Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0451

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 451/2009 tad- 29 ta’ Mejju 2009 li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 883/2006 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 fir-rigward taż-żamma tal-kontijiet mill-aġenziji tal-ħlas, id-dikjarazzjonijiet tal-infiq u d-dħul u l-kundizzjonijiet għar-rimbors tal-infiq skont l-FAEG u l-FAEŻR [traduzzjoni mhux uffiċjali]

ĠU L 135, 30.5.2009, p. 12–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 03/09/2014; Imħassar b' 32014R0907

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/451/oj

30.5.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 135/12


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 451/2009

tad-29 ta’ Mejju 2009

li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 883/2006 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 fir-rigward taż-żamma tal-kontijiet mill-aġenziji tal-ħlas, id-dikjarazzjonijiet tal-infiq u d-dħul u l-kundizzjonijiet għar-rimbors tal-infiq skont l-FAEG u l-FAEŻR [traduzzjoni mhux uffiċjali]

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 42 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Istati Membri għandhom iħarsu l-iskadenzi għall-ħlasijiet ta’ għajnuna lil benefiċjarji stabbiliti fil-leġiżlazzjoni agrikola Komunitarja. L-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005 jipprovdi li kwalunkwe ttardjar minn dawk l-iskadenzi ta’ ħlasijiet min-naħa tal-aġenziji tal-ħlas għandu jirrendi l-ħlasijiet bħala ineliġibbli għall-finanzjament Komunitarju, għajr fil-każijiet, kundizzjonijiet u limiti ddeterminati, skont il-prinċipju tal-proporzjonalità.

(2)

B’segwitu għall-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 883/2006 (2) meta l-infiq effettwat wara l-iskadenzi jammonta għal 4 % jew inqas tal-infiq effettwat qabel l-iskadenzi, ma għandu jsir ebda tnaqqis.

(3)

Fil-laqgħa tal-Kumitat Speċjali dwar l-Agrikoltura tas-6 ta’ Ottubru 2008 (3), il-Kummissjoni ppreżentat dikjarazzjoni dwar iż-żieda, minn 4 % għal 5 %, għal-limitu previst fl-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 883/2006. Għaldaqstant, xieraq li għall-każijiet ta’ ħlasijiet eliġibbli li jsiru tard, il-limitu jiġi miżjud. Il-limitu l-ġdid għandu jkun applikabbli meta d-data ta’ skadenza tal-ħlas tkun aktar tard mill-15 ta’ Ottubru 2009.

(4)

L-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad-19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (4) jipprovdi li l-ammont totali nett ta’ ħlasijiet diretti li jingħataw fi Stat Membru fir-rigward ta’ sena kalendarja wara l-applikazzjoni ta’ modulazzjoni u ta’ modulazzjoni volontarja u mingħajr preġudizzju għal dixxiplini finanzjarji, bl-eċċezzjoni tal-ħlasijiet diretti mogħtija skont ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006 (5) u (KE) Nru 1405/2006 (6), ma għandhomx ikunu ogħla mil-limiti massimi stipulati fl-Anness IV għar-Regolament (KE) Nru 73/2009. Sabiex jiżguraw id-dixxiplina finanzjarja, għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi biex jiġi evitat li n-nuqqas ta’ konformità mal-iskadenzi tal-ħlasijiet iwassal għal infiq totali għal ħlasijiet diretti li jaqbeż il-limiti massimi fl-eżerċizzju finali korrispondenti.

(5)

Barra minn hekk, b’konsistenza mal-prattika attwali u sabiex tiġi żgurata t-trasparenza, ċerti dispożizzjonijiet għandhom jiġu ċċarati aktar.

(6)

Ir-Regolament (KE) Nru 883/2006 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(7)

Fil-każ tad-dħul li jirċievu u tal-infiq effettwat mill-Istati Membri għas-sena finanzjarja 2010 u s-snin finanzjarji ta’ wara, l-emendi għandhom ikunu applikabbli mis-16 ta’ Ottubru 2009.

(8)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Fondi Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 883/2006 huwa emendat kif ġej:

1.

