EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0189

2010/189/: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad- 29 ta’ Marzu 2010 dwar it-tilqim preventiv kontra l-influwenza avjarja b’patoġeniċità baxxa fil-papri mallard fil-Portugall u ċerti miżuri li jirrestrinġu l-movimenti ta’ dawn it-tjur u tal-prodotti tagħhom (notifikata bid-dokument numru C(2010) 1914)

ĠU L 83, 30.3.2010, p. 62–64 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/07/2011

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/189/oj

30.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 83/62


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-29 ta’ Marzu 2010

dwar it-tilqim preventiv kontra l-influwenza avjarja b’patoġeniċità baxxa fil-papri mallard fil-Portugall u ċerti miżuri li jirrestrinġu l-movimenti ta’ dawn it-tjur u tal-prodotti tagħhom

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 1914)

(Il-verżjoni bil-Portugiż biss hija awtentika)

(2010/189/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE tal-20 ta’ Diċembru 2005 dwar miżuri Komunitarji għall-kontroll tal-influwenza tat-tjur u li tħassar id-Direttiva 92/40/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 57(2) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2005/94/KE tistipula ċerti miżuri preventivi marbuta mas-sorveljanza u s-sejba bikrija tal-influwenza avjarja u li jżidu l-livell ta’ għarfien tal-awtoritajiet kompetenti u tal-komunità agrikola u l-preparazzjoni għar-riskji ta’ din il-marda.

(2)

Wara li kien hemm tifqigħat tal-influwenza avjarja b’patoġeniċità baxxa fl-2007 u fl-2008 f’xi rziezet fil-Portugall ċentrali u tal-Punent, u b’mod partikolari f’irziezet fejn jitrabbew it-tjur maħsubin għall-istokkjar mill-ġdid ta’ tjur għall-kaċċa, twettaq pjan ta’ emerġenza għat-tlaqqim skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/285/KE (2) li rnexxa fil-qerda tal-marda. Iżda ġie deċiż abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskju, li xi papri mallard ta’ valur għoli, miżmuma għat-trobbija f’razzett fir-reġjun ta’Lisboa e Vale do Tejo, Ribatejo Norte, Vila Nova da Barquinha xorta waħda kienu għadhom esposti għar-riskju potenzjali li jiġu infettati bl-influwenza avjarja, speċjalment permezz tal-possibbiltà ta’ kuntatt indirett ma’ għasafar slavaġ (“l-azjenda”).

(3)

Il-Portugall għalhekk iddeċieda li jkompli bit-tilqim kontra l-influwenza avjarja bħala miżura għal terminu ta’ żmien twil billi implimenta pjan ta’ tilqim preventiv fl-azjenda, li ġie approvat bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/838/KE tat-3 ta’ Novembru 2008 dwar it-tilqim preventiv kontra l-influwenza avjarja b’patoġeniċità baxxa fil-papri mallard fil-Portugall u ċerti miżuri li jirrestrinġu l-movimenti ta’ dawn it-tjur u tal-prodotti tagħhom (3). Dik id-Deċiżjoni skadiet fil-31 ta’ Lulju 2009.

(4)

Il-Portugall għamel rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ dan il-pjan ta’ tilqim preventiv lill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u esprima l-intenzjoni li jkompli bl-implimentazzjoni tat-tilqim preventiv jekk issir disponibbli tilqima xierqa.

(5)

Fit-8 ta’ Jannar 2010, il-Portugall ressaq pjan għat-tilqim preventiv li għandu jiġi applikat sal-31 ta’ Lulju 2011 (‘il-pjan ta’ tilqim preventiv’) quddiem il-Kummissjoni għall-approvazzjoni tagħha.

(6)

Fl-opinjonijiet xjentifiċi tiegħu dwar l-użu tat-tilqim għall-kontroll tal-influwenzja avjarja maħruġa mill-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà Alimentari fl-2005 (4), l-2007 (5) u l-2008 (6), il-Bord tas-Saħħa u l-Benessri tal-Annimali stqarr li t-tilqim ta’ emerġenza u prevenzjoni kontra l-influwenza avjarja huwa għodda siewja biex tikkomplementa l-miżuri ta’ kontroll għal din il-marda.

(7)

Flimkien ma’ dan, il-Kummissjoni eżaminat il-pjan ta’ tilqim preventiv imressaq mill-Portugall, u hija sodisfatta li dan jikkonforma mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni. Fid-dawl tal-qagħda epidemjoloġika fir-rigward tal-influwenza avjarja b’patoġeniċità baxxa fil-Portugall, tat-tip ta’ razzett fejn għandha tingħata t-tilqima u tal-ambitu limitat tal-pjan ta’ tilqim preventiv, dan għandu jiġi approvat.

