EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004E0570

l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2004/570/PESK tat- 12 ta' Lulju 2004 dwar l-operazzjoni militari ta' l-Unjoni Ewropea fil-Bożnja u Ħerzegovina

ĠU L 252, 28.7.2004, p. 10–14 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 142M, 30.5.2006, p. 162–166 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 08/11/2007

ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2004/570/oj

30.5.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

162


L-AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2004/570/PESK

tat-12 ta' Lulju 2004

dwar l-operazzjoni militari ta' l-Unjoni Ewropea fil-Bożnja u Ħerzegovina

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari, l-Artikolu 14, l-Artikolu 25, it-tielet paragrafu, l-Artikolu 26 u l-Artikolu 28(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Kunsill Ewropew ħabbar li l-Unjoni Ewropea lesta għall-missjoni PESD fil-Bożnja u Ħerzegovina (BiH), inkluż komponent militari.

(2)

Il-Ftehim ta' Qafas Ġenerali għall-Paċi (GFAP) fil-(BiH) jipprevedi, inter alia, arranġamenti għall-istabbiliment ta' forza ta' implimentazzjoni militari multinazzjonali.

(3)

Il-Kunsill fit-12 ta' Lulju 2004 adotta l-Azzjoni Konġunta 2004/569/PESK (1) dwar il-mandat tar-Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea fil-Bożnja u Ħerzegovina. Ir-Rappreżentant Speċjali ta' l-UE (EUSR) fil-BiH għandu jippromwovi koordinazzjoni politika ġenerali fil-BiH.

(4)

Il-Kunsill fil-11 ta' Marzu 2002 adotta l-Azzjoni Konġunta 2002/210/PESK (2) dwar il-Missjoni tal-Pulizija ta' l-Unjoni Ewropea (EUPM), sabiex tibni u ssaħħaħ il-kapaċita ta' pulizija lokali, partikolarment fil-livell ta' l-Istat u fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata.

(5)

Fis-26 ta' April 2004 il-Kunsill approva l-kunċett ġenerali għall-missjoni PESD fil-(BiH), inkluż komponent militari.

(6)

Fis-17-18 ta' Ġunju 2004 il-Kunsill Ewropew adotta politika komprensiva għall-(BiH).

(7)

Il-Laqgħa Għolja tan-NATO ta' Kapijiet ta' Stat jew Gvern f'Istanbul fit-28-29 ta' Ġunju 2004 ddeċidiet tikkonkludi l-operazzjoni tas-SFOR tan-NATO fil-Bożnja u Ħerzegovina sa l-aħħar tal-2004.

(8)

Ir-Resoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1551 (2004)], adottata fid-9 ta' Lulju 2004 laqgħet l-intenzjoni ta' l-Unjoni Ewropea li tniedi missjoni ta' l-EU għall-Bożnja u Ħerzegovina li tinkludi komponent militari, minn Diċembru 2004, skond it-termini stabbiliti fl-ittra tad-29 ta' Ġunju 2004 mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Irlanda u President tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea lill-Presidenza tal-Kunsill ta' Sigurtà. Il-Kunsill ta' Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti ddeċieda wkoll li l-ftehim dwar l-Istatus ta' Forzi li attwalment jinsabu fl-Appendiċi B għall-Anness 1-A tal-Ftehim għall-Paċi għandhom japplikaw proviżorjament fir-rigward tal-Missjoni ta' l-UE proposta u l-forzi tagħha, inkluż mill-punt massimu tagħhom fil-Bożnja u Ħerzegovina, f'antiċipazzjoni tal-parteċipazzjoni tal-partijiet f' dawk il-ftehim f'dan ir-rigward.

(9)

Il-Kunsill qabel li l-operazzjoni militari ta' l-UE għandha tipprovdi deterrent, konformità kontinwa mar-responsabbiltà li jiġi eżegwit ir-rwol speċifikat fl-Annessi 1.A u 2 tal-GFAP fil-BiH u tikkontribwixxi għall-ambjent sikur, skond il-mandat tagħha, meħtieġ biex jintlaħqu kompiti prinċipali fil-Pjan għall-Implimentazzjoni tal-Missjoni ta' l-Uffiċċju tar-Rappreżentant Għoli u l-Proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (SAP).

