiet lokali u aġenziji oħra;

    (e)

    Leġislazzjoni sabiex tittejjeb l-effiċjenza tal-amministrazzjoni responsabbli mit-taxxa u l-kontrolli;

    (f)

    It-tnedija ta’ reviżjoni indipendenti tal-amministrazzjoni pubblika u ta’ programmi soċjali eżistenti;

    (g)

    Il-pubblikazzjoni ta’ statistika mensili (fuq bażi ta’ kontanti) dwar id-dħul, in-nefqa, l-iffinanzjar u l-arrettrati tal-infiq għall-“amministrazzjoni pubblika disponibbli” u s-sub-entitatjiet tagħha;

    (h)

    Pjan ta’ azzjoni biex itejjeb il-ġbir u l-ipproċessar ta’ dejta tal-amministrazzjoni pubblika, billi b’mod partikolari jittejbu l-mekkaniżmi ta’ kontroll tal-awtoritajiet responsabbli mill-istatistika u l-uffiċċju ġenerali tal-kontabilità u tiġi assigurata r-responsabbiltà personali effettiva f’każijiet ta’ rappurtaġġ ħażin, sabiex jiġi assigurat il-forniment immedjat ta’ dejta tal-amministrazzjoni pubblika ta’ kwalità għolja mitluba skont ir-Regolamenti (KE) Nru 2223/96 (4), (KE) Nru 264/2000 (5), (KE) Nru 1221/2002 (6), (KE) Nru 501/2004 (7), (KE) Nru 1222/2004 (8), (KE) Nru 1161/2005 (9), (KE) Nru 223/2009 (10) u (KE) Nru 479/2009 (11);

    (i)

    Il-pubblikazzjoni regolari tal-informazzjoni dwar is-pożizzjoni finanzjarja f’ażjendi pubbliċi u entitajiet pubbliċi oħra li mhumiex klassifikati bħala parti mill-amministrazzjoni pubblika (inklużi dikjarazzjonijiet dettaljati dwar id-dħul, il-karti tal-bilanċ u dejta dwar l-impjiegi u n-nefqa pubblika);

    3.   Il-Greċja għandha tadotta l-miżuri li ġejjin sal-aħħar ta’ Diċembru 2010:

    (a)

    L-adozzjoni finali tal-miżuri msemmija fil-paragrafi 2(a) u (d);

    (b)

    Abbozz ta’ leġiżlazzjoni li ssaħħaħ il-qafas fiskali. Dan għandu jinkludi, b’mod partikolari, t-twaqqif ta’ qafas fiskali fuq il-medda medja ta’ żmien, il-ħolqien ta’ riżerva ta’ kontinġenza obbligatorja fil-baġit li tikkorrispondi għal 10 % tal-approprjazzjonijiet totali, it-twaqqif ta’ mekkaniżmi ta’ monitoraġġ aktar b’saħħithom fuq in-nefqa u t-twaqqif ta’ aġenzija fiskali indipendenti li tipprovdi pariri u skrutinju espert dwar kwistjonijiet fiskali;

    (c)

    Liġi biex tirriforma s-sistema ta’ negozjar dwar il-pagi fis-settur privat, li għandha tipprovdi għal tnaqqis fir-rati ta’ ħlas għas-sahra, flessibiltà aħjar fil-ġestjoni tal-ħin tax-xogħol u tippermetti li patti territorjali lokali jkunu jistgħu jistabbilixxu żidiet fil-pagi li jkunu inqas mill-ftehimijiet settorali;

    (d)

    Liġi dwar il-pagi minimi biex tintroduċi sub-minima għal gruppi li qegħdin f’riskju bħaż-żgħażagħ u dawk li ilhom qiegħda għal ħafna żmien, u tistabbilixxi miżuri li jiggarantixxu li l-pagi minimi attwali jibqgħu fissi f’termini nominali għal tliet snin;

    (e)

    Riforma tal-leġiżlazzjoni dwar il-ħarsien tal-impjiegi biex il-perjodu ta’ żmien ta’ prova għal xogħolijiet ġodda jiġi estiż għal sena, jitnaqqas il-livell ġenerali ta’ ħlasijiet li jingħataw lill-impjegati li jispiċċalhom il-kuntratt u jiġi assigurat li l-istess kundizzjonijiet ta’ ħlasijiet li jingħataw lill-impjegati li jispiċċalhom il-kuntratt japplikaw kemm għall-ħaddiema manwali kif ukoll għall-ħaddiema klerikali, jiżdied il-limitu minimu sabiex japplikaw r-regoli dwar is-sensji kollettivi speċjalment għal kumpaniji kbar, u jiġi ffaċilitat użu akbar ta’ kuntratti temporanji;

    (f)

    Żieda sinifikanti fir-rata ta’ assorbiment tal-fondi strutturali u dak ta’ koeżjoni;

    (g)

    L-introduzzjoni ta’ sistema ġdida għall-ġestjoni tad-drogi li tiffavorixxi l-użu ta’ mediċini ġeneriċi;

