Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0420

    2009/420/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 28 ta’ Mejju 2009 li temenda d-Deċizjoni 2006/133/KE li teħtieġ li l-Istati Membri temporanjament jieħdu miżuri kontra t-tixrid tal- Bursaphelenchus xylophilus (Steiner et Buhrer) Nickle et al . (in-nematodu tal-pini) f’dak li jirrigwardja żoni fil-Portugall, apparti minn dawk li fihom huwa magħruf li ma teżistix (notifikata taħt id-dokument numru C(2009) 3868)

    ĠU L 135, 30.5.2009, p. 29–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 26/09/2012; Imħassar b' 32012D0535

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/420/oj

    30.5.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 135/29


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-28 ta’ Mejju 2009

    li temenda d-Deċizjoni 2006/133/KE li teħtieġ li l-Istati Membri temporanjament jieħdu miżuri kontra t-tixrid tal-Bursaphelenchus xylophilus (Steiner et Buhrer) Nickle et al. (in-nematodu tal-pini) f’dak li jirrigwardja żoni fil-Portugall, apparti minn dawk li fihom huwa magħruf li ma teżistix

    (notifikata taħt id-dokument numru C(2009) 3868)

    (2009/420/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (1), u b’mod partikolari fir-raba’ sentenza tal-Artikolu 16(3) tagħha,

    Billi:

    (1)

    B’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/133/KE (2), il-Portugall qiegħed jimplimenta pjan ta’ eradikazzjoni kontra t-tixrid tan-nematodu tal-pini.

    (2)

    Fis-16 ta’ Jannar 2009 r-Renju Unit informa lill-Kummissjoni bl-interċezzjoni ta’ materjal tal-imballaġġ tal-injam li kien ġej mill-Portugall li kien fih PWN ħaj u ma kienx immarkat skont l-Istandard Internazzjonali FAO għall-Miżuri Fitosanitarji Nru 15 għal-Linji gwida għar-regolazzjoni tal-materjal għall-imballaġġ tal-injam fil-kummerċ internazzjonali (minn hawn ’il quddiem “l-Istandard Internazzjonali FAO għall-Miżuri Fitosanitarji Nru 15”) kif mitlub mid-Deċiżjoni 2006/133/KE.

    (3)

    Fl-20 ta’ Frar 2009 l-Belġju informa lill-Kummissjoni b’ħames kunsinni mhux konformi ta’ skart tal-injam u qoxra tas-siġra ġejjin mill-Portugall. Il-qoxra tas-siġra interċettata kienet akkumpanjata minn ċertifikati ta’ trattament fitosanitarju għall-fumigazzjoni. Madankollu d-Deċiżjoni 2006/133/KE teħtieġ li l-qoxra tas-siġra tgħaddi minn trattament tas-sħana. Fil-każ tal-kunsinna interċettata ta’ skart tal-injam, barra minn dan, instabu inkonsistenzi fid-dokumentazzjoni mehmuża.

    (4)

    Fil-11 ta’ Frar 2009, Spanja infurmat lill-Kummissjoni bl-interċezzjonijiet ta’ kunsinni ta’ qoxra tas-siġar u skart tal-injam ta’ njam suxxettibbli li kien ġej mill-Portugall fejn instab PWN ħaj. Fl-20 ta’ Frar 2009 u t-3 ta’ Marzu 2009, Spanja infurmat lill-Kummissjoni bl-interċezzjonijiet ta’ kunsinni ta’ njam suxxettibbli li kien ġej mill-Portugall li ma kienx akkumpanjat minn passaport tal-pjanti, kif mitlub skont il-punt 1(a) tal-Anness mad-Deċiżjoni 2006/133/KE. Fit-3, is-6 u t-18 ta’ Marzu 2009, Spanja infurmat lill-Kummissjoni bl-interċezzjonijiet ta’ kunsinni ta’ materjal tal-imballaġġ tal-injam mill-Portugall li ma kienx immarkat skont l-Istandard Internazzjonali FAO għall-Miżuri Fitosanitarji Nru 15 kif mitlub skont id-Deċiżjoni 2006/133/KE.

    (5)

    Fl-1 ta’ April 2009, l-Irlanda nnotifikat lill-Kummissjoni bl-interċezzjoni ta’ materjal tal-imballaġġ tal-injam li kien ġej mill-Portugall fejn instab PWN ħaj. Barra minn hekk, fil-21 ta’ April 2009 l-Irlanda nnotifikat lill-Kummissjoni bl-interċezzjonijiet ta’ erba’ kunsinni ta’ materjal tal-imballaġġ tal-injam li kien ġej mill-Portugall li ma kienx immarkat skont l-Istandard Internazzjonali FAO għall-Miżuri Fitosanitarji Nru 15.

