Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22009D0076

    Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 76/2009 tat- 30 ta' Ġunju 2009 li temenda l-Protokoll 10 dwar is-simplifikazzjoni tal-ispezzjonjiet u l-formalitajiet fir-rigward tat-trasport tal-oġġetti u l-Protokoll 37 li fih il-lista prevista fl-Artikolu 101

    ĠU L 232, 3.9.2009, p. 40–51 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/76(2)/oj

    3.9.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 232/40


    DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE

    Nru 76/2009

    tat-30 ta' Ġunju 2009

    li temenda l-Protokoll 10 dwar is-simplifikazzjoni tal-ispezzjonjiet u l-formalitajiet fir-rigward tat-trasport tal-oġġetti u l-Protokoll 37 li fih il-lista prevista fl-Artikolu 101

    IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, kif emendat bil-Protokoll li jaġġusta l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, minn issa ’l quddiem msejjaħ “il-Ftehim”, u b'mod partikolari l-Artikoli 98 u 101 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Protokoll 10 tal-Ftehim ma ġiex emendat mill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE.

    (2)

    Il-Protokoll 37 tal-Ftehim kien emendat bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 61/2009 tad-29 ta'Mejju 2009 (1).

    (3)

    Il-Protokoll 10 tal-Ftehim għandhu jiġi emendat fl-interess reċiproku tal-Komunità Ewropea u l-Istati tal-EFTA sabiex jiġu evitati restrizzjonjiet mhux meħtieġa u sabiex jiġi provdut serje ta' dispożizzjonjiet li jistabbilixxu miżuri doganali ta' sigurtà ekwivalenti għat-trasport tal-oġġetti li jkunu ġejjin jew li sejrin lejn pajjiżi terzi.

    (4)

    Din id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE m'għandhiex tapplika għall-Iżlanda u l-Liechtenstein. Madanakollu, għandha tkun miftuħa għall-Istati kollha tal-EFTA, suġġetta għad-Deċiżjoni l-ġdida tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE.

    (5)

    Il-Komunità u n-Norveġja huma ddeterminati li jtejbu s-sigurtà fil-kummerċ tal-oġġetti li jkunu deħlin jew ħerġin mit-territorju tagħhom mingħajr ma jxekklu il-fluss ħieles ta' dan il-kummerċ.

    (6)

    Fl-interess reċiproku tal-Komunità u n-Norveġja, miżuri doganali ta' sigurtà ekwivalenti għandhom jiġu stabbiliti għat-trasport tal-oġġetti li jkunu ġejjin minn u sejrin lejn pajjiżi terzi, u jidħlu fis-seħħ fl-istess ħin bil-miżuri korrispondenti applikati mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

    (7)

    Il-Komunità u n-Norveġja huma ddeterminati li jiggarantixxu livell ekwivalenti ta' sigurtà fit-territorji rispettivi tagħhom b'miżuri doganali ta' sigurtà bbażati fuq leġiżlazzjoni fis-seħħ fil-Komunità Ewropea.

    (8)

    Il-miżuri doganali tas-sigurtà inkwistjoni jirrigwardjaw id-dikjarazzjoni tad-data tas-sigurtà li tkopri l-oġġetti qabel ma jidħlu jew joħorġu mit-territorju tagħhom, il-ġestjoni tar-riskju tas-sigurtà u l-kontrolli doganali relatati, kif ukoll l-għoti ta' status reċiprokament rikonoxxut ta' operatur ekonomiku awtorizzat.

    (9)

    Huwa kunsiljabbli li n-Norveġja tkun ikkonsultata dwar l-iżvilupp tar-regoli Komunitarji li jirrelataw mal-miżuri doganali tas-sigurtà, u li tkun informata dwar l-applikazzjoni tagħhom. Huwa għalhekk meħtieġ li jkun emendat il-Protokoll 37 tal-Ftehim, li jelenka l-kumitati li ghall-ħidma tagħhom l-esperti mill-Istati EFTA għandhom ikunu assoċjati meta jkun meħtieġ li jiġi żgurat il-funzjonament korrett tal-Ftehim.

    (10)

    Sa fejn id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment ħieles ta' tali data ġiet inkorporata fil-Ftehim bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 83/1999 (2), in-Norveġja tipprovdi livell adegwat ta' protezzjoni tad-data personali,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Il-Protokoll 10 tal-Ftehim għandhu jiġi emendat kif speċifikat fl-Anness I ta' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Fil-Protokoll 37 għandu jiddaħħal il-punt li ġej:

    “29.

    Il-Kumitat tal-Kodiċi Doganali (Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92).”

    Artikolu 3

    1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2009 jew fil-jum li jiġi wara l-aħħar notifikazzjoni lill-Kumitat Konġunt ŻEE skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim, liema wieħed minnhom jiġi aktar tard (*).

    2.   Fl-istennija tan-notifiki msemmijin f'paragrafu 1, il-Komunità u n-Norveġja għandhom japplikaw din id-Deċiżjoni provviżorjament sa mill-1 ta' Lulju 2009 jew minn data aktar tard miftiehma bejn il-Komunità u n-Norveġja u nnotifikati lill-Istati tal-EFTA u lill-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni għandha tkun ippubblikata fis-Taqsima ŻEE ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fis-Suppliment ŻEE tiegħu.

    Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Ġunju 2009.

    Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

    Il-President

    Alan SEATTER


    (1)  Ara paġna 13 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

    (2)  ĠU L 296, 23.11.2000, p. 41.

    (*)  L-ebda rekwiżiti kostituzzjonali m'huma indikati.


    ANNESS

    Il-Protokoll 10 għall-Ftehim għandu jiġi emendat kif ġej:

    1)

    Il-paragrafu li ġej għandu jkun miżjud fl-Artikolu 2:

    “3.   Il-miżuri doganali ta' sigurtà fil-Kapitolu IIa u fl-Annessi I u II tal-Protokoll għandhom japplikaw biss bejn il-Komunità u n-Norveġja.

    4.   Meta jissemma t-territorju doganali tal-Partijiet Kontraenti fil-Kapitolu IIa u fl-Annessi I u II ta' dan il-Protokoll, ikopri:

    t-territorju doganali tal-Komunità

    t-territorju doganali tan-Norveġja.”

