Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008L0016

    Direttiva tal-Kummissjoni 2008/16/KE tal- 15 ta’ Frar 2008 li temenda d-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex tinkludi l-etofenprox bħala sustanza attiva fl-Anness I tagħha Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 42, 16.2.2008, p. 48–50 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/08/2013; Imħassar b' 32012R0528

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2008/16/oj

    16.2.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 42/48


    DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2008/16/KE

    tal-15 ta’ Frar 2008

    li temenda d-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex tinkludi l-etofenprox bħala sustanza attiva fl-Anness I tagħha

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/8/KE tas-16 ta’ Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti bijoċidali (1), u b'mod partikolari it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 16(2) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2032/2003 ta’ l-4 ta’ Novembru 2003 dwar it-tieni fażi tal-programm ta’ ħidma ta’ għaxar snin imsemmi fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward it-tqegħid ta’ prodotti bijoċidali fis-suq, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1896/2000 (2) jistabbilixxi lista ta’ sustanzi attivi li għandhom jiġu evalwati bil-għan li jkunu possibbilment inklużi fl-Anness I, IA jew IB tad-Direttiva 98/8/KE. Din il-lista tinkludi l-etofenprox.

    (2)

    Skond ir-Regolament (KE) Nru 2032/2003, l-etofenprox ġie evalwat skond l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 98/8/KE għall-użu fil-prodott tat-tip 8, preservattivi ta’ l-injam, kif iddefinit fl-Anness V tad-Direttiva 98/8/KE.

    (3)

    L-Awstrija ġiet innominata bħala Rapporteur u ressqet ir-rapport ta’ l-awtorità kompetenti, flimkien ma’ rakkomandazzjoni, lill-Kummissjoni fil-11 ta’ Ottubru 2005 skond l-Artikolu 10(5) u (7) tar-Regolament (KE) Nru 2032/2003.

    (4)

    Ir-rapport ta’ l-awtorità kompetenti ġie analizzat mill-Istati Membri u l-Kummissjoni. Skond l-Artikolu 11(4) tar-Regolament (KE) Nru 2032/2003, is-sejbiet mill-analiżi ġew inkorporati, fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali fil-21 ta’ Ġunju 2006, f’rapport ta’ evalwazzjoni.

    (5)

    L-analiżi ta’ l-etofenprox ma kixfet l-ebda kwistjoni jew tħassib mhux solvuti li għandhom jiġu ttrattati mill-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji għas-Saħħa u l-Ambjent.

    (6)

    Mill-eżaminazzjonijiet li saru jidher li prodotti bijoċidjali li jintużaw bħala preservattivi ta’ l-injam u jkun fihom l-etofenprox jistgħu jitqiesu li jissodisfaw il-ħtiġijiet stipulati fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/8/KE. Madankollu, riskji aċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem ġew identifikati biss għal użu staġonali u intermittenti (sa 3 xhur fis-sena). Għalhekk huwa xieraq li l-etofenprox jiġi inkluż fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE, sabiex ikun żgurat li fl-Istati Membri kollha l-awtorizzazzjonijiet għall-prodotti bijoċidali użati bħala preservattivi ta’ l-injam u li fihom l-etofenprox jistgħu jingħataw, jiġu mmodifikati jew ikkanċellati skond l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 98/8/KE. Awtorizzazzjonijiet biex il-prodotti jintużaw s-sena kollha se jeħtieġu l-preżentazzjoni ta’ dejta dwar l-assorbiment mill-ġilda sabiex jintwera li l-prodotti jistgħu jintużaw mingħajr riskji inaċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem.

    (7)

    Fid-dawl tas-sejbiet tar-rapport ta’ evalwazzjoni, u b'mod partikolari tar-riskji identifikati għall-ħaddiema, huwa xieraq li jkun rikjest li l-prodotti li jkun fihom l-etofenprox u intenzjonati għall-użu industrijali bħala preservattivi ta’ l-injam, jintużaw flimkien mat-tagħmir protettiv adegwat.

    (8)

    Mhux l-użi potenzjali kollha ġew evalwati fuq il-livell Komunitarju. Huwa għalhekk xieraq li l-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lir-riskji lill-kompartimenti u l-popolazzjonijiet li ma ġewx rappreżentattivament indirizzati fil-valutazzjoni tar-riskju fuq livell Komunitarju u, meta jingħataw l-awtorizzazzjonijiet għall-prodott, jiżguraw li jittieħdu miżuri xierqa jew jiġu imposti kundizzjonijiet speċifiċi sabiex jittaffew ir-riskji identifikati għal livelli aċċettabbli.

    (9)

    Huwa importanti li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jkunu applikati b’mod simultanju fl-Istati Membri kollha sabiex jiżguraw trattament ugwali tal-prodotti bijoċidali fis-suq li fihom is-sustanza attiva ta’ l-etofenprox u wkoll biex jiffaċilitaw l-operat kif suppost tas-suq tal-prodotti bijoċidali in ġenerali.

