Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0626(01)

2008/626/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 30 ta’ April 2008 Għajnuna mill-Istat C 40/06 (ex NN 96/05) Skemi ta’ għajnuna f’forma ta’ self implimentati mir-Renju Unit (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 1612) Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 202, 31.7.2008, p. 62–69 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/626(1)/oj

31.7.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 202/62


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-30 ta’ April 2008

Għajnuna mill-Istat C 40/06 (ex NN 96/05)

Skemi ta’ għajnuna f’forma ta’ self implimentati mir-Renju Unit

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 1612)

(Il-verżjoni bl-Ingliż biss hija awtentika)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2008/626/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 88(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(2) u (3) tiegħu,

Wara li talbet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom skond id-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq (2),

Billi:

I   PROĊEDURA

(1)

Permezz ta’ ittra datata l-15 ta’ Ġunju 2004, il-Kummissjoni ġiet mgħarrfa minn ċittadin tar-Renju Unit dwar għajnuna mogħtija mill-Kunsill tal-Gżejjer Shetland, l-awtorità pubblika fil-Gżejjer Shetland tar-Renju Unit, lis-settur tas-sajd, li setgħet ikkonċernat għajnuna illegali mill-Istat. Permezz ta’ ittri datati 24 t’Awissu 2004, l-4 ta’ Frar 2005, il-11 ta’ Mejju 2005 u s-16 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni talbet lir-Renju Unit biex jipprovdi informazzjoni dwar tali għajnuna. Ir-Renju Unit ipprovda lill-Kummissjoni b’aktar informazzjoni permezz ta’ ittri datati l-10 ta’ Diċembru 2004, is-6 ta’ April 2005, it-8 ta’ Settembru 2005 u l-31 ta’ Jannar 2006.

(2)

Permezz ta’ ittra datata t-13 ta’ Settembru 2006, il-Kummissjoni informat lir-Renju Unit dwar id-deċiżjoni li tagħti bidu għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE fir-rigward ta’ l-għajnuna. Ir-Renju Unit ta l-kummenti tiegħu dwar l-għajnuna permezz ta’ ittra datata 16 t’Ottubru 2006. Wara t-talbiet mill-Kummissjoni datati l-31 ta’ Jannar 2007 u l-5 ta’ Frar 2008, aktar informazzjoni ngħatat permezz ta’ ittri datati l-4 ta’ Settembru 2007 u s-27 ta’ Frar 2008.

(3)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinbeda l-proċedura ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea fit-30 ta’ Novembru 2006 (3). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati kollha biex iressqu l-kummenti tagħhom dwar l-għajnuna. Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kumment mingħand partijiet interessati.

II   DESKRIZZJONI DETTALJATA

(4)

Il-Kunsill tal-Gżejjer Shetland għamel ħlasijiet lis-settur tas-sajd fl-ambitu ta’ żewġ miżuri ta’ għajnuna ġenerali imsejjħa “Ġħajnuna lill-Industrija tal-Qbid u ta’ l-Ipproċessar tal-Ħut” u “Ġħajnuna lill-Industrija tat-Trobbija tal-Ħut”, li fil-fatt kienu jikkonsistu f’diversi tipi differenti ta’ skemi ta’ għajnuna. Fost dawn l-iskemi kien hemm dawk li jissejjħu skemi ta’ għajnuna f’forma ta’ Self (“l-iskema”).

(5)

Għajnuna ingħatat lil persuni li jrabbu s-salamun, permezz ta’ għajnuna f’forma ta’ self mogħtija permezz ta’ l-Assoċjazzjoni tat-Trobbija tal-Ħut u lil persuni li jipproċessaw il-ħut, permezz ta’ għajnuna f’forma ta’ self mogħtija permezz ta’ l-Assoċjazzjoni tal-Proċessuri tal-Ħut.

Għajnuna f’Forma ta’ Self għat-Trobbija tas-Salamun

(6)

L-Għajnuna f’Forma ta’ Self għat-Trobbija tas-Salamun ġiet stabbilita fis-sena 2000 biex tipprovdi self għal kapital għall-operat lil kumpaniji individwali li jrabbu s-salamun biex ikomplu jkabbru l-ħut sa daqs li jkun xieraq għall-qbid. Is-self mogħti skond l-iskema jvarja minn GBP 87 000 għal GBP 250 000, dawk l-ammonti jirrappreżentaw massimu ta’ 75 % ta’ l-ispejjeż għax-xiri ta’ frieħ tas-salamun. L-ammont totali tas-self mogħti huwa GBP 3 477 130.

(7)

Is-self ingħata lil kumpaniji li setgħu juru vijabbiltà billi pproduċew pjan tan-negozju u previżjonijiet finanzjarji aċċettabbli għal perjodu li jkopri mill-inqas tliet snin. Is-self kien soġġett għal imgħax b’rati li ġeneralment jikkorrispondu ma’ 2 % aktar mir-rata bażi applikabbli fir-Renju Unit. Sabiex is-self ikun garantit, ingħata bil-kundizzjoni li min ikun silef jieħu “id-dritt tat-titolu” fuq il-frieħ tas-salamun, u b’hekk is-self ikun garantit fuq il-bażi tal-valur tal-bejgħ tal-ħut meta jikber.