    2)

    Il-Kapitolu li ġej għandu jiddaħħal wara l-Kapitolu II (PROĊEDURI):

    “KAPITOLU IIa

    MIŻURI DOGANALI TA' SIGURTÀ

    Artikolu 9a

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta' dan l-Kapitolu:

    (a)

    ‘riskju’ għandu jfisser il-probabbiltà li avveniment iseħħ, b'konnessjoni mad-dħul, mat-transitu, mat-trasferiment u mad-destinazzjoni patrikolari tal-oġġetti li jiċċirkolaw bejn it-territorju doganali ta' waħda mill-Partijiet Kontraenti u tal-pajjiżi terzi u l-preżenza tal-oġġetti li mhix f'ċirkulazzjoni ħielsa fuq it-territorju ta' waħda mill-partijiet Kontraenti, li jikkostitwixxi periklu għas-sigurtà u s-sikurezza tal-Partijiet Kontraenti, għas-saħħa pubblika, għall-ambjent jew għall-konsumaturi;

    (b)

    ‘ġestjoni tar-riskji’ għandha tfisser id-determinazzjoni sistematika tar-riskji u l-implimentazzjoni tal-miżuri kollha meħtieġa sabiex tiġi limitata l-espożizzjoni għar-riskji. Dan jinkludi attivitajiet bħall-ġbir ta' data u ta' informazzjoni, l-analiżi u l-evalwazzjoni tar-riskji, il-preskrizzjoni u l-eżekuzzjoni tal-miżuri kif ukoll il-kontroll u l-evalwazzjoni regolari tal-proċess u r-riżultati tiegħu, fuq il-bażi ta' sorsi u strateġiji mfissra mill-Partijiet Kontraenti jew fuq livell internazzjonali.

    Artikolu 9b

    Dispożizzjonijiet ġenerali dwar is-sigurtà

    1.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom idaħħlu u japplikaw il-miżuri doganali ta' sigurtà ddefiniti f'dan il-Kapitolu fuq oġġetti deħlin jew ħerġin mit-territorji doganali tagħhom, b'hekk ikunu qed jiggarantixxu livell ta' sigurtà ekwivalenti mal-konfini esterni tagħhom.

    2.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom jirrinunzjaw l-aplikazzjoni tal-miżuri doganali ta' sigurtà definiti f'dan il-Kapitolu meta l-oġġetti jinġarru bejn it-territorji doganali rispettivi tagħhom.

    3.   Qabel ma jiġi konkluż kwalunkwe ftehim ma pajjiż terz fiż-żona koperta minn dan il-Kapitolu, il-Partijiet Kontraenti għandhom jikkonsultaw lil xulxin sabiex jiżguraw il-kompatibbiltà mad-dispożizzjonjiet ta' dan il-Kapitolu, partikolarment meta l-ftehim ikun fih dispożizzjonjiet li jidderogaw mill-miżuri doganali ta' sigurtà msemmijin f'dan il-Kapitolu. Kull parti kontraenti għandha tiggarantixxi li l-ftehimiet ma' pajjiżi terzi ma joħolqux drittijiet u obbligi għal Parti Kontraenti oħra sakemm il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jiddeċiedi mod ieħor.

    Artikolu 9c

    Dikjarazzjoni ta’ qabel il-wasla u qabel it-tluq

    1.   L-oġġetti introdotti fit-territorju doganali tal-Partijiet Kontraenti li ġejjin minn pajjiżi terzi għandhom ikunu suġġetti għal dikjarazzjoni ta' dħul (minn hawn 'il quddiem imsejħa ‘d-dikjarazzjoni sommarja ta' dħul’), ħlief oġġetti trasportati b'mezzi ta' trasport li jkunu biss fi transitu fl-ilmijiet territorjali jew fl-ispazju tal-ajru tat-territorju doganali mingħajr waqfien f'dan it-territorju.

    2.   L-oġġetti ħerġin mit-territorju doganali tal-Partijiet Kontraenti li jkunu sejrin lejn pajjiżi terzi għandhom ikunu koperti b'dikjarazzjoni ta' ħruġ (minn hawn 'il quddiem imsejħa ‘d-dikjarazzjoni sommarja ta' ħruġ’) ħlief oġġetti trasportati b'mezzi ta' trasport li jkunu biss fi transitu fl-ilmijiet territorjali jew fl-ispazju tal-ajru tat-territorju doganali mingħajr waqfien f'dan it-territorju.

    3.   Id-dikjarazzjoni sommarja ta' dħul jew ta' ħruġ għandha tiġi depożitata qabel l-introduzzjoni tal-oġġetti fit-territorju doganali tal-Partijiet Kontraenti jew mal-ħruġ tagħhom minn dak it-territorju.

    4.   Il-preżentazjoni tad-dikjarazzjonjiet sommarji ta' dħul u ta' ħruġ imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 hija fakoltattiva sal-31 ta' Diċembru 2010 sakemm il-miżuri tranżizzjonali li jidderogaw mill-obbligu li jiġu ppreżentati tali dikjarazzjonjiet huma applikabbli fil-Komunità.

    Meta, f'konformità mal-ewwel subparagrafu, id-dikjarazzjoni sommarja ta' dħul u ta' ħruġ ma tiġix ippreżentata, analiżi tar-riskju għall-kwistjonijiet ta' sigurtà doganali, imsemmija fl-Artikolu 9e, għandha ssir mill-awtoritajiet doganali l-iktar tard mal-preżentazzjoni tal-oġġetti mal-wasla jew it-tluq, fejn xieraq fuq il-bażi ta' kwalunkwe dikjarazzjoni li tkopri dawn l-oġġetti jew kwalunkwe informazzjoni oħra disponibbli lilhom.

    5.   Kull Parti Kontraenti għandha tiddetermina min huma l-persuni responsabbli għall-ippreżentar tad-dikjarazzjonijiet sommarji ta' dħul u ta' ħruġ kif ukoll liema huma l-awtoritajiet kompetenti li jaċċettaw tali dikjarazzjoni.

    6.   Anness I ta' dan il-Protokoll jistabbilixxi:

    il-forma u l-kontenut tad-dikjarazzjoni sommarja ta' dħul u ta' ħruġ,

    l-eċċezjonijiet mill-obbligu li tiġi ppreżentata d-dikjarazzjoni sommarja ta' dħul u ta' ħruġ,

    il-post fejn għandha tiġi ppreżentata d-dikjarazzjoni sommarja ta' dħul jew ta' ħruġ,

    it-termini ta' skadenza għall-ippreżentar tad-dikjarazzjoni sommarja ta' dħul u ta' ħruġ,

    kull dispożizzjoni oħra meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu.

    7.   Dikjarazzjoni doganali tista' tkun użata bħala dikjarazzjoni sommarja ta' dħul jew ta' ħruġ bil-kondizzjoni li hi tissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti għal din id-dikjarazzjoni sommarja.

