Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0444

Regolament (KE) Nru 444/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 28 ta’ Mejju 2009 li jemenda Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2252/2004 dwar l-istandards għall-karatteristiċi ta’ sigurtà u l-bijometrika f’passaporti u dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri

ĠU L 142, 6.6.2009, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 26/06/2009

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/444/oj

6.6.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 142/1


REGOLAMENT (KE) Nru 444/2009 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-28 ta’ Mejju 2009

li jemenda Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2252/2004 dwar l-istandards għall-karatteristiċi ta’ sigurtà u l-bijometrika f’passaporti u dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(2)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (1),

Billi:

(1)

Il-Kunsill Ewropew li ltaqa’ f’Tessalonika fid-19 u fl-20 ta’ Ġunju 2003 ikkonferma li jinħtieġ approċċ koerenti fl-UE rigward l-identifikaturi bijometriċi jew id-data bijometrika għad-dokumenti taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, għall-passaporti taċ-ċittadini tal-UE u għas-sistemi ta’ informazzjoni (il-VIS u s-SIS II).

(2)

F’dan il-kuntest, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 2252/2004 tat-13 ta’ Diċembru 2004 dwar l-istandards għall-karatteristiċi ta’ sigurtà u l-bijometrika f’passaporti u dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri (2), li jirrapreżenta pass importanti lejn l-użu ta’ elementi ġodda li jagħmlu l-passaport u d-dokumenti tal-ivvjaġġar iktar sikuri u li jistabbilixxu rabta iktar affidabbli bejn id-detentur u l-passaport jew id-dokumenti tal-ivvjaġġar, u b’hekk jagħmel kontribuzzjoni importanti biex jiġi żgurat li l-passaporti u d-dokumenti tal-ivvjaġġar ikunu protetti kontra użu falz.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 2252/2004 jipprovdi għal obbligu ġenerali li jiġu provduti il-marki tas-swaba’ li jiddaħħlu f’ċippa tat-tip ta’ bla kuntatt fil-passaport jew dokument tal-ivvjaġġar. Madankollu, l-esperjenza mit-testijiet uriet li hemm bżonn ta’ eċċezzjonijiet. Matul proġetti pilota ta’ xi Stati Membri deher li l-marki tas-swaba’ tat-tfal taħt l-età ta’ 6 snin ma kinux ta’ kwalità suffiċjenti għal verifika personali tal-identità. Barra minn hekk, huma suġġett għal tibdil sinifikanti li jagħmilha diffiċli li jiġu verifikati matul il-perjodu kollu ta’ validità tal-passaport jew dokument tal-ivvjaġġar.

(4)

L-armonizzazzjoni ta’ eċċezzjonijiet għall-obbligu ġenerali li jiġu provduti il-marki tas-swaba’ hija essenzjali sabiex jinżammu standards komuni ta’ sigurtà u biex jiġu ssimplifikati l-kontrolli fil-fruntieri. Kemm minħabba raġunijiet legali u minħabba raġunijiet ta’ sigurtà m’għandux jitħalla f’idejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tiddefinixxi l-eċċezzjonijiet għall-obbligu li jiġu pprovduti l-marki tas-swaba’ fil-passaporti u dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri.

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru 2252/2004 jirrikjedi li d-data bijometrika tinġabar u tinħażen fil-mezz ta’ ħażna tal-passaporti u d-dokumenti tal-ivvjaġġar bil-ħsieb li jinħarġu dawn id-dokumenti. Dan huwa bla ħsara għal kwalunkwe użu jew ħżin ieħor ta’ din id-data skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri. Ir-Regolament 2252/2004 ma jipprovdix bażi legali biex ikunu stabbiliti jew miżmuma bażijiet tad-data għall-ħżin ta’ dawk id-data fl-Istati Membri, ħaġa li hi strettament kwistjoni tal-liġi nazzjonali.

(6)

Barra minn hekk, bħala miżura supplimentari ta’ sigurtà u sabiex tiġi provduta protezzjoni addizzjonali għat-tfal, għandu jiġi introdott il-prinċipju ta’ “persuna waħda – passaport wieħed”. Huwa wkoll rakkomandat mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO) u dan jiżgura li l-passaport u l-karatteristiċi bijometriċi huma marbuta biss mad-detentur tal-passaport. Huwa iktar sikur jekk kull persuna jkollha l-passaport tagħha.

(7)

B’kont meħud tal-fatt illi l-Istati Membri sejrin ikunu obbligati li joħorġu passaporti individwali lil minorenni u illi jista’ jkun hemm differenzi sinifikanti bejn il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri rigward it-tfal li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha teżamina l-ħtieġa ta’ miżuri sabiex jiġi żgurat approċċ komuni rigward ir-regoli għall-protezzjoni tat-tfal li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri.