L-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa mibdul b’dan li ġej:

“1.   L-infiq effettwat wara l-iskadenzi għandu jkun eliġibbli għall-finanzjament Komunitarju u l-ħlasijiet ta’ kull xahar għandhom jitnaqqsu kif ġej:

(a)

meta l-infiq effettwat wara l-iskadenzi jkun ugwali għal 4 % jew inqas tal-infiq effettwat qabel l-iskadenzi, ma għandu jsir ebda tnaqqis;

(b)

għal infiq li jaqbeż il-limitu ta’ 4 %, l-infiq kollu li jiġi effettwat tard għandu jitnaqqas skont ir-regoli li ġejjin:

għal infiq effettwat fl-ewwel xahar wara x-xahar li fih isseħħ l-iskadenza tal-ħlas, l-infiq għandu jitnaqqas b’ 10 %;

għal infiq effettwat fit-tieni xahar wara x-xahar li fih jiisseħħ l-iskadenza tal-ħlas, l-infiq għandu jitnaqqas b’ 25 %;

għal infiq effettwat fit-tielet xahar wara x-xahar li fih isseħħ l-iskadenza tal-ħlas, l-infiq għandu jitnaqqas b’ 45 %;

għal infiq effettwat fir-raba’ xahar wara x-xahar li fih isseħħ l-iskadenza tal-ħlas, l-infiq għandu jitnaqqas b’ 70 %;

għal infiq effettwat aktar tard mir-raba’ xahar wara x-xahar li fih isseħħ l-iskadenza tal-ħlas, l-infiq għandu jitnaqqas b’ 100 %;

(c)

għall-ħlasijiet li l-iskadenza tagħhom isseħħ wara l-15 ta’ Ottubru 2009, il-limitu ta’ 4 % imsemmi fil-paragrafi 1(a) u 1(b) għandu jsir ta’ 5 %.”.

(b)

il-paragrafu 2 huwa mibdul b’dan li ġej:

“2.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, fil-każ ta’ ħlasijiet diretti li jaqgħu taħt il-limitu nett imsemmi fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 (*) għandhom jiġu applikati dawn il-kundizzjonijiet:

(a)

meta l-limitu msemmi fil-paragrafu 1(a) ma jkunx intuża kollu għall-ħlasijiet effettwati sal-15 ta’ Ottubru tas-sena N + 1 u dak li jifdal mil-limitu jkun ogħla minn 2 %, dak li jifdal għandu jitnaqqas għal 2 %.

(b)

l-ammont totali ta’ ħlasijiet diretti effettwati fis-sena finanzjarja Y, għajr għal ħlasijiet effettwati skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006 (**) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1405/2006 (***), huwa eliġibbli biss għal finanzjament Komunitarju sal-ammont nett totali ta’ ħlasijiet diretti stabbilit għas-sena kalendarja Y-1 skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 u, fejn applikabbli, ikkoreġut permezz tal-aġġustament previst fl-Artikolu 11 ta’ dak ir-Regolament;

(c)

l-infiq li jaqbeż il-limiti msemmija fil-punt (a) jew (b) għandu jitnaqqas b’100 %.

Fil-każ ta’ Stati Membri li għad ma ġiex stabbilit limitu għalihom skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, il-limitu nett imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jiġi ssostitwit bit-totali tas-somma tal-limiti individwali għal ħlasijiet diretti għall-Istati Membri konċernati.

(*)  ĠU L 30, 31.1.2009, p. 16."

(**)  ĠU L 42, 14.2.2006, p. 1."

(***)  ĠU L 265, 26.9.2006, p. 1.”"

(c)

fil-paragrafu 3, it-tieni subparagrafu huwa mibdul b’dan li ġej:

“Madankollu, l-ewwel subparagrafu ma għandux ikun applikabbli għal infiq li jaqbeż il-limitu msemmi fil-paragrafu 2 (b).”

2.

Fl-Artikolu 19, il-paragrafu 4 huwa mibdul b’dan li ġej:

“4.   L-ammonti miżmumin skont l-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 1259/1999 jew l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 1655/2004 u kwalunkwe interessi li jiġġeneraw li għadhom ma tħallsux skont l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 963/2001 (****) jew l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1655/2004 għandhom jiġu kkreditati lill-FAEG mal-infiq ta’ Ottubru tas-sena finanzjarja kkonċernata. Fejn applikabbli, ir-rata tal-kambju li tintuża għandha tkun dik imsemmija fl-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-Regolament.

(****)  ĠU L 136, 18.5.2001, p. 4.”"

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għas-sena finanzjarja 2010 u s-snin finanzjarji ta’ wara, għandu jkun applikabbli mis-16 ta’ Ottubru 2009.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 29 ta’ Mejju 2009.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1.

(2)  ĠU L 171, 23.6.2006, p. 1.

(3)  Fajl Interistituzzjonali: 2008/0103 (CNS).

(4)  ĠU L 30, 31.1.2009, p. 16.

(5)  ĠU L 42, 14.2.2006, p. 1.

(6)  ĠU L 265, 26.9.2006, p. 1.


Top