    Artikolu 9d

    Operatur ekonomiku awtorizzat

    1.   Kull Parti Kontraenti għandha tagħti, suġġetta għall-kriterji stabbiliti fl-Anness II ta' dan il-Protokoll, l-istatus ta' ‘operatur ekonomiku awtorizzat’ lil kull operatur ekonomiku stabbilit fit-territorju doganali tagħha.

    Madanakollu, kategoriji speċifiċi ta' operaturi ekonomiċi awtorizzati, suġġetti għal kondizzjonjiet speċifiċi, b'mod partikolari l-kunsiderazzjoni ta' ftehimiet internazzjonali ma' pajjiżi terzi, jistgħu jiġu eżentati mill-obbligu li jkunu stabbiliti f'territorju doganali ta' Parti Kontraenti. Barra minn hekk, kull Parti Kontraenti tiddetermina jekk u għal liema kondizzjonijiet kumpanija tal-ajru jew marittima mhux stabbilita fit-territorja tagħha iżda li għandha uffiċċju reġjonali tistax tkun mogħtija dan l-istatus.

    Operatur ekonomiku awtorizzat għandu jibbenefika minn iffaċilitar fir-rigward ta' kontrolli doganali relatati mas-sigurtà.

    Bla ħsara għar-regoli u l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2, l-istatus ta' operatur ekonomiku awtorizzat mogħti minn Parti Kontraenti hu rikonoxxut mill-parti Kontraenti l-oħra, mingħajr ħsara għall-kontrolli doganali, b'mod partikolari minħabba l-implimentazzjoni tal-ftehimiet mal-pajjiżi terzi li jipprevedu mekkaniżmi ta' rikonoxxenza reċiproka tal-istatus ta' operaturi ekonomiċi awtorizzati.

    2.   L-Anness II ta' dan il-Protokoll jistabbilixxi:

    ir-regoli relatati mal-għotja tal-istatus ta' operatur ekonomiku awtorizzat, b'mod partikolari l-kriterji ta' għotja ta' dan l-istatus u l-kondizzjonijiet tal-implimentazzjoni ta' dawn il-kriterji,

    it-tip ta' faċilitajiet li jistgħu jkunu mogħtija,

    il-kondizzjonijiet li taħthom l-awtorizzazzjoni tista' tiġi sospiża jew revokata,

    il-modalitajiet għall-iskambju bejn il-Partijiet Kontraenti ta' informazzjoni dwar l-operaturi ekonomiċi awtorizzati,

    kull dispożizzjoni oħra meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu.

    Artikolu 9e

    Kontrolli doganali relatati mas-sigurtà u ġestjoni tar-riskju għas-sigurtà

    1.   Il-kontrolli doganali, ħlief il-kontrolli fuq bażi ta' każwalità, għandhom ikunu bbażati fuq analiżi tar-riskju li tuża tekniċi tal-ipproċessar tad-data awtomattizzati.

    2.   Kull Parti Kontraenti għandha tiddefinixxi l-qafas tal-ġestjoni tar-riskju tagħha, kriterji tar-riskju u żoni ta' kontroll prijoritarju relatati mas-sigurtà.

    3.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom jirrikonoxxu l-ekwivalenza tas-sistemi tagħhom ta' ġestjoni ta' riskji fil-qasam tas-sigurtà.

    4.   Il-Partijiet Kontraenti jikkoperaw bil-għan:

    li jiskambjaw informazzjoni bl-iskop li jtejbu u jirrinfurzaw l-analiżi tar-riskju tagħhom u l-effiċjenza tal-kontrolli tas-sigurtà, u

    jiddefinixxu f'perjodu ta' żmien xieraq, qafas komuni ta' ġestjoni tar-riskju, kriterji ta' riskju komuni, żoni ta' kontroll prijoritarju komuni kif ukoll il-ħolqien ta' sistema elettronika ta' ġestjoni tar-riskju komuni.

    5.   Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandu jadotta kull dispożizzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu.

    Artikolu 9f

    Sorveljanza tal-implimentazzjoni tal-miżuri doganali ta' sigurtà

    1.   Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandu jiddefinixxi r-regoli li jippermettu lill-partijiet kontraenti li jiggarantixxu il-moniteraġġ tal-implimentazzjoni ta' dan il-Kapitolu u sabiex jivverifika li d-dispożizzjonjiet ta' dan il-Kapitolu u l-Annessi I u II għal dan il-Protokoll jiġu sodisfatti.

    2.   Is-sorveljanza msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi żgurata permezz ta':

    evalwazzjoni perjodika tal-implimentazzjoni ta' dan il-Kapitolu, b'mod partikolari tal-ekwivalenza tal-miżuri doganali ta' sigurtà,

    analiżi bl-għan li titjieb l-applikazzjoni tad-dispożizzjonjiet ta' dan il-Kapitolu jew sabiex jiġu modifikati sabiex jintlaħqu aħjar l-għanijiet tiegħu,

    l-organizzazzjoni ta' laqgħat bejn l-esperti tal-Partijiet Kontraenti sabiex jiġu diskussi kwistjonijiet u jiġu riveduti proċeduri amministrattivi, inklużi żjarat fil-post.

    3.   Il-miżuri meħuda f'konformità ma dan l-Artikolu m'għandhomx jiksru d-drittijiet tal-operaturi kkonċernati.

    Artikolu 9g

    Protezzjoni tas-sigriet professjonali u tad-data personali

    Informazzjoni skambjata mill-Partijiet Kontraenti fil-qafas tad-dispożizzjonjiet ta' dan il-Kapitolu huma protetti mil-liġi dwar is-sigriet professjonali u l-protezzjoni tad-data personali applikabbli fil-Parti Kontraenti li għaliha tapplika l-informazzjoni ppreżentata.

    L-informazzjoni m'għandha tkun disponibbli għall-ebda persuni ħlief għall-awtoritajiet kompetenti fil-Parti Kontraenti u m'għandha tintuża minn dawn l-awtoritajiet għal ebda skop ħlief għal dak provdut f'dan il-Kapitolu.

    Artikolu 9h

    Evoluzzjoni ta' leġiżlazzjoni

    1.   It-tibdil kollu fil-leġiżlazzjoni Komunitarja fid-drittijiet u l-obbligi tal-Partijiet Kontraenti maħluqa minn dan il-Kapitolu u l-Annessi I u II ta' dan il-Protokoll għandhom ikunu suġġetti għall-proċedura stipulata f'dan l-Artikolu.

    2.   Hekk kif il-Komunità qed tfassal leġiżlazzjoni ġdida fil-qasam li hu rregolat minn dan il-Kapitolu, hija għandha informalment titlob parir mingħand l-esperti tal-Istat ikkonċernat tal-EFTA skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 99 tal-Ftehim.

