EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0332

2007/332/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 23 ta’ April 2007 dwar l-impożizzjoni ta' Obbligi ta' Servizz Pubbliku fuq ċerti rotot minn Sardenja u lejha skond l-Artikolu 4 tar-Regolament (KEE) Nru 2408/92 tal-Kunsill dwar l-aċċess tat-trasportaturi ta' l-ajru tal-Komunità għal rotot ta' l-ajru intra-Komunitarji (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 1712)

ĠU L 125, 15.5.2007, p. 16–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/332/oj

15.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 125/16


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-23 ta’ April 2007

dwar l-impożizzjoni ta' Obbligi ta' Servizz Pubbliku fuq ċerti rotot minn Sardenja u lejha skond l-Artikolu 4 tar-Regolament (KEE) Nru 2408/92 tal-Kunsill dwar l-aċċess tat-trasportaturi ta' l-ajru tal-Komunità għal rotot ta' l-ajru intra-Komunitarji

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 1712)

(It-test bit-Taljan biss huwa awtentiku)

(2007/332/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KEE) Nru 2408/92 tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 1992 (1) , u b'mod partikolari l-Artikolu 4(3) tiegħu,

Billi:

I.   IL-FATTI

(1)

Fis-27 ta' Jannar u fit-28 ta' Frar 2006, ir-Repubblika Taljana bagħtet lill-Kummissjoni d-Digrieti Nri 35 u 36 tal-Ministeru ta' l-Infrastruttura u tat-Trasport tad-29 ta' Diċembru 2005 (ippubblikati fil-Gazzetta Ufficiale della Repubblica Italiana fil-11 ta' Jannar 2006) (“id-Digrieti Nri 35 u 36”) li pprovdew dwar Obbligi ta' Servizz Pubbliku (“l-OSP”) fuq total ta' 16-il rotta li jgħaqqdu t-tliet ajruporti ta' Sardenja ma' diversi ajruporti nazzjonali fil-peniżola Taljana. L-Italja talbet li l-Kummissjoni tippubblika avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea , f'konformità ma' l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (KEE) Nru 2408/92 tal-Kunsill dwar l-aċċess tat-trasportaturi ta' l-ajru tal-Komunità għal rotot ta' l-ajru intra-Komunitarji (“ir-Regolament”).

(2)

Fil-korrispondenza tagħha tat-28 ta' Frar 2006, ir-Repubblika Taljana ppreċiżat li:

id-Digriet Nru 36 kien ġie emendat bid-Digriet tat-8 ta' Frar 2006, dwar il-frekwenzi, il-ħinijiet u l-kapaċitajiet tar-rotta Cagliari-Turin;

kienet qed titlob ukoll li, fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea C, jiġi ppubblikat avviż li jindika li, f'konformità ma' l-obbligi ta' servizz pubbliku imposti u mingħajr talba ta' kumpens finanzjarju, kien previst li jekk fi żmien tletin jum wara l-pubblikazzjoni ta' l-obbligi ta' servizz pubbliku l-ebda trasportatur bl-ajru ma jkun aċċetta li jibda servizzi ta' l-ajru bi skeda fuq kull waħda mir-rotot li dwarhom jipprovdi d-Digriet Nru 36, fil-kuntest tal-proċedura pprovduta fl-Artikolu 4(1)(d) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2408/92, l-Italja tkun tista' tillimita l-aċċess għal kull waħda minn dawn ir-rotot għal trasportatur wieħed, u permezz ta' proċedura ta' sejħa għall-offerti, tagħti d-dritt ta' l-operat ta' dawn is-servizzi f'dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet ta' l-istess Regolament.

(3)

Fl-24 ta' Marzu 2006, il-Kummissjoni ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea komunikazzjoni dwar l-OSP previsti mid-Digriet Nru 35 (2) dwar is-6 rotot li ġejjin:

Alghero-Ruma u Ruma-Alghero

Alghero-Milan u Milan-Alghero

Cagliari-Ruma u Ruma-Cagliari

Cagliari-Milan u Milan-Cagliari

Olbia-Ruma u Ruma-Olbia

Olbia-Milan u Milan-Olbia

(4)

Fil-21 ta' April 2006, il-Kummissjoni ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea komunikazzjoni dwar l-OSP imposti bid-Digriet Nru 36 (3) dwar l-10 rotot li ġejjin:

Alghero-Bologna u Bologna-Alghero

Alghero-Turin u Turin-Alghero

Cagliari-Bologna u Bologna-Cagliari

Cagliari-Firenze u Firenze-Cagliari

Cagliari-Turin u Turin-Cagliari

Cagliari-Verona u Verona-Cagliari

Cagliari-Napli u Napli-Cagliari

Cagliari-Palermo u Palermo-Cagliari

Olbia-Bologna u Bologna-Olbia

Olbia-Verona u Verona-Olbia

(5)

Fit-22 ta' April 2006, il-Kummissjoni ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea avviż dwar is-sejħa għall-offerti li għamlet l-Italja fil-kuntest ta' l-OSP imposti bid-Digriet Nru 36 (4). Dan l-avviż ħabbar li, għal kull waħda mill-10 rotot milquta mid-Digriet, ir-Repubblika Taljana tipprevedi li tirrikorri għall-proċedura prevista fl-Artikolu 4.1(d) tar-Regolament fil-każ li l-ebda trasportatur ta' l-ajru ma jonora l-OSP fuq dawn ir-rotot.

(6)

Dawn li ġejjin huma l-karatteristiċi ewlenin ta' l-OSP ppubblikati fl-24 ta' Marzu u l-21 ta' April 2006:

Il-pari ta' rotot Alghero/Ruma u Alghero/Milan, minn naħa, u Olbia/Ruma u Olbia/Milan, min-naħa l-oħra, kull wieħed jikkostitwixxi entità sħiħa u mhux diviżibbli, li t-trasportaturi interessati għandhom jilqgħuha fil-globalità tagħha, bla ebda kumpens, tkun xi tkun in-natura jew l-oriġini tagħha. Min-naħa l-oħra, ir-rotot Cagliari/Ruma u Cagliari/Milan jeħtiġilhom jintlaqgħu individwalment u bis-sħiħ mit-trasportaturi interessati, bla ebda kumpens, tkun xi tkun in-natura jew l-oriġini tagħha.

Kull waħda mill-għaxar rotot li jissemmew fl-avviż tal-21 ta' April 2006, u l-OSP li hemm imposti fuqhom, jeħtiġilhom jintlaqgħu individwalment u bis-sħiħ mit-trasportaturi interessati.

It-trasportatur li jilqa' dawn l-obbligi jeħtieġlu jiżgura s-servizz għal perjodu ta' 36 xahar konsekuttiv, u ma jistax jinterrompih ħlief wara li jkun ħareġ notifika bil-quddiem b'talanqas sitt xhur lill-Ente Nazionale dell'Aviazione Civile (“ENAC”) u lir-reġjun awtonomu ta' Sardenja.

It-trasportatur (jew it-trasportatur ewlieni) li jilqa' dawn l-obbligi jeħtieġlu jħallas garanzija tat-twettiq ta' l-operat maħsuba biex tiggarantixxi t-twettiq tajjeb u l-kontinwità tas-servizz, li l-ammont tagħha jeħtieġlu jkun talanqas daqs 5% tal-fatturat totali tas-servizzi ta' l-ajru skedati fuq ir-rotot kollha kkonċernati, evalwat mill-ENAC. Il-garanzija għandha titħallas lill-ENAC, li tużaha biex tiggarantixxi l-kontinwità tas-servizzi fil-każ li jseħħ qtugħ mhux ġustifikat, u għandha tkun magħmula ndaqs minn garanzija bankarja “ta' talba prijoritarja” u garanzija ta' l-assigurazzjoni.

Sabiex tiġi evitata l-kapaċità żejda li tkun tista' ġġib magħha l-aċċettazzjoni ta' l-istess rotta minn diversi trasportaturi, minħabba l-limitazzjonijiet u l-limiti ta' l-ajruporti kkonċernati fuq il-livell ta' l-infrastrutturi, wara konsultazzjoni mar-Reġjun Awtonomu ta' Sardenja, fl-interess pubbliku l-ENAC tqabbdet tadatta għall-miri ta' mobbiltà msemmija fl-obbligi l-programmi operattivi tat-trasportaturi li jilqgħu l-OSP. Dan l-intervent għandu jimmira li jilħaq tqassim ekwu tar-rotot u tal-frekwenzi bejn it-trasportaturi li jilqgħu l-obbligi ta' servizz pubbliku, skond il-volum tat-traffiku fuq ir-rotot (jew ġabriet ta' rotot) ikkonċernati matul is-sentejn ta' qabel għal kull trasportatur.