    (6)

    Fl-24 ta’ Marzu 2009 u fit-3 ta’ April 2009, il-Litwanja infurmat lill-Kummissjoni bl-interċezzjoni ta’ materjal tal-imballaġġ tal-injam li kien ġej mill-Portugall li ma kienx immarkat skont l-Istandard Internazzjonali FAO għall-Miżuri Fitosanitarji Nru 15.

    (7)

    L-ispezzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni fil-Portugall mit-2 sal-11 ta’ Marzu 2009 żvelaw li l-movimenti ta’ materjal tal-injam u mballaġġ tal-injam mhumiex ikkontrollati għal kollox, kif mitlub mid-Deċiżjoni 2006/133/KE. B’mod partikolari, l-ispetturi skoprew bosta każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità filwaqt li kienu qed iwettqu kontrolli tat-triq fil-fruntiera Spanjola. Għaldaqstant ma jistax jiġi eskluż ir-riskju li l-PWN jinxtered għal żoni ’l barra miż-żoni demarkati fil-Portugall.

    (8)

    Fid-dawl ta’ dawk is-sejbiet il-ġodda f’bosta Stati Membri u tar-riżultati tal-missjoni mwettqa mill-Kummissjoni, hemm bżonn li l-Portugall jintensifika l-kontrolli uffiċjali applikati fuq il-moviment ta’ njam, qoxra tas-siġar u pjanti suxxettibbli miż-żoni demarkati għal żoni oħra sal-livell massimu fattibbli ta’ kontrolli sabiex jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet stabbiliti mid-Deċiżjoni 2006/133/KE ġew sodisfatti. Dawk il-kontrolli uffiċjali għandhom jiffukaw fuq il-movimenti li jippreżentaw l-ogħla riskju li jxerrdu PWN ħaj ’il barra miż-żoni demarkati. Biex ir-riskji ta’ frodi jkunu limitati, il-kontrolli uffiċjali għandhom isiru fejn injam, qoxra tas-siġar u pjanti suxxettibbli qed joħorġu miż-żoni demarkati. Ir-riżultati ta’ dawk il-kontrolli uffiċjali għandhom ikunu kkomunikati lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra kull ġimgħa biex ikunu jistgħu jsegwu l-iżviluppi tal-qagħda fil-Portugall mill-qrib.

    (9)

    Barra minn hekk, biex tiżdied is-sorveljanza fuq il-materjali li jistgħu jippromwovu t-tixrid ta’ PWN ħaj fi Stati Membri oħra, huwa xieraq li jissaħħaħ il-livell tal-kontrolli uffiċjali mwettqa mill-Istati Membri fuq injam, qoxra tas-siġar u pjanti, li ġejjin mill-Portugall u jiddaħħlu fit-territorju tagħhom. Dawk il-kontrolli uffiċjali għandhom jikkonsistu minn kontroll dokumentarju, kontroll tal-identità u, kif ikun xieraq, kontroll tas-saħħa tal-pjanti, li tista’ tinkludi ttestjar għall-preżenza ta’ PWN. Il-frekwenza tal-kontrolli uffiċjali għandha tkun proporzjonata għar-riskju. F’każ ta’ konferma ta’ nuqqas ta’ konformità, għandhom jittieħdu l-miżuri xierqa, kif stipulati fid-Direttiva 2000/29/KE.

    (10)

    Fil-mument id-Deċiżjoni 2006/133/KE ma tistipulax għal rekwiżiti li jridu jiġu applikati fuq il-movimenti ta’ njam suxxettibbli, li joriġina f’żoni ’l barra miż-żoni demarkati fil-forma ta’ serratura, spacers u rfid, inkluż dawk li ma żammewx il-wiċċ tond naturali tagħhom, kif ukoll fil-forma ta’ kaxxi tal-imballaġġ, kaxxi, qratel, tankijiet u ppakkjar simili, paliti, paliti tal-kaxxa u twavel tat-tagħbija oħra, kullari tal-paliti, sew jekk qegħdin effettivament jintużaw fit-trasport ta’ oġġetti ta’ kull tip (minn hawn ’il qudiiem “materjal tal-imballaġġ ta’ njam suxxettibbli”) miż-żoni demarkati għal żoni oħra fl-Istati Membri jew f’pajjiżi terzi kif ukoll fil-moviment ta’ dawn il-materjali minn parti taż-żona demarkata fejn PWN huwa magħruf li jseħħ fil-parti taż-żona demarkata ddeżinjata bħala żona ta’ lqugħ.

