Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0414

    2009/414/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 27 ta' April 2009 dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv fi Franza

    ĠU L 135, 30.5.2009, p. 19–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 26/06/2018; Imħassar b' 32018D0924

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/414/oj

    30.5.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 135/19


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tas-27 ta' April 2009

    dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv fi Franza

    (2009/414/KE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u b’mod partikolari l-Artikolu 104(6) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet magħmula minn Franza,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 104 tat-Trattat l-Istati Membri għandhom jevitaw żbilanċi eċċessivi tal-gvern.

    (2)

    Il-Patt ta’ Stabbiltà u ta’ Tkabbir hu bbażat fuq l-għan ta’ finanzi sodi tal-gvern bħala mezz biex jissaħħu l-kundizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir sostenibbli qawwi li jwassal għall-ħolqien tal-impjiegi.

    (3)

    Il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv (PŻE) skont l-Artikolu 104, kif ikkjarifikat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv (1) (li jagħmel parti mill-Patt ta’ Stabbiltà u ta’ Tkabbir), jaħseb għal deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv. Il-Protokoll dwar il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat jistabbilixxi aktar dispożizzjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-PŻE. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3605/93 (2) jistabbilixxi r-regoli ddettaljati u d-definizzjonijiet għall-applikazzjoni tad-dispożizzjoni tal-Protokoll imsemmi.

    (4)

    Ir-riforma tal-2005 tal-Patt ta’ Stabbiltà u ta’ Tkabbir ipprovat issaħħaħ l-effettività u l-bażi ekonomika tiegħu kif ukoll li tissalvagwarda s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fuq medda twila ta’ żmien. Hu kellu l-għan li jiżgura li b’mod partikolari l-isfond ekonomiku u baġitarju jitqies b’mod sħiħ fil-passi kollha tal-PŻE. B’dan il-mod, il-Patt ta’ Stabbiltà u ta’ Tkabbir jipprovdi l-qafas li jappoġġa l-politiki tal-gvern għal ritorn ta’ malajr lejn pożizzjonijiet baġitarji mingħjar problemi billi titqies is-sitwazzjoni ekonomika.

    (5)

    L-Artikolu 104(5) tat-Trattat jinħtieġ li l-Kummissjoni tindirizza opinjoni lill-Kunsill jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li żbilanċ eċċessiv jeżisti fi Stat Membru jew jista’ jeżisti. Il-Kummissjoni, wara li qieset ir-rapport tagħha skont l-Artikolu 104(3) u l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju skont l-Artikolu 104(4), ikkonkludiet li jeżisti żbilanċ eċċessiv fi Franza. Il-Kummissjoni għalhekk indirizzat tali opinjoni lill-Kunsill fir-rigward ta’ Franza fl-24 ta’ Marzu 2009 (3).

    (6)

    L-Artikolu 104(6) tat-Trattat jiddikjara li l-Kunsill għandu jikkunsidra kull osservazzjoni li l-Istat Membru kkonċernat ikun jixtieq li jagħmel qabel ma jiddeċiedi, wara valutazzjoni ġenerali, jekk jeżistix żbilanċ eċċessiv. Fil-każ ta’ Franza, din il-valutazzjoni ġenerali twassal għall-konklużjonijiet li ġejjin.

    (7)

    Skont id-dejta nnotifikata mill-awtoritajiet Franċiżi fis-6 ta’ Frar 2009, l-iżbilanċ ġenerali tal-gvern fi Franza laħaq it-3,2 % tal-PGD fl-2008 (4), għalhekk qabeż it-3 % tal-valur ta’ referenza tal-PGD. Ir-rapport tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 104(3) jikkunsidra li l-iżbilanċ kien viċin it-3 % tal-valur ta’ referenza tal-PGD iżda li l-eċċess fuq il-valur ta’ referenza ma jistax ikun ikkwalifikat bħala eċċezzjonali fit-tifsira tat-Trattat u tal-Patt ta’ Stabbiltà u ta’ Tkabbir. B’mod partikolari, ma jistax jitqies li hu jirriżulta mir-reċessjoni ekonomika severa fl-2008 fit-tifsira tat-Trattat u tal-Patt ta’ Stabbiltà u ta’ Tkabbir. Skont l-uffiċċju tal-istatistika Franċiż (INSEE), it-tkabbir tal-PGD hu stmat li laħaq 0,7 % tal-PGD fl-2008, wara 2,2 % fl-2007. L-eċċess aktar mill-valur ta’ referenza ma jistax jitqies bħala temporanju. Skont it-tbassir intermedjarju ta’ Jannar 2009 tas-servizzi tal-Kummissjoni, l-iżbilanċ ġenerali tal-gvern hu maħsub li jilħaq il-5,4 % tal-PGD fl-2009 u, fuq bażi ta’ ebda bidla fil-politika, għandu jonqos kemm kemm għal 5 % tal-PGD fl-2010 billi l-impatt baġitarju tal-pjan ta’ rkupru jispiċċa gradwalment. Għalhekk il-kriterju ta’ żbilanċ fit-Trattat mhux issodisfatt.

    (8)

    Skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, “fatturi rilevanti” jistgħu jitqiesu biss fil-passi li jwasslu għad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv skont l-Artikolu 104(6) jekk il-kundizzjoni doppja – li l-iżbilanċ jibqa’ viċin tal-valur ta’ referenza u li l-eċċess aktar mill-valur ta’ referenza hu temporanju – tkun osservata. Fil-każ ta’ Franza, din il-kundizzjoni doppja mhix osservata. Għalhekk, il-fatturi rilevanti mhumiex qed iqisu l-passi li jwasslu għal din id-Deċiżjoni,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Minn valutazzjoni ġenerali jirriżulta li jeżisti defiċit eċċessiv fi Franza.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lir-Repubblika Franċiża.

    Magħmul fil-Lussemburgu, 27 ta’ April 2009.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A. VONDRA


    (1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6.

    (2)  ĠU L 332, 31.12.1993, p. 7.

    (3)  Id-dokumenti kollha relatati mal-PŻE għal Franza jinsabu fil-websajt li ġejja:

    http://ec.europa.eu/economy_finance/netstartsearch/pdfsearch/pdf.cfm?mode=_m2

    (4)  Il-Gvern ħabbar fl-4 ta’ Marzu li l-iżbilanċ kellu jilħaq 3,4 % tal-PGD fl-2008. Din l-istima mhix finali.


    Top