Il-frekwenzi minimi, l-iskeda u l-kapaċitajiet li għandhom jingħataw għal kull rotta huma deskritti fil-punt 2 tal-komunikazzjonijiet ta' l-24 ta' Marzu u tal-21 ta' April 2006“DETTALJI TA' L-OBBLIGI TA' SERVIZZ PUBBLIKU” .

Il-kapaċitajiet minimi ta' l-inġenji ta' l-ajru utilizzati huma deskritti fil-punt 3 tal-komunikazzjonijiet “IT-TIP TA' INĠENJI TA' L-AJRU UTILIZZATI F'KULL ROTTA”.

L-istruttura tariffarja għal kwalunkwe rotta kkonċernata hija deskritta fil-punt 4 tal-komunikazzjonijiet “IT-TARIFFI”. F'dak li jirrigwarda l-eżistenza ta' tariffi mraħħsa, il-punt 4.8 taż-żewġ komunikazzjonijiet jippreċiża li t-trasportaturi li joperaw fuq ir-rotot ikkonċernati għandhom l-obbligu fil-liġi li japplikaw it-tariffi mraħħsa (hekk kif ippreċiżati fil-punt 4 “IT-TARIFFI”) talanqas għal kull min twieled f'Sardenja, anki jekk mhux residenti hemmhekk.

F'konformità mad-Digriet Nru 35, mibgħut lill-Kummissjoni fid-29 ta' Diċembru 2005 u ppubblikat fil-Gazzetta Ufficiale della Repubblica Italiana fil-11 ta' Jannar 2006, l-OSP kellhom japplikaw għar-rotot ikkonċernati mill-31 ta' Marzu 2006 sat-30 ta' Marzu 2009. Madankollu, fit-28 ta' Frar 2006, l-awtoritajiet Taljani għarrfu lill-Kummissjoni li fit-23 ta' Frar 2006 kienu adottaw Digriet li estenda d-dati sat-2 ta' Mejju 2006 u l-1 ta' Mejju 2009 (ittra tar-Rappreżentanza Permanenti Taljana nru ta' referenza 2321). Dawn id-dati huma dawk ippubblikati fl-24 ta' Marzu 2006 fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

F'konformità mad-Digriet Nru 36 mibgħut lill-Kummissjoni fid-29 ta' Diċembru 2005 u ppubblikat fil-Gazzetta Ufficiale della Repubblica Italiana fil-11 ta' Jannar 2006 u fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea fil-21 ta' April 2006, ir-Repubblika Taljana ħabbret li d-data tal-validità ta' l-OSP għar-rotot ikkonċernati kellha tiġi ddefinita ulterjorment. Għaldaqstant l-ebda data definittiva ma ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

It-trasportaturi li jkunu jixtiequ jilqgħu l-OSP jeħtiġilhom iressqu l-aċċettazzjoni uffiċjali tagħhom lill-awtorità kompetenti Taljana fi żmien tletin jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' l-avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

(7)

Qabel ma imponiet l-OSP imsemmija fid-deċiżjoni preżenti, ir-Repubblika Taljana kienet imponiet, permezz tad-Digrieti ta' l-1 ta' Awwissu u tal-21 ta' Diċembru 2000, l-OSP fuq sitt rotot bejn l-ajruporti ta' Sardenja, Ruma u Milan. Dawn l-obbligi ġew ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea fis-7 ta' Ottubru 2000 (5). B'applikazzjoni ta' l-Artikolu 4(1)(d) tar-Regolament, ġiet organizzata sejħa għall-offerti sabiex jintgħażlu t-trasportaturi awtorizzati joperaw esklussivament fuq ir-rotot ikkonċernati, bil-ħlas ta' kumpens finanzjarju (6).

(8)

It-trasportaturi awtorizzati joperaw fuq ir-rotot suġġetti għall-OSP kienu dawn li ġejjin:

Alitalia għar-rotta Cagliari/Ruma

Air one għar-rotot Cagliari/Milan, Alghero/Milan u Alghero/Ruma

Meridiana għar-rotot Olbia/Ruma u Olbia/Milan

(9)

Din is-sistema ta' operat ġiet issostitwita mill-OSP imposti bid-Digriet Taljan tat-8 ta' Novembru 2004 u ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea ta' l-10 ta' Diċembru 2004 (7). Wara sentenza tat-tribunal amministrattiv reġjunali tal-Lazio fis-17 ta' Marzu 2005 li parzjalment annullat id-Digriet tat-8 ta' Novembru 2004, l-awtoritajiet Taljani għarrfu l-Kummissjoni li kienu “ssospendew” dawn l-obbligi. Avviż dwar dan ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea fl-1 ta' Lulju 2005 (8). Fis-6 ta' Diċembru 2005, l-awtoritajiet Taljani nnotifikaw lill-Kummissjoni bit-tħassir tad-Digriet tat-8 ta' Novembru 2004, b'effett mill-15 ta' Novembru 2004.

II.   IL-PROĊEDURA

(10)

Permezz ta' ittra tad-9 ta' Marzu 2006 (irreġistrata bin-numru 204756), il-Kummissjoni esprimiet it-tħassib tagħha lir-Repubblika Taljana dwar l-OSP imposti bid-Digrieti Nri 35 u 36. Talbet tagħrif aktar preċiż dwar ir-raġunijiet u l-modalitajiet ta' l-implimentazzjoni tagħhom. Ir-Repubblika Taljana wieġbet permezz ta' l-ewwel ittra, flimkien ma' abbozz ta' risposta, fit-22 ta' Marzu 2006, u mbagħad permezz ta' ittra fl-4 ta' April 2006.

(11)

Il-Kummissjoni daret fuq l-ENAC, fis-27 ta' April 2006, biex titlob preċiżjonijiet u b'mistoqsijiet dwar it-tħaddim preżenti ta' l-OSP, qabel id-dħul fis-seħħ ta' l-OSP il-ġodda.

(12)

Permezz ta' ittra tad-9 ta' Mejju 2006, l-ENAC wieġbet u kkonfermat li s-sistema ta' l-OSP applikabbli sat-2 ta' Mejju 2006 minn Sardenja lejn il-bliet ta' Ruma u Milan kienet dik tas-sena 2000, li kienet għadha fis-seħħ ġaladarba d-Digriet ta' l-2004, li kien maħsub biex jemendaha, kien tħassar. Mit-2 ta' Mejju 2006, għandha tapplika s-sistema l-ġdida pprovduta bid-Digriet Nru 35. It-tweġiba spjegat ukoll li l-OSP kienu jkopru għal kollox is-sistema kollha ta' l-ajruport ta' Milan, kif tipprovdi l-pubblikazzjoni ta' l-2000.

(13)

Fl-4 ta' Awwissu 2006, ir-Repubblika Taljana rrispondiet mill-ġdid għall-ittra tal-Kummissjoni tad-9 ta' Marzu, b'ċertu tagħrif kumplementari li, madankollu, ma wassalx informazzjoni ġdida sinifikanti.

(14)

Fl-1 ta' Awwissu 2006, il-Kummissjoni, fuq l-inizjattiva tagħha stess, ħadet id-Deċiżjoni li tiftaħ investigazzjoni, kif jipprovdi l-Artikolu 4(3) tar-'Regolament' (9). Ir-Repubblika Taljana ġiet innotifikata b'din id-Deċiżjoni fl-1 ta' Awwissu 2006 (id-dokument Nru C(2006) 3516). Fl-istess Deċiżjoni, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Taljani jagħtuha tweġibiet dwar diversi punti, u tathom żmien xahar biex jirrispondu.

(15)

L-awtoritajiet Taljani rrispondew permezz ta' ittra tal-31 ta' Awwissu 2006. Ir-risposta kienet tkopri parti apprezzabbli tal-mistoqsijiet li kienu saru.

(16)

Madankollu, il-Kummissjoni fit-2 ta' Ottubru 2006 rrikorriet għand ir-Rappreżentanza Permanenti Taljana biex titlob tagħrif supplimentari.

