Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22009D0021

    2009/21/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 1/2008 ta’ Assoċjazzjoni UE-Marokk tas- 26 ta’ Novembru 2008 dwar il-ħolqien ta’ kumitat ta’ kooperazzjoni doganali u l-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura għall-grupp dwar id-djalogu ekonomiku, u li temenda r-Regoli ta’ Proċedura ta’ ċerti sottokumitati tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni

    ĠU L 9, 14.1.2009, p. 43–50 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/21(1)/oj

    14.1.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 9/43


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL Nru 1/2008 TA’ ASSOĊJAZZJONI UE-MAROKK

    tas-26 ta’ Novembru 2008

    dwar il-ħolqien ta’ kumitat ta’ kooperazzjoni doganali u l-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura għall-grupp dwar id-djalogu ekonomiku, u li temenda r-Regoli ta’ Proċedura ta’ ċerti sottokumitati tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni

    (2009/21/KE)

    IL-KUNSILL TA’ ASSOĊJAZZJONI,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (1), (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”),

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1/2003 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Marokk ta’ l-24 ta’ Frar 2003 dwar il-ħolqien ta’ sottokumitati tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni (2), u b’mod partikolari r-4 inċiż ta’ l-Artikolu waħdieni tagħha,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni Nru 1/2005 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Marokk ta’ l-24 ta’ Ottubru 2005 dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni UE-Marokk (3),

    Billi:

    (1)

    Ir-relazzjonijiet ta’ l-UE mal-Marokk, wara l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u l-Pjan ta’ Azzjoni bejn l-UE u l-Marokk adottati fil-kuntest tal-politika tal-viċinat huma dejjem aktar viċin ta’ xulxin.

    (2)

    Iż-żewġ partijiet huma determinati li jsaħħu aktar ir-relazzjonijiet ta’ bejniethom u li jiftħu perspettivi ġodda għalihom.

    (3)

    L-implimentazzjoni tal-prijoritajiet ta’ sħubija u l-approssimazzjoni tal-liġijiet għandhom jiġu segwiti. Il-kompetenzi ta’ l-Unjoni Ewropea jipprovdu qafas li fih ir-relazzjonijiet mal-pajjiżi Mediterranji jistgħu jiżviluppaw billi jitqiesu l-koerenza u l-ekwilibriju ġenerali tal-Proċess ta’ Barċellona.

    (4)

    Id-Deċiżjoni Nru 2/2005 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Marokk tat-18 ta’ Novembru 2005 li temenda l-protokoll tal-Ftehim Ewro-Mediterranju dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ prodotti ta’ oriġini u dwar il-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva (4), eliminat ir-referenza għall-kumitat ta’ kooperazzjoni doganali. Għalhekk huwa xieraq li tinħoloq bażi ġuridika ġdida għall-kumitat ta’ kooperazzjoni doganali.

    (5)

    L-Artikolu 84 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jipprevedi t-twaqqif ta’ gruppi ta’ ħidma jew organi meħtieġa għat-twettiq tal-Ftehim.

    (6)

    L-Artikolu 44(a) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni waqqaf djalogu ekonomiku bejn l-UE u l-Marokk. Għandhom jiġu adottati Regoli ta’ proċedura għall-grupp dwar id-djalogu ekonomiku.

    (7)

    Inħolqu oqsma ġodda ta’ djalogu u kooperazzjoni miż-żmien tal-ftehim dwar il-Pjan ta’ Azzjoni UE-Marokk ’l hawn. Dawn l-oqsma m’humiex kollha koperti mis-sottokumitati maħluqa bid-Deċiżjoni Nru 1/2003 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni.

    (8)

    Għandhom jittieħdu sabiex jiġi żgurat illi li t-temi kollha msemmija fil- Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u tal-Pjan ta’ Azzjoni UE-Marokk jkunu segwiti mis-sottokumitati kompetenti,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Għandu jiġi stabbilit fil-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni, Kumitat ta’ Kooperazzjoni Doganali UE-Marokk inkarigat li jeżamina l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u tal-Pjan ta’ Azzjoni UE-Marokk approvat fil-kuntest tal-Politika tal-Viċinat, li jiżgura l-kooperazzjoni amministrativa bil-għan li jiġi applikat il-Protokoll Nru 4 għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, u li jiġi eżegwit kull inkarigu ieħor fil-qasam doganali li jista’ jingħata lilu.

    Ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni Doganali huma provduti fl-Anness I.

    Il-Kumitat tal-Kooperazzjoni Doganali għandu jaħdem taħt l-awtorità tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni, li lilu għandu jirrapporta wara kull laqgħa. Il-Kumitat ta’ Kooperazzjoni Doganali m’għandux il-poter li jieħu deċiżjonijiet. Madankollu, jista’ jifformola rakkomandazzjonijiet bil-għan li jiffaċilita l-implimentazzjoni kif suppost tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u jippreżenta l-proposti lill-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet u l-proposti huma adottati bi ftehim komuni.

    Il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni għandu jieħu l-miżuri kollha l-oħra meħtieġa sabiex jiżgura li l-Kumitat tal-Kooperazzjoni Doganali jaħdem sew u jinforma b’dan lill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni.

    Artikolu 2

    Il-Regoli ta’ Proċedura tal-grupp tad-djalogu ekonomiku mwaqqaf mill-Artikolu 44(a) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni provduti fl-Anness 2 huma b’dan adottati.

    Il-Kumitat tal-Kooperazzjoni Doganali għandu jaħdem taħt l-awtorità tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni, li lilu għandu jirrapporta wara kull laqgħa. Il-grupp m’għandux il-poter li jieħu deċiżjonijiet. Madankollu, jista’ jippreżenta proposti lill-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni.

    Il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni għandu jieħu l-miżuri kollha l-oħra meħtieġa sabiex jiżgura li dan jaħdem sew u jinforma b’dan lill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni.

    Artikolu 3

    Il-listi ta’ temi koperti mis-sottokumitati Nru 1 “Suq Intern”, Nru 2 “Industrija, kummerċ u servizzi”, Nru 3 “Trasport, ambjent u enerġija”, Nru 4 “Agrikoltura u sajd” u Nru 5 “Ġustizzja u sigurtà” tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, hekk kif indikati fl-Anness II, il-punt 3, tar-Regoli ta’ Proċedura tas-sottokumitati adottati bid-Deċiżjoni Nru 1/2003 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, huma emendati skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness III ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum li fih tiġi adottata.

    Magħmula fi Brussell, 26 ta’ Novembru 2008.

    Għall-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni

    Il-President

    M. NICOLAIDIS


    (1)  ĠU L 70, 18.3.2000, p. 2.

    (2)  ĠU L 79, 26.3.2003, p. 14.

    (3)  ĠU L 285, 28.10.2005, p. 49.

    (4)  ĠU L 336, 21.12.2005, p. 1.


    ANNESS I

    REGOLI TA’ PROĊEDURA IL-KUMITAT TA' KOOPERAZZJONI DOGANALI UE-MAROKK

    1.   Kompożizzjoni u presidenza

    Il-Kumitat ta’ Kooperazzjoni Doganali UE/Marokk, minn hawn il quddiem imsejjaħ “il-kumitat” huwa magħmul, minn naħa waħda, minn rappreżentati tal-Kummissjoni Ewropea, megħjuna minn esperti doganali ta’ l-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, minn rappreżentanti doganali (u/jew rappreżentanti oħra tal-gvern) tal-Marokk. Il-presidenza tal-kumitat tinbidel fuq bażi ta' rotazzjoni, bejn rappreżentat tad-dwana tal-Marokk u rappreżentat tal-Komunità Ewropea.

    2.   Rwol

    Il-kumitat għandu jaħdem taħt l-awtorità tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni, li lilu għandu jirrapporta wara kull laqgħa. Il-kumitat m'għandux il-poter li jieħu deċiżjonijiet. Madanakollu, huwa għandu l-poter li jagħmel proposti lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni.

