This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 22005D0299
2005/299/EC: Decision No 3/2005 of the ACP-EC Council of Ministers of 8 March 2005 concerning the adoption of the Rules of Procedure of the ACP-EC Committee of Ambassadors
Deċiżjoni Nru 3/2005 tal-Kunsill tal-Ministri AKP-KE tat- 8 ta' Marzu 2005 dwar l-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat ta' l-Ambaxxaturi AKP-KE
Deċiżjoni Nru 3/2005 tal-Kunsill tal-Ministri AKP-KE tat- 8 ta' Marzu 2005 dwar l-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat ta' l-Ambaxxaturi AKP-KE
ĠU L 95, 14.4.2005, pp. 51–53
(ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 159M, 13.6.2006, pp. 362–364
(MT)
In force
|
13.6.2006 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
362 |
DEĊIŻJONI Nru 3/2005 TAL-KUNSILL TAL-MINISTRI AKP-KE
tat-8 ta' Marzu 2005
dwar l-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat ta' l-Ambaxxaturi AKP-KE
(2005/299/KE)
IL-KUNSILL TAL-MINISTRI AKP-KE,
Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE ffirmat f’Kotonù fit-23 ta’ Ġunju 2000, u b’mod partikolari, l-Artikolu 16(3) tiegħu,
Billi,
|
(1) |
Bid-Deċiżjoni Nru 2/2001 tat-30 ta' Jannar 2001, il-Kumitat ta’ l-Ambaxxaturi AKP-KE adotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu; |
|
(2) |
Billi ċerti emendi huma meħtieġa biex jittieħed kont ta' l-adeżjoni ta' l-Istati Membri l-ġodda ma' l-Unjoni Ewropea; |
|
(3) |
Billi fid-29 sessjoni tal-Kunsill tal-Ministri AKP-KE, li nżamm f'Gaborone, Botswana fis-6 ta' Mejju 2004, ittieħdet id-deċiżjoni biex jiġu emendati r-Regoli ta’ Proċedura għaldaqstant, |
IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Dati u postijiet tal-laqgħat
1. Kif previst fl-Artikolu 16(2) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE, minn issa 'l quddiem imsejjaħ “il-Ftehim AKP-KE”, il-Kumitat ta’ l-Ambaxxaturi AKP-KE, minn issa 'l quddiem imsejjaħ “il-Kumitat”, għandu jiltaqa' b’mod regolari, b’mod partikolari biex iħejji laqgħat tal-Kunsill tal-Ministri AKP-KE (minn issa 'l quddiem imsejjaħ “il-Kunsill”), u kull meta meħtieġ, fuq talba ta’ waħda mill-partijiet.
2. Il-Kumitat għandu jitlaqqa' mill-Presidenza tiegħu. Id-dati tal-laqgħat tiegħu għandhom ikunu stabbiliti bi qbil komuni bejn il-partijiet.
3. Il-Kumitat għandu jiltaqa’ fis-sede tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea jew fis-sede tas-Segretarjat tal-Grupp ta’ Stati AKP. Madankollu, jista’ jiltaqa’ f’belt ta’ Stat AKP jekk tittieħed deċiżjoni speċjali għal dan l-effett.
Artikolu 2
Il-Funzjonijiet tal-Kumitat
1. Skond l-Artikolu 16(2) tal-Ftehim AKP-KE, il-Kumitat għandu jassisti lill-Kunsill fit-twettiq tal-kompiti tiegħu u għandu jwettaq kwalunkwe mandat li l-Kunsill jista’ jafdahlu. F’dan il-kuntest, għandu jissorvelja l-implimentazzjoni tal-Ftehim AKP-KE u l-progress lejn l-ilħiq ta’ l-għanijiet imniżżla fih.
2. Il-Kumitat għandu jirraporta lill-Kunsill, b’mod partikolari dwar materji li fihom ġiet iddelegata l-kompetenza.
3. Għandu wkoll jissottometti lill-Kunsill kwalunkwe riżoluzzjoni, rakkomandazzjoni u opinjoni li jikkunsidra meħtieġa jew adegwata.