(17)

Fis-6 ta' Ottubru 2006, ir-Repubblika Taljana wieġbet fit-tul għall-mistoqsijiet supplimentari tal-Kummissjoni, b'ħafna tagħrif.

(18)

Laqgħa tal-Kummissjoni (l-Unità TREN.F.1) ma' l-awtoritajiet Taljani (il-Ministeru tat-Trasport, ir-Rappreżentanza Permanenti, il-Gvern ta' Sardenja u l-ENAC) saret fi Brussell fis-17 ta' Ottubru 2006.

(19)

Din ir-risposta b'mod partikolari kkonfermat li r-rotot li ġejin kienu diġà qegħdin jiġu operati skond l-OSP imposti taħt l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament.

Olbia-Ruma: Meridiana

Olbia-Milan: Meridiana

Alghero-Ruma: Air One

Alghero-Milan: Air One

Cagliari-Ruma: Air One u Meridiana

Cagliari-Milan: Air One u Meridiana

Cagliari-Bologna: Meridiana

Cagliari-Turin: Meridiana

Cagliari-Verona: Meridiana

Olbia-Bologna: Meridiana

Min-naħa l-oħra, għas-6 rotot l-oħra, l-ebda kumpanija ma kienet aċċettat li topera taħt is-sistema pprovduta l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament. Ir-Repubblika Taljana għalhekk biħsiebha tagħmel sejħa għall-offerti skond l-Artikolu 4(1)(d). Bħalissa, il-kumpaniji magħżula biex jieħdu sehem huma:

Olbia-Verona: Meridiana

Alghero-Bologna: Air One

Alghero-Turin: Air One

Cagliari-Firenze: Air One u Meridiana

Cagliari-Napli: Air One u Meridiana

Cagliari-Palermo: Air One u Meridiana (10).

Madankollu, ir-Repubblika Taljana spjegat li ma kinitx għadha allokat dawn ir-rotot minħabba l-investigazzjoni li l-Kummissjoni kienet qiegħda tagħmel.

III.   ANALIŻI

1.   Il-qafas ġuridiku

(20)

Ir-regoli dwar l-OSP huma stipulati bir-Regolament, li jiddefinixxi l-kundizzjonijiet ta' l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-provvista ħielsa tas-servizzi fis-settur tat-trasport bl-ajru.

(21)

L-OSP huma definiti bħala eċċezzjoni għall-prinċipju tar-Regolament li “suġġett għal dan ir-Regolament, it-trasportaturi ta' l-ajru tal-Komunità għandhom jitħallew mill-Istat(i) Membru/i kkonċernati li jeżerċitaw jeddijiet ta' traffiku fuq rotot ġewwa l-Komunità” (11).

(22)

Il-kundizzjonijiet ta' l-impożizzjoni tagħhom huma stipulati fl-Artikolu 4. Huma suġġetti għal interpretazzjoni stretta, fir-rispett tal-prinċipji tal-ħelsien mid-diskriminazzjoni u tal-proporzjonalità. Jeħtiġilhom jiġu ġġustifikati b'mod adegwat abbażi tal-kriterji msemmija fl-Artikolu msemmi.

(23)

Aktar preċiżament, ir-regoli dwar l-OSP jipprovdu li Stat Membru jista' jimponihom “fir-rigward tas-servizzi bl-ajru skedati lejn ajruport li jservi reġjun periferiku jew ta' żvilupp fit-territorju tiegħu jew fuq rotta qasira lejn xi ajruport reġjonali fit-territorju tiegħu, meta dik ir-rotta ma tkunx kunsidrata vitali għall-iżvilupp ekonomiku tar-reġjun li fih ikun lokalizzat l-ajruport, sal-limitu meħtieġ biex ikun assigurat li fuq dik ir-rotta l-għoti adegwat tas-servizzi bl-ajru skedati jkunu jissodisfaw in-normi stabbiliti ta' kontinwità, regolarità, volum u prezz, liema normi t-trasportatur ta' l-ajru ma jkunx jista' jassumi kieku jkun qiegħed jikkonsidra biss l-interess kummerċjali tiegħu” (12).

(24)

L-adegwatezza tas-servizzi ta' l-ajru skedati tiġi vvalutata mill-Istati Membri “meta wieħed jikkunsidra l-interess tal-pubbliku; il-possibbilità li jkun hemm aċċess għal modi oħra tat-trasport u l-volum ta' dawk il-modi li jilħqu l-ħtiġijiet tat-trasport li jkun qed jiġi kkunsidrat; l-effett konġunt tat-trasportaturi ta' l-ajru kollha li joperaw jew li huma maħsuba li joperaw fuq ir-rotta” (13).

(25)

L-Artikolu 4 jipprovdi mekkaniżmu f'żewġ fażijiet: fl-ewwel wieħed – l-Artikolu 4(1)(a) – l-Istat Membru kkonċernat jimponi OSP fuq rotta jew fuq aktar minn rotta waħda, li jibqgħu miftuħa għat-trasportaturi bl-ajru kollha tal-Komunità sakemm jaqdu l-obbligi msemmija. Jekk l-ebda trasportatur ma jippreżenta ruħu biex jopera r-rotta suġġetta għall-OSP, l-Istat Membru jista' jgħaddi għat-tieni fażi – l-Artikolu 4(1)(d) – li jikkonsisti f'li l-aċċess għar-rotta jkun limitat għal trasportatur wieħed biss għal perjodu massimu ta' tliet snin, li jista' jiġġedded. Dan it-trasportatur jintgħażel abbażi ta' sejħa għall-offerti fil-Komunità. It-trasportatur magħżul jista' mbagħad jirċievi kumpens finanzjarju għall-operat tar-rotta f'konformità ma' l-OSP.

(26)

Skond l-Artikolu 4(3), il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi, wara investigazzjoni li twettaqha fuq talba ta' Stat Membru jew inkella bl-inizjattiva tagħha stess, jekk l-OSP ippubblikati jkollhomx jibqgħu japplikaw. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika d-deċiżjoni tagħha lill-Kunsill u l-Istati Membri.

2.   Eliġibbiltà tar-rotot

(27)

Ir-Repubblika Taljana ġġustifikat l-impożizzjoni ta' l-OSP permezz tal-ħtiġijiet ta' l-iżvilupp ta' Sardenja, li jeħtiġilha tpatti għall-iżvantaġġi marbuta ma' l-insularità tagħha.

(28)

Barra minn hekk, il-gvern awtonomu ta' Sardenja impenja ruħu li jiffavorixxi l-moviment ħieles tar-residenti. Fil-fatt, ir-rotot bejn Sardenja u l-Italja kontinentali f'xi staġuni mhumiex adegwati, filwaqt li skond il-prinċipju tal-moviment ħieles ir-residenti ta' Sardenja għandhom igawdu minn possibbiltajiet suffiċjenti kontinwi matul is-sena. Barra minn hekk, ir-RepubblikaTaljana qed tenfasizza d-distanzi twal, sew f'kilometri kif ukoll fil-ħin tal-vjaġġi, bejn id-diversi ajruporti ta' Sardenja, reġjun li jbati minn ċerti nuqqasijiet f'dik li hija l-infrastruttura. Huwa propju fuq din il-bażi li tiġġustifika l-ħtieġa ta' l-OSP biex ikopru t-tliet ajruporti ta' Sardenja.

(29)

Il-Kummissjoni jidhrilha li Sardenja tista' titqies bħala żona periferika minħabba l-insularità tagħha, u minħabba n-nuqqas ta' mezzi reali alternattivi tat-trasport.

(30)

Barra minn hekk, id-distakk negattiv bejn l-iżvilupp ta' Sardenja u dak ta' reġjuni oħra ta' l-Italja huwa ddokumentat bis-sħiħ: l-iżolament ta' Sardenja, flimkien mal-popolazzjoni ċkejkna tagħha, aggravata minn emigrazzjoni qawwija, flimkien jispjegaw l-iżvantaġġ ekonomiku tal-gżira, li jġibha fl-istess klassi tar-reġjuni tal-Mezzogiorno.

(31)

Abbażi tat-tagħrif li għandha f'idejha, l-analiżi tal-Kummissjoni ma jippermettix li jinxteħet xi dubju dwar il-karattru vitali tar-rotot ikkonċernati kif imressaq mill-awtoritajiet Taljani.