(10)

L-operazzjoni għandha ssaħħaħ l-approċċ komprensiv ta' l-UE lejn il-BiH, u tagħti sostenn lill-progress tal-BiH lejn integrazzjoni fl-UE bl-isforzi tagħha, bl-għan li jiġi ffirmat il-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bħala objettiv fuq żmien medju.

(11)

L-operazzjoni militari ta' l-UE għandu jkollha awtorità sħiħa, eżerċitata permezz tal-kmandant tal-forza tagħha, sabiex tilħaq ir-rwol speċifikat fl-Annessi 1A u 2 tal-GFAP fil-BiH biex timmonitorja l-implimentazzjoni ta' aspetti militari tal-GFAP, u sabiex tistima u tindirizza n-nuqqas ta' konformità mill-Partijiet.

(12)

Minbarra l-kuntatti diġa' stabbiliti fir-rigward ta' l-attivitajiet ta' l-UE fil-BiH, l-Unjoni Ewropea għandu jibqa' jkollha konsultazzjonijiet mill-qrib ma' l-awtoritajiet tal-BiH, b'mod partikolari mal-Ministru tad-Difiża, fir-rigward tat-tmexxija ta' l-operazzjoni militari ta' l-UE.

(13)

Konsultazzjonijiet man-NATO għandhom jipproċedu skond id-dispożizzjonijiet rilevanti stabbiliti fl-Iskambju ta' Ittri tas-17 ta' Marzu 2003 bejn is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli (SĠ/RGħ) u n-NATO. Fi Skambju ta' Ittri sussegwenti fit-30 ta' Ġunju u fit-8 ta' Lulju 2004 rispettivament, il-Kunsill tan-Nord Atlantiku qabel li jagħmel lil DSACEUR disponibbli bħala Kmandant ta' l-Operazzjoni ta' l-UE u qabel li l-Kwartieri Ġenerali ta' l-Operazzjoni ta' l-UE għandhom jkunu pożizzjonati f'SHAPE.

(14)

Il-Kumitat tas-Sigurtà u Politika (PSC) għandu jeżerċita kontroll politiku ta' u jipprovdi direzzjoni strateġika għall-operazzjoni militari ta' l-UE fil-BiH u jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti skond l-Artikolu 25, it-tielet paragrafu tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(15)

Skond il-linji gwida tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f'Nizza mis-7 sad-9 ta' Diċembru 2000, din l-Azzjoni Konġunta għandha tiddetermina r-rwol tas-SĠ/RGħ skond l-Artikoli 18 u 26 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea fl-implimentazzjoni ta' miżuri li jaqgħu taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika eżerċitata mill-PSC, skond l-Artikolu 25 tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea.

(16)

Pajjiżi Terzi għandhom jipparteċipaw fl-operazzjoni militari ta' l-UE skond il-linji gwida stabbiliti mill-Kunsill Ewropew.

(17)

Skond l-Artikolu 28 (3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, in-nefqa ta' l-operazzjoni li tirriżulta minn din l-Azzjoni Konġunta b'implikazzjonijiet militari u ta' difiża għandha titħallas mill-Istati Membri skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/197/PESK tat-23 ta' Frar 2004 li tistabbilixxi mekkaniżmu biex jiġi amministrat il-finanzjament ta' l-ispejjeż komuni ta' operazzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea b'implikazzjonijiet militari u ta' difiża (3) (hawnhekk iżjed 'il quddiem imsejħa “ATHENA”).

(18)

L-Artikolu 14 (1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jsejjaħ għal indikazzjoni, f'azzjonijiet konġunti, tal-mezzi li għandhom isiru disponibbli għall-Unjoni. L-ammont finanzjarju ta' referenza għall-ispejjeż komuni ta' l-operazzjoni militari ta' l-UE jikkostitwixxi l-aħjar stima attwali u hu mingħajr preġudizzju għal figuri finali li għandhom jiġu inklużi f'budget li għandu jiġi approvat skond il-prinċipji stabbiliti fl-ATHENA.

