Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0560

    2009/560/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 22 ta' Lulju 2009 li tapprova ċerti programmi emendati għall-qerda u l-monitoraġġ ta’ mard tal-annimali u ż-żoonożi għas-sena 2009 u li temenda d-Deċiżjoni 2008/897/KE fir-rigward tar-riallokazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità lil ċerti Stati Membri għal programmi approvati minn dik id-Deċiżjoni (notifikata bid-dokument numru C(2009) 5475)

    ĠU L 194, 25.7.2009, p. 56–59 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/560/oj

    25.7.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 194/56


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-22 ta' Lulju 2009

    li tapprova ċerti programmi emendati għall-qerda u l-monitoraġġ ta’ mard tal-annimali u ż-żoonożi għas-sena 2009 u li temenda d-Deċiżjoni 2008/897/KE fir-rigward tar-riallokazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità lil ċerti Stati Membri għal programmi approvati minn dik id-Deċiżjoni

    (notifikata bid-dokument numru C(2009) 5475)

    (2009/560/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej,

    Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (1),u b’mod partikulari l-Artikolu 24(5) u (6) u l-Artikoli 25(1) u (2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Id-Deċiżjoni 90/424/KEE tistipula l-proċeduri li jirregolaw il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għal programmi għall-qerda, il-kontroll u l-monitoraġġ tal-mard tal-annimali u ż-żoonożi.

    (2)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/897/KE tat-28 ta’ Novembru 2008 li tapprova programmi nazzjonali annwali u pluriannwali u l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għall-eradikazzjoni, il-kontroll u l-monitoraġġ ta’ ċertu mard tal-annimali u żoonożi, ippreżentati mill-Istati Membri għall-2009 u s-snin ta’ wara (2) tapprova ċerti programmi nazzjonali u tistabbilixxi r-rata u l-ammont massimu tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għal kull programm ippreżentat mill-Istati Membri.

    (3)

    Il-Belġju, id-Danimarka, l-Irlanda, Spanja, Franza, il-Latvja, il-Litwanja, l-Olanda, il-Portugall u l-Finlandja ppreżentaw il-programmi emendati għall-qerda u l-monitoraġġ tad-deni katarrali (bluetongue).

    (4)

    Il-Kummissjoni evalwat dawn il-programmi emendati kemm mil-lat veterinarju kif ukoll mil-lat finanzjarju. Instab li dawn il-programmi huma konformi mal-leġiżlazzjoni veterinarja Kommunitarja rilevanti u b’mod partikolari mal-kriterji stabbiliti fid-Deċiżjoni 2008/341/KE tal-25 ta’ April 2008 li tistabbilixxi l-kriterji Komunitarji għal programmi nazzjonali għall-qerda, il-kontroll u l-monitoraġġ ta’ ċertu mard tal-annimali u żoonożi (3). Dawn il-programmi emendati għandhom għalhekk jiġu approvati.

    (5)

    Id-Danimarka, Spanja, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Olanda, il-Portugall, il-Finlandja u r-Renju Unit ippreżentaw il-programmi emendati għall-monitoraġġ tal-enċefalopatiji sponġiformi trasmissibbli (EST).

    (6)

    Il-Kummissjoni evalwat dawn il-programmi emendati kemm mil-lat veterinarju kif ukoll mil-lat finanzjarju. Instab li dawn il-programmi jikkonformaw mal-leġislazzjoni veterinarja Komunitarja rilevanti u b’mod partikolari mal-kriterji stabbiliti fid-Deċiżjoni 2008/341/KE. Dawn il-programmi emendati għandhom għalhekk jiġu approvati.

    (7)

    Programm multiannwali għall-qerda tar-rabja ġie approvat għas-Slovenja mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/782/KE tat-30 ta’ Novembru 2007 li tapprova programmi nazzjonali annwali u multiannwali u l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għall-qerda, kontroll u sorveljanza ta’ ċertu mard u żoonożi fl-annimali, ippreżentati mill-Istati Membri għall-2008 u snin ta’ wara (4). It-tieni sena ta’ dan il-programm ġiet approvata mid-Deċiżjoni 2008/897/KE.