3.   L-adegwatezza ta' l-OSP

3.1.   Kunsiderazzjonijiet ġenerali

(32)

Skond l-Artikolu 4(1) tar-Regolament, l-Istati Membri ma jistgħux jimponu OSP ħlief “sal-limitu meħtieġ biex ikun assigurat li fuq dik ir-rotta l-għoti adegwat tas-servizzi bl-ajru skedati jkunu jissodisfaw in-normi stabbiliti ta' kontinwità, regolarità, volum u prezz, liema normi t-trasportatur ta' l-ajru ma jkunx jista' jassumi kieku jkun qiegħed jikkunsidra biss l-interess kummerċjali tiegħu”.

(33)

L-adegwatezza tas-servizzi tiġi vvalutata fil-qies tal-kriterji stipulati fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament:

l-interess tal-pubbliku;

il-possibbiltà, b'mod partikolari għal reġjuni gżejjer, li jkun hemm aċċess għal modi oħra tat-trasport u l-volum ta' dawk il-modi li jilħqu l-ħtiġijiet tat-trasport li jkun qed jiġi kkunsidrat;

it-tariffi ta' l-ajru u kundizzjonijiet li jistgħu jiġu kkwotati lill-utenti;

l-effett konġunt tat-trasportaturi ta' l-ajru kollha li joperaw jew li huma maħsuba li joperaw fuq ir-rotta.

(34)

Barra minn hekk, l-obbligi ta' servizz pubbliku jeħtiġilhom ikunu konformi mal-prinċipji fundamentali tal-proporzjonalità u tal-ħelsien mid-diskriminazzjoni [ara, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-20 ta' Frar 2001 fil-kawża C- 205/99, l-Asociación Profesional de Empresas Navieras de Líneas Regulares (Analir) u oħrajn kontra l-Administración General del Estado, Rec. 2001, p. I-01271].

(35)

F'dan il-każ partikolari, il-Kummissjoni jidhrilha li, abbażi tat-tagħrif mogħti mill-awtoritajiet Taljani, l-impożizzjoni ta' l-OSP f'dak li jirrigwarda l-frekwenza u l-volum tat-titjiriet, kif ukoll it-tariffi, tista' tkun meħtieġa sabiex tiżgura għoti adegwat ta' servizzi fuq ir-rotot ikkonċernati.

(36)

Madankollu, il-Kummissjoni jidhrilha li ċerti kundizzjonjiet imposti mid-Digrieti Nri 35 u 36 huma restrittivi aktar mill-meħtieġ jew inkella sproporzjonati.

3.2.   L-obbligu li l-aċċettazzjoni ta' l-OSP tiġi kkomunikata fi żmien 30 jum

(37)

Il-punt 8 ta' l-OSP kif jipprovdu d-Digrieti Nri 35 u 36 jistipula li “t-trasportaturi li jkunu jixtiequ jilqgħu l-OSP li hemm f'dan l-Anness jeħtiġilhom iressqu l-aċċettazzjoni uffiċjali tagħhom lill-ENAC fi żmien 30 jum mid-data li fiha tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni rigward l-impożizzjoni ta' l-obbligi msemmija hawn fuq.” Fil-fatt, dan l-obbligu rriżulta li kien kundizzjoni ta' esklużjoni ta' trasportatur li kien wassal aċċettazzjoni tali “tard wisq” b'jum. B'hekk, trasportatur li ma jkunx ikkomunika l-aċċettazzjoni tiegħu tat-totalità tal-kundizzjonijiet ta' l-OSP f'din il-medda ta' żmien ikun hemm ċans li jisfa' eskluż għall-perjodu kollu.

(38)

Il-Kummissjoni tqis li din il-kundizzjoni ma għandha l-ebda bażi fil-liġi konformi ma' l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament, u li tirriżulta restrittiva aktar milli dovut. L-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament ma jawtorizzax lill-Istati Membri li jillimitaw l-għadd ta' trasportaturi li jistgħu jkollhom aċċess għar-rotot, iżda biss li jimponu b'mod ġenerali OSP applikabbli għall-operaturi kollha li joperaw jew li jkollhom intenzjoni joperaw dawn ir-rotot. Limitazzjoni bħal din ta' l-għadd tat-trasportaturi tista' ssir biss skond l-Artikolu 4(1)(d).

(39)

Għaldaqstant, kull trasportatur li jkollu l-intenzjoni jaqdi l-OSP imposti skond l-Artikolu 4(1) tar-Regolament għandu jkun jista' jopera din ir-rotta, kien x'kien il-mument meta huwa biħsiebu jibda s-servizzi. Stat Membru jista' jillimita l-aċċess għal din ir-rotta skond l-Artikolu 4(1)(d), jekk f'data preċiża l-ebda trasportatur ma jkun beda servizzi regolari bi skeda fuq rotta f'konformità ma' l-OSP imposti skond l-Artikolu 4(1)(a). Biss, jekk operatur jew aktar minn operatur wieħed ikunu bdew l-operat fiż-żmien stabbilit, Stat Membru ma jistax jeskludi minn din ir-rotta trasportaturi oħra li jikkomunikaw l-intenzjoni tagħhom li joperaw fi kwalunkwe waqt wara d-data ta' l-għeluq. Id-dħul ta' operaturi ġodda jista', madankollu, jirrikjedi xi aġġustamenti fl-OSP imposti fuq kull trasportatur. (ara aktar 'l isfel, sezzjoni 3.4)

3.3.   L-obbligu ta' l-operat tar-rotta matul perjodu ta' tliet snin

(40)

Il-punt 5 ta' l-OSP kif jipprovdu d-Digrieti Nri 35 u 36 jistipula li “f'konformità ma' l-Artikolu 4(1)(c) tar-Regolament (KEE) Nru 2408/92, it-trasportatur li jaċċetta l-obbligi jeħtieġlu jiżgura s-servizz matul perjodu ta' 36 xahar konsekuttiv u ma jistax jinterrompih ħlief wara notifika b'talanqas sitt xhur bil-quddiem lill-ENAC u lir-Reġjun Awtonomu ta' Sardenja”.

(41)

L-esiġenza ta' perjodu minimu ta' l-operat hija konformi, f'dan il-każ partikolari, ma' l-Artikolu 4(1)(c) li jipprovdi li “fil-każi meta forom oħra ta' trasport ma jistgħux jassiguraw servizz adegwat u mhux interrott, l-Istati Membri kkonċernati jistgħu jinkludu fl-obbligi ta' servizz pubbliku l-ħtieġa li kull trasportatur ta' l-ajru li jkun biħsiebu jopera r-rotta jagħti garanzija li jopera r-rotta għal ċertu perjodu, li għandu jkun speċifikat, skond il-kundizzjonijiet l-oħra ta' l-obbligi ta' servizz pubbliku”. Fil-fatt, il-Kummissjoni tqis li minħabba l-insularità ta' Sardenja u l-bogħod tagħha mill-kontinent, mezzi alternattivi tat-trasport ma jiżgurawx servizz alternattiv adegwat.

(42)

Madankollu l-Kummissjoni jidhrilha li t-tul minimu ta' tliet snin impost mid-Digrieti Nri 35 u 36 huwa eċċessiv u sproporzjonat.

(43)

Il-Kummissjoni tista' tifhem li l-ħtieġa li tiġi żgurata kontinwità tas-servizz u li jinkiseb impenn min-naħa tat-trasportaturi li joperaw matul ċertu perjodu. Madankollu, kif ġie indikat aktar 'il fuq, l-awtoritajiet inkarigati mill-implimentazzjoni ta' l-OSP ma għandhomx id-dritt iwarrbu kandidati potenzjali mill-operat: l-OSP mingħajr konċessjoni esklussiva u lanqas kumpens fl-ebda każ ma għandhom jikkostitwixxu għeluq tas-suq, definittiv jew għal perjodu twil.

(44)

Jista' jkun leġittimu li, matul ċerti perjodi fis-sena, jiġi impost l-operat tar-rotot li jkunu kkaratterizzati minn irregolarità staġjonali qawwija. Fil-fatt, fuq rotot bħal dawn, it-trasportaturi jista' jkollhom it-tendenza naturali li jillimitaw l-offerta tagħha jew jikkonċentrawha fuq il-ġimgħat li matulhom il-frekwenza tkun biżżejjed biex tiżgura l-qligħ mis-servizz, u li jittraskuraw l-operat tas-servizz fi żminijiet oħra tas-sena. Il-Kummissjoni jidhrilha, madankollu, li f'ċirkostanzi bħal dawn, ir-rispett tal-prinċipju tal-proporzjonalità għandu jwassal li t-tul tal-perjodu li matulu l-operat kontinwu għandu jkun iggarantit skond l-OSP pprovduti mill-Artikolu 4(1)(a) ma għandux ikun aktar minn sena.

