Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R0245

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 245/2010 tat- 23 ta’ Marzu 2010 li jidderoga mir-Regolament (KE) Nru 288/2009 rigward id-data ta’ skadenza għall-Istati Membri biex jinnotifikaw l-istrateġiji tagħhom lill-Kummissjoni u d-data ta’ skadenza għall-Kummissjoni biex tiddeċiedi dwar l-allokazzjoni finali tal-għajnuna fil-qafas ta’ Skema tal-Frott għall-Iskejjel

    ĠU L 77, 24.3.2010, p. 50–50 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/04/2010

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/245/oj

    24.3.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 77/50


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 245/2010

    tat-23 ta’ Marzu 2010

    li jidderoga mir-Regolament (KE) Nru 288/2009 rigward id-data ta’ skadenza għall-Istati Membri biex jinnotifikaw l-istrateġiji tagħhom lill-Kummissjoni u d-data ta’ skadenza għall-Kummissjoni biex tiddeċiedi dwar l-allokazzjoni finali tal-għajnuna fil-qafas ta’ Skema tal-Frott għall-Iskejjel

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 103h(f) flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 288/2009 tas-7 ta’ April 2009 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-għajnuna Komunitarja għall-forniment ta’ frott u ħaxix, frott u ħaxix ipproċessati u prodotti tal-banana lit-tfal fl-istabbilimenti edukattivi, fil-qafas tal-Iskema tal-Frott għall-Iskejjel (2), l-Istati Membri li qed japplikaw għall-għajnuna msemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 103ga tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għal perjodu mill-1 ta’ Awwissu sal-31 ta’ Lulju għandhom jinnotifikaw l-istrateġija tagħhom lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Jannar tas-sena li fiha jibda dak il-perjodu.

    (2)

    Għadd ta’ Stati Membri kellhom jaffaċċaw diffikultajiet biex jirrispettaw id-data ta’ skadenza, fost l-oħrajn minħabba l-ħtieġa li jivvalutaw l-effikaċja tal-iskema tagħhom wara l-ewwel sena ta’ implimentazzjoni tagħha.

    (3)

    Sabiex jingħataw iżjed żmien biex jevalwaw l-iskema tagħhom u, fejn meħtieġ, jimmodifikaw l-istrateġija tagħhom, l-Istati Membri għandhom, bħala miżura transizzjonali, jingħataw sat-28 ta’ Frar 2010 biex jinnotifikaw l-istrateġija tagħhom għall-perjodu mill-1 ta’ Awwissu 2010 sal-31 ta’ Lulju 2011.

    (4)

    B’mod simili, id-data ta’ skadenza biex il-Kummissjoni tiddeċiedi dwar l-allokazzjoni finali tal-għajnuna għall-perjodu mill-1 ta’ Awwissu 2010 sal-31 ta’ Lulju 2011 stabbilit fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament (KE) Nru 288/2009 għandu jiġi estiż sat-30 ta’ April 2010.

    (5)

    Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1.   B’deroga mill-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 288/2009, l-Istati Membri jistgħu jinnotifikaw l-istrateġija tagħhom għall-perjodu mill-1 ta’ Awwissu 2010 sal-31 ta’ Lulju 2011, sat-28 ta’ Frar 2010 l-aktar tard.

    2.   B’deroga mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament (KE) Nru 288/2009, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-allokazzjoni finali tal-għajnuna għall-perjodu mill-1 ta’ Awwissu 2010 sal-31 ta’ Lulju 2011, sat-30 ta’ April 2010.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-1 ta’ Frar 2010.

    Għandu jiskadi fit-30 ta’ April 2010.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, it-23 ta’ Marzu 2010.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

    (2)  ĠU L 94, 8.4.2009, p. 38.


    Top