    (8)

    Is-Slovenja ppreżentat verżjoni emendata tal-programm għat-tieni sena tal-programm multiannwali tagħha għall-qerda tar-rabja. Il-Kummissjoni evalwat dan il-programm emendat kemm mil-lat veterinarju kif ukoll mil-lat finanzjarju. Instab li dan il-programm jikkonforma mal-leġislazzjoni veterinarja Komunitarja rilevanti u b’mod partikolari mal-kriterji stabbiliti fid-Deċiżjoni 2008/341/KE. Dan il-programm emendat għandu għalhekk jiġi approvat.

    (9)

    Il-programmi nazzjonali għall-qerda u l-monitoraġġ tad-deni katarrali li kienu approvati mid-Deċiżjoni 2008/897/KE kienu jinkludu l-kampanji tat-tilqim kontra din il-marda fl-2009. Madankollu, l-ispejjeż tal-għoti tat-tilqima ma kinux inklużi mal-ispejjeż li huma eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mingħand il-Komunità.

    (10)

    Minħabba s-sitwazzjoni epidemjoloġika fl-Istati Membri kkonċernati, huwa xieraq li jiġu inklużi l-ispejjeż tal-għoti tat-tilqima mal-ispejjeż li huma eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mingħand il-Komunità. Għalhekk huwa xieraq li jkunu allokati iżjed fondi għall-finanzjament tal-programmi għall-qerda u l-monitoraġġ tad-deni katarrali f’dawk l-Istati Membri li ġew approvati mid-Deċiżjoni 2008/897/KE.

    (11)

    Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001 li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (5), kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 103/2009 (6), jistipula li għandu jkun hemm konformità ma’ kundizzjonijiet iżjed stretti fil-każ ta’ merħliet li jipproduċu l-ħalib infettati bl-iscrapie klassika.

    (12)

    Fit-18 ta’ Marzu 2009 Ċipru ppreżenta programm ġdid multiannwali għall-monitoraġġ u l-qerda tal-iscrapie, addattat għal dik l-aħħar emenda tar-Regolament (KE) Nru 999/2001. Dan il-programm ser isir flok il-programm nazzjonali għall-qerda tal-iscrapie li kien ġie approvat għal dan l-Istat Membru għall-2009 mid-Deċiżjoni 2008/897/KE.

    (13)

    Minħabba din is-sitwazzjoni eċċezzjonali, fil-programm tiegħu, Ċipru talab li jieħu partiċipazzjoni finanzjarja ta’ iżjed minn 50 fil-mija tal-ispejjeż involuti għat-tbiċċir tal-annimali li jkunu infettati bl-iscrapie. Il-Kummissjoni evalwat dan il-programm kemm mil-lat veterinarju kif ukoll mil-lat finanzjarju. Instab li dan il-programm jikkonforma mal-leġislazzjoni veterinarja Komunitarja rilevanti u b’mod partikolari mal-kriterji stabbiliti fid-Deċiżjoni 2008/341/KE. Dan il-programm għandu għalhekk jiġi approvat.

    (14)

    Minħabba l-fatt li hemm proporzjon kbir ta’ merħliet ovini u kaprini li huma infettati bl-iscrapie f’Ċipru, dan l-Istat irid joqtol numru ħafna ikbar mis-soltu f’perjodu ta’ żmien qasir biex jikkonforma mal-kondizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti.

    (15)

    Minħabba din is-sitwazzjoni eċċezzjonali, huwa xieraq li jkun stipulat livell ogħla ta’ kontribuzzjoni Komunitarja għall-programm tal-monitoraġġ u l-qerda tal-iscrapie f’dan l-Istat Membru. Barra minn hekk, l-ispejjeż tal-ħlas tan-nies li jkunu impjegati apposta biex jagħmlu x-xogħol involut fil-programm, u l-ispejjeż li jsiru biex jinqerdu l-karkassi, għandhom jiżdiedu mal-ispejjeż li huma eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja għal dan il-programm.

    (16)

    L-approvazzjoni tal-programmi emendati minn din id-Deċiżjoni għandha impatt fuq l-ammonti meħtieġa biex isiru l-programmi, kif approvati skont id-Deċiżjoni 2008/897/KE. L-ammont massimu tal-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja għal ċerti programmi għandu jiġi aġġustat skont dan.