(19)

Skond l-Artikolu 6 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma' tieħux sehem fl-elaborazzjoni u l-implimentazzjoni ta' deċiżjonijiet u azzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea li għandhom implikazzjonijiet ta' difiża. Id-Danimarka ma tipparteċipax fl-implimentazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta u għalhekk ma tipparteċipax fil-finanzjament ta' l-operazzjoni,

ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

Artikolu 1

Missjoni

1.   Suġġett għal deċiżjoni oħra tal-Kunsill għat-tnedija ta' l-operazzjoni, ladarba d-deċiżjonijiet rilevanti kollha jittieħdu, l-Unjoni Ewropea għandha tmexxi operazzjoni militari fil-Bożnja u Ħerzegovina (BiH) bl-isem ta' “ALTHEA” sabiex tipprovdi deterrent, konformità kontinwa mar-responsabbiltà li jintlaħaq ir-rwol speċifikat fl-Annessi 1-A u 2 tal-Ftehim ta' Qafas Ġenerali għall-Paċi (GFAP) fil-BiH u biex tikkontribwixxi għal ambjent sikur fil-BiH, skond il-mandat tagħha, meħtieġ biex jintlaħqu kompiti prinċipali fil-Pjan ta' Implimentazzjoni tal-missjoni ta' l-OHR u s-SAP. Din l-operazzjoni għandha tkun parti mill-missjoni ġenerali tal-PESD fil-BiH.

2.   Il-forzi skjerati għal dan il-għan għandhom joperaw skond il-kunċett ġenerali approvat mill-Kunsill.

3.   L-operazzjoni militari ta' l-UE għandha tiġi eżegwita b'rikors għall-assi u kapaċitajiet komuni tan-NATO, skond kif miftiehem man-NATO.

Artikolu 2

Ħatra ta' Kmandant ta' l-Operazzjoni ta' l-UE

L-Ammirall Rainer FEIST, id-Deputat Kmandant Suprem ta' l-Allejati għall-Ewropa (D-SACEUR), qiegħed hawn jiġi maħtur Kmandant ta' l-Operazzjoni ta' l-UE.

Artikolu 3

L-Għażla tal-Kwartieri Ġenerali ta' l-Operazzjoni ta' l-UE

Il-Kwartieri Ġenerali ta' l-Operazzjoni ta' l-UE għandhom ikunu fil-Kwartieri Ġenerali Supremi tal-Forzi Allejati fl-Ewropa (SHAPE).

Artikolu 4

L-Għażla tal-Kmandant tal-Forza ta' l-UE

Il-Maġġur Ġeneral A. David LEAKEY qiegħed hawn jiġi maħtur Kmandant tal-Forza ta' l-UE.

Artikolu 5

Ippjanar u tnedija ta' l-Operazzjoni

Il-Kunsill għandhu jiddeċiedi dwar it-tnedija ta' l-operazzjoni militari ta' l-UE wara l-approvazzjoni tal-Pjan ta' l-Operazzjoni u r-Regoli ta' l-Ingaġġ u kwalunkwe deċiżjoni oħra meħtieġa.

Artikolu 6

Kontroll politiku u direzzjoni strateġika

1.   Taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill, il-PSC għandha teżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika ta' l-operazzjoni militari ta' l-UE. Il-Kunsill qiegħed hawn jawtorizza lill-PSC sabiex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti skond l-Artikolu 25 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Din l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi s-setgħat biex temenda d-dokumenti ta' l-ippjanar, inkluż il-Pjan ta' Operazzjoni, il-Linja ta' Kmand u r-Regoli ta' l-Ingaġġ. Din l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi wkoll is-setgħat li tieħu deċiżjonijiet ulterjuri dwar il-ħatra ta' Kmandant ta' l-Operazzjoni ta' l-UE u/jew Kmandant tal-Forza ta' l-UE. Il-setgħat ta' deċiżjoni li għandhom x'jaqsmu ma' l-objettivi u t-tmiem ta' l-operazzjoni militari ta' l-UE għandhom jibqgħu għand il-Kunsill, assistit mis-SĠ/RGħ.