    3.   Suġġetti

    Il-kumitat għandu jeżamina l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u tal-Pjan ta’ Azzjoni UE-Marokk approvat fil-kuntest tal-politika tal-viċinat, għal kull kwistjoni doganali. B'mod partikolari, huwa għandu jevalwa l-progress f'dak li għandu x'jaqsam mat-tqarrib, it-twettiq u l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet. Fejn meħtieġ, għandha tiġi diskussa l-kooperazzjoni fil-qasam ta' l-amministrazzjoni pubblika. Il-kumitat għandu jeżamina kull problema li tista’ tirriżulta fi kwistjonijiet doganali (notevolment regoli ta’ oriġini, proċeduri doganali ġenerali, nomenklatura doganali, valur fid-dwana, rati tat-tariffi, kooperazzjoni doganali) u jissuġġerixxi l-miżuri li jistgħu eventwalment jiġu meħuda. Fuq talba tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni, temi oħra, inkluż ta' natura orizzontali, jistgħu jiġu eżaminati mill-kumitat.

    Laqgħa tal-kumitat tista' tiddiskuti suġġetti li għandhom x'jaqsmu ma’ wieħed, aktar jew l-oqsma kollha doganali.

    4.   Segretarjat

    Uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea u uffiċjal tal-Gvern tal-Marokk għandhom ikunu segretarji permanenti tas-sottokumitat b'mod konġunt.

    Il-komunikazzjonijiet kollha li jirrigwardaw il-kumitat għandhom jiġu mgħoddija lis-segretarji tal-kumitat.

    5.   Laqgħat

    Il-kumitat għandu jiltaqa' kull meta ċ-ċirkostanzi jitolbu dan u mill-inqas darba fis-sena. Tista’ tissejjaħ laqgħa fuq bażi ta’ talba minn parti jew minn oħra, li titwassal mis-segretarju ta' dik il-parti, li jgħaddi t-talba lill-parti l-oħra. Sa minn meta tasal it-talba għal laqgħa tal-kumitat, is-segretarju tan-naħa l-oħra għandu jwieġeb fi żmien 15-il ġurnata ta' xogħol.

    F'każ ta' emerġenza partikolari, il-kumitat jista' jiġi mgħajjat fi żmien iqsar jekk iż-żewġ naħat jaqblu. It-talbiet kollha għal laqgħat għandhom isiru bil-miktub.

    Kull laqgħa tal-kumitat għandha issir fid-data u l-post li fuqhom kien hemm qbil miż-żewġ naħat.

    Għal kull parti, il-laqgħat għandhom jissejħu mis-segretarju inkarigat bi qbil mal-President. Qabel kull laqgħa, il-President jiġi infurmat dwar min ikun ippjanat li se jieħu sehem fid-delegazzjoni ta’ kull parti.

    Jekk iż-żewġ partijiet jaqblu, il-kumitat jista’ jistieden rappreżentanti oħra minn dipartimenti tekniċi taż-żewġ partijiet li jkunu kkonċernati minn jew involuti fi kwistjonijiet orizzontali, kif ukoll esperti sabiex jagħtu informazzjoni speċifika.

    6.   L-aġenda tal-laqgħat

    It-talbiet kollha għal punti li għandhom jiddaħħlu fl-aġenda tal-kumitat għandhom jiġu mgħoddija lis-segretarji tal-kumitat.

    Aġenda provviżorja għandha titfassal mill-president għal kull laqgħa. L-aġenda għandha tingħadda lin-naħa l-oħra mis-segretarju tal-kumitat inkarigat lill-ekwivalenti tiegħu jew tagħha sa mhux aktar tard minn 10 ijiem qabel il-bidu ta' kull laqgħa.

    L-aġenda provviżorja għandha tinkludi l-punti li għalihom is-segretarji jkunu rċevew talba sabiex dawn ikunu inklużi fl-aġenda provviżorja mhux aktar tard minn 15-il jum qabel il-bidu tal-laqgħa. Dokumentazzjoni relatata għandha tiġu rċevuta miż-żewġ naħat mill-inqas sebat ijiem qabel il-laqgħa. Biex jittieħed kont ta’ materji speċjali u/jewurġenti, dawn il-limiti ta’ żmien jistgħu jitqassru kemm-il darba ż-żewġ naħat jaqblu.