Skema ta’ self għall-ipproċessar tal-ħut

(8)

Skond l-iskema ta’ Self għall-ipproċessar tal-ħut, ingħataw self lil ħames kumpaniji waqt il-perjodu bejn l-1996 u l-2002. Is-self varja minn GBP 73 000 għal GBP 200 000, b’total ta’ GBP 698 300. Is-self ingħata lil kumpaniji li waqt il-perjodu tas-self intrabtu li jipprovdu rendikonti ivverifikati b’mod professjonali, li jaħdmu skond l-istandards rilevanti nazzjonali u tal-Komunità ta’ l-iġjene, tas-saħħa u tas-sigurtà, u li jkunu membri ta’ l-Assoċjazzjoni tal-Proċessuri tal-Ħut ta’ Shetland.

Raġunijiet biex tinbeda l-proċedura

(9)

Il-Kummissjoni qieset li ma setax jiġi stabbilit mill-informazzjoni disponibbli jekk is-self skond l-iskemi ngħatax skond kundizzjonijiet aċċettabbli għal selliefa privati normali fis-suq. Billi s-self kien jidher li ngħata f’ċirkostanzi aktar favorevoli jew b’kundizzjonijiet aktar favorevoli milli jkunu aċċettabbli għal sellief privat normali, il-benefiċjarji dehru li ngħataw benefiċċju li ma kienux jirċevu f’ċirkostanzi ekonomiċi normali. Billi, barra dan, il-kumpaniji konċernati ġew meqjusa li kienu f’kompetizzjoni diretta ma’ kumpaniji oħra fis-settur tas-sajd, is-self kien jidher li hu għajnuna mill-Istat fit-tifsira ta’ l-Artikolu 87 tat-Trattat tal-KE.

(10)

Fir-rigward tal-kompatibbiltà tas-self, bħala għajnuna mill-Istat, mal-Linji Gwida għall-verifika ta’ għajnuna mill-Istat lis-sajd u lill-akkwakultura applikabbli fiż-żmien li ngħatat l-għajnuna, il-Kummissjoni kellha dubbju li s-self seta’ jkun meqjus bħala self kummerċjali u għalhekk qisietu bħala għajnuna mill-Istat. Fir-rigward tal-kompatibbiltà tas-self mas-suq komuni, il-Kummissjoni barra dan kellha dubbju li, fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni disponibbli, setgħu jiġu meqjusa li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet tal-Linji Gwida rispettivi għall-verifika ta’ l-għajnuna mill-Istat lis-sajd u lill-akkwakultura, applikabbli fiż-żminijiet rispettivi li ngħatat l-għajnuna.

III   KUMMENTI MIR-RENJU UNIT

(11)

Fl-ittri tiegħu datati s-16 ta’ Ottubru 2006, l-4 ta’ Settembru 2007 u s-27 ta’ Frar 2008, ir-Renju Unit ipprovda aktar informazzjoni dwar is-self mogħti skond l-iskemi.

(12)

Ir-Renju Unit qal li s-self kien ingħata skond ċirkostanzi aċċettabbli għal sellief privat normali u li, għalhekk, is-self ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-istat fit-tifsira ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat.

(13)

F’dan ir-rigward, ir-Renju Unit ipprovda deskrizzjoni tal-politika dwar ir-rati ta’ imgħax applikata fir-rigward ta’ l-għoti ta’ dan is-self. Ir-rati ta’ imgħax kienu ġew stabbiliti b’referenza għall-kisba ta’ qligħ fuq il-kapital konsistenti mar-rata bażi tal-KE (Renju Unit) u wara valutazzjoni tar-riskju. Dan irriżulta f’politika dwar ir-rati ta’ imgħax li tagħti rati ta’ imgħax indikattivi ta’ 2 % fuq ir-rata bażi tar-Renju Unit għal self b’riskju baxx, 3 % fuq ir-rata bażi tar-Renju Unit għal self b’riskju medju u 4 % fuq ir-rata bażi tar-Renju Unit għal self b’riskju għoli. Ir-Renju Unit jidhirlu li din il-politika hija skond il-prinċipju ta’ l-investitur f’ekonomija tas-suq.

Għajnuna f’Forma ta’ Self għat-Trobbija tas-Salamun

(14)

Fir-rigward ta’ self mogħti lil min irabbi s-salamun skond l-Għajnuna f’Forma ta’ Self għat-Trobbija tas-Salamun, ingħata self lil ħmistax-il kumpanija matul il-perjodu minn Settembru 2000 sa Jannar 2003. Il-kundizzjonijiet u r-rati ta’ imgħax tas-self varjaw kif ġej:

Benefiċjarju

Data

Ammont (GBP)

Self bħala % tal-proġett totali

Perjodu ta’ żmien tas-self

Rata ta’ imgħax f’ %

Johnson Seawell Ltd

06-2000

250 000

24

20 xahar

8,0

North Atlantic Salmon Ltd

06-2000

211 500

71,8

sentejn

8,0

Hoove Salmon Ltd

06-2000

87 000

51,1

21 xahar

8,0

Dury Salmon Ltd

06-2000

250 000

64,3

sentejn

8,0

Hoganess Salmon Ltd

09-2000

213 000

72

sentejn

8,0

North Isles Seafood Ltd

08-2000

250 000

74,7

sentejn

8,0

Bressay Salmon Ltd

06-2000

156 300

74,9

sentejn

8,0

Wester Sound Salmon Ltd

10-2000

250 000

56,8

sentejn

8,0

Scord Salmon (Shetland) Ltd

02-2001

107 100

72,6

sentejn

7,5

Hoove Salmon Ltd

07-2001

226 481

73,2

sentejn

7,5

Skerries Salmon Ltd

07-2001

249 750

75,7

sentejn

7,5

Unst Salmon Ltd

08-2001

250 000

28,9

sentejn

7,5

SSG Seafoods Ltd

04-2002

250 000

30,2

sentejn

6,5

Cro Lax Ltd

05-2002

250 000

49,6

sentejn

6,5

Aqua Farm Ltd

09-2002

250 000

34,8

15-il xahar

6,5

(15)