(45)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li dan it-tul ma jeħlisx lill-awtoritajiet inkarigati mill-applikazzjoni ta' l-OSP milli jagħmlu eżami ta' l-adegwatezza tas-servizz kull tant żmien. Kif jitfakkar aktar 'il quddiem, kien x'kien, eżami bħal dan għandu jsir meta trasportatur ġdid jibda jopera servizzi fuq ir-rotta kkonċernata jew ikun sejjer jagħmel hekk.

3.4.   It-tqassim tar-rotot u l-frekwenzi mill-ENAC

(46)

Il-punt 1.6 tad-Digrieti Nri 35 u 36 ipprovda li “sabiex ma jitħalliex li jkun hemm il-kapaċità żejda li tista' ġġib magħha l-aċċettazzjoni ta' l-istess rotta min-naħa ta' għadd ta' trasportaturi, minħabba l-limiti u ċ-ċirkostanzi ta' l-ajruporti kkonċernati fuq il-livell ta' l-infrastruttura, l-ENAC ingħatat l-inkarigu li fl-interess pubbliku, wara konsultazzjoni mar-Reġjun Awtonomu ta' Sardenja, tadatta l-programmi operattivi tat-trasportaturi li laqgħu l-miri ta' mobbiltà msemmija fl-obbligi. Dan għandu jwassal għal taassim ekwu tar-rotot u l-frekwenzi bejn it-trasportaturi li jilqgħu l-OSP, skond il-volum tat-traffiku fuq ir-rotot (jew it-totalità tar-rotot) ikkonċernati, li jirriżulta għal kull trasportatur matul l-aħħar sentejn”.

(47)

Skond dawn is-setgħat, l-ENAC tista' tarbitra u tiffavorixxi ftehim bejn diversi kumpaniji li joperaw fuq l-istess rotta. Fil-każ ta' Sardenja, l-ENAC ippresjediet diskussjoni bejn l-operaturi interessati għal ċerti rotot, u ddefiniet magħhom tqassim tat-traffiku.

(48)

Ir-Repubblika Taljana tiddefendi din is-setgħa ta' intervent, li, fil-fehma tagħha, tiggarantixxi l-kontinwità tas-servizz billi l-OSP ma tħallihomx suġġetti għaċ-ċirkostanzi tad-dħul u l-ħruġ ta' operaturi oħra li jistgħu jkollhom anqas interess jaqdu l-OSP mingħajr kumpens. Tirreferi b'mod partikolari għas-sentenza tat-TAR tal-Lazio tas-17 ta' Marzu 2005, li qalet li kien “għal kollox leġittimu li d-Digriet (ta' l-2004) jiddefinixxi xenarju li fih, għar-rotot kollha suġġetti għal OSP, ikun hemm diversi trasportaturi, mhux iggruppati flimkien u f'kompetizzjoni ma' xulxin. Possibbiltà tali, madankollu, jeħtiġilha tkun ipprovduta biċ-ċar, u fl-istess ħin jeħtieġ ikollha kriterju minimu oġġettiv ta' tqassim a priori mis-slots f'relazzjoni ma' l-għadd (wieħed, tnejn jew aktar minn tnejn) ta' trasportaturi li jkunu aċċettaw l-OSP fil-fatt, sabiex tiġi evitata l-kapaċità żejda li tkun ta' ħsara għall-offerta, u fuq kollox, li l-allokazzjoni tas-slots ma għandhiex twassal għall-introduzzjoni arbitrarja u fil-fatt għall-esklussività ta' l-eżerċizzju, espressament miċħuda min-normi tad-Digriet” (14).

(49)

L-OSP imposti skond l-Artikolu 4(1)(a) għandhom jinkludu t-trasportaturi kollha li joperaw jew li jkollhom l-intenzjoni joperaw fuq ir-rotta kkonċernata. Dan jikkonfermah l-Artikolu 4(1)(b) li jistipula li “l-adegwatezza tas-servizzi bl-ajru skedati għandha tkun evalwata mill-Istati Membri meta wieħed jikkunsidra:(...)l-effett konġunt tat-trasportaturi ta' l-ajru kollha li joperaw jew li huma maħsuba li joperaw fuq ir-rotta”.

(50)

Il-Kummissjoni tqis li dan il-prinċipju għandu jiġi segwit, mhux biss fil-waqt ta' l-impożizzjoni, imma wkoll waqt it-tul kollu tal-perjodu ta' l-OSP. Hekk, kull darba li trasportatur ġdid jibda jopera fuq din ir-rotta, jew ikun sejjer jibda jagħmel hekk, il-livell tal-kapaċitajiet u tal-frekwenzi imposti mill-OSP fuq kull trasportatur għandu jiġi aġġustat, b'tali mod li l-kapaċitajiet u l-frekwenzi totali ma jaqbżux dak li jkun strettament meħtieġ biex jingħata servizz adegwat.

(51)

Fil-fatt, ġaladarba dawn huma OSP imposti skond l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament, it-trasportaturi mhumiex obbligati jiżguraw individwalment l-għadd ta' frekwenzi jew ta' kapaċitajiet, imma l-operaturi lkoll flimkien li jistgħu jippermettu li jiġi żgurat dan is-servizz minimu.

(52)

Il-Kummissjoni tagħraf li jista' jsir neċessarju għall-awtorità inkarigata mill-OSP li tiżgura li l-frekwenzi u l-kapaċitajiet flimkien iħallu li l-OSP jinqdew. Madankollu, din l-awtorità lit-trasportaturi kkonċernati ma għandha qatt tillimitalhom il-possibbiltà li, meta jridu, ifornu s-servizzi lil hinn mill-kapaċità jew il-frekwenza rikjesti mill-OSP, li ma jistgħux ikunu ħlief obbligi minimi. Konsegwentement, safejn ir-regoli adottati mill-ENAC għandhom l-għan li jżommu trasportatur milli jagħti servizzi addizzjonali, huma restrittivi aktar mid-dovut u jmorru kontra r-Regolament.

(53)

F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota b'sodisfazzjon li r-Repubblika Taljana fl-ittra tagħha tal-15 ta' Novembru 2006 ikkonfermat li l-amministrazzjoni tagħha kull tant żmien sejra tivvaluta l-qagħda mill-ġdid, fuq bażi annwali, u sejra tanalizza applikazzjonijiet eventwali minn operaturi li jkunu lesti joperaw fuq ir-rotot fil-qafas ta' l-OSP (15). Tinnota li r-Repubblika Taljana kkonfermat li “xejn ma jipprojbixxi Stat Memrbu milli jivverifika (inkluż waqt il-perjodu ta' l-applikazzjoni ta' l-OSP) l-adegwatezza u l-ħtieġa ta' l-OSP, u li jimmodifikahom jew jirrevokahom, sakemm l-utilità jew il-karattru leċitu tagħhom ma jiġix rikonoxxut ulterjorment” (16).