    (h)

    It-twaqqif ta’ sistema ta’ akkwist pubbliku unifikata b’awtorità ċentrali responsabbli mill-akkwist, li tassigura proċeduri ta’ sejħiet għal offerti li jkunu partikolarment sodi, kontrolli ex ante u ex post;

    (i)

    Leġiżlazzjoni li tissimplifika u taċċelera l-proċess tal-ħruġ ta’ liċenzji lil ażjendi, attivitajiet industrijali u professjonijiet;

    (j)

    Modifika tal-qafas istituzzjonali tal-awtorità dwar il-kompetizzjoni Ellenika (HCC) bl-għan li tiżdied l-indipendenza tagħha, jiġu stabbiliti skadenzi raġonevoli għall-investigazzjoni u l-ħruġ ta’ deċiżjonijiet u tingħata l-poter li tirrifjuta l-ilmenti;

    (k)

    Ġestjoni aħjar tal-assi pubbliċi, bil-għan li jinġabru minn tal-inqas EUR 1 biljun fis-sena matul il-perjodu 2011-2013;

    (l)

    Miżuri li għandhom l-għan li jneħħu r-restrizzjonijiet eżistenti għal-libertà tal-proviżjoni tas-servizzi.

    4.   Il-Greċja għandha tadotta l-miżuri li ġejjin sal-aħħar ta’ Marzu 2011:

    (a)

    L-adozzjoni finali tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 3(b);

    5.   Il-Greċja għandha tadotta l-miżuri li ġejjin sal-aħħar ta’ Ġunju 2011:

    (a)

    Xibka tal-paga tas-settur pubbliku li tkun unifikata u aktar effiċjenti li għandha tapplika għas-settur statali, l-awtoritajiet lokali u l-aġenziji l-oħra, b’rimunerazzjonijiet li jirriflettu l-produttività u x-xogħlijiet;

    (b)

    Miżuri li jimplimentaw is-sejbiet tar-reviżjoni operattiva esterna u indipendenti tal-amministrazzjonijiet pubbliċi;

    (c)

    Rinfurzar tal-ispettorat tax-xogħol, li għandu jkollu biżżejjed impjegati kkwalifikati u jkollu miri kwantitattivi dwar in-numru ta’ kontrolli li għandhom jitwettqu.

    6.   Il-Greċja għandha tadotta l-miżuri li ġejjin sal-aħħar ta’ Settembru 2011:

    (a)

    L-inklużjoni tal-abbozz ta’ baġit għall-2012 ta’ miżuri ta’ konsolidazzjoni fiskali li jammontaw għal minn tal-inqas 2,2 % tal-PGD. Il-baġit għandu jinkludi, b’mod partikolari, l-miżuri li ġejjin (jew f’ċirkustanzi eċċezzjonali, miżuri li jwasslu għal tfaddil komparabbli): aktar tkabbir tal-bażi tal-VAT billi l-oġġetti u s-servizzi ma jibqgħux igawdu minn rata imnaqqsa u minflok tibda tapplika għalihom rata normali (bil-għan li jinġabru minn tal-inqas EUR 300 miljun); minbarra r-regola ta’ rekrutaġġ b’żieda mar-regola ta’ wieħed għal kull 5 persuni li jirtiraw fis-settur pubbliku għandu jitnaqqas ukoll l-impjieg pubbliku (bil-għan li jitfaddlu minn tal-inqas EUR 600 miljun); jiġu stabbiliti dazji tas-sisa għal xorb mhux alkoħoliku (għal ammont totali ta’ minn tal-inqas EUR 300 miljun); żieda tat-taxxa fuq beni immobbli permezz ta’ aġġornament tal-valuri tal-assi (għall-ħolqien ta’ minn tal-inqas EUR 200 miljun dħul żejjed); organizzazzjoni mill-ġdid ta’ gvernijiet sub-ċentrali li jimmiraw li (jiġġeneraw minn tal-inqas EUR 500 miljun fi tfaddil); tnaqqis fil-konsum intermedju tal-amministrazzjoni pubblika (b’minn tal-inqas EUR 300 miljun meta mqabbel mal-livell fl-2011); iffriżar nominali tal-pensjonijiet; aktar effiċjenza fit-tassazzjoni preżuntiva tal-professjonisti (bil-għan li jinġabru minn tal-inqas EUR 100 miljun); tnaqqis fit-trasferiment lill-ażjendi pubbliċi (b’minn tal-inqas EUR 800 miljun) wara r-ristrutturar tagħhom; il-benefiċċji tal-qgħad isiru ttestjati skont il-mezzi (bil-għan li jitfaddlu EUR 500 miljun); jinġabar aktar dħul mil-liċensjar tal-logħob (minn tal-inqas EUR 225 miljun fil-bejgħ tal-liċenzji u EUR 400 miljun fi drittijiet finanzjarji);

    (b)

    Mitigazzjoni tal-ostakoli tat-taxxa għal merġers u akkwisti;

    (c)

    Simplifikazzjoni tal-proċess doganali għall-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet;

    (d)

    Żieda sinifikanti fir-rati ta’ assorbiment tal-fondi strutturali u dak ta’ koeżjoni;

    (e)

    L-implimentazzoni sħiħa tal-aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar bil-għan li jitnaqqsu il-piżijiet amministrattivi b’20 % (meta mqabbel mal-2008).