2.   Il-PSC għandu jirrapporta lill-Kunsill f'intervalli regolari.

3.   Il-PSC għandu jirċievi rapporti mill-President tal-Kumitat Militari ta' l-Unjoni Ewropea (CEUMC) dwar it-tmexxija ta' l-operazzjoni militari ta' l-Unjoni Ewropea f'intervalli regolari. Il-PSC jista' jistieden lill-Kmandant ta' l-Operazzjoni ta' l-UE u/jew il-Kmandant tal-Forzi ta' l-UE għall-laqgħat tiegħu, kif xieraq.

Artikolu 7

Koerenza tar-rispons ta' l-UE

1.   L-operazzjoni għandha tkun parti minn preżenza ta' l-UE koordinata tajjeb fil-BiH. Il-Kunsill għandu jiżgura l-koerenza u effettività massima għall-isforz ta' l-UE fil-BiH. Mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Komunità, l-EUSR għandu jippromwovi l-kordinazzjoni ġenerali tal-politika ta' l-UE fil-BiH. L-EUSR għandu jippresedi grupp ta' koordinazzjoni kompost mill-atturi kollha ta' l-UE preżenti f' dan il-qasam, inkluż il-Kmandant tal-Forza ta' UE, bil-għan li jikkoordinaw l-aspetti ta' l-implimentazzjoni ta' l-azzjoni ta' l-UE.

2.   Il-Kmandant tal-Forza ta' l-UE għandu, mingħajr preġudizzju għall-linja tal-kmand, jieħu kont ta' parir politiku lokali ta' l-EUSR, b'mod speċjali fir-rigward ta' kwistjonijiet li fihom l-EUSR għandu rwol partikolari jew mistqarr, u għandu, matul il-mandat tiegħu, jagħmel ħiltu biex jieħu kont ta' kwalunkwe talba ta' l-EUSR.

3.   Il-Kmandant tal-Forza ta' l-EU għandu jikkomunika kif xieraq ma' l-EUPM.

Artikolu 8

Direzzjoni militari

1.   Il-Kumitat Militari ta' l-UE (EUMC) għandu jimmonitorja l-eżekuzzjoni tajba ta' l-operazzjoni militari ta' l-EU mmexxija taħt ir-responsabbiltà tal-Kmandant ta' l-Operazzjoni ta' l-UE.

2.   L-EUMC għandu jirċievi rapporti mill-Kmandant ta' l-Operazzjoni ta' l-UE f'intervalli regolari. Jista' jistieden lill-Kmandant ta' l-Operazzjoni ta' l-UE u/jew lill-Kmandant tal-Forzi ta' l-UE għall-laqgħat tiegħu kif meħtieġ.

3.   Is-CEUMC għandu jaġixxi bħala l-punt primarju ta' kuntatt mal-Kmandant ta' l-Operazzjoni ta' l-UE.

Artikolu 9

Relazzjonijiet mal-BiH

Is-SĠ/RGħ u l-EUSR fil-BiH, fil-mandati rispettivi tagħhom, għandhom jaġixxu bħala l-punti primarji ta' kuntatt ma' l-awtoritajiet tal-BiH għal kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' l-implimentazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta. Il-Presidenza għandha tiġi infurmata regolarment u fil-pront dwar dawn il-kuntatti. Il-Kmandant tal-Forzi ta' l-UE għandu jżomm kuntatt ma' l-awtoritajiet lokali, f'koordinazzjoni mill-qrib ma' l-EUSR, dwar kwistjonijiet rilevanti għall-missjoni tiegħu.

Artikolu 10

Koordinazzjoni u kuntatt

Mingħajr preġudizzju għall-linja ta' kmand, il-Kmandanti ta' l-UE għandhom jikkordinaw mill-qrib ma' l-EUSR fil-BiH bil-ħsieb li tkun żgurata l-konsistenza ta' l-operazzjoni militari ta' l-UE fil-kuntest usa ta' l-attivitjiet ta' l-UE fil-BiH. F'dak il-qafas, il-Kmandanti ta' l-UE għandhom iżommu kuntatt ma' atturi internazzjonali fil-qasam kif xieraq.