    (11)

    In-nuqqas ta’ rekwiżiti bħal dawn ġej mill-fatt li mballaġġ ta’ njam suxxettibbli li ma joriġinax miż-żoni demarkati ma jippreżentax riskju ta’ ġarr ta’ PWN anke jekk jiċċirkola fi ħdan iż-żoni demarkati. Madankollu, bħalissa mhuwiex possibbli li ssir distinzjoni bejn materjal tal-imballaġġ ta’ njam bħal dan u materjal tal-imballaġġ tal-injam li joriġina fi ħdan iż-żoni demarkati li ma jkunx immarkat skont l-Anness II tal-Istandard Internazzjonali tal-FAO għall-Miżuri Fitosanitarji Nru 15 b’kontradizzjoni mad-Deċiżjoni 2006/133/KE.

    (12)

    Minħabba f’hekk, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, materjal tal-imballaġġ ta’ njam suxxettibbli ta’ kwalunkwe oriġini, li jħalli ż-żona demarkata mingħajr ma jkun immarkat skont l-Anness II tal-Istandard Internazzjonali tal-FAO għall-Miżuri Fitosanitarji Nru 15 irid jitqies mill-entitajiet uffiċjali responsabblli tal-Istati Membri bħala materjal li mhux konformi mad-Deċiżjoni 2006/133/KE. Għalhekk huwa xieraq li jiġu pprojbiti l-movimenti ta’ materjal bħal dan, li joriġina f’żoni għajr iż-żoni demarkati, miż-żoni demarkati għal żoni għajr dawk iż-żoni demarkati fi Stati Membri jew pajjiżi terzi, kif ukoll moviment ta’ dawk il-materjali mill-parti taż-żoni demarkati fejn huwa magħruf li jseħħ PWN fil-parti taż-żoni demarkati ddeżinjati bħala żona ta’ lqugħ, sakemm il-materjal ma jkunx jista’ jiġi identifikat bħala liberu mir-riskju ta’ tixrid ta’ PWN.

    (13)

    Materjal bħal dan għandu jkun identifikat bħala liberu mir-riskju li jxerred PWN meta għadda minn wieħed mit-trattamenti approvati speċifikati fl-Anness I tal-Istandard Internazzjonali FAO għall-miżuri Fitosanitarji Nru 15 u ġie mmarkat skont l-Anness II ta’ dan l-Istandard. Bħalissa m’hemm l-ebda alternattiva li tista’ tipprovdi l-istess livell ta’ garanziji mogħtija, b’mod partikolari, li m’hemm l-ebda sistema fis-seħħ fil-livell Komunitarju li teħtieġ li l-entitajiet uffiċjali responsabbli tal-Istati Membri jiċċertifikaw l-oriġini tal-injam użat biex jiġi prodott materjal tal-ippakkjar tal-injam suxxettibbli, u li l-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet bħal dawn mhix possibbli fil-medda l-qasira taż-żmien.

    (14)

    Hemm indikazzjonijiet li kaxxi magħmula interament minn injam ta’ ħxuna ta’ 6 mm jew inqas jikkostitwixxu riskju iktar baxx għat-tixrid ta’ PWN meta mqabbel ma’ daqsijiet eħxen. Għalhekk huwa xieraq li kaxxi bħal dawn jiġu eżentati, tkun xi tkun l-oriġini tal-injam użat biex jipproduċihom, mill-obbligi ta’ trattament u mmarkar kif stipulat fl-Istandard Internazzjonali FAO għall-Miżuri Fitosanitarji Nru 15.

    (15)

    Sabiex jingħata żmien biżżejjed lill-operaturi biex jaddattaw ruħhom għar-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Deċiżjoni, dan tal-aħħar ma għandux japplika qabel is-16 ta’ Ġunju 2009.

    (16)

    Il-miżuri stipulati f’din id-deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni 2006/133/KE hija emendata kif ġej:

    (1)

    Fl-Artikolu 2, għandu jiddaħħal il-paragrafu li ġej wara l-ewwel paragrafu:

    “Meta tiġi vverifikata l-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 1 tal-Anness, il-Portugall għandu japplika l-ogħla livell fattibbli ta’ kontrolli uffiċjali għal movimenti ta’ njam, qoxra tas-siġar u pjanti suxxettibbli minn żoni demarkati li jinsabu fit-territorju tiegħu għal żoni għajr għal dawk iż-żoni demarkati fi Stati Membri jew f’pajjiżi terzi. Huwa għandu jagħti attenzjoni partikolari lill-movimenti li jippreżentaw l-ogħla riskju li jxerrdu PWN ħaj ’il barra miż-żoni demarkati. Dawk il-kontrolli uffiċjali għandhom isiru fil-punti fejn injam, qoxra tas-siġar u pjanti suxxettibbli qed joħorġu miż-żoni demarkati. Ir-riżultati għandhom ikunu kkomunikati lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra kull ġimgħa.”