    7.   Il-Greċja għandha tadotta l-miżuri li ġejjin sal-aħħar ta’ Diċembru 2011:

    (a)

    L-adozzjoni finali tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 6(a);

    (b)

    Rinfurzar tal-kapaċità ta’ ġestjoni tal-awtoritajiet kollha li jiġġestixxu u entitajiet intermedji ta’ programmi operattivi skont il-qafas tal-qafas ta’ referenza tal-istrateġija nazzjonali 2007-2013 u ċ-ċertifikazzjoni tagħhom ISO 9001:2008 (ġestjoni ta’ kwalità).

    Artikolu 3

    Il-Greċja għandha tikkoopera b’mod sħiħ mal-Kummissjoni u tipprovdi mingħajr dewmien, kull meta tkun mitluba biex tagħmel hekk, kwalunkwe dejta jew dokument meħtieġ biex tiġi mmonitorjata l-konformità ma’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 4

    1.   Il-Greċja għandha tipprovdi lill-Kunsill u lill-Kummissoni rapport li juri l-miżuri tal-politika meħuda biex tkun konformi ma’ din id-Deċiżjoni kull tliet xhur.

    2.   Ir-rapporti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu informazzoni dettaljata dwar:

    (a)

    miżuri konkreti implimentati sad-data tar-rapport sabiex ikunu konformi ma’ din id-Deċiżjoni, inkluż l-impatt baġitarju kwantifikat tagħhom;

    (b)

    miżuri konkreti ppjanati li jiġu implimentati wara d-data tar-rapport sabiex ikunu konformi ma’ din id-Deċiżjoni, il-kalendarju tal-implimentazzjoni tagħhom u stima tal-impatt baġitarju tagħhom;

    (c)

    l-eżekuzzjoni tal-baġit mensili tal-Istat;

    (d)

    l-implimentazzjoni baġitarja infraannwali mis-sigurtà soċjali, il-gvern lokali u l-fondi baġitari żejda;

    (e)

    ħruġ u rimborsar tad-dejn tal-gvern;

    (f)

    żviluppi permanenti u temporanji fl-impjiegi tas-settur pubbliku;

    (g)

    in-nefqa tal-gvern sakemm isir il-ħlas (arretrati akkumulati);

    (h)

    il-pożizzjoni finanzjarja f’ażjendi pubbliċi u entitajiet pubbliċi oħra.

    3.   Il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom janalizzaw ir-rapporti bil-għan li jevalwaw il-konformità tal-Greċja ma’ din id-Deċiżjoni. Fil-kuntest ta’ dawn il-valutazzonijiet, il-Kummissjoni tista’ tindika l-miżuri meħtieġa biex jiġi rrispettat il-pjan ta’ aġġustament stipulat b’din id-Deċiżjoni għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni għandha jkollha effett fl-istess ġurnata tan-notifika tagħha.

    Artikolu 6

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika.

    Magħmul fil-Lussemburgu, l-8 ta’ Ġunju 2010.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    E. SALGADO


    (1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6.

    (2)  Stqarrija għall-istampa, Eurostat, 55/2010. 22 ta’ April 2010.

    (3)  Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36).

    (4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2223/96 tal-25 ta’ Ġunju 1996 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fil-Komunità (ĠU L 310, 30.11.1996, p. 1).

    (5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 264/2000 tat-3 ta’ Frar 2000 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2223/96 rigward statistiċi ta’ finanzi pubbliċi fuq żmien qasir (ĠU L 29, 4.2.2000, p. 4).

    (6)  Ir-Regolament (KE) Nru 1221/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Ġunju 2002 dwar kontijiet mhux finanzjarji ta’ kull tliet xhur tal-amministrazzjoni pubblika (ĠU L 179, 9.7.2002, p. 1).

    (7)  Ir-Regolament (KE) Nru 501/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 dwar kontijiet finanzjarji ta’ kull kwart tas-sena għal gvern ġenerali (ĠU L 81, 19.3.2004, p. 1).

    (8)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1222/2004 tat-28 ta’ Ġunju 2004 dwar il-kompilazzjoni u t-trasmissjoni ta’ data dwar id-dejn trimestrali tal-gvern (ĠU L 233, 2.7.2004, p. 1).

    (9)  Ir-Regolament (KE) Nru 1161/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2005 dwar il-kumpilazzjoni ta’ kontijiet trimestrali mhux finanzjarji skont is-settur istituzzjonali (ĠU L 191, 22.7.2005, p. 22).

    (10)  Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta’ data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164).

    (11)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1).


    Top