    3.   Meta jkunu jinħtieġu emendi għal dan il-Kapitolu u għall-Annessi I u II ta' dan il-Protokoll sabiex jittieħed f'kunsiderazzjoni l-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità fuq ħwejjeġ koperti b'dan il-Kapitolu u l-Annessi I u II, għandhom jiġu deċiżi b'mod li jippermettu l-applikazzjoni ta' dawn l-emendi fl-istess ħin ma' dawk imdaħħlin fil-leġiżlazzjoni tal-Komunità u bir-rispett dovut għall-proċeduri interni tal-Partijiet Kontraenti.

    Jekk deċiżjoni ma tkunx tista' tiġi adottata b'mod li tiġi permessa tali applikazzjoni simultanja, il-Partijiet Kontraenti għandhom fejn hu possibbli u bir-rispett dovut għall-proċeduri interni tagħhom, japplikaw provviżorjament l-emendi provduti fl-abbozz tad-deċiżjoni.

    4.   Għal kwistjonijiet li huma relevanti għall-Istat ikkonċernat tal-EFTA, il-Komunità għandha tiżgura l-parteċipazzjoni ta' esperti mill-Istat ikkonċernat tal-EFTA bħala osservaturi, fil-Kumitat tal-Kodiċi Doganali mwaqqaf bl-Artikolu 247a tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju.

    Artikolu 9i

    Miżuri ta' salvagwardja u sospensjoni tad-dispożizzjonjiet ta' dan il-Kapitolu

    1.   Jekk Parti Kontraenti ma tirrispettax il-kondizzjonjiet stipulati f'dan il-Kapitolu jew jekk l-ekwivalenza tal-miżuri doganali tas-sigurtà fil-Partijiet Kontraenti ma tistax tiġi iktar żgurata, wara konsultazzjonjiet fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE u biss għall-ambitu u għad-durata strettament neċessarja sabiex titranġa s-sitwazzjoni, Parti Kontraenti oħra tista' tisospendi parzjalment jew kompletament l-applikazzjoni tad-dispożizzjonjiet ta' dan il-Kapitolu jew tieħu miżuri xierqa. Artikoli 112 sa 114 tal-Ftehim għandhom jgħoddu mutatis mutandis.

    2.   Jekk l-ekwivalenza tal-miżuri doganali tas-sigurtà ma tistax tiġi iktar żgurata minħabba li ma jkunux ġew deċiżi l-emendi msemmijin fl-Artikolu 9h(3), l-applikazzjoni ta' dan il-Kapitolu tiġi sospiża fid-data meta l-leġiżlazzjoni tal-Komunità kkonċernata hija applikata, sakemm il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE, wara li jkun eżamina l-miżuri biex tinżamml-aplikazzjoni tiegħu, jiddeċiedi mod ieħor.

    Artikolu 9j

    Projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet fuq importazzjonijiet, esportazzjonijiet jew oġġetti fi transitu

    Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu m'għandhomx ikunu ostaklu għall-projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet fuq importazzjonijiet, esportazzjonijiet jew oġġetti fi transitu introdotti mill-Partijiet Kontraenti jew mill-Istati Membri tal-Komunità u ġġustifikati għal raġunijiet ta' moralità pubblika, politika pubblika u sigurtà pubblika, raġunijiet ta' protezzjoni tas-saħħa u ta' ħajja umana, ta' ħajja tal-annimali jew tal-pjanti u tal-ambjent, raġunijiet ta' protezzjoni ta' teżori nazzjonali li jkollhom valur artistiku, storiku jew arkeoloġiku, jew ta' protezzjoni ta' proprjetà industrijali u kummerċjali.

    Artikolu 9k

    Il-kompetenzi tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA

    F'każijiet li jirrigwardaw l-applikazzjoni ta' dan il-Kapitolu u l-Annessi I u II ta' dan il-Protokoll, l-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA għandha, qabel ma taġixxi, tniedi l-konsultazzjonijiet f'konformità mal-Artikolu 109(2) tal-Ftehim.

    Artikolu 9l

    Annessi

    L-Annessi mehmuża ma' dan il-Protokoll għandhom jagħmlu parti integrali minnu.”

    3)

    Għandhom jiżdiedu l-Annessi li ġejjin:

    ANNESS I

    DIKJARAZZJONIJIET SOMMARJI TA' DĦUL U TA' ĦRUĠ

    Artikolu 1

    Il-forma u l-kontenut tad-dikjarazzjoni sommarja ta' dħul jew ta' ħruġ

    1.   Id-dikjarazzjoni fil-qosor ta' dħul jew ta' ħruġ għandha tiġi ppreżentata permezz ta’ teknika ta’ pproċessar ta’ data elettronika. Tista' tintuża dokumentazzjoni kummerċjali, portwali jew tat-trasport, kemm-il darba din tipprovdi d-dettalji neċessarji.

    2.   Id-dikjarazzjoni sommarja ta' dħul u ta' ħruġ għandu jkollha data prevista għal din id-dikjarazzjoni fl-Anness 30A tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta' Lulju 1993 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Kommunitarju (1). Id-dikjarazzjoni għandha tiġi mimlija skont in-noti ta' spjegazzjoni li jinsabu f'dak l-Anness. Id-dikjarazzjoni sommarja għandha tkun awtentikata mill-persuna li tagħmilha.

    3.   L-awtoritajiet doganali għandhom jippermettu l-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni fil-qosor ta' dħul fuq il-karta jew kull proċedura oħra li tibdilha kif hemm miftiehem bejn l-awtoritajiet doganali, f’waħda minn dawn iċ-ċirkostanzi biss:

    (a)

    fejn is-sistema kompjuterizzata tal-awtoritajiet doganali ma tkunx qed taħdem;

    (b)

    fejn l-applikazzjoni elettronika tal-persuna li qed tippreżenta d-dikjarazzjoni fil-qosor ma tkunx qed taħdem,

    sakemm l-awtoritajiet doganali japplikaw l-istess livell ta' ġestjoni tar-riskju bħal dak applikat għal dikjarazzjonjiet sommarji ta' dħul u ta' ħruġ magħmula permezz ta' teknika tal-ipproċessar tad-data.

    Id-dikjarazzjoni fil-qosor ta' dħul jew ta' ħruġ bil-miktub għandha tkun iffirmata mill-persuna li tagħmilha. Dikjarazzjonijiet fil-qosor ta' dħul jew ta' ħruġ bil-miktub bħal dawn għandhom jiġu akkumpanjati, kull fejn ikun meħtieġ, b’listi ta’ tagħbija jew listi xierqa oħra, u għandu jkun fihom it-tagħrif imsemmifil-paragrafu 2.