    (17)

    Id-Deċiżjoni 2008/897/KE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan.

    (18)

    Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-programmi emendati għall-monitoraġġ u l-qerda tad-deni katarrali li ġew ippreżentati mil-Belġju fid-29 ta’ Jannar 2009, mid-Danimarka fl-20 ta’ April 2009, mill-Irlanda fis-16 ta’ Frar 2009, minn Spanja fis-6 ta’ Marzu 2009, minn Franza fit-2 ta’ Frar 2009, mil-Latvja fl-20 ta’ Frar 2009, mil-Litwanja fl-20 ta’ Frar 2009, mill-Olanda fit-8 ta’ Diċembru 2008, mill-Portugall fl-20 ta’ Frar 2009 u mill-Finlandja fis-7 ta’ Jannar 2009 huma b’din approvati għall-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2009 u l-31 ta’ Diċembru 2009.

    Artikolu 2

    Il-programmi emendati għall-monitoraġġ tal-enċefalopatiji sponġiformi trasmissibbli li ġew ippreżentati mid-Danimarka fit-18 ta’ Marzu 2009, minn Spanja fis-7 ta’ April 2009, mill-Italja fid-29 ta’ Jannar 2009, mil-Lussemburgu fis-16 ta’ Marzu 2009, mill-Olanda fl-20 ta’ Frar 2009, mill-Portugall fl-4 ta’ Marzu 2009, mill-Finlandja fis-27 ta’ Frar 2009 u mir-Renju Unit fis-26 ta’ Jannar 2009 huma b’din approvati għall-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2009.

    Artikolu 3

    It-tieni sena tal-programm multiannwali għall-eradikazzjoni tar-rabja, kif emendat, ippreżentat mis-Slovenja fit-23 ta’ April 2009 hija b’din approvata għall-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2009 u l-31 ta’ Diċembru 2009.

    Artikolu 4

    Id-Deċiżjoni 2008/897/KE hija emendata kif ġej:

    (1)

    Fl-Artikolu 4, il-paragrafi (2) u (3) inbidlu b’dan li ġej:

    “2.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għandha tkun bir-rata ta’ 50 % tal-ispejjeż imġarrba minn kull Stat Membru msemmi fil-paragrafu 1 għall-ispiża tat-twettiq tat-tilqim, għall-ispejjeż tat-testijiet tal-laboratorju għas-sorveljanza viroloġika, seroloġika u entomoloġika u għal dawk tax-xiri ta’ nases u vaċċini, u ma għandhiex tkun ogħla minn:

    (a)

    EUR 4 450 000 għall-Belġju;

    (b)

    EUR 5 000 għall-Bulgarija;

    (c)

    EUR 2 350 000 għar-Repubblika Ċeka;

    (d)

    EUR 50 000 għad-Danimarka;

    (e)

    EUR 15 700 000 għall-Ġermanja;

    (f)

    EUR 180 000 għall-Estonja;

    (g)

    EUR 800 000 għall-Irlanda;

    (h)

    EUR 50 000 għall-Greċja;

    (i)

    EUR 21 000 000 għal Spanja;

    (j)

    EUR 57 000 000 għal Franza;

    (k)

    EUR 3 000 000 għall-Italja;

    (l)

    EUR 460 000 għal-Latvja;

    (m)

    EUR 0 għal-Litwanja;

    (n)

    EUR 510 000 għal-Lussemburgu;

    (o)

    EUR 1 400 000 għall-Ungerija;

    (p)

    EUR 5 000 għal Malta;

    (q)

    EUR 50 000 għall-Olanda;

    (r)

    EUR 3 350 000 għall-Awstrija;

    (s)

    EUR 500 000 għall-Polonja;

    (t)

    EUR 5 300 000 għall-Portugall;

    (u)

    EUR 250 000 għar-Rumanija;

    (v)

    EUR 910 000 għas-Slovenja;

    (w)

    EUR 820 000 għall-Finlandja;

    (x)

    EUR 1 550 000 għall-Iżvezja;