    L-aġenda għandha tiġi adottata mill-kumitat fil-bidu ta’ kull laqgħa.

    7.   Minuti

    Il-minuti għandhom jitħejjew u jiġu approvati miż-żewġ segretarji wara kull laqgħa. Kopja tal-minuti, inklużi l-proposti tal-kumitat għandhom jiġu mgħoddija mis-segretarji tal-Kumitat lis-segretarji u lill-President tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni.

    8.   Pubbliċità

    Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor, il-laqgħat tal-kumitat m’għandhomx ikunu pubbliċi.


    ANNESS II

    IR-REGOLI TA’ PROĊEDURA TAL-GRUPP GĦAD-DJALOGU EKONOMIKU UE-MAROKK

    1.   Kompożizzjoni u presidenza

    Il-grupp għad-djalogu ekonomiku, minn issa ’l quddiem “il-grupp”, għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea u rappreżentanti tal-Gvern tal-Marokk u l-presidenza tiegħu talterna bejn iż-żewġ naħat. L-Istati Membri għandhom jiġu mgħarrfa u mistiedna għal-laqgħat tal-grupp.

    2.   Rwol

    Il-grupp għandu jkun forum ta’ diskussjoni, ta’ konsultazzjoni u ta’ segwitu. Huwa għandu jaħdem taħt l-awtorità tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni, li lilu għandu jirrapporta wara kull laqgħa. M’għandux il-poter li jieħu deċiżjonijiet. Madanakollu huwa għandu l-poter li jagħmel proposti lill-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni.

    3.   Suġġetti

    Il-grupp għandu jkun forum ta’ diskussjoni ta’ kwistjonijiet makroekonomiċi. Dan għandu jeżamina wkoll l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u tal-Pjan ta’ Azzjoni UE-Marokk approvat fil-kuntest tal-politika tal-viċinat, partikolarment fis-setturi mniżzla hawn taħt, speċjalement għal dak li jirrigwarda l-progress ta’ approssimazzjoni, l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-liġi. Fejn meħtieġ, għandha tiġi diskussa l-kooperazzjoni fil-qasam ta’ l-amministrazzjoni pubblika. Il-Grupp għandu jeżamina kwalunkwe problema li tista’ tinqala’ fis-setturi elenkati hawn taħt u jissuġġerixxi passi possibbli li jistgħu jittieħdu:

    (a)

    il-Qafas Makroekonomiku

    (b)

    Ir-Riformi Strutturali

    (ċ)

    Is-Settur finanzjarju u s-swieq tal-kapital (aspetti makroekonomiċi)

    (d)

    Iċ-ċirkolazzjoni tal-kapital u pagamenti kurrenti

    (e)

    Il-Ġestjoni u l-kontroll tal-finanzi pubbliċi

    (f)

    It-tassazzjoni

    (g)

    L-istatistika.

    Il-lista ta’ hawn fuq mhix waħda eżawrjenti u suġġetti oħrajn, inklużi materji ta’ natura orizzontali, jistgħu jiġu miżjuda mill-Kumitat ta’ Assocjazzjoni.

    Il-Grupp jista’ jiddiskuti suġġetti li għandhom x’jaqsmu ma wieħed, aktar jew l-oqsma kollha mniżżla hawn fuq.

    4.   Segretarjat

    Uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea u uffiċjal tal-Gvern tal-Marokk għandhom ikunu segretarji permanenti tal-grupp b’mod konġunt.

    Il-komunikazzjonijiet kollha dwar il-Grupp ta’ Djalogu Ekonomiku jintbagħtu lis-segretarji tal-grupp.

    5.   Laqgħat

    Il-Grupp għandu jiltaqa’ kull meta ċ-ċirkostanzi jitolbu dan u mill-inqas darba fis-sena. Tista’ tissejjaħ laqgħa fuq bażi ta’ talba minn parti jew minn oħra, li titwassal mis-segretarju ta’ dik il-parti, li jgħaddi t-talba lill-parti l-oħra. Sa minn meta tasal it-talba għal laqgħa tal-grupp, is-segretarju tan-naħa l-oħra għandu jwieġeb fi żmien 15-il ġurnata ta’ xogħol.