    (2)

    L-Artikolu 3 jinbidel b’dan li ġej:

    “Artikolu 3

    1.   L-Istati Membri tad-destinazzjoni għajr għall-Portugall għandhom iwettqu kontrolli uffiċjali fuq injam, qoxra tas-siġar u pjanti, li jkunu ġejjin mill-Portugall u li ddaħħlu fit-territorju tagħhom. Dawn il-kontrolli għandhom jinkludu kontroll dokumentarju li jinkludi kontroll għall-preżenza u konformità tal-markament skont id-Deċiżjoni, kontroll tal-identità u, kif xieraq, kontroll tas-saħħa tal-pjanti li tista’ tinkludi ttestjar għall-preżenza ta’ PWN.

    2.   Kontrolli uffiċjali skont il-paragrafu 1 għandhom jitwettqu bi frekwenza li tiddependi b’mod partikolari fuq ir-riskju marbut mat-tipi differenti ta’ njam, qoxra tas-siġar u pjanti suxxettibbli u l-istorja tal-konformità mar-rekwiżiti ta’ din id-Deċiżjoni tal-operatur responsabbli għall-moviment ta’ njam, qoxra tas-siġar, u pjanti suxxettibbli.

    3.   F’każ li n-nuqqasijiet ta’ konformità jkunu kkonfermati wara kontrolli uffiċjali mwettqa skont il-paragrafu 1, għandhom jittieħdu miżuri xierqa, simili għal dawk imsemmija fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2000/29/KE.”

    (3)

    L-Anness huwa emendat skont l-Anness ma’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mis-16 ta’ Ġunju 2009.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, 28 ta’ Mejju 2009.

    Għall-Kummissjoni

    Androulla VASSILIOU

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.

    (2)  ĠU L 52, 23.2.2006, p. 34. Edizzjoni Speċjali bil-Malti ĠU L 118M, 8.5.2007, p. 248.


    ANNESS

    L-Anness tad-Deċiżjoni 2006/133/KE huwa emendat kif ġej:

    (1)

    Il-punt (1) (d) jinbidel b’dan li ġej:

    “(d)

    l-injam suxxettibbli fil-forma ta’ serratura, spacers u rfid, inkluż dak li ma għadx għandu l-wiċċ tond naturali tiegħu, kif ukoll fil-forma ta’ kaxxi għall-imballaġġ, kaxxi ħlief kaxxi magħmula interament minn injam ta’ ħxuna ta’ 6 mm jew inqas, qratel, tankijiet u ppakkjar simili, paliti, paliti tal-kaxxa u twavel tat-tagħbija oħra, kullari tal-paliti, kemm jekk qed jintużaw għat-trasport ta’ oġġetti ta’ kull tip kif ukoll jekk le, dak l-injam m’għandux jitħalla joħroġ miż-żona demarkata; l-entità uffiċjali responsabbli tista’ tagħmel eċċezzjoni minn din il-projbizzjoni jekk l-injam ikun għadda minn wieħed mit-trattamenti approvati kif speċifikat fl-Anness I tal-Istandard Internazzjonali FAO għall-Miżuri Fitosanitarji Nru 15 dwar Linji gwida għar-regolazzjoni tal-materjali għall-imballaġġ tal-injam użati fil-kummerċ internazzjonali u mmarkati skont l-Anness II ta’ dan l-Istandard.”

    (2)

    Il-Punt (2) (g) jinbidel b’dan li ġej:

    “(g)

    l-injam suxxettibbli li joriġina fiż-żoni demarkati fil-forma ta’ kaxxi għall-imballaġġ, kaxxi ħlief kaxxi magħmula interament minn injam ta’ ħxuna ta’ 6 mm jew inqas, qratel, tankijiet u ppakkjar simili, paliti, paliti tal-kaxxa u twavel tat-tagħbija oħra, kullari tal-paliti, serratura, spacers u rfid, inklużi dawk li ma żammewz il-wiċċ tond naturali tagħhom prodotti ġodda, għandhom ikunu suġġetti għal wieħed mit-trattamenti approvati kif speċifikat fl-Anness I tal-Istandard Internazzjonali FAO għall-Miżuri Fitosanitarji Nru 15 dwar Linji gwida għar-regolazzjoni tal-materjali għall-imballaġġ tal-injam użati fil-kummerċ internazzjonali u mmarkati skont l-Anness II ta’ dan l-Istandard.”


    Top