(8)

Billi l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk jistgħu jinkibsu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. B’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(9)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma tiħux sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta miegħu jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Billi dan ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta’ Schengen taħt id-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tat-Tielet Parti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka għandha, skont l-Artikolu 5 tal-imsemmi Protokoll, tiddeċiedi f’perjodu ta’ sitt xhur wara l-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament jekk timplimentahx fil-liġi nazzjonali tagħha.

(10)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp fuq id-dispożizzjonijiet dwar l-acquis ta’ Schengen li fih ir-Renju Unit ma jiħux sehem, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq biex jieħdu sehem fi wħud mid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (3). Għalhekk ir-Renju Unit mhux qiegħed jieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u la hu marbut bih u lanqas soġġett għall-applikazzjoni tiegħu.

(11)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp fuq id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fih l-Irlanda ma tiħux sehem, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 dwar it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem fi wħud mid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (4). Għalhekk l-Irlanda mhijiex se tieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhijiex marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(12)

Għal dak li għandu x’jaqsam mal-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp fuq id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż bejn il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (5), li jaqgħu taħt il-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt A, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ dak il-Ftehim (6).

(13)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, fis-sens tal-Ftehim konkluż bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera (7) dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, li jaqa’ fil-qasam msemmi fl-Artikolu 1, punt A tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2008/146/KE (8) u 2008/149/JHA (9).

(14)

Fir-rigward ta’ Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp fid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, fis-sens tal-Protokoll iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat ta’ Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat ta’ Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt A, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/261/KE (10).

(15)

Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 2252/2004 għandu jiġi emendat f’dan is-sens,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 2252/2004 huwa b’dan emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 1, il-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   Il-passaporti u d-dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri għandhom ikunu konformi mal-istandards minimi ta’ sigurtà stabbiliti fl-Anness.

Dawn għandhom jinħarġu bħala dokumenti individwali.

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar ir-rekwiżiti għat-tfal li jkunu qegħdin jivvjaġġaw weħidhom jew li jkunu akkumpanjati, u li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri sa mhux aktar tard mis-26 ta’ Ġunju 2012 u tipproponi, fejn jinħtieġ, inizjattivi xierqa sabiex tiġi żgurata strateġija komuni rigward ir-regoli għall-protezzjoni tat-tfal li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri.

2.   Il-passaporti u d-dokumenti tal-ivvjaġġar għandhom jinkludu mezz sikur ħafna ta’ ħażna li għandu jkun fih immaġni tal-wiċċ. L-Istati Membri għandhom jinkludu wkoll żewġ marki tas-swaba’ meħuda ċatti f’format interoperabbli. Id-data għandha tkun żgurata u l-mezz ta’ ħażna għandu jkun ta’ daqs u kapaċità suffiċjenti biex jiggarantixxi l-integrità, l-awtentiċità u l-kunfidenzjalità tad-data.

2a.   Dawn il-persuni li ġejjin għandhom jkunu eżentati mir-rekwiżit tal-marki tas-swaba’:

(a)

Tfal taħt l-età ta’ 12-il sena. Il-limitu tal-età ta’ 12-il sena huwa wieħed proviżorju.

Ir-rapport imsemmi fl-Artikolu 5a għandu jkun fih reviżjoni tal-limitu tal-età, u jekk ikun meħtieġ, għandu jkun akkumpanjat minn proposta biex ikun emendat il-limitu tal-età.

Bla ħsara għall-konsegwenzi tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5a, l-Istati Membri li fil-liġi nazzjonali tagħhom, adottata qabel is-26 ta’ Ġunju 2009, jipprovdu għal limitu tal-età ta’ anqas minn tnax-il sena jistgħu japplikaw dak il-limitu waqt perjodu ta’ tranżizzjoni sa erba’ snin wara is-26 ta’ Ġunju 2009. Madankollu, il-limitu tal-età fil-perjodu tranżitorju ma jistax ikun ta’ anqas minn 6 snin;

(b)

persuni li għalihom huwa fiżikament impossibbli li jitteħdulhom il-marki tas-swaba’.

2b.   Fejn it-teħid tal-marki tas-swaba’ indikati ma jkunx jista’ jsir għal xi żmien, l-Istati Membri għandhom jippermettu li jittieħdu l-marki tas-swaba’ l-oħra. Fejn għal xi żmien ma jkunux jistgħu jittieħdu wkoll il-marki tas-swaba’ l-oħra kollha, jistgħu joħorġu passaport temporanju li jkollu perjodu ta’ validità ta’ 12-il xahar jew anqas.”.

(2)

L-Artikolu li ġej għandu jiġi inserit:

“Artikolu 1a

1.   L-identifikaturi bijometriċi għandhom jittieħdu minn persunal ikkwalifikat u awtorizzat kif jixraq tal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-ħruġ tal-passaporti u tad-dokumenti tal-ivvjaġġar.