(8)

Għall-għanijiet tat-tilqim preventiv li se jitwettaq mill-Portugall, għandhom jintużaw biss vaċċini awtorizzati skont id-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità rigward il-prodotti mediċinali veterinarji (7) jew ir-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li jistabbilixxi proċeduri Komunitarji għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u veterinarju u li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (8).

(9)

Barra minn hekk, għandu jkun hemm sorveljanza u ttestjar tal-laboratorju fir-razzett li jżomm il-papri mallard imlaqqma u fl-irziezet tat-tjur mhux imlaqqma, kif stabbilit fil-pjan ta’ tilqim preventiv.

(10)

Huwa xieraq ukoll li jiġu introdotti ċerti restrizzjonijiet fuq il-moviment tal-papri mallard imlaqqma, il-bajd għat-tfaqqis tagħhom u l-papri mallard li jitnisslu minn dawn it-tjur skont il-pjan preventiv ta’ tilqim. Minħabba n-numru żgħir ta’ papri mallard li hemm fir-razzett fejn se jitwettaq it-tilqim preventiv, kif ukoll għal raġunijiet ta’ loġistika u traċċabbiltà, il-papri mallard li jkunu ngħataw it-tilqima ma għandhomx jinħarġu mir-razzett, iżda jridu jinqatlu meta jispiċċa ċ-ċiklu reproduttiv tagħhom b’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/119/KEE tat-22 ta’ Diċembru 1993 dwar il-protezzjoni ta’ annimali fil-ħin tat-tbiċċir jew qtil (9).

(11)

Fir-rigward tal-kummerċ fit-tjur maħsub għall-istokkjar mil-ġdid ta’ tjur għall-kaċċa, il-Portugall ħa miżuri addizzjonali skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/605/KE tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar ċerti miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward ta’ kummerċ intrakomunitarju tat-tjur maħsuba għall-popolament mill-ġdid tal-provvista ta’ annimali tal-kaċċa (10).

(12)

Biex jitnaqqas l-impatt ekonomiku fuq ir-razzett ikkonċernat għandhom jiġu stipulati ċerti derogi mir-restrizzjonijiet ta’ moviment għall-papri mallard li jitnisslu minn papri mallard imlaqqma, minħabba li dawn il-movimenti ma huma ta’ ebda riskju speċifiku għat-tixrid tal-marda sakemm titwettaq sorveljanza uffiċjali u jkun hemm konformità mar-rekwiżiti speċifiċi għas-saħħa tal-annimali għall-kummerċ ġewwa l-Unjoni.

(13)

Il-pjan ta’ tilqim preventiv għandu jiġi approvat biex ikun jista’ jiġi implimentat sal-31 ta’ Lulju 2011. Għaldaqstant, din id-Deċiżjoni għandha tapplika sa dik id-data.

(14)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-kontenut u l-ambitu

1.   Din id-Deċiżjoni tistipula ċerti miżuri li se jiġu applikati fil-Portugall fejn jitwettaq it-tilqim preventiv ta’ papri mallard (Anas platyrhynchos) maħsuba għall-istokkjar mill-ġdid ta’ tjur għall-kaċċa (“papri mallard”) f’razzett li jinsab espost għar-riskju tal-influwenza avjarja.

Dawn il-miżuri jinkludu ċerti restrizzjonijiet dwar il-moviment ġewwa l-Portugall u l-bgħit mill-Portugall tal-papri mallard imlaqqma, il-bajd għat-tfaqqis tagħhom u papri mallard li jitnisslu minnhom.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tapplika bla ħsara għall-miżuri ta’ ħarsien li se jittieħdu mill-Portugall skont id-Direttiva 2005/94/KE u d-Deċiżjoni 2006/605/KE.

Artikolu 2

L-Approvazzjoni tal-pjan ta’ tilqim preventiv

1.   Il-pjan għat-tilqim preventiv kontra l-influwenza avjarja b’patoġeniċità baxxa fil-Portugall, kif imressaq mill-Portugall lill-Kummissjoni fit-8 ta’ Jannar 2010, li se jiġi implimentat f’razzett fir-reġjun ta’ Lisboa e Vale do Tejo, Ribatejo Norte, Vila Nova da Barquinha sal-31 ta’ Lulju 2011 (‘il-pjan ta’ tilqim preventiv’) huwa approvat.

2.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-pjan għat-tilqim preventiv.

Artikolu 3

Il-Kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-pjan tat-tilqim preventiv

1.   Il-Portugall għandu jiżgura li l-papri mallard huma mlaqqma skont il-pjan ta’ tilqim preventiv b’vaċċin eterologu monovalenti inattivat li fih is-sottotip H5 tal-influwenza avjarja awtorizzat minn dan l-Istat Membru skont id-Direttiva 2001/82/KE jew ir-Regolament (KE) Nru 726/2004.