Artikolu 3
Aġenda tal-laqgħat
1. L-aġenda proviżorja għal kull laqgħa għandha titfassal mill-Presidenza. Din għandha tiġi kkomunikata lill-membri l-oħra tal-Kumitat mill-inqas tmint ijiem qabel id-data tal-laqgħa.
L-aġenda provviżorja għandha tinkludi dawk il-punti li l-Presidenza tkun irċieviet talba għall-inklużjoni tagħhom mill-inqas għaxart ijiem qabel id-data tal-laqgħa. L-uniċi punti li għandhom jiġu inklużi fl-aġenda proviżorja għandhom ikunu dawk li dwarhom tkun ġiet sottomessa dokumentazzjoni lis-Segretarjat tal-Kunsill fil-ħin biex tilħaq tintbagħat lill-membri tal-Kumitat mill-inqas tmint ijiem qabel id-data tal-laqgħa.
2. L-aġenda għandha tiġi adottata mill-Kumitat fil-bidu ta' kull laqgħa. F'każijiet urġenti l-Kumitat jista' jiddeċiedi, fuq it-talba ta' l-Istati AKP jew tal-Komunità, li jinkludi fuq l-aġenda punti li fir-rigward tagħhom ma jkunux ġew osservati l-limiti taż-żmien stabbiliti fil-paragrafu 1.
Artikolu 4
Proċedimenti
1. Il-Kumitat għandu jaġixxi bi qbil komuni bejn il-Komunità fuq in-naħa l-waħda u l-Istati AKP fuq l-oħra.
2. Il-proċedimenti tal-Kumitat għandhom ikunu validi biss jekk minn ta’ l-inqas nofs ir-rappreżentanti permanenti ta’ l-Istati Membri tal-Komunità, rappreżentant tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (minn issa 'l quddiem imsejħa “il-Kummissjoni”) u nofs il-membri tal-Kumitat ta’ l-Ambaxxaturi AKP ikunu preżenti.
3. Il-membri kollha tal-Kumitat li ma jkunux jistgħu jattendu jistgħu jkunu rappreżentati. F'dan il-każ dawn għandhom jinfurmaw lill-Presidenza u għandhom jindikaw il-persuna jew id-delegazzjoni awtorizzata biex tirrapreżentahom. Ir-rappreżentant għandu jeżerċita d-drittijiet kollha tal-membru li ma jistax jattendi.
4. Il-membri tal-Kumitat jistgħu jkunu akkumpanjati minn konsulenti.
5. Rappreżentant tal-Bank Ewropew ta’ l-Investiment, minn issa 'l quddiem imsejjaħ “il-Bank”, għandu jkun preżenti għal-laqgħat tal-Kumitat meta kwistjonijiet li jikkonċernaw il-Bank ikunu fl-aġenda.
Artikolu 5
Proċeduri bil-Miktub, Pubblikazzjonijiet Uffiċjali u Forma ta’ l-Atti
L-Artikoli 4, 9(3) u 14 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill AKP-KE għandhom japplikaw għall-atti adottati mill-Kumitat.
Artikolu 6
Stati li jattendu bi status ta' osservaturi
1. Ir-rappreżentanti ta' l-Istati firmatarji tal-Ftehim AKP-KE, li, fid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu, ikunu għadhom ma temmewx il-proċeduri msemmija fl-Artikolu 93(1) u (2) tiegħu, jistgħu jattendu l-laqgħat tal-Kumitat bħala osservaturi. Jistgħu f'dan il-każ jiġu awtorizzati li jieħdu sehem fid-dibattiti tal-Kumitat.
2. L-istess regola għandha tapplika għall-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 93(6) tal-Ftehim AKP-KE.
3. Il-Kumitat jista' jawtorizza rappreżentanti ta' pajjiż li qed japplika għas-sħubija fil-Ftehim AKP-KE biex jieħdu sehem fil-proċedimenti tal-Kumitat bħala osservaturi.