Ir-Renju Unit qal li l-biċċa l-kbira ta’ dan is-self kien ingħata bl-applikazzjoni tar-rata bażi tal-Bank of England miżjuda bi 2 %, xi drabi miżjuda bi 3 %. Il-kundizzjonijiet għal-ħlas lura kienu ġew imfassla biex jirriflettu iċ-ċiklu ta’ tkabbir tal-frieħ tas-salamun. B’mod tipiku il-perjodu ta’ żmien kien bejn wieħed u ieħor sentejn bl-imgħax jitħallas kull xahar u l-kapital jitħallas fl-għeluq tal-perjodu tas-self, li ġie strutturat biex jaħbat mal-ħsad. Il-proporzjon ta’ self mal-valur ivarja minn 24 % sa 75 %.

(16)

Sabiex is-self ikun garantit, ingħata bil-kundizzjoni li s-sellief jieħu “d-dritt tat-titolu” fuq il-frieħ tas-salamun, u b’hekk is-self ikun garantit fuq il-bażi tal-valur tal-bejgħ tal-ħut meta jikber. Ir-Renju Unit afferma li, f’suq normali, ikun mistenni li l-valur tal-frieħ tas-salamun jgħola matul il-perjodu li jkunu qed jikbru, u għalhekk il-proporzjon tas-self mal-valur jitjieb matul l-istess perjodu. Barra dan, għas-self mogħti kienet ingħatat garanzija permezz ta’ floating charges, li jipprovdu garanzija mhux biss permezz tal-valur tal-ħut, iżda anki permezz ta’ l-assi tanġibbli tal-kumpanija, per eżempju, gaġeġ tal-ħut, liċenzji, eċċ.

(17)

Ir-Renju Unit fl-aħħarnett ipprovda dettalji ta’ l-impriżi li ngħataw is-self, tal-kapital reġistrat tagħhom, il-perċentwali ta’ kapital mitluf fiż-żmien ta’ l-investimenti u fit-tnax-il xahar qabel l-investimenti, informazzjoni li turi li ebda waħda mill-impriżi ma kienet soġġetta għal proċeduri ta’ falliment fiż-żminijiet rispettivi ta’ l-għotja, u l-previżjonijiet finanzjarji preżentati mill-impriżi li juru l-vijabbiltà finanzjarja tagħhom fil-mument ta’ l-applikazzjoni, kif ukoll informazzjoni dwar il-titoli speċifiċi u arranġamenti ta’ klassifikazzjoni ta’ kull self.

Skema ta’ self għall-ipproċessar tal-ħut

(18)

Fir-rigward tas-self mogħti lil proċessuri tal-ħut skond l-iskema ta’ Self għall-ipproċessar tal-ħut, is-self kien kif ġej:

Benefiċjarju

Data

Ammont tas-self

(GBP)

Self bħala % mill-proġett totali

Perjodu ta’ żmien tas-self

Rata ta’ imgħax f’ %

Lerwick Fish Traders Ltd

05-1996

200 000

24,4

10 snin

7,75

Shetland Seafood Specialities Ltd

10-1996

73 000

39,2

10 snin

9,0

Whalsay Fish Processing Ltd

08-1997

173 000

36,6

10 snin

8,0

D Watt (Shetland) Ltd

12-1998

110 000

21,6

10 snin

8,0/5,0 (4)

D Watt (Shetland) Ltd

05-2002

142 002

39,1

7 snin

6,5

(19)

Ir-Renju Unit qal li s-self kollu, ħlief wieħed, kien ingħata b’rati ta’ imgħax ogħla kemm mir-rata bażi tal-Bank of England u kemm mir-rata ta’ referenza tal-KE (Renju Unit); li s-self kien tipikament għal tagħmir u ġeneralment għal perjodi ta’ 10 snin; il-kundizzjonijiet kienu meqjusa li huma skond il-kundizzjonijiet li jiġu offruti minn selliefa kummerċjali normali u li, fil-każijiet kollha, ir-rata tal-valur tas-self ma kenitx akbar minn 40 %. Is-self kien soġġett għal garanziji fil-forma ta’ titoli u floating charges standard.

(20)

Ir-Renju Unit ipprovda dettalji ta’ l-impriżi li ngħataw self, tal-kapital reġistrat tagħhom, tal-perċentwali ta’ kapital mitluf fiż-żmien ta’ l-investimenti u fit-tnax-il xahar qabel l-investimenti, informazzjoni li turi li ebda waħda mill-impriżi ma kienet soġġetta għal proċeduri ta’ falliment fiż-żminijiet rispettivi ta’ l-għotja, u l-previżjonijiet finanzjarji preżentati mill-impriżi li juru l-vijabbiltà finanzjarja tagħhom fil-mument ta’ l-applikazzjoni, kif ukoll informazzjoni dwar it-titoli speċifiċi u arranġamenti ta’ klassifikazzjoni ta’ kull self.

(21)

Fl-aħħarnett, fir-rigward tas-self mogħti lil D Watt (Shetland) Ltd fl-1998, ir-Renju Unit qal li għalkemm ir-rata ta’ imgħax oriġinali ta’ dan is-self kienet 8 %, kienet ġiet imnaqqsa għal 5 % permezz ta’ għotja ta’ tnaqqis ta’ imgħax ta’ GBP 20 000 imħallsa direttament mill-Kunsill tal-Gżejjer Shetland. Ir-Renju Unit innota li l-element ta’ l-għotja seta’ tħallas direttament lil min issellef, billi min issellef kien eliġibbli għal għajnuna f’forma ta’ għotja. Madankollu, biex l-affarijiet ikunu aktar faċli biex jiġu amministrati, l-għotja kienet tħallset lis-sellief u tnaqqas l-imgħax fuq is-self.