2.   Il-Portugall għandu jiżgura li jkun hemm sorveljanza u ttestjar tal-laboratorju fir-razzett li jżomm il-papri mallard imlaqqma u fl-irziezet tat-tjur mhux imlaqqma, kif stabbilit fil-pjan ta’ tilqim preventiv.

3.   Il-Portugall għandu jiżgura li l-pjan ta’ tilqim preventiv jiġi implimentat b’mod effiċjenti.

Artikolu 4

L-immarkar u r-restrizzjonijiet fuq il-moviment, it-tqassim u r-rimi ta’ papri mallard imlaqqma

L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li l-papri mallard imlaqqma miżmuma fir-razzett imsemmi fl-Artikolu 2(1):

(a)

ikunu mmarkati individwalment;

(b)

ma jinħarġux lejn rziezet oħra tat-tjur fil-Portugall, jew

(ċ)

jintbagħtu mill-Portugall.

Wara li jintemm il-perjodu reproduttiv tagħhom, dawn il-papri għandhom jinqatlu fir-razzett imsemmi fl-Artikolu 2(1) ta’ din id-Deċizjoni, b’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 93/119/KEE, u l-karkassi tagħhom għandhom jintremew b’mod sikur.

Artikolu 5

Ir-restrizzjonijiet fuq il-moviment u t-tqassim ta’ bajd ta’ tfaqqis tal-papri mallard li joriġinaw mir-razzett imsemmi fl-Artikolu 2(1)

L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li l-bajd tat-tfaqqis imnissel mill-papri mallard fir-razzett imsemmi fl-Artikolu 2(1) jista’ jittieħed biss f’mafqas fil-Portugall u mhux jintbagħat ‘il barra mill-Portugall.

Artikolu 6

Ir-restrizzjonijiet fuq il-moviment u t-tqassim ta’ papri mallard li jitnisslu minn papri mallard imlaqqma

1.   L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li l-papri mallard li jitnisslu mill-papri mallard imlaqqma, wara li jfaqqsu jistgħu jinħarġu biss lejn razzett li jinsab fil-viċinanza tar-razzett imsemmi fl-Artikolu 2(1), stabbilit mill-Portugall, kif stipulat fil-pjan ta’ tilqim preventiv.

2.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1 u sakemm il-papri mallard imnissla mill-papri mallard imlaqqma jkollhom aktar minn erba’ xhur, dawn jistgħu:

(a)

jinħelsu f’ambjent selvaġġ fil-Portugall, jew

(b)

jintbagħtu ‘l barra mill-Portugall, bil-kundizzjonijiet li:

(i)

ir-riżultati tas-sorveljanza u tat-testijiet tal-laboratorju kif stipulat fil-pjan ta’ tilqim preventiv, ikunu favorevoli; u

(ii)

il-kundizzjonijiet għat-tqassim tat-tjur maħsuba għall-istokkjar mil-ġdid ta’ tjur għall-kaċċa stipulati fid-Deċiżjoni 2006/605/KE jkunu sodisfatti.

Artikolu 7

Iċ-Ċertifikazzjoni tas-saħħa għal kummerċ fl-Unjoni ta’ papri mallard imnissla minn papri mallard imlaqqma

Il-Portugall għandu jiżgura li ċ-ċertifikati tas-saħħa għall-kummerċ fi ħdan l-Unjoni ta’ tjur maħsuba għall-istokkjar mill-ġdid ta’ tjur għall-kaċċa msemmija fl-Artikolu 6(2)(b) jinkludu s-sentenza li ġejja:

“Il-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimal ta’ din il-kunsinna huma konformi mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/189/UE”.

Artikolu 8

Ir-rapporti

Il-Portugall għandu jibgħat rapport lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ tilqim preventiv fi żmien xahar mid-data tal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u jressaq rapport kull sitt xhur lill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali minn hemm ‘il quddiem.

Artikolu 9

L-applikabilità

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Lulju 2011.

Artikolu 10

Id-destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Portugall.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Marzu 2010.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 10, 14.1.2006, p. 16.

(2)  ĠU L 92, 3.4.2008, p. 37.

(3)  ĠU L 299, 8.11.2008, p. 40.

(4)  The EFSA Journal (2005) 266, 1-21; Scientific Opinion on Animal health and welfare aspects of Avian Influenza.

(5)  The EFSA Journal (2007) 489, Scientific Opinion on Vaccination against avian influenza of H5 and H7 subtypes in domestic poultry and captive birds.

(6)  The EFSA Journal (2008) 715, 1-161, Scientific Opinion on Animal health and welfare aspects of avian influenza and the risks of its introduction into the EU poultry holdings.

(7)  ĠU L 311, 28.11.2001, p. 1.

(8)  ĠU L 136, 30.4.2004, p. 1.

(9)  ĠU L 340, 31.12.1993, p. 21.

(10)  ĠU L 246, 8.9.2006, p. 12.


Top