Artikolu 11

Parteċipazzjoni ta' Stati terzi

1.   Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid ta' deċiżjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea u tal-Qafas Istituzzjonali Wieħed, u skond il-linji gwida rilevanti tal-Kunsill Ewropew:

il-membri Ewropej tan-NATO li m' humiex membri ta' l-UE u l-Kanada għandhom jipparteċipaw fl-operazzjoni ta' l-EU jekk jixtiequ,

pajjiżi li huma kandidati għall-adeżjoni ma' l-Unjoni Ewropea jistgħu jiġu mistiedna jipparteċipaw fl-operazzjoni militari ta' l-UE skond il-modalitajiet miftehma,

sħab potenzjali u stati terzi oħra jistgħu jkunu wkoll mistiedna biex jipparteċipaw fl-operazzjoni.

2.   Il-Kunsill b'dan jawtoriżża lill-PSC sabiex jieħu, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kmandant ta' l-Operazzjoni ta' l-UE u l-EUMC, id-deċiżjonijiet rilevanti dwar l-aċċettazzjoni tal-kontribuzzjonijiet proposti.

3.   Arranġamenti dettaljati dwar il-parteċipazzjoni ta' stati terzi għandhom ikunu s-suġġett ta' ftehim, skond l-Artikolu 24 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Is-SĠ/RGħ, waqt li jassisti lill-Presidenza, jista' jinnegozja dan it-tip ta' arranġamenti għan-nom tagħha. Fejn l-UE u stat terz ikkonkludew ftehim li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta' dan l-istat terz f'operazzjonijiet ta' immaniġjar ta' kriżijiet ta' l-UE, id-dispożizzjonijiet ta' tali ftehim għandhom japplikaw fil-kuntest ta' din l-operazzjoni.

4.   Stati terzi li jagħmlu kontribuzzjonijiet militari sinifikanti għall-operazzjoni militari ta' l-UE għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi f'dak li għandu x'jaqsam mat-tmexxija ta' kuljum ta' l-operazzjoni bħall-Istati Membri ta' l-UE li qed jieħdu sehem fl-operazzjoni.

5.   Il-Kunsill qiegħed hawn jawtorizza lill-PSC biex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti għall-istabbiliment ta' Kumitat ta' Kontributuri, fil-każ li stati terzi jipprovdu kontribuzzjonijiet militari sinifikanti.

Artikolu 12

Arranġamenti finanzjarji

1.   L-ispejjeż komuni ta' l-operazzjoni militari ta' l-UE għandhom jiġu amministrati mill-ATHENA.

2.   Għall-finijiet ta' din l-operazzjoni militari ta' l-UE:

il-kwartieri tas-suldati u l-alloġġ tal-forzi in ġenerali m' għandhomx ikunu eliġibbli għall-pagament bħala spejjeż komuni,

spejjeż relatati ma' trasport għall-forzi in ġenerali m' għandhomx ikunu eliġibbli għall-pagament bħala spejjeż komuni.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-iffinanzjar ta' kwalunkwe operazzjoni futura u in vista tar-rekwiżiti speċifiċi ta' l-istabbiliment ta' din l-operazzjoni, il-Kunsill jista', in vista tal-proċess tal-Ġenerazzjoni tal-Forzi, jikkunsidra l-kwestjoni ta' l-iffinanzjar tat-Taskforce Multinazzjonali tan-Nord.

4.   L-ammont finanzjarju ta' referenza għall-ispejjeż komuni ta' l-operazzjoni militari ta' l-UE għandhom ikunu EUR 71 700 000.

5.   Proċeduri ta' akkwist għall-operazzjoni militari ta' l-UE għandhom ikunu miftuħa għal offerenti mill-Istati Membri li jikkontribwixxu għall-finanzjament ta' l-operazzjoni.

Artikolu 13

Relazzjonijiet man-NATO

1.   Relazzjonijiet man-NATO għandhom jipproċedu skond id-disposizzjonijiet rilevanti stabbiliti fl-Iskambju ta' Ittri tas-17 ta' Marzu 2003 bejn is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli u s-Segretarju Ġenerali tan-NATO.