Il-kompatibbiltà u l-irkupru

(22)

Ir-Renju Unit qal li, kieku l-Kummissjoni kellha tqis is-self bħala mhux kummerċjali, kien kompatibbli mar-regoli rilevanti ta’ l-għajnuna mill-Istat.

(23)

Fl-aħħarnett, ir-Renju Unit indika li jekk il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni negattiva, l-irkupru ta’ għajnuna mogħtija qabel it-3 ta’ Ġunju 2003 ma għandux ikun meħtieġ billi dak ikun kuntrarju għall-prinċipju tal-protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi. F’dan ir-rigward, ir-Renju Unit għamel referenza għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/612/KE tat-3 ta’ Ġunju 2003 dwar self għax-xiri ta’ kwoti tas-sajd fil-Gżejjer Shetland (Renju Unit) (5) kif ukoll għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/226/KE tas-7 ta’ Diċembru 2005 dwar investimenti ta’ Shetland Leasing and Property Developments fil-Gżejjer Shetland (Renju Unit) (6), u qal li sat-3 ta’ Ġunju 2003 il-Kunsill tal-Gżejjer Shetland b’mod leġittimu qies il-fondi użati bħala li kienu privati u mhux pubbliċi.

IV   VALUTAZZJONI

(24)

Għandu jkun stabbilit l-ewwelnett jekk il-miżura tistax titqies bħala għajnuna mill-Istat u jekk dan hu l-każ, jekk l-għajnuna hix kompatibbli mas-suq komuni.

Eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat

(25)

Skond l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE,“bla ħsara ta’ kull deroga kontemplata f’dan it-Trattat, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq komuni”.

(26)

Skond il-ġurisprudenza stabbilita (7) l-għoti ta’ self mill-Istat jew minn entitajiet kontrollati mill-Istat lil ditta jista’ jiffavorixxi lil dik id-ditta fit-tifsira ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE jekk min jissellef jingħata kundizzjonijiet li jkunu aktar favorevoli minn dawk li kien jikseb fis-suq tal-kapital.

(27)

Mod xieraq biex jiġi stabbilit jekk self ikunx għajnuna mill-Istat, huwa li jiġi applikat il-kriterju li jiġi stabbilit sa liema punt l-impriża kien jirnexxielha tikseb l-ammonti in kwistjoni fis-swieq tal-kapital privati b’kundizzjonijiet simili.

(28)

Il-fatturi rilevanti għall-valutazzjoni tas-self imqabbla mas-swieq tal-kapital privati huma b’mod partikolari l-perjodu ta’ żmien u l-ammont tas-self, ir-riskju ta’ nuqqas minn min jissellef, ir-rata ta’ imgħax, in-natura tal-garanzija mogħtija u l-arranġament dwar il-klassifikazzjoni.

(29)

Fir-rigward tar-rati ta’ imgħax ta’ tali self, ir-rata tas-suq li għandha tintuża bħala punt ta’ referenza għall-paragun hija r-rata ta’ referenza stabbilita mill-Kummissjoni skond l-avviż tal-Kummissjoni dwar il-metodu biex jiġu ffissati r-rati ta’ referenza u ta’ skont (8). Ir-rata ta’ referenza li tiġi stabbilita b’dan il-mod hija rata minima li tista’ tiġi miżjuda f’sitwazzjonijiet li jinvolvu riskju partikolari (per eżempju, fejn impriża tkun f’diffikultà jew fejn il-garanzija meħtieġa normalment mill-banek ma tingħatax). F’każijiet bħal dawn, il-primjum jista’ jkun ta’ 400 punt bażi jew aktar jekk ebda bank privat ma jkun aċċetta li jagħti s-self rilevanti,

(30)

It-tabella t’hawn taħt tqabbel ir-rati ta’ imgħax applikati skond l-iskemi mar-rata ta’ referenza tal-Komunità applikabbli fiż-żminijiet rispettivi meta ingħataw.

Benefiċjarju

Data

Rata ta’ imgħax applikata f’ %

Rata ta’ referenza ta’ l-UE f’ %

Skema ta’ self għall-ipproċessar tal-ħut

Lerwick Fish Traders Ltd

05-1996

7,75

11,18

Shetland Seafood Specialities Ltd

10-1996

9,0

10,26

Whalsay Fish Processing Ltd

08-1997

8,0

8,15

D Watt (Shetland) Ltd

12-1998

8,0/5,0 (9)

7,77

D Watt (Shetland) Ltd

05-2002

6,5

6,01

Għajnuna f’forma ta’ self għat-Trobbija tas-Salamun

Johnson Seawell Ltd

06-2000

8,0

7,64

North Atlantic Salmon Ltd

06-2000

8,0

7,64

Hoove Salmon Ltd

06-2000

8,0

7,64

Dury Salmon Ltd

06-2000

8,0

7,64

Hoganess Salmon Ltd

09-2000

8,0

7,64

North Isles Seafood Ltd

08-2000

8,0

7,64

Bressay Salmon Ltd

06-2000

8,0

7,06

Wester Sound Salmon Ltd

10-2000

8,0

7,06

Scord Salmon (Shetland) Ltd

02-2001

7,5

7,06

Hoove Salmon Ltd

07-2001

7,5

7,06

Skerries Salmon Ltd

07-2001

7,5

7,06

Unst Salmon Ltd

08-2001

7,5

6,01

SSG Seafoods Ltd

04-2002

6,5

6,01

Cro Lax Ltd

05-2002

6,5

6,01

Aqua Farm Ltd

09-2002

6,5

6,01

(31)