    (10)

    Għandu jitħalla jgħaddi perjodu raġonevoli qabel ma sustanza attiva tiġi inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE, sabiex jippermetti lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati jippreparaw ruħhom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda involuti u jiżgura li l-applikanti li ppreparaw id-dokumentazzjoni jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-perjodu ta’ għaxar snin ta’ protezzjoni tad-dejta, li skond l-Artikolu 12(1)(c)(ii) tad-Direttiva 98/8/KE jibda mid-data ta’ l-inklużjoni.

    (11)

    Wara l-inklużjoni, l-Istati Membri għandhom jingħataw perjodu raġonevoli biex jimplimentaw l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 98/8/KE u b’mod partikolari biex jagħtu, jimmodifikaw jew jikkanċellaw l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti bijoċidali fil-prodotti tat-tip 8 li fihom l-etofenprox biex jiżguraw li dawn jikkonformaw mad-Direttiva 98/8/KE.

    (12)

    Id-Direttiva 98/8/KE għalhekk għandha tiġi emendata kif jixraq.

    (13)

    Il-miżuri pprovduti f’din id-Direttiva huma f’konformità ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti tal-Prodotti Bijoċidali,

    ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    L-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta’ din id-Direttiva.

    Artikolu 2

    Traspożizzjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrativi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva, sa mhux aktar tard mit-31 ta’ Jannar 2009. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u t-tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawn id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

    Għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Frar 2010.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b'din ir-referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir tali referenza.

    2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

    Artikolu 3

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak li fih tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 4

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, 15 ta’ Frar 2008.

    Għall-Kummissjoni

    Stavros DIMAS

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/70/KE (ĠU L 312, 30.11.2007, p. 26).

    (2)  ĠU L 307, 24.11.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1849/2006 (ĠU L 355, 15.12.2006, p. 63).


    ANNESS

    L-entrata li ġejja bir-reġistrazzjoni “Nru 5” hija mdaħħla fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE:

    Nru

    Isem Komuni

    Isem IUPAC

    Numri ta’ identifikazzjoni

    Purezza minima tas-sustanza attiva fil-prodott bijoċidi kif jitqiegħed fis-suq

    Data ta’ l-inklużjoni

    Skadenza sa meta għandha tiġi ddeterminata l-konformità ma’ l-Artikolu 16(3)

    (ħlief għall-prodotti li fihom iktar minn sustanza attiva waħda li għalihom l-iskadenza sa meta għandhom jikkonformaw ma’ l-Artikolu 16(3) għandha tkun dik stipolata fl-aħħar deċiżjoni minn dawk dwar l-inklużjoni marbuta mas-sustanzi attivi tagħhom)

    Skadenza ta’ l-inklużjoni

    Tip ta’ prodott

    Dispożizzjonijiet speċifiċi (*)

    “5

    etofenprox

    3-fenossibenżil-2-(4-etossifenil)-2-metilpropileteru

    Nru tal-KE: 407-980-2

    Nru tal-CAS: 80844-07-1

    970 g/kg

    1 ta’ Frar 2010

    31 ta’ Jannar 2012

    31 ta’ Jannar 2020

    8

    Meta l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta' prodott tiġi evalwata, skond l-Artikolu 5 u l-Anness VI, l-Istati Membri għandhom jaċċessaw dawk ix-xenarji u/jew popolazzjonijiet ta’ użu u/jew esponiment li għalihom ma ġewx indirizzati fil-valutazzjoni fuq livell Komunitarju u li jistgħu jiġu esposti għall-prodott. Meta tingħata l-awtorizzazzjoni għal prodott, l-Istati Membri għandhom jevalwaw ir-riskji u sussegwentament jiżguraw li jittieħdu miżuri xierqa jew jiġu imposti kundizzjonijet speċifiċi għat-taffija tar-riskji identifikati. L-awtorizzazzjoni għal prodott tista’ biss tingħata meta l-applikazzjoni tuti li r-riksji jistgħu jitnaqqsu għal livelli aċċettabbli.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorizzazzjonijiet huma suġġetti għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

    Fid-dawl tar-riksju identifikat għall-ħaddiema, il-prodotti ma jistgħux jintużaw is-sena kollha sakemm ma tiġix ipprovduta dejta dwar l-assorbiment mill-ġilda sabiex jintwera li l-prodotti jistgħu jintużaw mingħajr riskji inaċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem. Barra minn hekk, il-prodotti maħsuba għall-użu industrijali għandhom jintużaw flimkien mat-tagħmir protettiv adegwat”


    (*)  Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji komuni ta’ l-Anness VI, il-kontenut u l-konklużjonijiet tar-rapporti ta’ valutazzjoni huma disponibbli fuq il-websajt tal-Kummissjoni: http://ec.europa.eu/comm/environment/biocides/index.htm


    Top