Artikolu 7
Kunfidenzjalità
1. Sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor, il-laqgħat tal-Kumitat m'għandhomx ikunu pubbliċi.
2. Mingħajr preġudizzju għal tali dispożizzjonijiet oħra applikabbli, id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għandhom ikunu koperti mill-obbligu ta’ segretezza professjonali, sakemm il-Kumitat ma jiddeċidix mod ieħor.
Artikolu 8
Komunikazzjonijiet u minuti tal-laqgħat
1. Il-komunikazzjonijiet kollha previsti f'dawn ir-Regoli ta' Proċedura għandhom jintbagħtu permezz tas-Segretarjat tal-Kunsill lir-rappreżentanti ta' l-Istati AKP, lis-Segretarjat tal-Grupp ta' Stati AKP, lir-Rappreżentanti Permanenti ta' l-Istati Membri, lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea u lill-Kummissjoni.
Tali komunikazzjonijiet għandhom jintbagħatu wkoll lill-President tal-Bank meta dawn jikkonċernaw il-Bank.
2. Għandhom jinżammu minuti ta' kull laqgħa, li jinnutaw b’mod partikolari d-deċiżjonijiet meħuda mill-Kumitat.
Wara l-approvazzjoni tagħhom mill-Kumitat, il-minuti għandhom jiġu ffirmati mill-President tal-Kumitat u mis-Segretarji tal-Kunsill u għandhom jinżammu fl-arkivji tal-Kunsill. Għandhom jintbagħtu kopji tal-minuti lid-destinatarji elenkati fil-paragrafu 1.
Artikolu 9
Il-Presidenza
L-Uffiċċju tal-President tal-Kumitat għandu jinżamm b’mod alternanti, għal perijodi ta’ sitt xhur, minn Rappreżentant Permanenti ta’ Stat Membru, magħżul mill-Komunità, u minn Kap ta’ Missjoni li jirrapreżenta Stat AKP magħżul mill-Istati AKP.
Artikolu 10
Korrispondenza u dokumentazzjoni
1. Korrispondenza maħsuba għall-Kumitat għandha tintbagħat lill-President tiegħu fis-sede tas-Segretarjat tal-Kunsill.
2. Sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor, il-Kumitat għandu jmexxi d-deliberazzjonijiet tiegħu abbażi ta' dokumenti mfassla bil-lingwi uffiċjali tal-partijiet.
Artikolu 11
Kumitati, Sottokumitati u Gruppi ta' Ħidma
1. Il-Kumitat għandu jkun assistit minn:
|
(i) |
il-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali stabbilit bl-Artikolu 37 tal-Protokoll Nru 1 għall-Anness V għall-Ftehim AKP-KE; |
|
(ii) |
il-grupp konġunt permanenti dwar il-banana previst fl-Artikolu 3 tal-Protokoll 5 għall-Anness V għall-Ftehim AKP-KE; |
|
(iii) |
is-Sottokumitat dwar il-Kooperazzjoni Kummerċjali; |
|
(iv) |
is-Sottokumitat dwar iz-zokkor; |
|
(v) |
il-grupp ta’ ħidma konġunt dwar ir-ross imsemmi fil-paragrafu 5 tad-Dikjarazzjoni XXIV ta’ l-Att Finali għall-Ftehim AKP-KE; |
|
(vi) |
il-grupp ta’ ħidma konġunt dwar ir-rum imsemmi fil-paragrafu 6 tad-Dikjarazzjoni XXV ta’ l-Att Finali għall-Ftehim AKP-KE. |
2. Il-Kumitat jista' jwaqqaf kumitati, sottokumitati jew gruppi ta' ħidma oħra xierqa biex iwettqu x-xogħol li hu jikkunsidra meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti mniżżla fl-Artikolu 16(2) tal-Ftehim AKP-KE.
3. Dawn il-kumitati, sottokumitati u gruppi ta' ħidma għandhom jissottomettu rapporti dwar ix-xogħol tagħhom lill-Kumitat.