Fil-każ tas-self mogħti lil tliet kumpaniji skond l-iskema ta’ Self għall-ipproċessar tal-ħut f’Mejju 1996 lil Lerwick Fish Traders Ltd, f’Ottubru 1996 lil Shetland Seafood Specialities Ltd u f’Awissu 1997 lil Whalsay Fish Processing Ltd, ir-rati ta’ imgħax applikati kienu inqas mir-rata ta’ referenza tal-Komunità. Barra dan, ir-rata ta’ imgħax tas-self mogħti lil D Watt (Shetland) Ltd fl-1998, għalkemm oriġinarjament ġiet stabbilita f’livell ogħla mir-rata ta’ referenza tal-Komunità, tnaqqset permezz ta’ għotja ta’ għajnuna għall-imgħax għal livell inqas mir-rata ta’ referenza tal-Komunità. Dan is-self għalhekk għandu jiġi meqjus bħala li ingħata b’kundizzjonijiet li huma aktar favorevoli minn dawk fis-suq tal-kapital u b’hekk jiffavorixxi l-impriżi konċernati.

(32)

Madankollu, jista’ jiġi stabbilit li r-rati ta’ imgħax għas-self l-ieħor kollu, mogħti minn Settembru 2000 ’il quddiem skond l-Iskema ta’ Self għall-Ipproċessar tal-Ħut u l-iskema ta’ Għajnuna f’Forma ta’ Self għat-Trobbija tas-Salamun, kienu kollha ogħla mir-rata ta’ referenza tal-Komunità applikabbli fiż-żmien meta ingħata s-self rispettiv u seta’ għalhekk ingħata skond kundizzjonijiet normali tas-suq tal-kapital. B’konsegwenza ta’ dan, huwa rilevanti li jiġi stabbilit kif l-aspetti l-oħra kollha ta’ dak is-self jipparagunaw ma’ self mogħti skond kundizzjonijiet normali tas-suq.

(33)

L-informazzjoni preżentata mir-Renju Unit, li tagħti s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ kull impriża, turi li s-self ingħata skond il-politika dwar ir-rati ta’ imgħax imsemmija fi premessa 13 u kien soġġett każ b’każ għal valutazzjoni tar-riskju, li tippermetti li l-awtorità li qed tislef tiffissa l-perjodu ta’ żmien, ir-rata ta’ imgħax u t-titoli u l-arranġamenti dwar il-klassifikazzjoni, każ b’każ għal kull self skond ir-riskju attwali ta’ kull self u skond il-kundizzjonijiet kummerċjali normali.

(34)

F’dan ir-rigward, huwa nnotat b’mod partikolari li l-ebda waħda mill-impriżi ma kienet, fiż-żmien li ingħata s-self rispettiv, ditta li kienet f’diffikultà fit-tifsira tal-Linji Gwida tal-Komunità dwar għajnuna mill-Istat biex jiġu salvati u ristrutturati ditti li jkunu f’diffikultà (10). Minħabba dan, fir-rigward tar-riskju ta’ nuqqas minn min jissellef, jiġi nnotat ukoll li, għalkemm xi impriżi wrew riskju akbar li jonqsu minn oħrajn, dak ir-riskju tpatta f’tali każijiet b’rata ta’ imgħax ogħla flimkien ma’ garanzija żejda b’mod li jista’ jitqabbel ma’ kundizzjonijiet normali fis-suq privat ta’ self lil dan is-settur.

(35)

Konsegwentement, jista’ jiġi konkluż li s-self mogħti minn Settembru 2000 “il quddiem jista” jiġi meqjus bħala li jitqabbel ma’ dak li sellief privat, li jaġixxi f’ekonomija tas-suq, kien ikun lest li jsellef bl-istess kundizzjonijiet u li dak is-self għalhekk ingħata b’kundizzjonijiet li ma kienux aktar favorevoli minn kundizzjonijiet normali tas-suq.

(36)

Self mogħti b’kundizzjonijiet li jirriflettu l-kundizzjonijiet normali tas-suq ma jagħtix vantaġġ lill-benefiċjarji tas-self meta mqabbel ma’ operaturi oħra fis-suq u, fin-nuqqas ta’ vantaġġ lill-impriżi konċernati, ma għandux għalhekk jiġi meqjus bħala għajnuna mill-Istat fit-tifsira ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat.

(37)

L-impriżi in kwistjoni huma f’kompetizzjoni diretta ma’ kumpaniji oħra fis-settur tas-sajd, b’mod partikolari fis-settur ta’ l-ipproċessar tal-ħut, kemm fir-Renju Unit u kemm fi Stati Membri oħra, liema kompetizzjoni tiġi mgħawwġa jew jista’ jkollha theddida ta’ distorsjoni mis-self. Konsegwentement, dan is-self għandu jiġi meqjus bħala għajnuna mill-Istat fit-tifsira ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat.

Kompatibbiltà

(38)

L-għajnuna mill-Istat tista’ tiġi dikjarata kompatibbli mas-suq komuni jew tkun konformi ma’ waħda mill-eċċezzjonijiet imsemmija fit-Trattat tal-KE. Fir-rigward ta’ għajnuna mill-Istat lis-settur tas-sajd, miżuri ta’ għajnuna mill-Istat jitqiesu kompatibbli mas-suq komuni jekk ikunu konformi mal-kundizzjonijiet tal-Linji Gwida applikabbli għall-eżami ta’ għajnuna mill-Istat lis-sajd u lill-akkwakultura.