    4.   Kull Parti Kontraenti għandha tiddefinixxi l-kondizzjonjiet u l-proċeduri li skonthom il-persuna li tippreżenta d-dikjarazzjoni sommarja ta' dħul u ta' ħruġ tista' tbiddel waħda jew iktar tad-dettalji tad-dikjarazzjoni wara li tippreżentaha lill-awtoritajiet doganali.

    Artikolu 2

    Eżenzjonijiet mill-obbligu għall-ippreżentar tad-dikjarazzjoni sommarja ta' dħul u ta' ħruġ

    1.   Dikjarazzjoni sommarja ta' dħul jew ta' ħruġ m'hijiex meħtieġa għal dawn il-beni li ġejjin:

    (a)

    l-enerġija elettrika;

    (b)

    l-oġġetti li jidħlu jew joħorġu permezz ta' pajpijiet;

    (c)

    ittri, kartolini u materjal stampat, inkluż fuq mezzi elettroniċi;

    (d)

    merkanzija ttrasportata skont ir-regoli tal-Konvenzjoni tal-Unjoni Postali Universali;

    (e)

    l-oġġetti li għalihom hi awtorizzata dikjarazzjoni doganali verbali jew bi qsim sempliċi tal-fruntiera, skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti mill-Partijiet Kontraenti minbarra pallets, kontenituri u l-mezzi ta' trasport fit-toroq, bil-ferrovija, bl-ajru, fuq il-baħar u fix-xmajjar użati fil-qafas ta' kuntratt ta' trasport;

    (f)

    l-oġġetti li jinsabu fil-bagalji personali ta' min jivjaġġa;

    (g)

    l-oġġetti koperti mill-carnets ATA u CPD;

    (h)

    merkanzija intitolata għall-eżenzjoni skont il-Konvenzjoni ta' Vienna dwar Relazzjonijiet Diplomatiċi tat-18 ta' April 1961, il-Konvenzjoni ta' Vienna ta' relazzjonijiet konsulari tal-24 ta' April 1963 jew konvenzjonijiet Konsulari oħra, jew il-Konvenzjoni ta' New York tas-16 ta' Diċembru 1969 dwar Missjonijiet Speċjali;

    (i)

    armi u tagħmir militari mdaħħal jew maħruġ mit-territorju doganali ta' Parti Kontraenti mill-awtoritajiet inkarigati mid-difiża militari tal-Partijiet Kontraenti, fit-trasport militari jew trasport operat għall-użu esklussiv tal-awtoritajiet militari;

    (j)

    l-oġġeti li ġejjin li jiddaħlu jew jinħarġu mit-territorju doganali tal-Parti Kontraenti direttament għal jew minn pjattaforma tat-tfittix jew tal-produzzjoni taż-żejt operata minn persuna stabbilita fit-territorju doganali tal-Parti Kontraenti:

    l-oġġetti li kienu inkorporati f'dawn il-pjattaformi, għall-għanijiet tal-kostruzzjoni, it-tiswija, il-manutenzjoni jew il-konverżjoni tagħhom;

    oġġetti li ġew użati biex jeħlu jew jekwipaġġaw l-imsemmijin pjattaformi; dispożizzjonijiet oħra użati jew ikkunsmati fuq il-pjattaformi msemmija; u prodotti ta' skart mhux perikoluż mill-pjattaformi msemmija;

    (k)

    oġġetti li jinsabu fil-kunsinji u li l-valur tagħhom ma jaqbiżx EUR 22 bil-kondizzjoni li l-awtoritajiet doganali jaċċettaw, flimkien ma' qbil tal-operatur ekonomiku, li jwettqu analiżi ta' riskji billi jużaw l-informazzjoni li tinsab fi, jew li hi pprovduta minn, sistema użata mill-operatur ekonomiku;

    (l)

    oġġetti trasportati koperti bil-formola 302 ipprovduta fil-Konvenzjoni bejn il-Partjiet għat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana fir-rigward tal-Istatus tal-Forzi tagħhom, iffirmata f'Londra fid-19 ta' Ġunju 1951.

    2.   M'għandhiex tkun meħtieġa dikjarazzjoni sommarja ta' dħul jew ta' ħruġ fil-każijiet previsti minn ftehimiet internazzjonali bejn Parti Kontraenti u pajjiż terz fil-qasam tas-sigurtà, suġġetta għall-proċedura prevista fl-Artikolu 9(3) ta' dan il-Protokoll.

    3.   M'għandhiex tkun meħtieġa dikjarazzjoni sommarja ta' dħul jew ta' ħruġ fil-każijiet previsti mill-punt (j) tal-Artikolu 181c, mill-punt (j) tal-Artikolu 592a u mill-punt (b) tal-Artikolu 842a(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93.

    Artikolu 3

    Il-post fejn għandha tiġi ppreżentata d-dikjarazzjoni sommarja ta' dħul jew ta' ħruġ

    1.   Id-dikjarazzjoni sommarja ta' dħul għandha tkun ippreżentata fl-awtorità kompetenti tal-Parti Kontraenti fit-territorju doganali fejn kienu introdotti l-oġġetti li ġejjin minn pajjiżi terzi. Fuq il-bażi tad-data inkluża fid-dikjarazzjoni, dak l-uffiċċju doganali għandu jagħmel analiżi tar-riskju kif ukoll kontrolli doganali tas-sigurtà li huma meqjusa neċessarji, inklużi meta l-oġġetti huma intiżi għall-Parti Kontraenti l-oħra.

    2.   Id-dikjarazzjoni sommarja ta' ħruġ għandha tkun ippreżentata fl-awtorità kompetenti tal-Parti Kontraenti fit-territorju doganali fejn kienu introdotti l-oġġetti li ġejjin minn pajjiżi terzi. Madankollu, id-dikjarazzjoni doganali ta' esportazzjoni użata bħala dikjarazzjoni sommarja ta' ħruġ għandha tkun ippreżentata fl-awtorità kompetenti tal-parti Kontraenti fit-territorju doganali fejn kienu mwettqa l-formalitajiet ta' esportazzjoni li sejrin f'pajjiżi terzi. dak luffiċċju kompetenti għandu jagħmel analiżi tar-riskju fuq il-bażi tad-data inkluża fid-dikjarazzjoni kif ukoll il-kontrolli doganali tas-sigurtà li huma meqjusa neċessarji.