Artikolu 12
Kompożizzjoni tal-Kumitati, Sottokumitati u Gruppi ta' Ħidma
1. Bl-eċċezzjoni tal-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali, il-kumitati, is-sottokumitati u l-gruppi ta’ ħidma msemmija fl-Artikolu 11 għandhom jinkludu ambaxxaturi AKP jew ir-rappreżentanti tagħhom, rappreżentanti tal-Kummissjoni u rappreżentanti ta’ l-Istati Membri.
2. Rappreżentant tal-Bank għandhu jattendi l-laqgħat tal-kumitati, is-sottokumitati u l-gruppi ta' ħidma meta l-aġenda tagħhom ikun fiha punti li jikkonċernaw il-Bank.
3. Il-membri ta' dawn il-kumitati, is-sottokumitati u l-gruppi ta' ħidma jistgħu jiġu assistiti fil-kompiti tagħhom minn esperti.
Artikolu 13
Presidenza tal-Kumitati, is-Sottokumitati u l-Gruppi ta' Ħidma
1. Il-kumitati, is-sottokumitati u l-gruppi ta’ ħidma msemmija fl-Artikolu 11 għandhom ikunu konġuntament presjeduti minn ambaxxatur AKP għall-Istati AKP u rappreżentant tal-Kummissjoni jew rappreżentant ta’ Stati Membru għall-Komunità.
2. Bla ħsara għall-paragrafu 1 il-Ko-presidenti jistgħu, f’każijiet eċċezzjonali u bi qbil komuni, jkunu rappreżentati minn kwalunkwe persuna li huma jagħżlu.
Artikolu 14
Proċeduri għal-laqgħat tal-Kumitati, is-Sottokumitati u l-Gruppi ta' Ħidma
Il-kumitati, is-sottokumitati u l-gruppi ta’ ħidma msemmija fl-Artikolu 11 għandhom jiltaqgħu fuq talba ta’ waħda miż-żewġ partijiet wara konsultazzjoni bejn il-Presidenti tagħhom u għandha tingħata notifika ta’ sebat ijiem għal tali laqgħat, ħlief f’każijiet urġenti.
Artikolu 15
Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitati, is-Sottokumitati u l-Gruppi ta' Ħidma
Il-kumitati, is-sottokumitati u l-gruppi ta' ħidma msemmija fl-Artikolu 11 jistgħu jistabbilixxu r-Regoli ta’ Proċedura tagħhom bil-qbil tal-Kumitat.
Artikolu 16
Segretarjat
1. Ix-xogħol tas-Segretarjat u xogħol ieħor meħtieġ għall-funzjonament tal-Kumitat u tal-kumitati, is-sottokumitati u l-gruppi ta’ ħidma msemmija fl-Artikolu 11 (l-abbozzar ta’ l-aġendi u d-distribuzzjoni tad-dokumenti rilevanti) għandu jitwettaq mis-Segretarjat tal-Kunsill.
2. Mill-iktar fis possibbli wara kull laqgħa, is-Segretarjat għandu jabbozza l-minuti tal-laqgħat ta’ dawn il-kumitati, is-sottokumitati u l-gruppi ta’ ħidma.
Il-minuti għandhom jintbagħtu mis-Segretarjat tal-Kunsill lir-rappreżentanti ta' l-Istati AKP, lis-Segretarjat tal-Grupp ta' Stati AKP, lir-Rappreżentanti Permanenti ta' l-Istati Membri, lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea u lill-Kummissjoni.
Artikolu 17
Id-Deċiżjoni preżenti tħassar u tissostitwixxi d-Deċiżjoni Nru 2/2001 tat-30 ta' Jannar 2001 tal-Kumitat ta’ l-Ambaxxaturi AKP-KE dwar l-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu.
Magħmula fi Brussel, nhar it-8 ta' Marzu 2005.
Għall-Kunsill tal-Ministri AKP-KE
Il-President
J. ASSELBORN