    F’każ ta’ emerġenza partikolari, il-grupp jista’ jiġi mgħajjat fi żmien iqsar jekk iż-żewġ naħat jaqblu. It-talbiet kollha għal laqgħat għandhom isiru bil-miktub.

    Kull laqgħa tal-grupp issir alternattivament fi Brussell u f’Rabat fid-data miftiehma miż-żewġ naħat.

    Għal kull parti, il-laqgħat għandhom jissejħu mis-segretarju ta’ dik il-parti bi qbil mal-President. Qabel kull laqgħa, il-President għandu jiġi infurmat dwar min ikun ippjanat li se jieħu sehem fid-delegazzjoni ta’ kull parti.

    Jekk iż-żewġ partijiet jaqblu, il-grupp jista’ jistieden esperti għal-laqgħat tiegħu biex jipprovdu informazzjoni speċifika.

    6.   L-aġenda tal-laqgħat

    It-talbiet kollha għal punti li għandhom jiddaħħlu fl-aġenda tal-grupp għandhom jiġu mgħoddija lis-segretarji tal-kumitat.

    Aġenda provviżorja ssir minn kull ko-President alternattivament fuq bażi ta’ rotazzjoni għal kull laqgħa. L-aġenda għandha tingħadda lin-naħa l-oħra mis-segretarju tal-grupp sa mhux aktar tard minn 10 t’ijiem qabel il-bidu ta’ kull laqgħa.

    L-aġenda provviżorja għandha tinkludi l-punti li għalihom is-segretarji jkunu rċevew talba sabiex dawn ikunu inklużi fl-aġenda sa mhux aktar tard minn 15-il jum qabel il-bidu tal-laqgħa. Dokumentazzjoni relatata għandha tiġi rċevuta miż-żewġ naħat mill-inqas sebat ijiem qabel il-laqgħa. Biex jittieħed kont ta’ materji speċjali u/jew urġenti, dawn il-limiti ta’ żmien jistgħu jitqassru kemm-il darba ż-żewġ naħat jaqblu.

    Għandha tiġi adottata mill-grupp l-aġenda fil-bidu ta’ kull laqgħa.

    7.   Minuti

    Il-minuti għandhom jitħejjew u jiġu approvati miż-żewġ segretarji wara kull laqgħa. Kopja tal-minuti, inklużi l-proposti tal-grupp għandhom jiġu mgħoddija mis-segretarji tal-grupp lis-segretarji u lill-President tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni.

    8.   Pubbliċità

    Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor, il-laqgħat tal-Grupp ta’ Djalogu Ekonomiku m’għandhomx ikunu pubbliċi.


    ANNESS III

    A.   IR-REGOLI TA’ PROĊEDURA TAS-SOTTOKUMITAT UE-MAROKK NRU 1 “SUQ INTERN”

    Fl-Anness II, il-punt 3, “Suġġetti”, tad-Deċiżjoni 1/2003 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, il-lista tas-setturi koperti mis-sottokumitat hija sostitwita b’dan li ġej:

    “(a)

    Standardizzazzjoni, ċertifikazzjoni, evalwazzjoni tal-konformità u sorveljanza tas-suq (aspetti mhux marbuta mal-ftehimiet kummerċjali f’dawn l-oqsma)

    (b)

    Kompetizzjoni u Għajnuna mill-Istat

    (ċ)

    Id-drittijiet tal-proprjetà intelletwali, industrijali u kummerċjali

    (d)

    L-akkwist pubbliku

    (e)

    Il-protezzjoni tal-konsumaturi

    (f)

    Is-Servizzi (kwistjonijiet regolamentarji) inklużi s-servizzi finanzjarji u postali

    (g)

    Liġi tal-Kumpaniji u d-dritt ta’ stabbiliment.”