    3.   Meta l-oġġetti jitilqu mit-territorju doganali ta' Parti Kontraenti u jmorru f'pajjiż terz billi jaqsmu t-territorju doganali tal-Parti Kontraenti l-oħra, id-data msemmija fl-Artikolu 1(2), għandha tkun mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti tal-ewwel Parti Kontraenti lill-awtoritajiet kompetenti tat-tieni Parti Kontraenti. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jistinkaw sabiex jistabbilixxu konnessjoni bl-għan li jużaw sistema komuni ta' trażmissjoni tad-data, li fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tiċċertifika l-ħruġ tal-oġġetti inkwistjoni.

    Madanakollu, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista' jiddetermina każijiet meta t-trażmissjoni tad-data mhix meħtieġa sakemm tali każijiet ma jippreġudikawx il-livell ta' sigurtà li huwa garantit b'dan il-Protokoll.

    Fil-każ li l-Partijiet Kontraenti ma jkunux jistgħu jwettqu t-trażmissjoni tad-data msemmija fis-subparagrafu 1 fid-data tal-applikazzjoni ta' dan il-Protokoll, id-dikjarazzjoni sommarja ta' ħruġ tal-oġġetti li jitilqu minn Parti Kontraenti u li sejrin f'pajjiż terz billi jaqsmu t-territorju doganali tal-Parti Kontraenti oħra, minbarra t-traffiku tal-ajru dirett, għandha tiġi ppreżentata biss fl-awtorità kompetenti ta' din it-tieni Parti Kontraenti.

    Artikolu 4

    Termini ta' skadenza għall-ippreżentar tad-dikjarazzjoni sommarja ta' dħul u ta' ħruġ

    1.   It-termini ta' skadenza għall-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni sommarja ta' dħul jew ta' ħruġ għandhom ikunu dawk imsemmija fl-Artikoli 184a et 592b tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93.

    2.   Suġġett għall-proċedura msemmija fl-Artikolu 9b (3) tal-Protokoll, it-termini ta' skadenza msemmijin fl-ewwel paragrafu ma għandhomx japplikaw fejn jiġi previst mod ieħor fil-ftehimiet internazzjonali dwar is-sigurtà bejn il-Partijiet Kontraenti u l-pajjiżi terzi.

    ANNESS II

    OPERATURI EKONOMIĊI AWTORIZZATI

    TITOLU I

    L-għotja tal-istatus ta’ operatur eknomiku awtorizzat

    Artikolu 1

    Dispożizzjonijiet ġenerali

    1.   Il-kriterji dwar l-għotja tal-istatus ta' operatur ekonomiku awtorizzat għandhom jinkludu:

    (a)

    rekord xieraq ta' konformità mar-rekwiżiti doganali;

    (b)

    sistema sodisfaċenti ta' amministrazzjoni ta' rekords kummerċjali u, fejn applikabbli, rekords ta' trasport, li tippermetti kontrolli doganali adegwati;

    (c)

    fejn ikun xieraq, prova ta' solvenza finanzjarja; u

    (d)

    fejn applikabbli, standards ta' sigurtà xierqa.

    2.   Kull Parti Kontraenti tiddetermina l-proċedura tat-talba u tal-għotja tal-istatus ta' operatur ekonomiku awtorizzat, kif ukoll l-effetti ġuridiċi ta' dan l-istatus.

    3.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet doganali tagħhom jikkontrollaw li l-kondizzjonjiet u l-kriterji kollha għall-għoti tal-istatus jiġu rispettati mill-operatur ekonomiku awtorizzat u għandhom jirreveduwhom f'każ ta' emenda importanti għal-leġiżlazzjoni kkonċernata jew meta jitfaċċaw ċirkostanzi ġodda, li joħolqu suspett raġonevoli fl-opinjoni tal-awtoritajiet li l-operatur m'għadux jikkonforma ruħu mal-kondizzjonjiet u l-kriterji kkonċernati.

    Artikolu 2

    Rekord ta’ konformità

    1.   Ir-rekords fir-rigward tal-konformità mar-rekwiżiti doganali għandhom jitqiesu bħala sodisfaċenti jekk, matul l-aħħar tliet snin qabel l-ippreżentar tat-talba, ma sar l-ebda ksur serju jew ma sarx ksur ripetut tar-regoli doganali minn kwalunkwe minn dawn il-persuni:

    (a)

    l-applikant;

    (b)

    il-persuni responsabbli għall-kumpanija tal-applikant jew li jeżerċitaw kontroll fuq il-ġestjoni tagħha;

    (c)

    jekk aplikabbli, ir-rappreżentant legali tal-applikant għall-kwistjonijiet doganali;

    (d)

    il-persuna responsabbli għal kwistjonijiet doganali fil-kumpanija tal-applikant.

    2.   Madankollu, ir-rekord tal-konformità mar-rekwiżiti doganali jista’ jitqies xieraq jekk l-awtorità kompetenti tqis kwalunkwe ksur bħala wieħed ta’ importanza negliġibbli, meta mqabbel man-numru jew id-daqs tal-operazzjonijiet marbuta mad-dwana, u li ma joħolqux dubji dwar l-affidabbiltà tal-applikant.

    3.   Jekk il-persuni li jeżerċitaw kontroll fuq il-kumpanija tal-applikant ikunu stabbiliti jew residenti f’pajjiż terz, l-awtoritajiet doganali għandhom jivvalutaw il-konformità tagħhom mar-rekwiżiti doganali fuq il-bażi ta’ reġistri u informazzjoni disponibbli.

    4.   Jekk l-applikant kien stabbilit għal inqas minn tliet snin, l-awtoritajiet doganali għandhom jivvalutaw il-konformità tiegħu mar-rekwiżiti doganali fuq il-bażi tar-reġistri u l-informazzjoni disponibbli.