3.5.   Ir-raggruppament flimkien tar-rotot Alghero-Ruma u Alghero-Milan minn naħa, Olbia-Ruma u Olbia-Milan min-naħa l-oħra

(54)

Ir-Repubblika Taljana tiġġustifika r-raggruppament flimkien tar-rotot Alghero-Ruma u Alghero-Milan minn naħa, Olbia-Ruma u Olbia-Milan min-naħa l-oħra abbażi tal-komplementarità tagħhom u l-interdipendenza bejniethom għall-operat. Fil-fatt, skond l-awtoritajiet Taljani, għal żewġ terzi tas-sena dawn ir-rotot huma kkaratterizzati minn traffiku oġġettivament ridott, minħabba l-istaġjonalità kbira ħafna tat-traffiku. Fid-dawl tal-fatt li m'hemm maħsub l-ebda kumpens finanzjarju fuq dawn ir-rotot, tkun ir-responsabbiltà ta' l-amministrazzjoni li lit-trasportaturi tiżguralhom li l-operat tagħhom ikun sostenibbli minkejja li ma jkunx attraenti mill-angolu ekonomiku. B'hekk ikunu qed jiġu implimentati “l-effetti tajba ta' l-interdipendenza operattiva” li jippermettu li “fl-istaġun tax-xitwa, ir-rotazzjoni ta' l-inġenji ta' l-ajru minħabba l-faqar tad-domanda” filwaqt li “il-previżjoni ta' pakketti ta' rotot tikkontribwixxi biex tattira trasportaturi disposti li joperaw dawn ir-rotot”. Barra minn hekk, fil-fehma tar-Repubblika Taljana, l-offerta rikjesta għall-perjodu tas-sajf tkun tista' tiġi rispettata aħjar bl-operat konġunt fuq għadd ta' rotot. Ir-Repubblika Taljana fl-aħħarnett tressaq l-argument li r-Regolament innifsu jipprevedi l-possibbiltà li l-varjazzjonijiet fid-domanda jingħaqdu flimkien, pereżempju fi ħdan l-istess ġimgħa. Dan ir-raggruppament b'hekk jippermetti li jitrażżnu l-ispejjeż u jittejbu kemm jista' jkun il-kapaċitajiet, filwaqt li fl-istess ħin tingħata risposta għall-esiġenzi tad-domanda. B'hekk dan ir-raggruppament ma jkunx jikkostitwixxi restrizzjoni tas-suq, iżda bil-maqlub, jagħmilha possibbli li jinġibdu aktar operaturi.

(55)

Il-Kummissjoni jidhrilha li r-raggruppament tar-rotot mhuwiex kompatibbli ma' l-Artikolu 4(1)(a), (b) u (c) tar-Regolament. Fil-fatt, il-kriterji ta' l-eliġibbiltà u ta' l-adegwatezza ta' l-OSP ipprovduti f'dawn id-dispożizzjonjiet espliċitament isemmu, kull darba, “ir-rotta”, mingħajr qatt ma jipprovdu dwar raggruppament ta' rotot. Għaldaqstant jeħtieġ li jiġi konkluż li kull wieħed mill-kriterji għandu jiġi vvalutat separatament, fir-rigward ta' kull rotta meħuda individwalment.

(56)

Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti tal-prinċipju tal-proporzjonalità. Fil-fatt, raggruppament tar-rotot ta' dan it-tip lill-Istati Membri jħallihom jimponu OSP fuq rotot fejn ma jkunux meħtieġa biex jiżguraw l-għoti ta' servizz adegwat. Il-possibbiltà li dawn ir-rotot jinġabru flimkien għalhekk ma tidhirx ħlief fl-Artikolu 4(1)(d), fejn jintqal li d-dritt ta' l-operat ta' dawn is-servizzi għandu jingħata wara sejħa għall-offerti “jew għal rotta singola jew għal grupp ta' dawk ir-rotot”. Din ir-referenza espliċita fl-Artikolu 4(1)(d) teskludi a contrario li raggruppament tali jkun jista' japplika fil-kuntest ta' l-ambitu ta' l-Artikolu 4(1)(a), (b) u (c). Huwa preċiżament minħabba li s-suq ma jkunx ippermetta li trasportatur bl-ajru jkun beda s-servizzi skedati fuq rotta, jew ikun wasal biex jibdiehom, skond l-OSP li jkunu ġew imposti fuq dik ir-rotta, li l-Istat Membru jkun jista' jillimita l-aċċess għal trasportatur wieħed biss, għal perjodu massimu ta' tliet snin, u jipprevedi sejħa għall-offerti li tista' tiġi estiża għal grupp ta' rotot. Fil-qosor, ir-raggruppament ta' diversi rotot jista' jitqies bħala risposta għal lakuna ċara tas-suq u bħala forma indiretta ta' kumpens li, fuq il-mudell tal-kumpens dirett, mhuwiex ammissibbli ħlief fil-kuntest ta' l-Artikolu 4(1)(d). Skond sistema ta' OSP taħt l-Artikolu 4(1)(d), ir-raggruppament fl-ebda każ ma jista' jimmira li jrendi l-qligħ minn żewġ rotot separati sabiex jiffavorixxi l-operat ta' trasportatur jew għadd ta' trasportaturi.

(57)

Barra minn hekk, l-ispjegazzjonijiet imressqa mill-awtoritajiet Taljani ma jserrħu fuq l-ebda data kkwantifikata teknika jew ekonomika li tirfed l-analiżi tagħhom.

Fil-fatt, jistgħu jitqajmu kontra l-elementi li ġejjin:

il-kapaċitajiet u l-frekwenzi rikjesti għandhom iqisu l-ħtiġijiet rotta b'rotta, u mhux b'tali mod li jkunu jistgħu jinqdew b'aktar effikaċja biss permezz tar-raggruppament ta' dawn ir-rotot.

l-obbligi, f'termini ta' frekwenza marbuta ma' dan l-akkoppjament, tant jirriżultaw kbar li fil-fatt iwarrbu fil-ġenb għadd kbir ta' operaturi potenzjali li jkunu jixtiequ jirrispondu għall-OSP u jaqdu Sardenja, imma li minħabba n-nuqqas ta' stabbiliment operattiv f'waħda miż-żewġ bliet, fil-fatt ikunu għal kollox imbarrin milli jiżguraw is-servizz. Konsegwentement, ir-raggruppament pjuttost ikollu l-effett li jagħlaq is-suq.

F'dan ir-rigward huwa evidenti li l-OSP raggruppati b'dan il-mod ma jħallux lil għadd żgħir ta' operaturi li diġà jinsabu fil-post jirrispondu favorevolment. Għaldaqstant, l-implimentazzjoni ta' l-OSP barriet kumpaniji li kienu qed joperaw jew li kellhom l-intenzjoni joperaw fuq ir-rotot minn Ruma u Milan, preċiżament bid-destinazzjoni ta' kull wieħed mill-ajruporti kkonċernati, jiġifieri Olbia u Alghero. B'hekk, anke jekk kellhom ir-rieda, dawn it-trasportaturi ma setgħux iressqu l-kandidatura tagħhom għal operat ta' spiża kbira wisq għall-attività tagħhom. Raggruppamenti ta' dan it-tip għaldaqstant ibarru operaturi eventwali oħra.

Dawn l-effetti restrittivi huma aktar importanti fid-dawl tad-daqs tas-swieq ikkonċernati (it-total tal-passiġġieri fl-2005 – ċifri tar-Repubblika Taljana):

Olbia-Ruma u Olbia Milan: 731 349 (390 186 fis-sajf u 341 163 fix-xitwa).

Alghero-Ruma u Alghero-Milan: 502 820 (184 273 fis-sajf u 318 547 fix-xitwa).

F'dawn il-kundizzjonijiet, mhuwiex probabbli li r-rotot bejn l-akbar żewġ bliet ta' l-Italja u l-ajruporti ta' Olbia u Alghero f'Sardenja tant ma jkunux attraenti li, biex isiru attraenti, ikollhom jiġu raggruppati flimkien.

(58)

Konsegwentement, il-Kummissjoni jidhrilha li r-raggruppament ta' ċerti rotot mhuwiex kompatibbli mar-Regolament, u huwa restrittiv aktar mid-dovut.

3.6.   It-tariffi preferenzjali għall-persuni mwielda f'Sardenja imma li mhumiex residenti hemmhekk

(59)

Id-Digrieti Nri 35 u 36 jesiġu li t-trasportaturi għandhom japplikaw tariffi preferenzjali għall-persuni mwielda f'Sardenja imma li mhumiex residenti hemmhekk. Skond l-estimi tar-Repubblika Taljana, l-applikazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jaffettwaw massimu ta' 220 000 persuna, u realment ċifra eqreb lejn il-110 000 jekk wieħed iqis li 50 % minnhom jagħmlu vjaġġ wieħed fis-sena.

(60)

Fil-prattika, miżura bħal din liċ-ċittadini Ewropej ta' nazzjonalità Taljana tiffavorixxihom aktar minn ċittadini ta' nazzjonalitajiet oħra. Għaldaqstant, prima facie tista' titqies bħala diskriminatorja minħabba n-nazzjonalità, u għalhekk tmur kontra t-Trattat. Miżura bħal din fil-kuntest ta' sistema ta' OSP tista' titħalla biss safejn id-differenza fit-trattament tissejjes fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi indipendenti min-nazzjonalità tal-persuni kkonċernati, u pproporzjonati għall-mira leġittima tad-dritt nazzjonali.