    B.   IR-REGOLI TA’ PROĊEDURA TAS-SOTTOKUMITAT NRU 2 “INDUSTRIJA, KUMMERĊ U SERVIZZI”

    Fl-Anness II, il-punt 3, “Suġġetti”, tad-Deċiżjoni 1/2003 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, il-lista tas-setturi koperti mis-sottokumitat hija sostitwita b’dan li ġej:

    “(a)

    Il-kooperazzjoni industrijali u l-politika ta’ l-impriżi

    (b)

    Kwistjonijiet kummerċjali

    (ċ)

    Kummerċ f’servizzi u regoli ta’ stabbiliment

    (d)

    It-turiżmu u l-artiġjanat

    (e)

    It-tħejjija tal-ftehimiet kummerċjali dwar ir-regoli tekniċi, ta’ standardizzazzjoni, il-kriterji u l-evalwazzjoni tal-konformità

    (f)

    Il-Protezzjoni tad-data

    (g)

    L-Istatistika kummerċjali.”

    C.   IR-REGOLI TA’ PROĊEDURA TAS-SOTTOKUMITAT UE/MAROKK NRU 3 “TRASPORT, AMBJENT U ENERĠIJA”

    Fl-Anness II, il-punt 3, “Suġġetti”, tad-Deċiżjoni 1/2003 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, il-lista tas-setturi koperti mis-sottokumitat hija sostitwita b’dan li ġej:

    “(a)

    It-trasport: notevolment il-modernizzazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-infrastrutturi, it-tisħiħ tas-sigurtà u s-sikurezz fil-mezzi kollha tat-trasport, il-kontroll u l-ġestjoni tal-porti u l-ajruporti, it-titjib tas-sistema multimodali, bl-integrazzjoni tal-kwistjoni ta’ l-interoperabbiltà.

    (b)

    L-ambjent: notevolment it-tisħiħ tal-ħiliet fi kwistjonijiet ta’ governanza ambjentali, fil-qasam istituzzjonali u legali, tal-ġlieda kontra d-diversi forom ta’ tniġġis; l-appoġġ għall-integrazzjoni tad-dimensjoni ambjentali fis-setturi prijoritarji tas-sħubija Ewro-Mediterranja f’perspettiva ta’ żvilupp sostenibbli; l-implimentazzjoni tal-programmi nazzjonali ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent, notevolment dawk relatati mal-purifikazzjoni tal-likwidi u l-ġestjoni ta’ l-iskart solidu; it-tisħiħ tal-kooperazzjoni reġjonali u internazzjonali, notevolment dwar it-tibdil fil-klima.

    (ċ)

    L-energija: notevolment il-modernizzazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-infrastrutturi, is-sigurtà u s-sikurezza ta’ l-infrastrutturi u tat-trasport ta’ l-enerġija, il-ġestjoni tad-domanda, il-promozzjoni ta’ l-enerġija li tiġġedded, ir-riċerka u l-kooperazzjoni fl-iskambji ta’ dejta.”

    D.   IR-REGOLI TA’ PROĊEDURA TAS-SOTTOKUMITAT UE/MAROKK NRU 5 “AGRIKOLTURA U SAJD”

    Il-lista tas-setturi koperti mis-sottokumitat li jidhru fil-punt 3 “Temi” hija mibdula kif ġej:

    “(a)

    il-prodotti agrikolu u s-sajd, inkluż il-kwistjonijiet kummerċjali li jolqtu dawn il-prodotti.

    (b)

    Il-kooperazzjoni agrikola u l-iżvilupp rurali

    (ċ)

    Prodotti agrikoli pproċessati

    (d)

    L-affarijiet veterinarji u fitosanitarji

    (e)

    l-leġiżlazzjoni applikabbli għall-iskambju ta’ dawn il-prodotti.”

    E.   IR-REGOLI TA’ PROĊEDURA TAS-SOTTOKUMITAT UE/MAROKK NRU 6 “ĠUSTIZZJA U SIGURTÀ”

    Il-lista tas-setturi koperti mis-sottokumitat li jidhru fil-punt 3 “Temi” hija mibdula kif ġej:

    “(a)

    il-kooperazzjoni fil-ġustizzja

    (b)

    il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’affarijiet ċivili u kriminali

    (ċ)

    il-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, inkluż it-traffikar u l-kutrabandu tal-bnedmin, it-traffikar tad-droga, it-terroriżmu, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus.

    (d)

    il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet ta’ Pulizija.”


    Top