    Artikolu 3

    Sistema effiċjenti tal-ġestjoni tar-reġistri kummerċjali u tat-trasport

    Sabiex l-awtoritajiet doganali jkunu jistgħu jistabbilixxu li l-applikant għandu sistema effiċjenti tal-ġestjoni tar-reġistri kummerċjali u, fejn hu xieraq, dawk tat-trasport, l-applikant għandu jissodisfa dawn ir-rekwiżiti li ġejjin:

    (a)

    juża sistema ta’ kontabilità li hija kompatibbli mal-prinċipji tal-kontabilità aċċettati b’mod ġenerali u applikati fil-post fejn tinżamm il-kontabilità u li tiffaċilita l-kontroll doganali permezz ta' verifiki;

    (b)

    jippermetti li l-awtorità doganali jkollha aċċess fiżiku jew elettroniku għar-reġistri doganali tiegħu u, fejn hu xieraq, għal dawk tat-trasport;

    (c)

    ikollu organizzazzjoni amministrattiva li tikkorrispondi mat-tip u d-daqs tan-negozju li hija xierqa għall-ġestjoni tal-fluss tal-merkanzija, u jkollu kontrolli interni li jkunu kapaċi jindividwaw operazzjonjiet illegali jew irregolari;

    (d)

    fejn hu applikabbli, ikollu proċeduri sodisfaċenti ta' ġestjoni tal-liċenzji u tal-awtorizzazzjonijiet ta' importazzjoni u/jew ta' esportazzjoni;

    (e)

    ikollu proċeduri sodisfaċenti tal-arkivjar tar-reġistri u tal-informazzjoni tal-impriża u tal-protezzjoni kontra t-telf tad-data;

    (f)

    jiżgura li l-impjegati jkunu konxji tal-ħtieġa li l-awtoritajiet doganali jkunu informati fil-każ ta' diffikultajiet ta' konformità mar-rekwiżiti u jistabbilixxu kuntatti xierqa biex jinfurmaw l-awtoritajiet doganali meta jseħħu sitwazzjonijiet bħal dawn;

    (g)

    ikun ħa miżuri adattati tas-sigurtà tat-teknoloġija tal-informazzjoni biex jipproteġi s-sistema tal-kompjuter tal-applikant minn indħil mhux awtorizzat u jiżgura d-dokumentazzjoni tal-applikant.

    Artikolu 4

    Solvibilità finanzjarja

    1.   Għall-għanijiet ta’ dan l-Artikolu, is-soluzzjoni finanzjarja għandha tfisser sitwazzjoni finanzjarja tajba, li hija biżżejjed biex l-applikant ikun jista' jissodisfa l-obbligi tiegħu, b'kunsiderazzjoni tal-karatteristiċi tat-tip tal-attività kummerċjali.

    2.   Il-kondizzjoni dwar is-solvabilità finanzjarja tal-applikant hi meqjusa sodisfaċenti jekk din is-tista' tkun attestata għall-aħħar tliet snin.

    3.   Jekk l-applikant ilu stabbilit għal inqas minn tliet snin, is-solvenza finanzjarja tiegħu għandha tkun iġġudikata abbażi tar-rekords u tal-informazzjoni li huma disponibbli.

    Artikolu 5

    Standards ta' sigurtà u sikurezza

    1.   L-istandards ta' sigurtà u sikurezza tal-applikant huma meqjusa bħala sodisfaċenti jekk dawn il-kondizzjonijiet li ġejjin huma sodisfatti:

    (a)

    il-bini użat fil-qafas tal-operazzjonijiet koperti miċ-ċertifikat ikunu mibnija minn materjal li jiflaħ għal attentati ta’ dħul illegali u jipprovdi protezzjoni kontra dħul illegali;

    (b)

    l-eżistenza ta' miżuri adattati ta' kontroll kontra l-aċċess mhux awtorizzat f’żoni merkantili, il-mollijiet tat-tagħbija u ż-żoni tat-trasport għall-merkanzija;

    (c)

    il-miżuri dwar l-immaniġġjar tal-oġġetti jinkludu l-protezzjoni kontra l-introduzzjoni, is-sostituzzjoni jew it-telf ta’ materjal u l-bidla tal-unitajiet tal-merkanzija;

    (d)

    fejn japplika, ikunu stabbiliti proċeduri għall-immaniġġjar tal-liċenzji tal-importazzjoni u/jew tal-esportazzjoni marbuta mal-projbizzjonijiet u mar-restrizzjonijiet u biex din il-merkanzija tingħaraf minn merkanzija oħra;

    (e)

    l-operatur ekonomiku jkun implimenta miżuri li jippermettu identifikazzjoni ċara tas-sħab kummerċjali tiegħu sabiex jiżgura l-katina internazzjonali tal-forniment;

    (f)

    l-applikant iwettaq, safejn tippermetti l-leġiżlazzjoni, stħarriġ ta’ sigurtà dwar impjegati eventwali futuri mitluba li jaħdmu f’pożizzjonijiet sensittivi fir-rigward tas-sigurtà; u jipproċedi għall-kontroll perjodiku tar-rekords tagħhom;

    (g)

    l-applikant jiżgura li l-persunal ikkonċernat jieħu sehem b'mod attiv fi programmi ta’ kuxjenza rigward il-kwistjonijiet ta' sigurtà.

    2.   Jekk l-applikant, stabbilit fil-Partijiet Kontraenti, ikun detentur ta’ ċertifikat ta' sigurtà u/jew tas-sikurezza rikonoxxut fuq livell internazzjonali, maħruġ fuq il-bażi ta’ konvenzjonijiet internazzjonali, ta’ ċertifikat tas-sigurtà u/jew tas-sikurezza Ewropew maħruġ fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni Komunitarja, ta’ Standard Internazzjonali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni, jew ta’ Standard Ewropew tal-entitajiet Ewropej għall-istandardizzazzjoni, jew ta' kwalunkwe ċertifikat ieħor rikonoxxut, il-kriterji previsti fil-paragrafu 1 għandhom jitqiesu li ġew sodisfatti safejn il-kriterji għall-għotja ta' dawn iċ-ċertifikati jkunu identiċi jew jikkorisspondu ma’ dawk stabbiliti f'dan l-Anness.

    TITOLU II

    L-għoti ta' iffaċilitar lil operaturi ekonomiċi awtorizzati

    Artikolu 6

    L-għoti ta' iffaċilitar lil operaturi ekonomiċi awtorizzati

    L-awtoritajiet doganali għandhom jagħtu l-faċilitazzjonijiet li ġejjin lill-operatur ekonomiku awtorizzat:

    l-uffiċċju doganali kompetenti jista' qabel ma jaslu l-oġġetti fit-territorju doganali jew qabel ma jitilqu minnu, jinnotifika lill-operatur ekonomiku awtorizzat meta, bħala riżultat ta' analiżi ta' sigurtà u sikurezza, il-konsinja ġiet magħzula għal kontroll fiżiku ulterjuri. Din in-notifika għandha tingħata biss fejn ma tikkompromettix il-kontroll li għandu jsir. L-awtoritajiet doganali jistgħu madankollu jipproċedu għall-kontroll fiżiku anke meta operatur ekonomiku awtorizzat ma kienx infurmat minn qabel;