(61)

Ir-Repubblika Taljana tispjega li l-miżura hija meħtieġa essenzjalment biex lill-emigranti Sardi tħallihom jibqgħu magħquda mal-komunità kulturali ta' l-oriġini tagħhom (17). Madankollu, anke jekk il-mira tkun tista' titqies bħala waħda leġittima ta' interess pubbliku fis-sens ta' l-Artikolu 4(1)(b)(i) tar-Regolament, il-miżura hija evidentement sproporzjonata. L-ewwelnett, il-miżura hija applikabbli għal kull persuna mwielda f'Sardenja imma mhux residenti hemmhekk, mingħajr il-ħtieġa li tintwera xi rabta li tkun għadha teżisti bejn il-persuna kkonċernata u r-reġjun ta' l-oriġini, pereżempju f'termini ta' familja. It-tieni, il-miżura hija applikabbli indipendentement mill-mezzi finanzjarji ta' kull emigrant. It-tielet, bil-maqlub tar-residenti ta' Sardenja li jeħtiġilhom jivvjaġġaw lejn il-kontinent relattivament ta' spiss sabiex jirċievu ċerti servizzi fundamentali (edukazzjoni, saħħa) jew għal attivitajiet ekonomiċi meħtieġa għall-iżvilupp ta' Sardenja, l-emigranti jmorru Sardenja biss okkażjonalment (skond l-awtoritajiet Taljani, massimu ta' 50% potenzjalment ikkonċernati jagħmlu vjaġġ wieħed fis-sena). Konsegwentement, l-ispiża totali ta' dawn il-vjaġġi okkażjonali hija relattivament anqas f'relazzjoni ma' l-ispejjeż li jagħmlu r-residenti ta' Sardenja, u f'għadd kbir ta' każijiet, ikunu faċilment jiġu koperti mill-emigranti nfushom, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiddaħħal it-tnaqqis ipprovdut mid-Digrieti Nri 35 u 36. Fl-aħħarnett, safejn ċerti emigranti ma jkollhomx il-mezzi meħtieġa biex iħallsu l-prezz ta' titjira annwali lejn Sardenja, miżura aktar adegwata u anqas restrittiva tkun li l-emigranti kkonċernati jiġu offruti l-għajnuna.

(62)

F'dawn il-kundizzjonijiet, il-Kummissjoni jidhrilha li din id-dispożizzjoni hija sproporzjonata u mhijiex kompatibbli mar-Regolament.

3.7.   L-applikazzjoni għat-totalità tas-sistema ajruportwali

(63)

Id-Digrieti Nri 35 u 36 jipprovdu li l-applikazzjoni ta' l-OSP lejn Ruma u Milan iħaddnu fihom l-integralità tas-sistemi ajruportwali korrispondenti, hekk kif jidher fl-Anness II tar-Regolament, jiġifieri:

L-ajruporti ta' Fiumicino u Ciampino għal Ruma

L-ajruporti ta' Linate, Malpensa u Bergamo għal Milan

(64)

Infakkru li l-OSP ta' l-2000 kienu jkopru l-ajruporti ta' “Ruma (Fiumicino) u Milan”. Fil-kuntest tal-binja tas-sistema ajruportwali ta' Milan, skond l-Artikolu 8 u ta' l-Anness II tar-Regolament, l-Italja uffiċjalment estendiet l-applikazzjoni ta l-OSP għat-totalità tas-sistema ajruportwali kkonċernata.

(65)

Ir-Repubblika Taljana ġġustifikat l-għażla tagħha biss fuq raġunijiet tekniċi, li wassluha biex terġa' tinkludi awtomatikament l-integralità ta' kull sistema ajruportwali. Madankollu, ikkonfermat li l-interess prinċipali ta' l-OSP kien iffukat fuq l-ajruporti ta' Ruma-Fiumicino u Milan-Linate, preferuti mill-benefiċjarji ta' l-OSP minħabba l-prossimità tagħhom lejn iċ-ċentru tal-bliet kbar ikkonċernati, li kien jiġġustifika li l-OSP ipprovdew li “fid-dawl tad-disponibbiltà tas-slots, talanqas 50 % tar-rotot previsti bejn l-ajruporti ta' Sardenja, dawk ta' Ruma u ta' Milan għandhom ikunu żgurati bi tluq minn Fiumicino u Linate u lejn dawn iż-żewġ destinazzjonijiet” (18).

(66)

Ir-Repubblika Taljana argumentat li kien “oġġettivament ippruvat li l-ajruporti ta' Fiumicino għal Ruma u Linate għal Milan jirrappreżentaw id-destinazzjoni l-aktar komda, moqdija l-aħjar u l-aktar attraenti għall-utenti, ġaladarba huma ż-żewġ ajruporti li huma l-eqreb u l-aktar ikkollegati maċ-ċentri taż-żewġt ibliet”. B'hekk spjegat li “sabiex jiġi ggarantit servizz aħjar u biex tingħata risposta aħjar għall-esiġenzi ta' l-utenti, deher li jkun f'loku li jiġi evitat li t-trasportaturi li jilqgħu l-OSP ma jkollhomx il-libertà li dawn l-ajruporti jabbandunawhom għal kollox favur oħrajn (anqas komdi u interessanti għall-utenti) li huma parti mill-istess sistema ajruportwali” (19).

(67)

Barra minn hekk, jidher li fil-fatt, it-titjiriet fl-istaġun tax-xitwa joperaw biss mill-ajruporti ta' Fiumicino u Linate.

(68)

F'dan il-każ partikolari, il-Kummissjoni tiddubita l-ħtieġa ta' miżura bħal din, li tqisha sproporzjonata f'relazzjoni mal-miri mfittxija, li huma l-iżgurar tal-mobbiltà lejn il-kontinent u l-koeżjoni territorjali. Fil-fatt, din il-miżura għandha l-effett dirett li tbarri trasportaturi okkażjonali, mingħajr ma taffettwa l-prinċipju ta' l-OSP, u tikkontribwixxi għall-għeluq definittiv tas-suq għal operaturi ġodda fuq ir-rotot fejn hemm l-akbar konkorrenza, partikolarment fil-perjodu tas-sajf.

(69)

Ir-Repubblika Taljana madankollu rrikonoxxiet li l-ajruport distributur (hub) ta' Malpensa kellu rwol essenzjali għar-rotot internazzjonali, filwaqt li l-ajruporti ta' Ciampino u Bergamo, bħala ajruporti hubs interni għall-kumpaniji low-cost, kienu jippermettu li jinqeda l-prinċipju Komunitarju ta' koeżjoni ekonomika u soċjali, u li għal gżira bħal Sardenja jitwettaq l-għan ta' koeżjoni territorjali mar-reġjuni kollha ta' l-Ewropa. Konsegwentement, ir-Repubblika Taljana impenjat ruħha li temenda d-Digriet Nru 35 biex l-OSP ma japplikawx għall-ajruporti ta' Malpensa, Bergamo u Ciampino (20).

(70)

Il-Kummissjoni jidhrilha li dan l-impenn jirrispondi effettivament għad-dubji li jistgħu jitqajmu, u li emenda tali tad-Digriet tħalli li l-impatt tar-restrizzjonijiet mhux dovuti imposti mill-OSP jitnaqqsu b'mod sinifikanti, filwaqt li jaqdu l-ħtiġijiet ta' Sardenja għall-mobbiltà, mingħajr ma jirrestrinġu sproporzjonatament is-swieq ikkonċernati.

(71)

Fid-dawl ta' dan l-impenn tar-Repubblika Taljana, il-Kummissjoni mhux biħsiebha tkompli ssegwi l-analiżi tagħha tan-natura sproporzjonata ta' l-applikazzjoni għat-totalità tas-sistemi ajruportwali ta' Milan u Ruma, filwaqt li tirriserva l-possibbiltà li terġa' lura fuq dan l-aspett fl-OSP ippreżentati fil-ġejjieni, jekk dan ikun f'loku.

IV.   KONKLUŻJONIJIET

(72)

Abbażi tat-tagħrif mogħti mir-Repubblika Taljana, il-Kummissjoni ma tqajjem l-ebda dubju dwar l-applikazzjoni ta' OSP fuq ir-rotot bejn Sardenja u l-Italja kontinentali li, f'dak li jirrigwarda l-frekwenzi u l-kapaċitajiet, kif ukoll it-tariffi, jistgħu jkunu meħtieġa sabiex jiġi żgurat għoti adegwat ta' servizzi fuq ir-rotot ikkonċernati.