(39)

Skond it-tieni paragrafu tal-punt 5.3 tal-Linji Gwida attwali għall-eżami ta’ għajnuna mill-Istat lis-sajd u lill-akkwakultura (11)“għajnuna illegali” fit-tifsira ta’ l-Artikolu 1(f) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 tiġi ivvalutata skond il-linji gwida applikabbli fiż-żmien meta l-att amministrattiv li jistabbilixxi l-għajnuna jkun daħal fil-seħħ. Billi din il-valutazzjoni tikkonċerna self lil erba’ kumpaniji mogħti fl-1996, fl-1997 u fl-1998, l-għajnuna għandha tiġi ivvalutata fuq il-kompatibbiltà mal-Linji Gwida għall-eżami ta’ għajnuna mill-Istat lis-sajd u lill-akkwakultura ta’ l-1994 (“il-Linji Gwida ta’ l-1994”) u dawk ta’ l-1997 (12) (“il-Linji Gwida ta’ l-1997”) (13)

Is-self għall-ipproċessar tal-ħut mogħti f’Mejju u f’Ottubru 1996

(40)

Il-punt 2.3 tal-Linji Gwida ta’ l-1994 jistipula li għajnuna għal investimenti fl-ipproċessar u t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tas-sajd tista’ titqies li tkun kompatibbli mas-suq komuni sakemm il-kundizzjonijiet għall-għoti tagħha jkunu komparabbli ma’ dawk stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) 3699/93 tal-21 ta’ Diċembru 1993 li jistabbilixxi l-kriterji u l-arranġamenti dwar għajnuna strutturali Komunitarja fis-settur tas-sajd u ta’ l-akkwakultura u l-ipproċessar u t-tqegħid fis-suq tal-prodotti tiegħu (14) jkunu għallinqas stretti daqshom u sakemm il-livell ta’ l-għajnuna ma jeċċedix, f’ekwivalenti ta’ sussidju, il-livell totali tas-sussidji nazzjonali u Komunitarji permessi skond l-Anness IV ta’ dak ir-Regolament.

(41)

Skond l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 3699/93 u l-punt 2.4 ta’ l-Anness III tiegħu, investimenti eliġibbli għandhom ikollhom x’jaqsmu b’mod partikolari mal-kostruzzjoni u l-akkwist ta’ bini u l-installazzjoni, ma’ l-akkwist ta’ tagħmir u installazzjonijiet ġodda meħtieġa għall-ipproċessar u għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tas-sajd u ta’ l-akkwakultura minn meta jittellgħu l-art sa l-istadju finali tal-prodott u l-applikazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda maħsuba b’mod partikolari biex itejjbu l-kompetittività. L-investimenti ma għandhomx ikunu eliġibbli għal għajnuna meta jikkonċernaw prodotti tas-sajd u ta’ l-akkwakultura maħsuba biex jintużaw u jiġu ipproċessati għal skopijiet oħra ħlief għall-konsum mill-bniedem, bl-eċċezzjoni ta’ investimenti esklussivament għall-kontroll, għall-ipproċessar u għat-tqegħid fis-suq ta’ skart tas-sajd u ta’ l-akkwakultura.

(42)

Is-self ta’ GBP 200 000, mogħti f’Mejju 1996 lil Lerwick Fish Traders Ltd, serva biex jgħin fil-finanzjament ta’ l-istabbiliment ta’ fabbrika ta’ l-ippakkjar u l-ipproċessar tas-salamun. Proġett bħal dan jaqa’ fl-ambitu tar-rekwiżiti msemmija fil-premessi 40 u 41. B’mod partikolari, jikkonċerna għajnuna lil investiment għall-kostruzzjoni ta’ bini u installazzjoni u l-akkwist ta’ tagħmir ġdid. Barra dan, l-investimenti ma kienux jikkonċernaw prodotti tas-sajd u ta’ l-akkwakultura maħsuba biex jintużaw u jiġu ipproċessati għal skopijiet oħra ħlief għall-konsum mill-bniedem.

(43)

Is-self ta’ GBP 73 000, mogħti f’Ottubru 1996 lil Shetland Seafood Specialities Ltd, serva biex jgħin fix-xiri u l-installazzjoni u l-ikkummissjonar ta’ linja tal-produzzjoni tas-soppa. Proġett bħal dan jaqa’ fl-ambitu tar-rekwiżiti msemmija fil-premessi 40 u 41. B’mod partikolari, jikkonċerna għajnuna lil investiment għall-akkwist ta’ tagħmir ġdid u installazzjonijiet meħtieġa għall-ipproċessar u t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tas-sajd u ta’ l-akkwakultura minn meta jittellgħu l-art sa l-istadju finali tal-prodott. Barra dan, l-investimenti ma kienux jikkonċernaw prodotti tas-sajd u ta’ l-akkwakultura maħsuba biex jintużaw u jiġu ipproċessati għal skopijiet oħra ħlief għall-konsum mill-bniedem.

Is-self għall-ipproċessar tal-ħut mogħti f’Awissu 1997 u f’Diċembru 1998

(44)

Fir-rigward tas-self mogħti fl-1997 u fl-1998, il-punt 2.3 tal-Linji Gwida ta’ l-1997 jirrepeti l-kundizzjonijiet li kienu ġew stabbiliti qabel fil-Linji Gwida ta’ l-1994, imsemmija fil-premessa 39. B’hekk l-għajnuna għandha tiġi ivvalutata skond il-kundizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 3699/93.