2.   Il-linja tal-kmand kollha tal-Forza ta' l-UE għandha tibqa' taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika ta' l-UE tul l-operazzjoni militari ta' l-UE, wara konsultazzjoni bejn l-UE u n-NATO. F'dan il-qafas, il-Kmandant tal-Operazzjoni ta' l-UE għandu jirrapporta dwar it-tmexxija ta' l-operazzjoni lill-korpi ta' l-UE biss. In-NATO għandha tiġi nfurmata bl-iżviluppi fis-sitwazzjoni mill-korpi xierqa, b'mod partikolari l-PSC u s-CEUMC.

Artikolu 14

Il-Ħruġ ta' informazzjoni lin-NATO u Stati terzi

1.   Is-SĠ/RGħ qiegħed hawn jiġi awtorizzat joħroġ informazzjoni klassifikata ta' l-UE u dokumenti ġenerati għall-għanijiet ta' l-operazzjoni militari ta' l-UE lin-NATO u lill-partijiet terzi assoċjati ma' din l-Azzjoni Konġunta, skond ir-Regolamenti tal-Kunsill tas-Sigurtà.

2.   L-SĠ/RGħ qiegħed hawn jiġi awtorizzat biex joħroġ lill-partijiet terzi assoċjati ma' din l-Azzjoni Konġunta, dokumenti ta' l-UE mhux klassifikati li għandhom x'jaqsmu mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill fir-rigward ta' l-operazzjoni, koperta bl-obbligu tas-sigriet professjonali skond l-Artikolu 6, paragrafu 1 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill.

Artikolu 15

Azzjoni komunitarja

Il-Kunsill jinnota l-intenzjoni tal-Kummissjoni biex tmexxi, fejn xieraq, l-azzjoni tagħha biex jintlaħqu l-għanijiet ta' din l-Azzjoni Konġunta.

Artikolu 16

Proċess ta' Reviżjoni

1.   Bħala parti mill-proċess ta' reviżjoni tal-missjoni ta' l-UE, għandha ssir reviżjoni kull sitt xhur:

sabiex tippermetti lil PSC jiddetermina, waqt li jieħu kont tas-sitwazzjoni ta' sigurta u tal-parir mill-HR/EUSR u mill-kmandant tal-Forza ta' l-UE permezz tal-Linja ta' Kmand, u wara parir militari ta' l-EUMC, kwalukwe bidla li għandha ssir fid-daqs, mandat u kompiti ta' l-operazzjoni militari ta' l-UE, u meta għandha tiġi mitmuma;

biex jippermetti lill-PSC jiddetermina, waqt li jieħu kont tas-sitwazzjoni tas-sigurtà u pariri mill-HR/EUSR, il-Kmandant tal-Forza ta' l-UE, u l-Kap tal-Missjoni EUPM, u wara l-pariri ta' l-EUMC u s-CIVCOM, jekk il-kapaċita ta' stil ta' l-Unita Integrata tal-Pulizija kollha jew parti għandiex tkun pożizzjonata mill-ġdid fi ħdan id-dominju ta' l-EUSR, għal obbligi li ta' appoġġ għall-Istat tad-Dritt, inkluż is-sostenn ta' Aġenzija ta' Informazzjoni u Protezzjoni ta' l-Istat (SIPA). F'dan il-każ il-kompożizzjoni tal-missjonijiet tal-pulizija u militari għandhom jiġu riveduti.

2.   Il-Kunsill għandu, mhux iktar tard mill-31 ta' Diċembru 2005, jevalwa l-kontinwazzjoni ta' l-operazzjoni.

Artikolu 17

Dħul fis-seħħ u tmiem

1.   Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fid-data ta' l-adozzjoni tagħha.

2.   L-operazzjoni militari ta' l-UE għandha tintemm fid-data li tiġi deċiża mill-Kunsill.

3.   Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi mħassra wara l-iskjerament tal-forzi kollha ta' l-UE, skond l-ippjanar ta' tmien ta' l-operazzjoni militari ta' l-UE approvat.

Artikolu 18

Pubblikazzjoni

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, nhar it-12 ta' Lulju 2004.

Għall-Kunsill

Il-President

B. BOT


(1)  Ara paġna 7 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  ĠU L 70, tat-13.3.2002, p. 1.

(3)  ĠU L 63, tat-28.2.2004, p. 68.


Top