(73)

Madankollu, il-Kummissjoni jidhrilha li ċerti kundizzjonjiet imposti mid-Digrieti Nri 35 u 36 huma restrittivi aktar mid-dovut jew inkella sproporzjonati.

(74)

Il-Kummissjoni tqis li l-OSP imposti skond l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament impliċitament ifissru li kull trasportatur li jkollu l-intenzjoni jaqdi l-OSP għandu jkun jista' jopera din ir-rotta, kien x'kien il-mument meta huwa biħsiebu jibda jagħti s-servizzi. Konsegwentement, l-użu ta' perjodu ta' żmien għat-tressiq ta' l-applikazzjonijiet biex jitbarrew operaturi li jressqu applikazzjoni lil hinn minn dan il-perjodu huwa restrittiv aktar mid-dovut u mhux kompatibbli mar-Regolament.

(75)

Jekk jista' jidher leġittimu li tiġi prevista kontinwità tas-servizzi għal ċertu perjodu, il-Kummissjoni jidhrilha li r-rispett tal-prinċipju tal-proporzjonalità għandu jwassal biex il-perjodu jkollu limiti raġonevoli, u li f'sistema ta' OSP skond l-Artikolu 4(1)(a), ma għandux jaqbeż sena.

(76)

Il-Kummissjoni tqis li l-kompetenzi mogħtija lill-ENAC biex tikkoordina l-attivitajiet ta' l-operaturi bil-għan li tevita l-kapaċità żejda huma restrittivi aktar mid-dovut u mhumiex kompatibbli mar-Regolament.

(77)

Il-Kummissjoni tinnota li r-raggruppament tar-rotot Olbia-Ruma u Olbia-Milan minn naħa, u Alghero-Ruma u Alghero-Milan min-naħa l-oħra, huwa restrittiv aktar mid-dovut u mhuwiex kompatibbli mar-Regolament.

(78)

Il-Kummissjoni tqis li l-applikazzjoni tat-tariffi mnaqqsa għall-persuni mwielda f'Sardenja imma li mhumiex residenti hemmhekk hija sproporzjonata u mhijiex kompatibbli mar-Regolament.

(79)

Il-Kummissjoni tiddubita l-ħtieġa ta' l-applikazzjoni ta' l-OSP għat-totalità tas-sistemi ajruportwali ta' Ruma u Milan, li tqisha sproporzjonata fir-rigward tal-miri mfittxija, li huma l-iżgurar tal-mobbiltà lejn il-kontinent u l-koeżjoni territorjali. Madankollu, fid-dawl ta' l-impenn tar-Repubblika Taljana li temenda d-Digriet Nru 35 biex l-OSP ma japplikawx għall-ajruporti ta' Bergamo, Malpensa u Ciampino, il-Kummissjoni mhux biħsiebha tkompli ssegwi l-analiżi tagħha, filwaqt li tirriserva l-possibbiltà li terġa' lura fuq dan l-aspett fl-OSP ippreżentati fil-ġejjieni, jekk dan ikun f'loku.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Ir-Repubblika Taljana tista' tkompli tapplika l-Obbligi ta' Servizz Pubbliku (“OSP”) imposti bid-Digrieti tal-Ministeru ta' l-Infrastruttura u t-Trasport Nri 35 u 36 tad-29 ta' Diċembru 2005 (ippubblikati fil-Gazzetta Ufficiale della Repubblica Italiana fil-11 ta' Jannar 2006) fuq total ta' 16-il rotta li jgħaqqdu t-tliet ajruporti ta' Sardenja ma' diversi ajruporti nazzjonali ta' l-Italja kontinentali, u ppubblikati rispettivament fl-24 ta' Marzu 2006 (id-Digriet Nru 35) u l-21 ta' April 2006 (id-Digriet Nru 36) fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, skond l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (KEE) Nru 2408/92 tal-Kunsill dwar l-aċċess tat-trasportaturi ta' l-ajru tal-Komunità għal rotot ta' l-ajru intra-Komunitarji, bir-riserva li tirrispetta l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

Kull trasportatur bl-ajru li jkollu l-intenzjoni li jaqdi l-OSP għandu jkun jista' jopera fuq ir-rotta kkonċernata, kien x'kien il-waqt meta jinnotifika l-intenzjoni tiegħu li jibda jagħti s-servizzi tiegħu, sew jekk din in-notifika sseħħ waqt jew wara l-perjodu ta' 30 jum stabbilit bid-Digrieti.

(b)

Fuq it-trasportaturi bl-ajru ma għandux jiġi impost perjodu tal-kontinwità tas-servizzi fil-qafas ta' l-OSP li jkun itwal minn sena.

(c)

L-awtoritajiet Taljani jeħtiġilhom jivvalutaw mill-ġdid il-ħtieġa li jżommu l-impożizzjoni ta' l-OSP fuq rotta, kif ukoll il-livell ta' l-obbligi imposti fuq kull trasportatur, hekk kif trasportatur ġdid jibda jopera, jew inkella jinnotifika l-intenzjoni tiegħu li jagħmel hekk, fuq din ir-rotta, u f'kull każ, darba fis-sena.

(d)

L-awtoritajiet Taljani ma għandhomx iżommu trasportaturi bl-ajru milli jagħtu s-servizzi tagħhom fuq ir-rotot ikkonċernati b'rekwiżiti lil hinn minn dawk minimi dwar il-frekwenza u l-kapaċitajiet ipprovduti bl-OSP.

(e)

It-trasportaturi bl-ajru ma għandhomx ikollhom l-obbligu joffru tariffi preferenzjali lill-persuni mwielda f'Sardenja imma li mhumiex residenti hemmhekk.

(f)

L-awtoritajiet Taljani ma jistgħux jagħmlu d-dritt li tagħti s-servizzi fuq rotta bejn żewġt ibliet kondizzjonali fuq l-obbligu li topera fuq rotta oħra bejn żewġt ibliet.

2.   Sa mhux aktar tard mill-1 ta' Awwissu 2007, ir-Repubblika Taljana għandha tinnotifika lill-Kummissjoni l-miżuri meħuda biex timplimenta din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

Magħmul fi Brussell, 23 ta’ April 2007.

Għall-Kummissjoni

Jacques BARROT

Viċi President tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 240, 24.08.1992, p. 8. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

(2)  ĠU C 72, 24.3.2006, p. 4.

(3)  ĠU C 93, 21.4.2006, p. 13.

(4)  ĠU C 95, 22.4.2006, p. 9 sa 27 u p. 30.

(5)  ĠU C 284, 7.10.2000, p. 16.

(6)  ĠU C 51, 16.02.2001, p. 12-22.

(7)  ĠU C 306, 10.12.2004, p. 6.

(8)  ĠU C 161, 1.7.2005, p. 10.

(9)  ĠU L 215, 5.8.2006, p. 31.

(10)  Ara t-tweġibiet tar-Repubblika Taljana tas-6 ta' Ottubru u l-15 ta' Novembru 2006, kif ukoll il-komunikat lill-istampa ta' l-ENAC tat-23 ta' Mejju 2006.

(11)  Ir-Regolament (KEE) Nru 2408/92 tat-23 ta' Lulju 1992, l-Artikolu 3(1).

(12)  Ir-Regolament (KEE) Nru 2408/92 tat-23 ta' Lulju 1992, l-Artikolu 4(1)(a).

(13)  Ir-Regolament (KEE) Nru 2408/92 tat-23 ta' Lulju 1992, l-Artikolu 4(1)(b).

(14)  Is-Sentenza tat-TAR tal-Lazio Nru 2436 tas-17 ta' Marzu 2005.

(15)  L-ittra tar-Repubblika Taljana tal-15 ta' Novembru 2006, p. 2.

(16)  L-ittra tar-Repubblika Taljana tal-15 ta' Novembru 2006, p. 11.

(17)  L-ittra tar-Repubblika Taljana tas-6 ta' Ottubru 2006, p. 72-74.

(18)  Il-punt 1.2 tal-Komunikazzjoni ta' l-24 ta' Marzu 2006.

(19)  L-ittra tar-Repubblika Taljana tas-6 ta' Ottubru 2006, p. 78.

(20)  L-ittra tar-Repubblika Taljana tal-15 ta' Novembru 2006, p. 3.


Top