(45)

Is-self ta’ GBP 173 000, mogħti f’Awissu 1997 lil Whalsay Fish Processors Ltd, kien jikkonċerna proġett biex jiġu installati linja ta’ l-ipproċessar tal-ħut u faċilità tal-friża ġol-fabbrika eżistenti. Proġett bħal dan jaqa’ fl-ambitu tar-rekwiżiti msemmija fil-premessi 40 u 41. B’mod partikolari, jikkonċerna għajnuna għal investiment biex jiġi akkwistat tagħmir u installazzjonijiet ġodda meħtieġa għall-ipproċessar u t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tas-sajd u ta’ l-akkwakultura minn meta jittellgħu l-art sa l-istadju finali tal-prodott. Barra dan, l-investimenti ma kienux jikkonċernaw prodotti tas-sajd u ta’ l-akkwakultura maħsuba li jintużaw u jiġu ipproċessati għal skopijiet oħra ħlief għall-konsum mill-bniedem.

(46)

Fir-rigward ta’ l-għajnuna mogħtija lil D Watt (Shetland) Ltd f’Diċembru 1998, ir-Regolament (KE) Nru 3699/93 ġie sostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2468/1998 tat-3 ta’ Novembru 1998 li jistabbilixxi l-kriterji u l-arranġamenti dwar għajnuna strutturali Komunitarja fis-settur tas-sajd u ta’ l-akkwakultura u l-ipproċessar u t-tqegħid fis-suq tal-prodotti tiegħu (15). Skond l-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 2468/1998, ir-referenzi għar-Regolament (KE) Nru 3699/93 għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għar-Regolament il-ġdid. Id-dispożizzjonijiet dwar għajnuna għall-investiment fl-ipproċessar u fit-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tas-sajd huma stabbiliti fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 2468/1998 u fil-punt 2.4 ta’ l-Anness II tiegħu.

(47)

Skond l-Artikolu 11 u l-Punt 2.4 tar-Regolament (KE) Nru 2468/1998 u l-Anness II tiegħu, investimenti eliġibbli għandhom ikollhom x’jaqsmu b’mod partikolari mal-kostruzzjoni u l-akkwist ta’ bini u installazzjonijiet, l-akkwist ta’ tagħmir u installazzjonijiet ġodda meħtieġa għall-ipproċessar u għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tas-sajd u ta’ l-akkwakultura minn meta jittellgħu l-art sa l-istadju finali tal-prodott (inklużi b’mod partikolari tagħmir ta’ l-ipproċessar tad-data u tat-trażmissjoni tad-data). L-investimenti ma għandhomx ikunu eliġibbli għall-għajnuna meta jikkonċernaw prodotti tas-sajd u ta’ l-akkwakultura maħsuba biex jintużaw u jiġu ipproċessati għal skopijiet oħra ħlief għall-konsum mill-bniedem, bl-eżenzjoni ta’ investimenti esklussivament għall-kontroll, għall-ipproċessar u għat-tqegħid fis-suq ta’ skart tas-sajd u ta’ l-akkwakultura.

(48)

Is-self ta’ GBP 110 000, mogħti f’Diċembru 1998 lil D Watt (Shetland) Ltd, ingħata għall-bini u l-attrezzament ta’ fabbrika ġdida għall-ipproċessar tal-frott tal-baħar. Proġett bħal dan jaqa’ fl-ambitu tar-rekwiżiti msemmija fil-premessa 47. B’mod partikolari, jikkonċerna għajnuna lil investiment għall-akkwist ta’ tagħmir u installazzjonijiet ġodda meħtieġa għall-ipproċessar u għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tas-sajd u ta’ l-akkwakultura minn meta jittellgħu l-art sa l-istadju tal-prodott finali. Barra dan, l-investimenti ma kienux jikkonċernaw prodotti tas-sajd u ta’ l-akkwakultura maħsuba biex jintużaw u jiġu ipproċessati għal skopijiet oħra ħlief għall-konsum mill-bniedem.

Ir-rata ta’ l-għajnuna

(49)

Skond l-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 3699/93 u l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 2468/1998, l-għajnuna tista’ tingħata sa 50 % ta’ l-ispejjeż eliġibbli.

(50)

Is-self ta’ GBP 200 000 lil Lerwick Fish Traders Ltd ingħata għal proġett bi spiża totali ta’ GBP 819 672, li b’hekk kien ikopri bejn wieħed u ieħor 24,4 % ta’ l-ispiża attwali tal-proġett. Is-self kellu jitħallas lura f’108 pagament ugwali ta’ GBP 2 784,94 kull xahar. Ir-rata t’imgħax applikata kienet ta’ 7,75 %, imqabbla ma’ rata ta’ referenza Komunitarja ta’ 11,18 %.

(51)

Is-self ta’ GBP 73 000 lil Shetland Seafood Specialities Ltd ingħatat għal proġett bi spiża totali ta’ GBP 186 000, li b’hekk kien ikopri bejn wieħed u ieħor 39,2 % ta’ l-ispiża attwali tal-proġett. Is-self kellu jitħallas lura f’120 pagament ugwali ta’ kull xahar. Ir-rata t’imgħax applikata kienet 9 %, imqabbla ma’ rata ta’ referenza Komunitarja ta’ 10,26 %.

