Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004D0664

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill ta' l- 24 ta' Settembru 2004 li tadatta d-Deċiżjoni 2004/246/KE minħabba l-Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ta' l-Estonja, ta' Ċipru, tal-Latvja, tal-Litwanja, ta' l-Ungerija, ta' Malta, tal-Polonja, tas-Slovenja u tas-Slovakkja

    ĠU L 303, 30.9.2004, p. 28–29 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 142M, 30.5.2006, p. 346–347 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2004/664/oj

    30.5.2006   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    346


    ID-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    ta' l-24 ta' Settembru 2004

    li tadatta d-Deċiżjoni 2004/246/KE minħabba l-Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ta' l-Estonja, ta' Ċipru, tal-Latvja, tal-Litwanja, ta' l-Ungerija, ta' Malta, tal-Polonja, tas-Slovenja u tas-Slovakkja

    (2004/664/EK)

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidra t-Trattat ta' l-Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja (“Trattat ta' l-Adeżjoni ta' l-2003”),

    Wara li kkunsidra l-Att ta' l-Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja (“Trattat ta' l-Adeżjoni ta' l-2003”), u b'mod partikolari l-Artikolu 57(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Billi:

    (1)

    Għal ċerti atti li jibqgħu validi wara l-1 ta' Mejju 2004 u li jeħtieġu li jkunu adattati minħabba l-adeżjoni, ma sarx provvediment għal dawn l-adattamenti neċessarji fl-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003, jew kienu previsti, iżda aktar adattamenti huma meħtieġa.

    (2)

    Skond l-Artikolu 57(2) ta' l-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003, dawn l-adattamenti għandhom jiġu adottati mill-Kunsill fil-każijiet kollha fejn il-Kunsill adotta l-att oriġinali waħdu jew flimkien mal-Parlament Ewropew.

    (3)

    Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/246/KE, (1) l-Istati Membri huma awtorizzati li, fl-interessi tal-Komunità Ewropea, jiffirmaw, jirratifikaw jew jaderixxu mall-Protokoll ta' l-2003 għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Istabbiliment ta' Fond Internazzjonali għal Kumpens għad–Danni minn Tniġġiż miż-Żejt, 1992, u, fl-istess waqt, l-Awstrija u l-Lussemburgu huma awtorizzati, fl-interessi tal-Komunità Ewropea, li jaderixxu ma' l-istrumenti sottostanti.

    (4)

    Skond l-Artikolu 53 ta' l-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003, id-Deċiżjoni 2004/246/KE tapplika għall-Istati Membri ġodda mill-mument ta' l-adeżjoni. Madankollu, fil-każ ta' l-Istati Membri l-ġodda li mhumiex Partijiet Kontraenti ta' l-istrumenti sottostanti, jiġifieri r-Repubblika Ċeka, l-Estonja, l-Ungerija, u s-Slovakkja, tinħtieġ awtorizzazzjoni speċifika mill-Kunsill li tippermetti lil dawn l-Istati li jaderixxu ma' l-istrumenti sottostanti u mal-Protokoll ta' l-2003 u li tistedinhom jaqblu li jintrabtu b'dawn l-istrumenti sottostanti u bil-Protokoll qabel l-aħħar ta' Diċembru 2005.

    (5)

    Ir-Renju Unit u l-Irlanda huma marbuta bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta' Diċembru 2000 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali (2) u għalhekk qegħdin jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

    (6)

    Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-posizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u għalhekk mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

    (7)

    Id-Deċiżjoni 2004/246/KE għandha għalhekk tiġi emendata kif xieraq,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni 2004/246/KE hija b'dan emendata kif ġej:

    1)

    L-Artikolu 1(2) għandu jiġi sostitwit b'li ġej:

    “2.   Barra minn hekk, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, l-Awstrija u s-Slovakkja huma b'dan awtorizzati jaderixxu ma' l-istrumenti sottostanti”;

    2)

    L-Artikolu 2 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 1 għandu jiġi sostitwit b'li ġej:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jaqblu li jintrabtu bil-Protokoll dwar il-Fond Supplimentari, skond l-Artikolu 19(2) tiegħu, f'limitu ta' żmien raġonevoli u, jekk possibbli, qabel it-30 ta' Ġunju 2004, bl-eċċezzjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, l-Awstrija u s-Slovakkja, li diġà qablu li jintrabtu bil-Protokoll bla ħsara għall-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.”;

    (b)

    Il-paragrafu 3 għandu jiġi sostitwit b'li ġej:

    “3.   Ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, l-Awstrija u s-Slovakkja għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jaqblu li jintrabtu bl-istrumenti sottostanti u bil-Protokoll dwar il-Fond Supplimentari, jekk possibbli qabel il-31 ta' Diċembru 2005”.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija ndirizzata lill-Istati Membri skond it-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ewropea.

    Hi għandha tapplika mill-1 ta' Mejju 2004.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija ndirizzata lill-Istati Membri skond it-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ewropea.

    Magħmula fi Brussell, nhar l-24 ta' Settembru 2004.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    L. J. BRINKHORST


    (1)  ĠU L 78, tas-16.3.2004, p. 22.

    (2)  ĠU L 12, tas-16.1.2001, p.1.


    Top