    operatur ekonomiku awtorizzat jista' jippreżenta dikjarazzjonjiet sommarji ta' dħul u ta' ħruġ li fihom rekwiżiti ta' data mnaqqsa msemmijin fl-Anness 30A tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93; madankollu, meta l-operatur ekonomiku awtorizzat ikun trasportatur, kummissarju tat-trasport jew kummissarju tad-dwana, hu ma jibbenefikax minn dawn ir-rekwiżiti mnaqqsa ħlief jekk hu implikat fl-importazzjoni jew l-esportazzjoni tal-oġġetti f'isem operatur ekonomiku awtorizzat;

    operatur ekonomiku awtorizzat għandu jiġi suġġett għal inqas kontrolli fiżiċi u dawk bbażati fuq id-dokumenti minn operaturi ekonomiċi oħra. L-awtoritajiet doganali jistgħu jiddeċiedu mod ieħor sabiex iqisu theddida speċifika, jew obligazzjonijiet ta’ kontroll stipulati f’leġiżlazzjoni oħra;

    meta, wara analiżi tar-riskju, l-awtorità doganali kompetenti xorta waħda tagħżel konsenja koperta minn dikjarazzjoni fil-qosor ta' dħul jew ta' ħruġ jew minn dikjarazzjoni doganali ddepożitata minn operatur ekonomiku awtorizzat għal eżami ulterjuri, għandha twettaq il-kontrolli meħtieġa bi prijorità. Jekk l-operatur ekonomiku awtorizzat jitlob l-istess, u suġġett għall-ftehim mal-awtorità doganali kkonċernata, dawn il-kontrolli jistgħu jsiru f’post li huwa differenti mill-post tal-uffiċċju doganali involut.

    TITOLU III

    Is-sospensjoni u r-revoka tal-istatus ta’ operatur eknomiku awtorizzat

    Artikolu 7

    Sospensjoni tal-istatus

    1.   L-awtorità doganali li toħroġ iċ-ċertifikat għandha tissospendi l-istatus ta’ operatur ekonomiku awtorizzat fil-każijiet li ġejjin:

    (a)

    fejn jiġi skopert nuqqas ta’ konformità mal-kondizzjonijiet jew kriterji għall-għoti tal-istatus;

    (b)

    meta l-awtoritajiet doganali jkollhom raġunijiet biżżejjed biex jemmnu li twettaq att mill-operatur ekonomiku awtorizzat li jwassal għal proċedimenti f'qorti kriminali u li hu marbut ma’ ksur tar-regoli doganali;

    (c)

    fuq talba ta' operatur ekonomiku awtorizzat, meta hu jkun temporanjament inkapaċi li jissodisfa l-kondizzjonjiet jew il-kriterji għall-għoti tal-istatus.

    2.   Fil-każ imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 1, l-awtorità doganali tista’ tiddeċiedi biex ma tissospendix l-istatus ta’ operatur ekonomiku awtorizzat jekk tqis li l-ksur huwa wieħed ta’ importanza negliġibbli, meta mqabbel man-numru jew id-daqs tal-operazzjonijiet b’rabta doganali, u ma toħloqx dubji dwar ir-rieda tajba tal-operatur ekonomiku awtorizzat.

    3.   Is-sospensjoni għandha tidħol fis-seħħ minnufih meta jkun hekk meħtieġ minħabba t-tip jew il-livell tat-theddida lis-sigurtà u lis-sikurezza taċ-ċittadini, lis-saħħa pubblika jew lill-ambjent.

    4.   Is-sospensjoni m'għandhiex ikollha impatt fuq il-proċedura doganali li tkun diġà bdiet qabel id-data tas-sospensjoni u li tkun għadha għaddejja.

    5.   Kull Parti Kontraenti għandhom jiddeterminaw il-perijodu ta' sospensjoni li jippermetti lill-operatur ekonomiku awtorizzat sabiex jirregolarizza s-sitwazzjoni tiegħu.

    6.   Meta l-operatur ekonomiku konċernat jkun ħa, għas-sodisfazzjoni tal-awtoritajiet doganali, il-miżuri meħtieġa sabiex ikun konformi mal-kondizzjonijiet u l-kriterji li għandhom ikunu rispettati minn kull operatur ekonomiku awtorizzat, l-awtorità doganali li toħroġ iċ-ċertifikat tirtira s-sospensjoni.

    Artikolu 8

    Revoka tal-istatus

    1.   L-awtorità doganali li toħroġ iċ-ċertifikat għandha tissospendi l-istatus ta’ operatur ekonomiku awtorizzat fil-każijiet li ġejjin:

    (a)

    l-operatur eknomiku awtorizzat wettaq ksur serju marbut mar-regoli doganali u ma hemmx dritt ulterjuri ta’ appell;

    (b)

    meta l-operatur eknomiku awtorizzat jonqos milli jieħu l-miżuri meħtieġa matul il-perjodu tas-sospensjoni msemmi fl-Artikolu 7(5);

    (c)

    fuq talba tal-operatur eknomiku awtorizzat.

    2.   Fil-każ imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 1, l-awtorità doganali tista’ tiddeċiedi biex ma tissospendix l-istatus ta’ operatur ekonomiku awtorizzat jekk tqis li l-ksur huwa wieħed ta’ importanza negliġibbli, meta mqabbel man-numru jew id-daqs tal-operazzjonijiet b’rabta doganali, u ma toħloqx dubji dwar il-bona fide tal-operatur ekonomiku awtorizzat.

    3.   Ir-revoka għandha tieħu effett mill-jum wara n-notifika tagħha.

    TITOLU IV

    Skambju ta’ informazzjoni

    Artikolu 9

    Skambju ta’ informazzjoni

    Il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet doganali tal-Istat relevanti tal-EFTA għandhom, fuq bażi regolari, jiskambjaw id-data li ġejja li tikkonċerna l-identità tal-operaturi ekonomiċi awtorizzati:

    (a)

    In-Numru ta' Identifikazzjoni tal-Kummerċjant (NIK) f'format kompatibbli mal-leġiżlazzjoni dwar ir-Reġistrazzjoni u Identifikazzjoni tal-Operatur Ekonomiku (RIOE);

    (b)

    l-isem u l-indirizz tal-operatur ekonomiku awtorizzat;

    (c)

    in-numru tad-dokument li bih kien mogħti l-istatus ta' operatur ekonomiku awtorizzat;

    (d)

    l-istatus attwali (validu, sospiż, revokat);

    (e)

    il-perjodi meta l-istatus kien midbul;

    (f)

    id-data meta ċ-ċertifikat jidħol fis-seħħ;

    (g)

    l-awtorità li ħarġet iċ-ċertifikat.


    (1)  ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1.


    Top