(52)

Is-self ta’ GBP 173 000 lil Whalsay Fish Processors Ltd ingħata għal proġett bi spiża totali ta’ GBP 473 150, li b’hekk kien ikopri bejn wieħed u ieħor 36,6 % ta’ l-ispiża attwali tal-proġett. Is-self kellu jitħallas lura f’96 pagament ugwali ta’ kull xahar li jibdew 24 xahar wara li jingħata s-self jew l-ewwel rata tiegħu. Ir-rata ta’ imgħax applikata kienet ta’ 8 %, imqabbla ma’ rata ta’ referenza Komunitarja ta’ 8,15 %.

(53)

Is-self ta’ GBP 110 000 lil D Watt (Shetland) Ltd ingħata għal proġett bi spiża totali ta’ GBP 510 000, li b’hekk kien ikopri bejn wieħed u ieħor 21,6 % ta’ l-ispiża attwali tal-proġett. Is-self kellu jitħallas lura f’120 pagament ugwali ta’ kull xahar. Ir-rata ta’ imgħax applikata kienet ta’ 5 %, imqabbla ma’ rata ta’ referenza Komunitarja ta’ 7,77 %.

(54)

Biex tiġi ikkalkolata r-rata ta’ l-għajnuna huwa meħtieġ li jsir paragun bejn l-ispejjeż tal-proġett li għandhom x’jaqsmu ma’ kull self u l-għotja totali ekwivalenti ta’ dak is-self. Fid-dawl tal-figuri msemmija fil-premessi 50 sa 53, kull self, anki qabel tiġi ikkalkolata l-għotja totali ekwivalenti, kien jammonta għal inqas minn 50 % ta’ l-ispiża totali tal-proġett.

(55)

Għalhekk, ir-rata ta’ l-għajnuna għas-self tista’ tiġi meqjusa bħala konformi mal-kundizzjonijiet ta’ l-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 3699/1993 u l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 2468/1998, kif imsemmija fil-premessa 49.

V   KONKLUŻJONI

(56)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal aktar ’il fuq, il-Kummissjoni ssib illi l-għajnuna mogħtija skond l-Iskema ta’ Għajnuna f’Forma ta’ Self għat-Trobbija tas-Salamun kif ukoll l-għajnuna mogħtija fl-2002 lil D Watt (Shetland) Ltd skond l-Iskema ta’ Self għall-Ipproċessar tal-Ħut mhix għajnuna mill-Istat fit-tifsira ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat.

(57)

Il-Kummissjoni ssib illi l-għajnuna mogħtija skond l-Iskema ta’ Self għall-Ipproċessar tal-Ħut f’Mejju 1996 lil Lerwick Fish Traders Ltd, f’Ottubru 1996 lil Shetland Seafood Specialities Ltd, u f’Awissu 1997 lil Whalsay Fish Processors Ltd u f’Diċembru 1998 lil D Watt (Shetland) Ltd hija għajnuna mill-Istat fit-tifsira ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat. Madankollu, dik l-għajnuna hi konformi mal-kundizzjonijiet tal-Linji Gwida għall-eżami ta’ għajnuna mill-Istat lis-sajd u lill-akkwakultura u għalhekk hija meqjusa bħala kompatibbli mas-suq komuni fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat tal-KE.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-għajnuna li r-Renju Unit ta fil-perjodu mis-sena 2000 sa l-2002 skond l-iskema ta’ Għajnuna f’Forma ta’ Self għat-Trobbija tas-Salamun mhix għajnuna fit-tifsira ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat.

2.   L-għajnuna li r-Renju Unit ta fl-2002 lil D Watt (Shetland) Ltd skond l-Iskema ta’ Self għall-Ipproċessar tal-Ħut mhix għajnuna fit-tifsira ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat.

3.   L-għajnuna li r-Renju Unit ta skond l-Iskema ta’ Self għall-Ipproċessar tal-Ħut fil-perjodu mill-1996 sa l-1998 lil Lerwick Fish Traders Ltd, Shetland Seafood Specialities Ltd, Whalsay Fish Processors Ltd u D Watt (Shetland) Ltd hija kompatibbli mas-suq komuni fit-tifsira ta’ l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittannja u l-Irlanda ta’ Fuq.

Magħmula fi Brussell, 30 ta’ April 2008.

Għall-Kummissjoni

Joe BORG

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

(2)  ĠU C 292, 1.12.2006, p. 6.

(3)  ĠU C 292, 1.12.2006, p. 6.

(4)  Il-benefiċjarju ta’ dan is-self ingħata għotja ta’ għajnuna għall-imgħax ta’ GBP 20 000, biex b’hekk rata ta’ imgħax ta’ 5 % biss kellha titħallas mill-impriża konċernata.

(5)  ĠU L 211 of 21.8.2003, p. 63.

(6)  ĠU L 81 of 18.3.2006, p. 36.

(7)  Każ C-142/87 Il-Belġju v Il-Kummissjoni [1986] ECR 231.

(8)  ĠU C 14, 19.1.2008, p. 6.

(9)  Il-benefiċjarju ta’ dan is-self ingħata għotja ta’ għajnuna għall-imgħax ta’ GBP 20 000, b’hekk seta’ jsir tnaqqis fir-rata ta’ l-imgħax għal 5 %.

(10)  ĠU C 288, 9.10.1999, p. 2.

(11)  ĠU C 84, 3.4.2008, p. 10.

(12)  ĠU C 260, 17.9.1994, p. 3.

(13)  ĠU C 100, 27.3.1997, p. 12.

(14)  ĠU L 346, 31.12.1993, p. 1.

(15)  ĠU L 312, 20.11.1998, p. 19.


Top