2.   L-Istati Membri għandhom jiġbru l-identifikaturi bijometriċi mingħand l-applikant skont is-salvagwardji stabbiliti fil-Konvenzjoni Ewropea għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali tal-Kunsill tal-Ewropa kif ukoll fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri xierqa li jiggarantixxu d-dinjità tal-persuna kkonċernata jkunu disponibbli fil-każ li jkun hemm xi diffikultà fir-reġistrazzjoni.”.

(3)

L-Artikolu 2 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 2

L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi addizzjonali f’konformità mal-istandards internazzjonali, fosthom b’mod partikolari, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO), għall-passaporti u għad-dokumenti tal-ivvjaġġar, relatati ma’ dan li ġej, għandhom jiġu stabbiliti skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 5(2):

(a)

karatteristiċi u rekwiżiti addizzjonali ta’ sigurtà, inklużi standards imsaħħa ta’ protezzjoni kontra l-falsifikazzjoni, u l-kontrafazzjoni;

(b)

speċifikazzjonijiet tekniċi għall-mezz ta’ ħażna tal-karatteristiċi bijometriċi u s-sigurtà tagħhom, inkluża l-prevenzjoni ta’ aċċess mhux awtorizzat;

(ċ)

rekwiżiti għall-kwalità u standards tekniċi komuni għax-xbieha tal-wiċċ u l-marki tas-swaba’.”.

(4)

Fl-Artikolu 4, il-paragrafu 3) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Id-data bijometrika għandha tinġabar u tinħażen fil-mezz ta’ ħażna tal-passaporti u d-dokumenti tal-ivvjaġġar bil-ħsieb li jinħarġu dawn id-dokumenti. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament il-karatteristiċi bijometriċi fil-passaporti u fid-dokumenti tal-ivvjaġġar għandhom jintużaw biss biex ikunu vverifikati:

(a)

l-awtentiċità tal-passaport jew tad-dokument tal-ivvjaġġar;

(b)

l-identità tad-detentur permezz ta’ karatteristiċi komparabbli direttament disponibbli meta l-passaport jew dokument tal-ivvjaġġar ikun meħtieġ li jintwera bil-liġi.

L-iċċekkjar tal-karatteristiċi ta’ sigurtà addizzjonali għandu jsir bla ħsara għall-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (*). In-nuqqas ta’ taqbil fih innifsu m’għandux jeffettwa l-validità tal-passaport jew tad-dokument tal-ivvjaġġar għall-iskop tal-qsim tal-fruntieri esterni.

(*)  ĠU L 105, 13.4.2006, p. 1.”;"

(5)

L-Artikolu li ġej għandu jiġi inserit:

“Artikolu 5a

Il-Kummissjoni għandha, sa mhux aktar tard mis-26 ta’ Ġunju 2012 tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jkun ibbażat fuq studju fuq skala kbira u fil-fond li jkun sar minn awtorità indipendenti u taħt is-superviżjoni tal-Kummissjoni, li jeżamina l-affidabilità u l-fattibilità teknika, inkluż permezz ta’ evalwazzjoni tal-preċiżjoni tas-sistemi użati, tal-użu tal-marki tas-swaba’ tat-tfal taħt l-14-il sena għall-iskopijiet ta’ identifikazzjoni u verifika, fosthom it-tqabbil tar-rati ta’ rifjut falz f’kull Stat Membru u, abbażi tar-riżultati ta’ dak l-istudju, analiżi tal-ħtieġa ta’ regoli komuni rigward il-proċess tat-tqabbil. Jekk ikun meħtieġ, ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposti biex dan ir-Regolament jiġi adattat.”.

(6)

Fl-Artikolu 6, it-tieni subparagrafu għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom japplikaw dan ir-Regolament:

(a)

fir-rigward tal-immaġni tal-wiċċ: sa mhux aktar tard minn 18 xahar

(b)

fir-rigward tal-marki tas-swaba’: sa mhux aktar tard minn 36 xahar

wara l-adozzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi addizzjonali msemmija fl-Artikolu 2. Madankollu, il-validità tal-passaporti u tad-dokumenti tal-ivvjaġġar li jkunu diġà nħarġu m’għandhiex tiġi effettwata.

I-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1), għandu jkun implimentat sa mhux aktar tard mis-26 ta’ Ġunju 2012 Madankollu, il-validità inizjali għad-detentur tad-dokument m’għandhiex tkunu affettwata.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Magħmul fi Strasburgu, 6 ta’ Mejju 2009.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

J. KOHOUT


(1)  L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Jannar 2009 (għadha m’hijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2009.

(2)  ĠU L 385, 29.12.2004, p. 1.

(3)  ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.

(4)  ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.

(5)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(6)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31.

(7)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(8)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1.

(9)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 50.

(10)  ĠU L 83, 26.3.2008, p. 3.


Top