    3.   L-ispejjeż massimi li għandhom jitħallsu lura lill-Istati Membri għall-programmi msemmija fil-paragrafu 1 bħala medja ma għandhomx jaqbżu:

    (a)

    għal test ELISA EUR 2,5 għal kull test;

    (b)

    għat-test PCR EUR 10 għal kull test;

    (c)

    għax-xiri tal-vaċċini monovalenti EUR 0,3 għal kull doża;

    (d)

    għax-xiri tal-vaċċini bivalenti EUR 0,45 għal kull doża;

    (e)

    għat-tilqima tal-annimali bovini, EUR 1,50 għal kull annimal bovin imlaqqam, irrispettivament min-numru u t-tipi ta’ dożi ta’ vaċċini użati;

    (f)

    għat-tilqima tal-annimali bovini, EUR 0,75 għal kull annimal bovin imlaqqam, irrispettivament min-numru u t-tipi ta’ dożi ta’ vaċċini użati”;

    (2)

    Fl-Artikolu 9(2)(l), l-ammont “EUR 1 800 000” jinbidel b’ “EUR 50 000”,

    (3)

    Fl-Artikolu 13(2)(e), l-ammont “EUR 370 000” jinbidel b’ “EUR 530 000”.

    (4)

    Jiddaħħal l-Artikolu 15a li ġej:

    “Artikolu 15a

    Scrapie

    1.   Il-programm multiannwali għall-monitoraġġ u l-qerda tal-iscrapie ppreżentat minn Ċipru fit-18 ta’ Marzu 2009 huwa b’dan approvat għall-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2009 u l-31 ta’ Diċembru 2010.

    2.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità ser tkun bir-rata ta’:

    (a)

    100 % tal-ispejjeż imġarrba minn Ċipru fit-twettiq ta; testijiet mgħaġġla u t-twettiq tat-testijiet molekulari primarji;

    (b)

    75 % tal-ispejjeż imġarrba minn Ċipru biex jingħata kumpens lis-sidien għall-valur tal-annimali li kellhom jinqatlu u jinqerdu skont il-programm tiegħu għall-monitoraġġ u l-qerda tal-iscrapie;

    (c)

    50 % tal-ispejjeż għal:

    (i)

    l-analiżi tal-kampjuni għad-determinazzjoni tal-ġenotipi;

    (ii)

    ix-xiri tal-preparazzjonijiet li jintużaw għall-ewtanizzar tal-annimali;

    (iii)

    il-persunal impjegat speċifikament biex iwettaq ix-xogħol fi ħdan il-programm;

    (iv)

    Il-qerda tal-karkassi.

    3.   L-ispejjeż massimi li għandhom jitħallsu lura lil Cipru għall-programm imsemmi fil-paragrafu 1 bħala medja ma għandhomx jaqbżu:

    (a)

    EUR 30 għal kull test imwettaq fuq l-annimali ovini u kaprini msemmija fit-Tieni Parti tal-Kapitolu A tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 999/2001;

    (b)

    EUR 175 għal kull test, molekulari primarju diskriminatorju mewttaq kif imsemmi fil-punt 3.2(c)(i) tal-Kapitolu C tal-Anness X tar-Regolament (KE) Nru 999/2001;

    (c)

    EUR 10 għal kull test għad-determinazzjoni tal-ġenotip;

    (d)

    EUR 100 għal kull nagħġa jew mogħża maqtula.

    4.   L-ammont li se jiġi impenjat għall-2009 għandu jkun ta’ EUR 5 400 000.

    5.   It-twettiq tal-programm fl-2009 se jitqies meta tittieħed id-deċiżjoni dwar l-ammont li għandu jkun impenjat għas-sena 2010”.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussell, it-22 ta’ Lulju 2009.

    Għall-Kummissjoni

    Androulla VASSILIOU

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 19.

    (2)  ĠU L 322, 2.12.2008, p. 39.

    (3)  ĠU L 115, 29.4.2008, p. 44.

    (4)  ĠU L 314, 1.12.2007, p. 29.

    (5)  ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1.

    (6)  ĠU L 34, 4.2.2009, p. 11.


    Top